Language of document : ECLI:EU:C:2014:287

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-30 ta’ April 2014 (1)

Kawża C‑138/13

Naime Dogan

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il‑Ġermanja)]

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Protokoll Addizzjonali — Artikolu 41(1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li temenda l-kundizzjonijiet tad-dħul fit-territorju nazzjonali għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-konjuġi ta’ ċittadin Tork li jkun eżerċita l-libertà ta’ stabbiliment — Direttiva 2003/86/KE — Artikolu 7(2) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li titlob prova ta’ konoxxenzi lingwistiċi bażiċi għal konjuġi li jixtieq jidħol fit-territorju għar-riunifikazzjoni tal-familja”





1.        Permezz tad-domanda preliminari preżenti, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (2) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu matul il-fażi tranżitorja tal-assoċjazzjoni maħluqa permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija, iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (3) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), kif ukoll l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (4). Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn N. Dogan u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar iċ-ċaħda mill-awtoritajiet Ġermaniżi tat-talba tagħha għall-ħruġ ta’ viża għar-riunifikazzjoni tal-familja.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali

2.        Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, billi jieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ in-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp mgħaġġel tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork. Skont l-Artikolu 13 ta’ dan il-ftehim, “[i]l-partijiet kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-Artikoli [43 KE] sa [46 KE] inklużi u [48 KE] sabiex jeliminaw bejniethom ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3.        Skont l-Artikolu 62 tiegħu, il-Protokoll Addizzjonali jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-Artikolu 41(1) ta’ dan il-protokoll jipprovdi li “[l]-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi”.

2.      Id-Direttiva 2003/86

4.        Skont l-ewwel artikolu tagħha, l-għan tad-Diretiva 2003/86 huwa li “jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri”. Skont l-Artikolu 4(1) tagħha, l-Istati Membri jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, kif ukoll fl-Artikolu 16 tagħha, tal-membri tal-familja nukleari, fosthom il-konjuġi tal-isponsor.

5.        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, li ddaħħal fil-Kapitolu IV u huwa intitolat “Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja”, huwa fformulat kif ġej:

“1. Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:

(a)      akkomodazzjoni […];

(b)      assigurazzjoni kontra l-mard […];

(ċ)      riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha […].

2. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.

Fir-rigward tar-refuġjati u/jew membri tal-familja ta’ refuġjati li jirreferi għalihom l-Artikolu 12 il-miżuri ta’ integrazzjoni li jirreferi għalihom l-ewwel subparagrafu jistgħu biss ikunu applikati meta l-persuni kkonċernati jkunu ngħataw ir-riunifikazzjoni tal-familja”.

6.        Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri “għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu”.

B –    Id-dritt Ġermaniż

7.        Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-ħruġ tal-viża mitluba minn N. Dogan huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar ir-residenza tal-barranin”), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-komunikazzjoni tal-25 ta’ Frar 2008 (5), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 2 tal-liġi tal-21 ta’ Jannar 2013 (6). Taħt it-titolu “Għan tal-liġi; kamp ta’ applikazzjoni”, il-punt 1 tal-Artikolu 1(2) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Din il-liġi ma tapplikax għal barranin:

1)      li l-istatus tagħhom huwa rregolat mil-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni [Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern], ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni legali kuntrarja, [...]”

8.        L-Artikolu 2(8) jipprovdi:

“Konoxxenza bażika tal-lingwa Ġermaniża tikkorrispondi għal-livell A 1 tal-[...] qafas komuni Ewropew ta’ referenza għal-lingwi (rakkomandazzjonijiet tal-kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa Nru R (98) 6, tas-17 ta’ Marzu 1998, dwar il-qafas komuni ta’ referenza għal-lingwi).”

9.        L-Artikolu 4, intitolat “Rekwiżit ta’ permess ta’ residenza”, jistabbilixxi fil-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tiegħu li, “[b]iex jidħlu u jirrisjedu fit-territorju tar-Repubblika federali, il-barranin għandu jkollhom permess ta’ residenza […] ħlief jekk ikun jeżisti dritt ta’ residenza abbażi tal-Ftehim tat-12 ta’ Settembru 1963 li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija […]. Il-permess ta’ residenza jingħata bħala viża fis-sens tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi”.

10.      Skont l-Artikolu 6(3) “il-perijodi twal ta’ residenza jeħtieġu il-pussess ta’ viża għat-teritorju federali (viża nazzjonali) maħruġa qabel id-dħul. [...]”.

11.      L-Artikolu 27(1) jipprovvdi li, “[g]ħall-finijiet tal-protezzjoni taż-żwieġ u tal-familja, misjuba fl-Artikolu 6 tal-Kostituzzjoni Ġermaniża (Grundgesetz), il-permess ta’ residenza għal żmien determinat jista’ jinħareġ u jiġġedded sabiex tiġi stabbilita jew tinżamm, għal benefiċċju tal-membri tal-familja barranin, il-komunità tal-ħajja tal-familja fit-territorju federali (riunifikazzjoni tal-familja)”.

12.      Taħt it-titolu “Riunifikazzjoni tal-konjuġi”, il-punt 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 30(1) jistabbilixxi li “permess ta’ residenza għal żmien determinat għandu jinħareġ lil konjuġi ta’ persuna barranija meta […] il-konjuġi jkun jaf jesprimi ruħu bil-Ġermaniż, għallinqas bi kliem sempliċi […]”. Il-punt 1 tat-tieni sentenza tal-istess paragrafu jipprovdi li “[l]-permess ta’ residenza għal żmien determinat jista’ jinħareġ minkejja l-punt 2 tal-ewwel sentenza, meta […] l-persuna barranija jkollha permess ta’ residenza skont l-Artikoli 19 sa 21 ta’ din il-liġi [permess ta’ residenza għal ċerti attivitajiet bi skop ta’ lukru] u ż-żwieġ kien diġà jeżisti meta l‑persuna barranija stabbilixxiet ir-residenza ordinarja prinċipali tagħha fit-territorju federali […]”. Fl-aħħar nett, il-punt 2 tat-tielet sentenza jistabbilixxi li “[l]-permess ta’ residenza għal żmien determinat jista’ jinħareġ minkejja l-punt 2 tal-ewwel sentenza meta […] l-konjuġi ma jkunx jista’, minħabba mard jew diżabbiltà fiżika, mentali jew psikoloġika, jipprova li għandu konoxxenzi bażiċi tal-Ġermaniż […]”.

13.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-punt 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 30(1) tal-liġi dwar ir-residenza tal-barranin ġie introdott permezz tal-liġi tad-19 ta’ Awwissu 2007, intiża li tittrasponi d-direttivi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-dritt ta’ residenza u ta’ ażil (Gesetz zur Umsetzung aufenthalts- und asylrechtlicher Richtlinien der Europäischen Union) (7).

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.      Ir-rikorrenti, ċittadina Torka li tirrisjedi f’dan il-pajjiż, qiegħda titlob viża għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-konjuġi tagħha li huwa wkoll ċittadin Tork u li ilu jgħix il-Ġermanja mill-1998, minn fejn imexxi kumpannija b’responsabbiltà limitata li tagħha huwa l-azzjonist maġġoritarju u fejn huwa kiseb fl-2002 permess ta’ residenza għal żmien determinat li sussegwentement sar permess ta’ residenza għal żmien indeterminat. Qabel ma żżewġu ċivilment fl-2007, ir-rikorrenti u s-Sur Dogan kienu diġà żżewġu b’mod reliġjuż quddiem imam, unjoni li minnha ħarġu b’kollox erbat itfal li twieldu bejn is-snin 1988 sa 1993.

15.      Fit-18 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ressqet talba lill-ambaxxata tal-Ġermanja f’Ankara għall-ħruġ ta’ viża għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-konjuġi u tat-tfal, għaliha u, inizjalment, għal tnejn mit-tfal tagħha. Hija annettiet għal dan il-għan dikjarazzjoni maħruġa mill-istitut Goethe dwar test tal-lingwa fil-livell A 1 li hija għamlet fit-28 ta’ Settembru 2010 u li minnu għaddiet b’marka “Suffiċjenti” (62 punt minn 100). Ir-riżultat tagħha għall-parti miktuba kien ta’ 14,11 punti minn 25.

16.      Wara li kkunsidrat il-fatt li r-rikorrenti, li hija illiterata, kienet għaddiet mit-test billi għażlet b’mod każwali t-tweġibiet għal sett ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla u billi tgħallmet u rripproduċiet bl-amment tliet sentenzi standard, l-ambaxxata tal-Ġermanja ċaħdet it-talba permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2011, minħabba nuqqas ta’ prova tal-konoxxenza tal-lingwa Ġermaniża. Ir-rikorrenti ma kkontestatx din id-deċiżjoni, iżda fis-26 ta’ Lulju 2011 ressqet talba ġdida quddiem l-istess ambaxxata għall-ħruġ ta’ viża għar-riunifikazzjoni tal-familja għaliha biss, liema talba ġiet għal darb’oħra miċħuda mill-ambaxxata permezz tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2011. Wara t-talba għal-eżami mill-ġdid imressqa mir-rikorrenti fil-15 ta’ Novembru 2011 permezz ta’ avukat, l-ambaxxata tal-Ġermanja f’Ankara annullat id-deċiżjoni inizjali u ssostitwixxietha b’deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2012, li wkoll ċaħdet it-talba għar-raġuni li r-rikorrenti ma kellhiex l-konoxxenzi lingwistiċi meħtieġa peress li hija illiterata.

17.      Ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni fl-24 ta’ Jannar 2012 quddiem il-qorti tar-rinviju. Din iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4(1) tal-[Protokoll Addizzjonali] jipprekludi dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali introdotta għall-ewwel darba wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq li tipprovdi li, sabiex ikun jista’ jidħol għall-ewwel darba fit-territorju [tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja], membru tal-familja ta’ ċittadin Tork li għandu l-istatus mogħti permezz tal-Artikolu 4(1) tal-[imsemmi] Protokoll […] għandu jipprova minn qabel li huwa jista’ jesprimi ruħu, b’mod sempliċi, bil-Ġermaniż?

2)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill [2003/86] jipprekludi d-dispożizzjoni nazzjonali msemmija fl-ewwel domanda?”

III – Analiżi

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

18.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, adottata wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali, li tissuġġetta d-dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, tal-konjuġi ta’ ċittadin Tork stabbilit f’dan l-Istat Membru għall-prova li dan għandu konoxxenza bażika tal-lingwa uffiċjali tal-imsemmi Stat Membru, tikkostitwixxix “restrizzjoni ġdida” fs-sens tal-Artikolu 41(1) tal-imsemmi protokoll.

19.      Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni tipprovdi, f’termini ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet, klawżola ta’ “standstill” mhux ekwivoka, li “tinkludi obbligu […] li legalment tfisser dmir li ma titteħidx azzjoni” (8) u “tista’ tiġi invokata quddiem il-qrati nazzjonali miċ-ċittadini Torok, jekk din tkun tapplika għalihom, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ regoli inkonsistenti tad-dritt intern” (9). Għal dak li jirrigwarda l-portata tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm l-imsemmija klawżola ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura tali li toħloq favur ċittadin Tork dritt ta’ stabbiliment jew dritt ta’ residenza li jirriżultaw direttament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, hija madankollu sservi ta’ ostakolu għall-adozzjoni minn Stat Membru ta’ kull miżura ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-istabbiliment u, b’mod korrelattiv, ir-residenza ta’ tali ċittadin fit-territorju tiegħu għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli meta daħal fis-seħħ il-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat (10). Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li għalkemm ma għandux bħala konsegwenza li jagħti liċ-ċittadini Torok dritt ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru — li jibqa’ rregolat, skont l-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, mid-dritt nazzjonali — l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali “għandha tapplika [għandu japplika] wkoll għal-leġiżlazzjoni dwar l-ewwel dħul taċ-ċittadini Torok fi Stat Membru li fit-territorju tiegħu jixtiequ jagħmlu użu mil-libertà ta’ stabbiliment skond il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni” (11). Għaldaqstant, il-klawżola li dan l-artikolu fih ma toperax “bħala regola sostantiva, billi tirrendi inapplikabbli l-liġi sostantiva rilevanti li tissostitwixxi, iżda bħala regola ta’ natura kważi proċedurali, li tistabbilixxi, ratione temporis, liema huma d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ ċittadin Tork li jixtieq jagħmel użu mil-libertà ta’ stabbiliment fi Stat Membru [partikolari]” (12). F’dan is-sens, l-Artikolu 41(1) tal-imsemmi protokoll huwa l-“korollarju neċessarju ta’ l-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u jikkostitwixxi l-kundizzjoni indispensabbli għall-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet nazzjonali għal-libertà ta’ stabbiliment” u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (13).

20.      Filwaqt li huwa paċifiku fil-kawża preżenti li s-Sur Dogan jibbenefika mill-klawżola stabbilita fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, peress li jwettaq fit-territorju tal-Unjoni attività bħala persuna li taħdem għal rasha, min-naħa l-oħra tqum il-kwistjoni jekk din il-kalwżola tapplikax ukoll għall-konjuġi tiegħu, li talbet viża għar-riunifikazzjoni tal-familja u li ma tixtieqx tidħol fit-territorju Ġermaniż sabiex teżerċita attività li taqa’ taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

21.      Il-Kummissjoni Ewropea tissuġġerixxi risposta affermativa, billi tisħaq li N. Dogan tista’ b’mod leġittimu tinvoka l-imsemmija klawżola bħala membru tal-familja tas-Sur Dogan fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Skont il-Kummissjoni, abbażi tar-regola ta’ konverġenza fl-interpretazzjoni bejn l-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali u l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li tistabbilixxi klawżola ta’ “standstill” analoga (14), l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil din l‑aħħar dispożizzjoni tista’ tiġi applikata għall-ewwel waħda. Hija tfakkar li fis-sentenza mogħtija fil-kawżi Toprak u Oguz (15), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa applikabbli mhux biss għas-sistemi li jittrattaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg ta’ ħaddiema Torok, iżda wkoll għal dawk li jikkonċernaw id-dritt tal-konjuġi barranin fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja.

22.      Ir-raġonament li tagħmel il-Kummissjoni ma jikkonvinċinix. Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizjonali, għalkemm għandhom kamp ta’ applikazzjoni distint u ma jistgħux jiġu applikati flimkien, għandhom “l-istess tifsira” (16), l-istess għan u l-portata tal-obbligu ta’ “standstill” li jistabbilixxu “tinfirex bl-istess mod għal kwalunkwe ostakolu ġdid għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, għall-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew għall-moviment liberu tal-ħaddiema li jaggrava l-kundizzjonijiet eżistenti f’data partikolari” (17). Barra minn hekk, huwa preċiżament abbażi ta’ din il-konverġenza fl-għanijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, minkejja d-differenzi fir-redazzjoni bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet, li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplika mhux biss għall-miżuri direttament marbuta mal-aċċess għall-impjieg iżda wkoll, l-istess bħall-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, għar-regoli li jirregolaw l-ewwel dħul u r-residenza ta’ ħaddiema Torok (18). Huwa wkoll minnu li, hekk kif jirriżulta mir-redazzjoni tiegħu, l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplika mhux biss għal ħaddiema Torok iżda wkoll għal membri tal-familji tagħhom u li, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ dawn tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fis-sentenza Abatay et, li l-imsemmija deċiżjoni “ma tissuġġetax l-aċċess tagħhom għat-territorju ta’ Stat Membru, għall-finijiet tar-rijunifikazzjoni tal-familja ma’ ħaddiem Tork li jkun diġà legalment preżenti f’dak l-Istat, għall-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata” (19).

23.      Madankollu, kif jenfasizzaw bir-raġun il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Daniż fl-osservazzjonijiet tagħhom, mis-sentenza Toprak u Oguz jirriżulta li huwa biss sa fejn il-leġiżlazzjoni fil-qasam tar-riunuifikazzjoni tal-familja inkwistjoni fil‑kawża prinċipali (20)kienet taffettwa is-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok, bħal F. Toprak u T. Oguz, li kien hemm lok li din tiddaħħal fil-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (21). Tali pożizzjoni hija koerenti mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll ma’ dak tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, jiġifieri l-projbizzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali milli jintroduċu ostakoli ġodda, rispettivament, għall-moviment liberu tal-ħaddiema u għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

24.      Issa, iċ-ċittadini Torok, bħal N. Dogan, li jkunu qed jitolbu d-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru unikament għar-riunifikazzjoni tal-familja u mhux sabiex jeżerċitaw waħda mil-libertajiet ekonomiċi previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jkunux jistgħu jinvokaw il-ksur ta’ tali għan fir-rigward tagħhom.

25.      Huwa paċifiku li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, drittijiet awtonomi lil membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok li jifformaw parti mis-suq regolari tax-xogħol (22) bl-għan li jinħolqu kundizzjonijiet li huma favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru ospitanti (23). Madankollu, fl-istruttura tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, tali għan huwa biss strument intiż li jiffaċilita t-twettiq tal-għanijiet tal-assoċjazzjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, l-istabbiliment progressiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikoli 12, 13 u 14 tal-imsemmi ftehim. Minn dan jirriżulta li ma jistax jiġi konkluż minn qari tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1/80 li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork, li talbu sabiex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru għar-riunifikazzjoni tal-familja u mhux sabiex jeżerċitaw, f’dak l-Istat, attività bħala persuna impjegata, jistgħu jinvokaw il-klawżola ta’ “standstill” sabiex jopponu l-applikazzjoni, fir-rigward tagħhom, ta’ leġiżlazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tista’ tipprekludi jew għallinqas tirrendi iktar diffiċli l-kisba, min-naħa tagħhom, ta’ drittijiet li jistgħu jirriżultaw mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

26.      Dan premess, irid jiġi eżaminat, f’dan l-istadju, jekk N. Dogan tistax tinvoka l-klawżola ta’ “standstill” stabbilita fl-Artikolu 41, għalkemm ma għamlitx u lanqas bi ħsiebha tagħmel użu mil-libertajiet ekonomiċi msemmija f’dan l-artikolu, sabiex topponi l-applikazzjoni, fir-rigward tagħha, ta’ miżura nazzjonali li tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida għall-eżerċizzju tal-imsemmija libertajiet mill-konjuġi tagħha.

27.      Infakkar, preliminarjament, li fil-kawża Abatay et, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tirrikonoxxi d-dritt ta’ ċittadin Tork li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, għalkemm dan ma kienx direttament previst minn din id-dispożizzjoni. F’din il-kawża, il-kwistjoni kienet tikkonċerna xufiera Torok li kienu impjegati minn impriża stabbilita fit-Turkija u li kienet tipprovdi legalment servizzi fi Stat Membru. Huma kienu qegħdin jopponu l-applikazzjoni, fir-rigward tagħhom, ta’ kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom bħala persuni impjegati, introdotti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali. Billi bbażat ruħha fuq l-applikazzjoni, b’analoġija, tas-sentenza Clean Car Autoservice (24), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, peress li l-impjegati tal-fornitur tas-servizzi huma indispensabbli sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu, id-dritt tal-persuna li timpjega, stabbilita fit-Turkija, li tipprovdi servizzi fi Stat Membru taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandu neċessarjament ikun akkumpanjat mid-dritt tal-impjegati tagħha li jeżegwixxu l-kompiti fdati lilhom fil-kuntest tal-imsemmija servizzi taħt l-istess kundizzjonijiet (25).

28.      Għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tolqot il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja, tikkostitwixxix “restrizzjoni” indiretta, bħal fil-każ eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Abatay et, għal-libertà ta’ stabbiliment skont l‑Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali. Min-naħa l-oħra, in-natura “ġdida” tagħha fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex ikkontestata.

29.      F’dan ir-rigward, hemm lok, l-ewwel nett, li wieħed iqis li mir-redazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kif ukoll mill-għan tal-assoċjazzjoni KEE-Turkija, jirriżulta li l-prinċipji rrikonoxxuti fil-kuntest tal-Artikoli 52 sa 56 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 43 KE sa 47 KE u sussegwentement 49 TFUE sa 53 TFUE) għandhom jiġu applikati, kemm jista’ jkun, għaċ-ċittadini Torok. Dan il-prinċipju interpretattiv, stabbilit inizjalment mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u kkonfermat sussegwentement fil-kuntest tal-Artikolu 14 ta’ dan tal-aħħar (26), huwa applikabbli wkoll għall-Artikolu 13 tiegħu, li fih regola analoga għaż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Kif ser nesponi aħjar iktar ’il quddiem, l-imsemmi prinċipju mhux talli ma ġiex ikkontestat fis-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Ziebell u Demirkan (27), iżda ġie espressament ikkonfermat permezz tal-aħħar waħda minn dawn id-deċiżjonijiet.

30.      Għandu jitfakkar sussegwentement li, skont il-ġurisprudenza, għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, ta’ din il-libertà (28). Issa, skont il-prinċipju espost fil-punt 29 iktar ’il fuq, din l-istess definizzjoni għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi applikata meta għandu jiġi ddeterminat il-kontenut u l-portata tal-kunċett ta’ “restrizzjoni” msemmi fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali. Għalhekk, din id-dispożizzjoni, li tikkonkretizza l-leġiżlazzjoni li għaliha hija suġġetta, f’mument partikolari, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin li jixtieq jagħmel użu mil-libertà ta’ stabbiliment skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, tipprekludi kull deterjorazzjoni ta’ din is-sitwazzjoni li tista’ tipprojbixxi, tostakola jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà.

31.      Kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, l-assenza, għal ċittadin Tork, tal-perspettiva konkreta ta’ riunifikazzjoni tal-familja fit-territorju tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit jew fejn jixtieq jistabbilixxi ruħu sabiex jeżerċita l-attività awtonoma tiegħu tista’ tostakola jew għallinqas tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa tiegħu, tal-libertà ta’ stabbiliment prevista fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Mingħajr l-imsemmija perspettiva, tali ċittadin jista’, fil-fatt, jew jiġi dissważ milli jistabbilixxi ruħu fit-territorju tal-Unjoni, jekk ir‑rabta familjari tkun diġà eżistenti, jew jiġi sfurzat jinterrompi l-attività tiegħu u jitlaq minn dan it-territorju, jekk din ir-rabta tkun ġiet stabbilita wara t-tluq tiegħu. Fiż-żewġ każijiet huwa jkun kostrett jagħżel bejn l-attività tiegħu u ż-żamma tal-unità tal-familja tiegħu.

32.      F’dan ir-rigward, infakkar li kemm il-leġiżlatur Komunitarju, mill-ewwel testi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat, kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, irrikonoxxew l-eżistenza ta’ rabta ta’ prinċipju bejn iż-żamma tal-integrità tal-ħajja tal-familja u t-tgawdija totali tal-libertajiet fundamentali (29) f’kundizzjonijiet li jiżguraw l-osservanza tal-libertà u tad-dinjità tal-ħaddiema migranti (30). Għaldaqstant, ksur tal-ewwel waħda jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju sħiħ tat-tieni (31).

33.      Issa, għalkemm la l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u lanqas il-Protokoll Addizzjonali jew l-atti adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ma jipprevedu d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, ir-rabta li teżisti bejn l-eżerċizzju tal-libertajiet ekonomiċi stabbiliti fl-imsemmi ftehim u l-integrazzjoni tal-familja, titlob, fl-opinjoni tiegħi, li miżura ta’ Stat Membru li tintroduċi kundizzjoni ġdida għad-dħul fit-territorju nazzjonali tal-konjuġi ta’ ċittadin Tork li għamel użu jew jixtieq jagħmel użu mil-libertà ta’ stabbiliment skont l-imsemmi ftehim, meta mqabbla ma’ dawk eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali għal dak l-Istat Membru, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 41(1) tal-imsemmi protokoll.

34.      Tali konklużjoni hija kkonfermata mill-għan tal-imsemmija klawżola, li ġie mfakkar diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri dak li jinħolqu kundizzjonijiet li huma favorevoli għall-istabbiliment progressiv tal-libertà ta’ stabbiliment bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija (32) billi tiġi pprojbita l-adozzjoni ta’ kull miżura ġdida li jkollha “bħala għan jew effett” li tissuġġetta l-istabbiliment taċ-ċittadini Torok fi Stat Membru għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu jirriżultaw mir-regoli applikabbli għalihom fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat (33). Barra minn hekk, fid-dawl tal-effett potenzjalment dissważiv tal-miżuri li jolqtu l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta r-riunifikazzjoni tal-familja, l-argument tal-Gvern Ġermaniż u tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, li jgħid li l-impatt ta’ regola bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment abbażi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa wisq remot u ipotetiku sabiex ikun jista’ jaqa taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ “standstill” prevista fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, ma jistax jiġi milqugħ.

35.      Is-sentenzi riċenti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Ziebell u Demirkan, iċċitati iktar ’il fuq, ma jmorrux kontra l-interpretazzjoni proposta.

36.      Fl-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet, mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, id-Direttiva 2004/38 (34), u b’hekk warrbet, konsegwentement, l-argument imressaq minn N. Ziebell, li l-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva, li jirregola l-protezzjoni kontra l-emarġinazzjoni u li minnha jibbenefikaw iċ-ċittadini tal-UE, kellu jservi ta’ referenza sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ residenza bbażata fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku previsti fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-konklużjoni li waslet għaliha il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, essenzjalment, ibbażata fuq l-osservazzjoni li, kuntrarjament għad-direttiva, li “hija intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali li wieħed jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri li huwa mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea mit-Trattat”, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jsegwi “finalità esklużivament ekonomika” (35).

37.      Il-każ preżenti huwa għalkollox differenti minn dak fil-kawża Ziebell. F’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni li jiġu rrikonoxxuti lill-assoċjazzjoni mar-Repubblika tat-Turkija għanijiet u finaltajiet li huma estranji għaliha, iżda li jiġi żgurat it-twettiq sħiħ ta’ dawk li jappartjenu lilha, jiġifieri, skont l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni “il-promozzjoni tat-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, billi tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ in-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp mgħaġġel tal-ekonomija tat-Turkija u t-titjib fil-livell tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-poplu Tork” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-traspożizzjoni fil-kamp tal-applikazzjoni tal-ftehim, permezz tal-Artikolu 13 ta’ dan tal-aħħar, tal-kunċett tal-ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, kif interpretat u applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, tidħol f’din il-loġika.

38.      Fis-sentenza Demirkan iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li l-kunċett tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jiġbor fih ukoll il-libertà għaċ-ċittadini Torok, destinatarji ta’ servizzi, li jmorru fi Stat Membru sabiex hemmhekk jibbenefikaw minn provvista ta’ servizzi. Sabiex tasal għal tali konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’konformità mas-sentenza Ziebell, iddikjarat li “bejn il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni flimkien mal-Protokoll Addizzjonali tiegħu, minn naħa, u t-Trattat, min-naħa l-oħra, jeżistu xi differenzi partikolarment minħabba r-rabta eżistenti bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni” u li “[l]-iżvilupp tal-libertajiet ekonomiċi sabiex ikun hemm moviment liberu tal-persuni b’mod ġenerali, li jkun paragunabbli għal dak applikabbli, skont l-Artikolu 21 TFUE, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, ma humiex l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni” (36). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà passiva li jiġu pprovduti servizzi, li hija r-riżultat tal-proċess ta’ stabbiliment ta’ suq intern, maħsub bħala żona mingħajr fruntieri interni, hija marbuta strettament mal-prinċipju ġenerali ta’ moviment liberu tal-persuni li fuqu huwa bbażat il-ħolqien ta’ tali żona. Min-naħa l-oħra, “kemm jekk permezz tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa biss peress li hija tikkostitwixxi l-korollarju tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li l-klawżola ta’ ‘standstill’ [prevista fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali] tista’ tikkonċerna l-kundizzjonijiet għad-dħul u għal residenza taċ-ċittadini Torok fit-territorju tal-Istati Membri” (37).

39.      Fil-kawża preżenti, ma huwiex qed jiġi traspost, fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, kunċett, bħall-provvista passiva ta’ servizzi, li jiġbor fih ir-rikonoxximent ta’ prinċipju ġenerali ta’ moviment liberu tal-persuni, iżda kunċett, dak tal-ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, li jippermetti li jiġu ddefiniti l-limiti ta’ din il-libertà u li jiġi ffavorit, bl-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ astensjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet kontraenti, it-twettiq sħiħ tagħha skont l-għanijiet ta’ din l-assoċjazzjoni. Dan il-proċess jidħol f’linja ta’ ġurisprudenza stabbilita sewwa mill-Qorti tal-Ġustizzja li, kif diġà osservajt, mhux talli ma ġietx imwarrba iżda, għall-kuntrarju, ġiet ikkonfermata permezz tas-sentenza Demirkan (38).

40.      Il-Gvern Ġermanż isostni li anki li kieku kellu jiġi presuppost li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, din tkun madankollu ġġustifikata abbażi tal-għan tal-ġlieda kontra ż-żwiġijiet furzati. Skont dan il-Gvern, il-kisba ta’ konoxxenzi lingwistiċi bażiċi qabel id-dħul fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, tiffavorixxi l-integrazzjoni tal-konjuġi fis-soċjetà ta’ dan l-Istat, iżżid il-possibbiltajiet tiegħu li jiżviluppa ħajja soċjali awtonoma, filwaqt li tnaqqas id-dipendenza fuq il-familja, u tippermettilu, jekk ikun il-każ, li jirrikorri għal awtoritajiet kompetenti sabiex jikseb protezzjoni. Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-edukazzjoni hija, b’mod ġenerali, fattur dissważiv, peress li l-vittmi potenzjali taż-żwiġijiet furzati jkunu inqas faċilment manipulati.

41.      Fis-sentenza Demir (39), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li restrizzjoni abbażi tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija pprojbita “sakemm tirrileva limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni (40) jew sakemm tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu li jkun irid jintlaħaq u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarji sabiex dan jintlaħaq”. Skont il-konverġenza fl-interpretazzjoni tal-klawżoli ta’ “standstill” previsti fl-Artikoli 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, li tfakkret fil-punt 22 iktar ’il fuq, l-istess eċċezzjoni hija applikabbli fil-kuntest ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

42.      Issa, jekk wieħed jippresupponi, kif qiegħed isostni il-Gvern Ġermaniż, li l-għan tal-ġlieda kontra ż-żwiġijiet furzati jista’ jiġi invokat minn dan tal-aħħar bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika r-restrizzjonijiet skont l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija xierqa sabiex jintlaħaq tali għan, għandi madankollu d-dubji tiegħi dwar in-natura proporzjonata tiegħu. Fl-opinjoni tiegħi, miżura li hija kapaċi ttawwal b’mod indefinit ir-riunifikazzjoni tal-familja fit-territorju tal-Istat ikkonċernat u li, ħlief għal ċertu numru mnaqqas ta’ eċċezzjonijiet iddefiniti b’mod eżawrjenti, tapplika indipendentement minn evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha ta’ kull każ partikolari, hija nieqsa minn din in-natura. Barra minn hekk, ma nikkondividix l-opinjoni tal-Gvern Ġermaniż li miżuri alternattivi, pereżempju l-obbligu ta’ parteċipazzjoni f’korsijiet ta’ integrazzjoni u ta’ lingwa wara d-dħul fit-territorju Ġermaniż, ma jkunux effikaċi daqs il-kisba minn qabel tal-konoxxenzi lingwistiċi sabiex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali tal-vittmi taż-żwiġijiet furzati. Għall-kuntrarju, tali obbligu jwassal lil dawn il-persuni sabiex joħorġu mill-kuntest familjari tagħhom u b’hekk jiffavorixxi l-kuntatt tagħhom mas-soċjetà Ġermaniża. Il-membri tal-familja tagħhom li jkunu qed jeżerċitaw influwenza fuqhom ikunu, min-naħa tagħhom, kostretti li jippermettu dan il-kuntatt, li, fl-assenza ta’ tali obbligu, jista’ jiġi konkretament ostakolat, u dan minkejja l-fatt li l-persuna inkwistjoni jkollha konoxxenza bażika tal-Ġermaniż. Barra minn hekk, il-fatt li jkun hemm kuntatt regolari mal-organi u mal-persuni responsabbli mill-organizzazzjoni tal-imsemmija korsijiet jista’ jikkontribwixxi sabiex joħloq kundizzjonijiet favorevoli sabiex tintalab l-għajnuna b’mod spontanju min-naħa tal-vittmi, kif ukoll jiffaċilita l-identifikazzjoni u d-denunzja lill-awtoritajiet kompetenti ta’ sitwazzjonijiet li jeħtieġu intervent.

43.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Berlin għandha tkun li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni li tirriżulta minnu, għall-Istati Membri, li jintroduċu restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ stabbiliment, tkopri wkoll miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġew introdotti wara d-dħul fis-seħħ, għall-Istat Membru kkonċernat, tal-imsemmi protokoll, u li għandhom l-għan jew l-effett li jirrendu iktar diffiċli d-dħul fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-konjuġi ta’ ċittadin Tork li jkun għamel użu mil-libertà ta’ stabbiliment skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

44.      Peress li t-tieni domanda preliminari ma hijiex rilevanti ħlief jekk tingħata risposta negattiva għall-ewwel waħda, huwa biss sussidjarjament u fl-ipotesi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix is-soluzzjoni ppreżentata għall-ewwel domanda, li ser neżaminaha fil-qosor hawn taħt.

45.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta d-dritt ta’ dħul fil-Ġermanja tal-konjuġi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qed jirrisjedi b’mod regolari f’dan l-Istat Membru, għall-prova ta’ konoxxenza bażika tal-lingwa Ġermaniża.

46.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom id-dritt jeżiġu mill-benefiċjarji potenzjali tar-riunifikazzjoni tal-familja li jikkonformaw ma’ miżuri ta’ integrazzjoni. Skont il-Gvern Ġermaniż, il-kundizzjoni relatata mal-konoxxenza bażika tal-lingwa Ġermaniża, li għandha l-għan doppju li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ persuni li jkunu għadhom kif jaslu l-Ġermanja u li tissielet kontra ż-żwiġijiet furzati, tikkostitwixxi miżura ta’ integrazzjoni ammissibbli abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

47.      Preliminarjament, infakkar li d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan id-dritt, li jinsab ukoll fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”, ikopri wkoll id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja (41) u “jinvolvi għall-Istati Membri obbligi li jistgħu jkunu negattivi, meta Stat Membru huwa obbligat ma jkeċċix persuna, jew pożittivi, meta huwa obbligat iħalli persuna tidħol u tirrisjedi fit-territorju tiegħu” (42). Għalhekk, għalkemm la l-KEDB u lanqas il-Karta ma jiggarantixxu bħala dritt fundamentali d-dritt ta’ persuna barranija li tidħol u tirrisjedi fit-territorju ta’ pajjiż partikolari, it-tkeċċija ta’ persuna minn pajjiż fejn jgħixu l-qraba intimi tagħha tista’ tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja kif protett permezz ta’ dawn l-atti (43).

48.      Dan premess, għandu jingħad qabelxejn li minn qari a contrario tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li fil-każ ta’ persuni li ma għandhomx l-istatus ta’ refuġjat jew li ma humiex membri tal-familja ta’ refuġjat (44), miżuri ta’ integrazzjoni jistgħu jiġu imposti anki qabel id-dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-kawża preżenti, peress li l-ebda wieħed mill-konjuġi Dogan ma għandu l-istatus ta’ refuġjat, l-awtoritajiet Ġermaniżi setgħu jimponu fuq N. Dogan l-obbligu li tikkonforma ruħha, b’osservanza tad-dritt nazzjonali, ma’ miżuri ta’ integrazzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86, qabel id-dħul tagħha fit-territorju Ġermaniż.

49.      Jeħtieġ issa li tiġi kkjarifikata l-portata eżatta tal-kunċett ta’ “miżuri ta’ integrazzjoni”.

50.      F’dan ir-rigward infakkar preliminarjament li, fis-sentenza Chakroun, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, minn naħa, li fis-sistema tad-Direttiva 2003/86, l-awtorizzazzjoni għar-riunifikazzjoni hija r-“regola ġenerali” u d-dispożizzjonijiet li jippermettu li din tiġi limitata għandhom jiġu interpretati b’mod strett u ppreċiżat, min-naħa l-oħra, li l-marġni ta’ mmanuvrar mogħti lill-Istati Membri permezz ta’ tali dispożizzjonijiet ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan tad-Direttiva, li huwa li tiġi promossa r-riunifikazzjoni tal-familja, u sabiex din tintlaħaq b’mod effettiv (45). Dawn il-kriterji interpretattivi, stabbiliti fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86, li jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw ir-riunifikazzjoni għall-prova li l-isponsor għandu riżorsi “stabbli, regolari u suffiċjenti”, għandhom iservu wkoll ta’ gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) ta’ din l-istess direttiva u, b’mod ġenerali, għal kawlunkwe restrizzjoni għad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja.

51.      Dan premess, il-kunċett ta’ “miżuri ta’ integrazzjoni” għandu jitqies b’mod parallel ma’ dak ta’ “kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni”, li ma jinsabx fid-Direttiva 2003/86, iżda li mingħajr dubju kien preżenti f’moħħ il-leġiżlatur. Fil-fatt, fid-Direttiva 2003/109/KE (46), li hija kontemporanja u relatata ma’ qasam li huwa viċin ħafna dak tad-Direttiva 2003/86, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea introduċa klawżola (l-Artikolu 15(3) attwali), li tistipula li l-Istati Membri huma awtorizzati jeżiġu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jissodisfaw “miżuri ta’ integrazzjoni” sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza fi Stat tal-Unjoni għajr dak li fih ikunu kisbu l-istatus ta’ resident għat-tul. Issa, mill-eżami tax-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li, fi ħdan il-Kunsill, ċerti delegazzjonijiet nazzjonali kienu pproponew li, fl-Artikolu 15, il-kelma “miżuri” tiġi ssostitwita bil-kelma “kundizzjonijiet”: madankollu, peress li l-maġġoranza tal-Istati kienet kontra, it-test definittiv żamm l-espressjoni “miżuri ta’ integrazzjoni”, jiġifieri l-istess formola li tinsab fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 (47). Kuntrarjament, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109 jippermetti lill-Istati Membri li jissuġġettaw il-kisba tal-istatus ta’ resident għat-tul għal “kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni”, li fil-każ li jiġu ssodisfatti tiġi eskluża l-possibbiltà li jiġu imposti, suċċessivament, “miżuri ta’ integrazzjoni” previsti fl-Artikolu 15 (48).

52.      Iż-żewġ kunċetti ta’ “miżuri” u ta’ “kundizzjonijiet” ta’ integrazzjoni għandhom jitqiesu għalhekk bħala distinti, u ċertament mhux sinonimi. Din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed, madankollu, sabiex jiġi ddeterminat x’inhi, konkretament, id-differenza bejniethom. Għalkemm la d-Direttiva 2003/86 u lanqas id-Direttiva 2003/109 ma jagħtu indikazzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward, huwa madankollu ċar li l-“miżuri ta’ integrazzjoni” għandhom jitqiesu li huma inqas severi meta mqabbla mal-“kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni”. Dan jirriżulta kemm mill-analiżi lingwistika taż-żewġ espressjonijiet kif ukoll mill-fatt li, skont id-Direttiva 2003/109, kif diġà espost, il-fatt li kellu jissodisfa “kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 5, jeżenta awtomatikament lir-residenti għat-tul mill-obbligu eventwali li jissottometti ruħu għal “miżuri ta’ integrazzjoni” abbażi tal-Artikolu 15.

53.      Il-qari sistematiku tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/86 jipponta wkoll lejn dan is-sens. L-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jelenka serje ta’ kundizzjonijiet relatati mas-sitwazzjoni tal-isponsor, li l-persuna li ressqet it-talba għar-riunifikazzjoni tal-familja tista’ tkun marbuta li tipprova. Għall-kuntrarju, tali prova ma hijiex meħtieġa għal dak li jirrigwarda l-miżuri adottati skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu. Issa, li kieku l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jissuġġetta dawn il-miżuri għall-istess regoli previsti fl-ewwel paragrafu, ma kienx ikollu għalfejn jintroduċi paragrafu ġdid, iżda seta’ sempliċiment iżid punt fil-paragrafu preċedenti. Fi kliem ieħor, il-miżuri ta’ integrazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu ma jistax ikollhom l-għan tal-għażla tal-persuni li ser ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni, għaliex l-għażla hija l-għan tal-kriterji u tal-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu. Il-miżuri ta’ integrazzjoni tat-tieni paragrafu, għall-kuntrarju, għandu jkollhom, essenzjalment, l-għan li jiffaċilitaw l-integrazzjoni fl-Istati Membri.

54.      Il-kunċett ta’ “miżuri ta’ integrazzjoni” għandu jiġi distint ukoll u ma jistax jikkoinċidi mal-“kriterju ta’ integrazzjoni” li, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, jista’ jiġi impost, taħt ċerti kundizjonijiet, jekk ir-riunifikazzjoni tintalab għal wild taħt it-tnax-il sena. Minkejja li d-direttiva ma tippreċiżax il-portata ta’ dan il-“kriterju”, jidher ċar li għal darb’oħra għandna quddiemna kunċett li jinvoka l-idea ta’ kundizzjoni minn qabel li għandha tiġi pprovata mill-persuna kkonċernata, għalkemm huwa ta’ tip differenti meta mqabbel ma’ dawk indikati fl-Artikolu 7(1) (49).

55.      Fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jisħqu li l-verżjoni Olandiża tad-Direttiva 2003/86 tuża, fl-Artikolu 7(2), kelma (“integratievoorwaarden”) li hija kkaratterizzata minn sinjifikat differenti meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, li timplika l-idea ta’ “kundizzjoni” li ma tinsabx, pereżempju, fil-verżjonijiet Franċiżi, Taljani, (“misure di integrazione”), Ġermaniżi (“Integrationsmaßnahmen”) u Ingliżi (“integration measures”). Din l-istess terminoloġija tinsab ukoll fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109: madankollu, u dan l-element jidhirli li huwa deċiżiv, fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, ma jissemmewx “miżuri” (“maatregelen”), iżda “kundizzjonijiet” (50). Fi kliem ieħor, il-verżjoni Olandiża tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 ma tikkoinċidix perfettament mal-oħrajn, li jidhru li jiffavorixxu l-idea li l-Istati Membri “jieħdu inizjattivi” għall-integrazzjoni iktar milli jimponu kundizzjonijiet, u tidher, sa ċertu punt, iżolata. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku wieħed kellu jqis il-verżjoni Olandiża tad-direttiva bħala kompatibbli mal-idea tal-impożizzjoni ta’ “kundizzjonijiet”, qabel id-dħul ta’ persuni li għandhom id-dritt għar-riunifikazzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li n-natura diverġenti ta’ verżjoni lingwistika speċifika ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, u li l-verżjoni inkwistjoni lanqas ma tista’ tiġi attribwita natura prijoritarja fir-rigward tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan aħħari tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (51).

56.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-“miżuri ta’ integrazzjoni” skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 ma jistgħux jinbidlu f’“kundizzjonijiet” għar-riunifikazzjoni tal-familja. Din il-konklużjoni ma timplikax madankollu li dawn il-miżuri, meta jkunu maħsuba sabiex japplikaw qabel id-dħul tal-persuni kkonċernati fit-territorju tal-Istat Membru partikolari, għandhom ikunu limitati li jimponu sempliċi “obbligi tal-mezzi”. Fil-fatt, l-espressjoni “miżuri ta’ integrazzjoni” hija wiesgħa biżżejjed biex tiġbor fiha wkoll “obbligi tar-riżultat”, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ikunu proporzjonati mal-għan ta’ integrazzjoni prevista mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 (52) u li l-effettività ta’ din tal-aħħar ma tkunx kompromessa.

57.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, li jipprovvdi li fejn it-talba għar-riunifikazzjoni tiġi miċħuda “l-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini”, jimponi “eżami individwali tat-talbiet għal riunifikazzjoni” (53). L-għan essenzjali ta’ tali eżami individwali huwa li kemm jista’ jkun tinżamm l-effettivà tad-direttiva u li l-għan prinċipali tagħha ma jiġix ippreġudikat, jiġifieri dak li jippermetti t-twettiq tar-riunifikazzjoni tal-familja. Għaldaqstant, id-Direttiva 2003/86 tipprekludi, bħala prinċipju, kull liġi nazzjonali li tippermetti li l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni jiġi rrifjutat abbażi ta’ serje ta’ kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel, mingħajr il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni għal kull każ partikolari fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti inkwistjoni.

58.      Dan premess, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2003/86 ma tirregolax b’mod eżawrjenti l-kontenut tal-evalwazzjoni li trid issir fir-rigward tat-talba għar-riunifikazzjoni. Minkejja li ċerti prinċipji u elementi jirriżultaw ċertament mit-test u mill-għanijiet tagħha, pereżempju r-rekwiżit li jitqiesu debitament l-“aħjar interessi ta’ tfal minorenni”, stabbilit fl-Artikolu 5(5), l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi elenkati fl-Artikolu 17 u, b’mod iktar ġenerali, l-indikazzjoni favur il-protezzjoni tal-ħajja tal-familja, huwa finalment il-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa, abbażi tad-dritt tagħha, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tar-regoli u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni (54).

59.      Għalkemm huwa l-kompitu, bħala prinċipju, tal-leġiżlatur nazzjonali li jiddetermina l-modalitajiet konkreti li jippermettu li jiġu evalwati d-diffikultajiet eventwali, materjali jew personali, li l-persuna kkonċernata tista’ tiltaqa’ magħhom sabiex tissodisfa l-miżuri ta’ integrazzjoni imposti (55), dan tal-aħħar għandu madankollu jaċċerta ruħu li l-għan u l-effettività tad-Direttiva 2003/86 ma jiġux ippreġudikati. Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali diffikultajjiet jew li ma tippermettix li dawn jiġu evalwati għal kull każ partikolari, fid-dawl tal-elementi kollha rilevanti, ma tkunx konformi ma’ din id-direttiva. Għaldaqstant, l-ammissjoni tal-possibbiltà li d-dħul fl-Istat Membru kkonċernat ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna tgħaddi minn eżami, mingħajr ma jkun hemm il-possibbiltajiet konkreti sabiex wieħed iħejji ruħu għal dan l-eżami, pereżempju fl-assenza ta’ kwalunkwe forma ta’ sostenn jew ta’ tagħlim organizzat minn dan l-Istat fl-Istat ta’ residenza tal-persuna kkonċernata jew fil-każ tal-indisponibbiltà tal-materjal jew nuqqas ta’ aċċess għalih, b’mod partikolari f’termini ta’ prezz, tkun ekwivalenti fil-prattika għall-impossibbiltà tal-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni previst mid-direttiva. Bl-istess mod, leġiżlazzjoni li ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet, anki temporanji, marbuta mal-istat ta’ saħħa tal-membru tal-familja kkonċernat jew mal-kundizzjonijiet individwali tiegħu, bħall-età, l-illitteriżmu, id-diżabbiltà u l-livell ta’ edukazzjoni, ma tkunx qed tosserva l-effettività ta’ din id-direttiva.

60.      Għalkemm il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li l-konjuġi li ma huwiex f’pożizzjoni li jipproduċi prova tal-konoxxenza bażika tiegħu tal-Ġermaniż minħabba mard jew diżabbiltà fiżika, mentali jew psikoloġika jista’ jiġi eżentat mill-obbligu li jipproduċi tali prova, min-naħa l-oħra din il-leġiżlazzjoni la ma tipprevedi l-possibbiltà, għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar tali eżenzjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kundizzjonijiet individwali oħra tal-konjuġi fil-kuntest ta’ evalwazzjoni mwettqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha għal kull każ partikolari, u lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi elenkati fl-Artikolu 17 tad-Direttiva. Fil-kawża preżenti, il-possibbiltà konkreta għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mil-liġi Ġermaniża, għallinqas fi żmien raġonevoli (56), tidher li hija dgħajfa. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-prova tal-livell rikjest ta’ konoxxenza tal-lingwa Ġermaniża tirrikjedi b’mod obbligatorju l-litteriżmu minn qabel ta’ N. Dogan. Issa, sitwazzjoni aċċertata ta’ illitteriżmu tista’, meta wieħed iqis l-età tal-persuna kkonċernata, il-kundizzjonijiet ekonomiċi tagħha u l-ambjent soċjali li minnu tagħmel parti, tikkostitwixxi ostakolu li ma huwiex faċli li jingħeleb. Għalhekk, il-fatt li l-awtorizzazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-konjuġi tiġi suġġetta għal-litteriżmu minn qabel tista’, skont iċ-ċirkustanzi, tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-għan ta’ integrazzjoni li jridu jilħqu l-miżuri adottati skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 u titneħħa l-effettività ta’ din tal-aħħar.

61.      Bħala konklużjoni, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86 jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħruġ ta’ viża għar-riunifikazzjoni tal-familja lil konjuġi ta’ ċittadin barrani li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva għall-prova li l-imsemmi konjuġi għandu konoxxenzi bażiċi tal-lingwa ta’ dak l-Istat Membru, mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà li jingħataw eżenzjonijiet abbażi ta’ eżami individwali tat-talba għar-riunifikazzjoni magħmul skont l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva u mwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-minuri u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti għal każ partikolari. Fost dawn iċ-ċirkustanzi wieħed isib b’mod partikolari, minn naħa, id-disponibbiltà, fl-Istat Membru ta’ residenza tal-imsemmi konjuġi, ta’ taħriġ u ta’ materjal neċessarju sabiex jinkiseb il-livell ta’ konoxxenzi lingwistiċi rikjest kif ukoll l-aċċessibbiltà tagħhom, b’mod partikolari f’termini ta’ prezz, u, min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet eventwali, anki temporanji, marbuta mal-istat ta’ saħħa tiegħu jew mas-sitwazzjoni personali tiegħu, bħall-età, l-illitteriżmu, id-diżabbiltà u l-livell ta’ edukazzjoni.

IV – Konklużjonijiet

62.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill- Verwaltungsgericht Berlin:

“L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu matul il-fażi tranżitorja tal-assoċjazzjoni maħluqa permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija, iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni li tirriżulta minnu, għall-Istati Membri, li jintroduċu restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ stabbiliment, tkopri wkoll miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġew introdotti wara d-dħul fis-seħħ, għall-Istat Membru kkonċernat, tal-imsemmi protokoll, u li għandhom l-għan jew l-effett li jirrendu iktar diffiċli d-dħul fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-konjuġi ta’ ċittadin Tork li jkun għamel użu mil-libertà ta’ stabbiliment skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ħruġ ta’ viża għar-riunifikazzjoni tal-familja lil konjuġi ta’ ċittadin barrani li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva għall-prova li l-imsemmi konjuġi għandu konoxxenzi bażiċi tal-lingwa ta’ dak l-Istat Membru, mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà li jingħataw eżenzjonijiet abbażi ta’ eżami individwali tat-talba għar-riunifikazzjoni magħmul skont l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva u mwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-minuri u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti għal każ partikolari. Fost dawn iċ-ċirkustanzi wieħed isib b’mod partikolari, minn naħa, id-disponibbiltà, fl-Istat Membru ta’ residenza tal-imsemmi konjuġi, ta’ taħriġ u ta’ materjal neċessarju sabiex jinkiseb il-livell ta’ konoxxenzi lingwistiċi rikjest kif ukoll l-aċċessibbiltà tagħhom, b’mod partikolari f’termini ta’ prezz, u, min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet eventwali, anki temporanji, marbuta mal-istat ta’ saħħa tiegħu jew mas-sitwazzjoni personali tiegħu, bħall-età, l-illitteriżmu, id-diżabbiltà u l-livell ta’ edukazzjoni.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.


5 – BGBl. 2008 I, p. 162.


6 – BGBl. 2013 I, p. 86.


7 – BGBl. 2007 I, p. 1970.


8 – Ara s-sentenzi Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punti 46, 47, 54 u 71); Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 58); Tum u Dari (C‑16/05, EU:C:2007:530, punt 46) u Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 87).


9 – Ara s-sentenza Abatay et (EU:C:2003:572, punt 59).


10 – Ara s-sentenzi Savas (EU:C:2000:224, punti 64, 65 u 69); Abatay et (EU:C:2003:572, punti 62, 65 u 66); Soysal u Savatli (C‑228/06, EU:C:2009:101, punt 47) u Dereci et (EU:C:2011:734, punt 88).


11 – Ara s-sentenza Tum u Dari (EU:C:2007:530, punti 54 sa 63).


12 – Ara s-sentenzi Tum u Dari (EU:C:2007:530, punt 55); Oguz (C‑186/10, EU:C:2011:509, punt 28) u Dereci et (EU:C:2011:734, punt 89).


13 – Ara s-sentenzi Abatay et (EU:C:2003:572, punt 68) u Tum u Dari (EU:C:2007:530, punt 61).


14 – Skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80: “[l]-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall‑impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom li jkunu jinsabu fit-territorju rispettiv tagħhom f’sitwazzjoni regolari għal dak li jirrigwarda r-residenza u l-impjieg”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


15 – Sentenza Toprak u Oguz (C‑300/09 u C‑301/09, EU:C:2010:756).


16 – Ara s-sentenzi Abatay et (EU:C:2003:572, punt 86) u Dereci et (EU:C:2011:734, punt 81).


17 – Ara s-sentenzi Toprak u Oguz (EU:C:2010:756, punt 54) u Dereci et (EU:C:2011:734, punt 94).


18 – Ara s-sentenzi Sahin (C‑242/06, EU:C:2009:554, punti 63 sa 65) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑92/07, EU:C:2010:228, punti 47 sa 49).


19 – EU:C:2003:572,, punt 82.


20 – Il-kwistjoni kienet tikkonċerna, iktar speċifikament, is-sistema li għaliha kien suġġett, fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-għoti ta’ permessi ta’ residenza awtonomi lil ċittadini barranin li daħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kienu reġgħu introduċew il-kundizzjoni ta’ residenza taċ-ċittadin barrani mal-konjuġi tiegħu li għandu dritt ta’ residenza mhux temporanju għal perijodu ta’ tliet snin, li tnaqqas għal sena fl-1983.


21 – Ara b’mod partikolari l-punti 41, 44, 62 u d-dispożittiv.


22 – Dan l-artikolu jipprovdi li “l-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jappartjeni lis-suq regolari tal-impjieg ta’ Stat Membru partikolari li ġew awtorizzati jingħaqdu miegħu, għandhom id-dritt li jwieġbu, bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, għal kwalunkwe offerta ta’ impjieg jekk ikunu ilhom jirrisjedu regolarment hemmhekk għal mill-inqas tliet snin u jibbenefikaw mill-aċċess liberu għal kwalunkwe attività tal-għażla tagħhom bħala persuni impjegati jekk ikunu ilhom jirrisjedu hemmhekk għal mill-inqas ħames snin”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


23 – Ara s-sentenzi Kadiman (C‑351/95, EU:C:1997:205, punt 36) u Ayaz (C‑275/02, EU:C:2004:570, punt 41).


24 –      C‑350/96, EU:C:1998:205. F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat id-dritt tal-persuni li jimpjegaw li jinvokaw l-Artikolu 48 KE, billi enfasizzat li, sabiex ikun effikaċi u utli, id-dritt tal-ħaddiema għal reklutaġġ u okkupazzjoni mingħajr diskriminazzjoni, skont din id-dispożizzjoni, għandu neċessarjament ikollu d-dritt komplementari tal-persuna li timpjega li tirreklutahom bl-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema.


25 – Punt 106 u d-dispożittiv. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo (EU:C:2003:274, punti 201 sa 204) u s-sentenza Soysal u Savatli (EU:C:2009:101, punti 45 u 46). Is-soluzzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet iġġustifikata abbażi tar-rekwiżit li tinżamm l-effettività tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u li jiġi evitat li r-restrizzjonijiet imposti, mhux direttament fuq il-fornituri Torok ta’ servizzi, iżda fuq l-impjegati ta’ dawn tal-aħħar li jkollhom l-istess nazzjonalità u li lilhom ikun ġie fdat il-kompitu li jwettqu s-servizz fit-territorju tal-Unjoni, iwasslu sabiex titneħħa l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni, billi tiġi evitata l-klawżola ta’ “standstill” hemmhekk stabbilita.


26 – Ara f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, is-sentenzi Bozkurt (C‑434/93, EU:C:1995:168, punti 19 u 20); Nazli (C‑340/97, EU:C:2000:77, punt 55) u Kurz (C‑188/00, EU:C:2002:694, punt 30) u, għall-Artikolu 14, is-sentenza Abatay et (EU:C:2003:572, punt 112).


27 – Sentenzi Ziebell (C‑371/08, EU:C:2011:809) u Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583). Ara, iktar fid-dettall, infra punti 35 sa 39.


28 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑389/05, EU:C:2008:411, punti 55 sa 56).


29 – Ara l-Artikolu 1(1)(ċ) u (d) tad-Direttivi tal-Kunsill 64/220/KEE, tal-25 ta’ Frar 1964 (ĠU 56 p. 845), u 73/148/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1973 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 167), dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi, fejn din tal-aħħar tħassret permezz tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). Għal dak li jirrigwarda l-ħaddiema ara r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), issostitwit permezz tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1) li pproċeda għall-kodifikazzjoni tiegħu.


30 –      Ara s-sentenzi Di Leo (C‑308/89, EU:C:1990:400, punt 13) u Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 50), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li “l-għan tar-Regolament Nru 1612/68, jiġifieri l-moviment liberu tal-ħaddiema, jeżiġi, sabiex dan il-moviment liberu jkun assigurat filwaqt li jkunu mħarsa l-libertà u d-dinjità, kundizzjonijiet ottimali ta’ integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem Komunitarju fi ħdan l-Istat Membru ospitanti”.


31 – Fis-sentenza tagħha Carpenter (C‑60/00, EU:C:2002:434), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-importanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa lill-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadini tal-Istati Membri sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti permezz tat-trattat u kkwalifikat bħala ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn P. Carpenter, il-miżura ta’ espulsjoni tal-konjuġi tiegħu, ċittadina ta’ pajjiż terz, adottata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-oriġini u ppreċiżat li “s-separazzjoni tal-konjuġi Carpenter tkun ta’ detriment għall-ħajja tal-familja tagħhom, u, għaldaqstant, għall-kundizzjonijiet li fihom P. Carpenter jeżerċita libertà fundamentali”, peress li “din il-libertà ma tkunx tista’ tkun kompletament effettiva kieku P. Carpenter kellu jiġi dissważ milli jeżerċitaha minħabba l-ostakoli magħmula fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu għad-dħul u r-residenza tal-konjuġi tiegħu” (punt 39, l-enfasi hija tiegħi). Għalkemm fis-sentenza riċenti tagħha S vs Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑457/12, EU:C:2014:136), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod restrittiv il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-sentenza Carpenter (punti 41sa 44), jibqa’ kkonfermat il-prinċipju li l-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet previsti mit-trattat jista’ jiġi ostakolat minn miżuri li jolqtu l-integrità tal-ħajja tal-familja tal-ħaddiem migrant (punt 40).


32 – Sentenza Tum u Dari (EU:C:2007:530, punti 53 u 61).


33 – Ara, fost oħrajn, is-sentenza Tum u Dari (EU:C:2007:530, punti 53 u 61).


34 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.


35 – Ara l-punti 64 u 69.


36 – Ara l-punti 48, 49 u 53, l-enfasi hija tiegħi.


37 – Ara l-punt 55, l-enfasi hija tiegħi.


38 –      Ara l-punt 43.


39 – C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 40 u d-dispożittiv.


40 – Dan l-artikolu jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li d-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni I tal-Kapitolu II tad-Deċiżjoni Nru 1/80, huma applikati bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika.


41 – Sentenzi Carpenter (EU:C:2002:434, punt 42) u Akrich (C‑109/01, EU:C:2003:491, punt 59).


42 – Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 52).


43 – Sentenzi Carpenter (EU:C:2002:434, punt 42), Akrich (EU:C:2003:491, punt 59) u Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (EU:C:2006:429, punt 53).


44 – Għar-refuġjati u l-membri tal-familji tagħhom, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) jistabbilixxi li l-miżuri ta’ integrazzjoni ma jistgħux japplikaw ħlief wara li l-persuni kkonċernati jkunu bbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja.


45 – C‑578/08, EU:C:2010:117, point 43; ara wkoll s-sentenza O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 74).


46 – Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).


47 – Ara, b’mod partikolari, in-nota tal-presidenza tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2003, 7393/1/03 REV 1, p. 5. Il-pajjiżi li kienu pproponew li tintuża l-espressjoni “kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni” kienu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika tal-Awstrija.


48 – Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2003/109.


49 – F’dan is-sens, ara s-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (EU:C:2006:429, punti 66 sa 76).


50 – Pereżempju, il-verżjoni Franċiżi, Ġermaniża (“Integrationsanforderungen”), Ingliża (“integration conditions”) u Taljana (“condizioni di integrazione”).


51 – Ara s-sentenzi Cricket‑St‑Thomas (C‑372/88, EU:C:1990:140, punt 18); Velvet & Steel Immobilien (C‑455/05, EU:C:2007:232, punt 19) u Helmut Müller (C‑451/08, EU:C:2010:168, punt 38).


52 – Ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 [COM(2008) 610 finali, punt 4.3.4] u l-Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fl-Unjoni Ewropea (Direttiva 2003/86) [COM(2011) 735 finali, punt 2.1].


53 – Sentenza Chakroun (EU:C:2010:117, punt 48), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi ammont minimu tad-dħul li jekk ma jintlaħaqx tiġi rrifjutata kwalunkwe riunifikazzjoni tal-familja, indipendentament mill-eżami konkret tas-sitwazzjoni tal-applikant, ma hijiex konformi mad-Direttiva 2003/86.


54 – Ara f’dan is-sens is-sentenza O et (EU:C:2012:776, punt 80).


55 – Fil-Green Paper tagħha tal-2011, il-Kummissjoni tiddeskrivi f’termini problematiċi l-marġni li d-direttiva tagħti lill-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fakultattivi tagħha, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-miżuri eventwali ta’ integrazzjoni (parti I).


56 – Skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, N. Dogan ilha erba’ snin tipprova tingħaqad mar-raġel tagħha fil-Ġermanja.