Language of document : ECLI:EU:C:2014:2094

Kawża C‑469/13

Shamim Tahir

vs

Ministero dell’Interno
u

Questura di Verona

(talba għal deċiżjoni preliminari
mressqa mit-Tribunale di Verona)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2003/109/KE — Artikoli 2, 4(1), 7(1) u 13 — ‘Permess UE ta’ residenza għal residenti għat-tul’ — Kundizzjonijiet għall-għoti — Residenza legali u kontinwa fl-Istat Membru ospitanti matul il-ħames snin li jippreċedu l-introduzzjoni tal-applikazzjoni għal permess — Persuna marbuta mar-resident għat-tul permezz ta’ rabtiet familjari — Dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli — Effetti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Lulju 2014

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul — Direttiva 2003/109 — Kisba tal-istatus ta’ residenti għat-tul — Kundizzjoni — Membru tal-familja ta’ residenti għat-tul — Obbligu ta’ residenza b’mod legali u kontinwu fl-Istat Membru kkonċernat matul il-ħames snin li jippreċedu t-tressiq ta’ applikazzjoni għall-kisba ta’ tali statut

(Direttiva tal-Kunsill 2003/109, Artikolu 4(1), u 7(1))

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul — Direttiva 2003/109 — Dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lil membru tal-familja, fuq kundizzjonijiet iktar favorevoli mid-direttiva, “permess UE ta’ residenza fit-tul” — Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2003/109, Artikoli 2(e) u 13)

1.        L-Artikoli 4(1) u 7(1) tad-Direttiva 2003/109, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, kif emendata bid-Direttiva 2011/51, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-membru tal-familja, kif iddefinit fl-Artikolu 2(e) tal-imsemmija direttiva, tal-persuna li tkun diġà kisbet l-istatus ta’ residenti għat-tul ma jistax jiġi eżentat mill-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, li tgħid li sabiex jinkiseb dan l-istatus, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkun ilu jirrisjedi b’mod legali u kontinwu fl-Istat Membru kkonċernat matul il-ħames snin li jippreċedu immedjatament it-tressiq tal-applikazzjoni inkwistjoni.

Fil-fatt, il-kundizzjoni ta’ residenza legali u kontinwa fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul il-ħames snin li jippreċedu l-introduzzjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni, prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, hija kundizzjoni indispensabbli sabiex wieħed ikun jista’ jikseb l-istatus ta’ residenti għat-tul previst minn din id-direttiva, b’mod li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jippreżenta applikazzjoni, skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, sabiex jikseb dan l-istatus unikament jekk ikun hu stess, personalment, jissodisfa din il-kundizzjoni.

(ara l-punti 34, 37 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/19, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, kif emendata bid-Direttiva 2011/51, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru jagħti permess ta’ residenza UE għal residenza għat-tul, lil membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, taħt kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk stabbiliti minn din id-direttiva.

Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari minn qari flimkien tal-Artikoli 2(b) u 14(1) tad-Direttiva 2003/109, permess ta’ residenza UE għal residenza għat-tul jagħti lid-detentur tiegħu, bħala regola, id-dritt li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stati Membri differenti minn dak li jkun tah il-permess ta’ residenza għat-tul għal perijodu li jaqbeż it-tliet xhur. Għaldaqstant, permess ta’ residenza li jingħata, bis-saħħa tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, minn Stat Membru, lil membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(e), ta’ din l-istess direttiva fuq kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, ma jista’ bl-ebda mod ikun permess ta’ residenza UE għal residenza għat-tul fis-sens tal-imsemmija direttiva.

(ara l-punti 42-44 u d-dispożittiv 2)