Language of document : ECLI:EU:C:2013:852

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Appell — Rikors għal annullament — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Dritt għal azzjoni legali — Locus standi — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Att li jikkonċernahom individwalment — Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni — Deċiżjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑274/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentant fl-1 ta’ Ġunju 2012,

Telefónica SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. Ruiz Calzado u J. Domínguez Pérez, avukati, kif ukoll minn M. Núñez Müller, avukat,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Němečková u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, E. Juhász u A. Borg Barthet, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, E. Levits, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Jarašiūnas u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Telefónica SA (iktar ’il quddiem “Telefónica”) titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Marzu 2012, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (T‑228/10, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu hija ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/5/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implementata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        L-Artikolu 12(5) tal-Liġi 43/1995, tas-27 ta’ Diċembru 1995, dwar it-Taxxa Korporattiva (BOE Nru 310, tat-28 ta’ Diċembru 1995, p. 37072), jipprovdi li l-akkwist ta’ ishma f’impriża mhux stabbilita fuq it-territorju Spanjol jista’, f’ċerti kundizzjonijiet, jikkostitwixxi avvjament finanzjarju li jista’ mbagħad jiġi amortizzat fuq perijodu massimu ta’ għoxrin sena, li hekk tnaqqas il-piż tat-taxxa tal-akkwirent (iktar ’il quddiem l-“iskema inkwistjoni”).

3        Il-Kummissjoni Ewropea kkunsidrat li l-iskema inkwistjoni, li ma tapplikax għall-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji stabbiliti fi Spanja, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u għalhekk fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007, fejn stiednet lir-Renju ta’ Spanja u lill-benefiċjarji potenzjali ta’ din l-iskema sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom.

4        Fit-tmiem tal-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

5        L-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata jikkonstata li l-iskema inkwistjoni kienet applikata bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE u ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

6        Madankollu, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u wara d-dikjarazzjonijiet ta’ żewġ kummissarji lill-Parlament Ewropew, kienet offriet garanziji speċifiċi, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti ta’ tali natura li l-benefiċjarji ta’ din l-iskema seta’ kellhom tamiet ġustifikati dwar jekk dan tal-aħħar kienx legali, fis-sens li minħabba l-assenza ta’ selettività tagħha, hija ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, hija kkunsidrat li dawn il-benefiċjarji setgħu leġittimament jaħsbu li l-ebda għajnuna ma kienet ser tiġi rkuprata u għalhekk iddeċidiet li l-vantaġġi mogħtija qabel il-21 ta’ Diċembru 2007, li hija d-data ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, tista’ tinżamm taħt ċerti kundizzjonijiet.

7        Din hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-iskema inkwistjoni tista’ tibqa’ tapplika, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fuq l-investimenti f’ishma mwettqa qabel dik id-data.

8        Skont l-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju ta’ Spanja għandu jirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ din mill-benefiċjarji li d-drittijiet tagħhom f’kumpanniji barranin, miksuba fil-kuntest tal-akwizzjoni ta’ ishma intra-Komunitarji, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni.

9        L-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni hija immedjata u effettiva u li r-Renju ta’ Spanja għandu jiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implementata fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika tagħha.

10      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata jiddisponi li r-Renju ta’ Spanja għandu jikkomunika lill-Kummissjoni serje ta’ informazzjoni u jżomm lil din tal-aħħar informata bil-progress tal-miżuri nazzjonali adottati sabiex tiġi implementata din id-deċiżjoni. B’mod partikolari, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(a) tagħha, ir-Renju ta’ Spanja għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-lista ta’ benefiċjarji li rċevew għajnuna taħt l-iskema inkwistjoni. Huwa stabbilit li Telefónica kienet fil-lista.

11      Matul is-snin 2005 u 2006, Telefónica kienet akkwistat żewġ ishma, rispettivament f’kumpannija stabbilita fir-Repubblika Ċeka u f’oħra li għandha s-sede tagħha fir-Renju Unit, permezz tal-iskema inkwistjoni u, fiż-żewġ każijiet, dawn l-akkwisti kienu seħħew qabel id-data msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

12      Fir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni kkontestata, ippreżentat fil-21 ta’ Marzu 2010, Telefónica talbet għall-annullament tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni.

13      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Hija ssostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli minħabba li Telefónica la wriet li kellha interess ġuridiku u lanqas li kienet ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. Telefónica ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

14      Bid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Telefónica bħala inammissibbli fuq il-bażi tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 41 tad-digriet appellat, li Telefónica ma hijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, fil-punt 45 tal-istess digriet, li din id-deċiżjoni ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala att li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Telefónica mingħajr ma eżaminat l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq nuqqas ta’ interess ġuridiku.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Telefónica titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament fil-Kawża T‑228/10 u tirreferi l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż “tal-proċeduri dwar l-ammissibbiltà fiż-żewġ istanzi”.

16      Il-Kummissjoni titlob li tiċħad l-appell u li tikkundanna lil Telefónica għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

17      Telefónica invokat tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel nett, hija tallega li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. It-tieni nett, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tiddeċiedi li hija ma kinitx individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata. It-tielet nett, fl-opinjoni tagħha l-Qorti Ġenerali sostniet interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ att li ma jinvolvi ebda miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni.

18      Il-kwistjoni dwar jekk id-dritt ta’ Telefónica għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwiex qiegħed jiġi kkontestat mid-digriet appellat tqum biss jekk ikun fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni korretta tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li l-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors ta’ Telefónica bħala inammissibbli. Konsegwentement, l-ewwel aggravju invokat minn Telefónica insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi biss eżaminat wara l-eżami taż-żewġ aggravji l-oħra tagħha, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

19      Barra minn hekk għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rikonoxxut lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att jinteressaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament.

20      Jekk id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, hekk kif sostnut minn Telefónica fit-tielet aggravju tagħha, ma jkunx neċessarju għal din tal-aħħar li turi li, hekk kif sostnut minnha fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, hija individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tielet aggravju fl-ewwel lok.

 Fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

21      Telefónica targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-deċiżjonijiet dwar għajnuna mill-Istat bħad-deċiżjoni kkontestata jinkludu miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

22      Telefónica tinnota li d-deċiżjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni għandha effett dirett u ma teħtieġx miżuri ta’ implementazzjoni billi immedjatament twassal għall-illegalità tal-għajnuna mogħtija u normalment timplika obbligu ta’ rkupru ta’ din mill-Istat Membru kkonċernat. Il-miżuri li jseħħu wara tali deċiżjoni li jistgħu jkunu neċessarji għall-implementazzjoni tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mingħand ċerti benefiċjarji, kif imsemmija fl-Artikolu 6(2) tad-deċiżjoni kkontestata u kkonfermat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 43 tad-digriet appellat, jirrigwardaw obbligu ta’ natura aċċessorja li ma tistax tikkontesta l-effett dirett tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni. Skont Telefónica, jekk ikun ammess, hekk kif tikkunsidra l-Qorti Ġenerali, li miżura ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija kkostitwita minn kwalunkwe miżura, anki jekk tkun żgħira, li Stat Membru huwa meħtieġ li jadotta sabiex jimplementa att tal-Unjoni, varjetà kbira ta’ atti regolatorji ikunu awtomatikamenti esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u dan b’kontradizzjoni mal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni maħsub sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-Qorti Ġenerali lill-individwi li l-interessi taħhom huma effettwati minn atti ta’ natura mhux leġiżlattiva adottati mill-istituzzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

23      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies bħala att li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

24      Billi l-kunċett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ma huwiex iddefinit fit-Trattati, jidher loġiku li jiġi interpretat litteralment, jiġifieri li jiġi kkunsidrat li jirreferi għal kwalunkwe att ġuridiku neċessarju għat-twettiq ta’ att ġuridiku ieħor. It-tifsira litterali ta’ dan il-kunċett huwa ekwivalenti għal dak użat mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677 ) intiża sabiex tiġi ssinjalata lakuna eventwali fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni. Skont il-Kummissjoni, jirriżulta mid-dokumenti relatati mal-grupp ta’ xogħol fuq il-Konvenzjoni Ewropea responsabbli għall-abbozzar tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (ĠU 2004, C 310, p. 1), li fiż-żmien tat-tħejjija tad-dispożizzjoni li iktar tard saret l-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-intenzjoni tal-awtorità kostitwenti kien li timla din il-lakuna potenzjali fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-laxkar tal-kundizzjonijiet dwar il-locus standi kien għalhekk jissodisfa x-xewqa li individwi jibbenefikaw minn rikors dirett kontra atti ta’ applikazzjoni ġenerali, iżda fl-istess ħin limitat għal każijiet li fihom huwa impossibbli għal dawn l-individwi biex jikkontestaw il-validità ta’ att ta’ implementazzjoni.

25      Il-Kummissjoni żżid li, fejn att regolatorju jeħtieġ miżura ta’ implementazzjoni, kemm jekk miżura nazzjonali jew miżura meħuda fil-livell tal-Unjoni, il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ individwi hija żgurata permezz tad-dritt tagħhom li jikkontestaw il-legalità tal-miżura ta’ implementazzjoni billi, fejn xieraq, jinvokaw eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-att regolatorju bażiku li jikkostitwixxi l-bażi ta’ din il-miżura. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jkun hemm locus standi sabiex jiġi direttament ikkontestat l-att bażiku.

26      Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemm l-ebda dubju li deċiżjoni li tobbliga Stat Membru sabiex jirkupra l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni teħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni. Skont il-Kummissjoni, tali deċiżjoni għandha bħala destinatarju uniku l-Istat Membru kkonċernat u ma tistax twassal għall-obbligu ta’ ħlas dirett mill-benefiċjarji. Il-Kummissjoni f’dan ir-rigward tfakkar li, skont it-tieni sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata għandha torbot lil dawn biss. Hija tikkunsidra li, sabiex obbligu japplika għall-benefiċjarji, huwa neċessarju li l-Istat Membru jadotta miżuri ta’ implementazzjoni li jeżiġu minn dawn il-benefiċjarji l-ħlas lura tal-għajnuna indebitament riċevuta. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja miżuri oħra ta’ implementazzjoni, minbarra l-obbligu ta’ rkupru, bħall-obbligu biex itemm l-iskema inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27      Hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “atti regolatorji [... ] li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni” jeħtieġ li jiġi interpretat fis-sens tal-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi li fih ġiet fis-seħħ, f’li jiġi evitat li individwu jkun kostrett li jikser id-dritt sabiex ikollu aċċess għall-qorti. Madankollu, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq l-istatus legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni, din tal-aħħar tista’ tkun nieqsa minn protezzjoni ġudizzjarja effikaċi jekk ma kellhiex mezz ta’ rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni għall-fini li tikkontestata l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika minkejja li direttament ikkonċernata mill-att inkwistjoni tkun tista’ tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att wara li tikser id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att billi tinvoka l-illegalità ta’ dawn fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontriha quddiem il-qrati nazzjonali.

28      Għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, li meta att regolatorju jinkludi miżuri ta’ implementazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat irrispettivament minn jekk dawn il-miżuri jiġu mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni att regolatorju tal-Unjoni huma madankollu protetti kontra l-applikazzjoni fir-rigward tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implementazzjoni li dan l-att jinvolvi.

29      Peress li l-implementazzjoni ta’ dawn l-atti hija responsabbiltà tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra l-atti ta’ applikazzjoni taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jinvokaw insostenn ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att bażiku kkonċernat. Meta din l-implementazzjoni hija f’idejn l-Istati Membri, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att bażiku inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jwasslu lil dawn il-qrati sabiex, skont l-Artikolu 267 TFUE, jistaqsu dwar dan lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, punt 93).

30      Fit-tieni lok, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni skont l-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ partijiet oħra fil-kawża.

31      Fit-tielet lok, sabiex tivverifika jekk l-att ikkontestat jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni, huwa xieraq li wieħed jirreferi esklużivament għas-suġġett tar-rikors, u fil-każ fejn rikorrent jitlob biss l-annullament parzjali ta’ att, huma biss il-miżuri ta’ implementazzjoni li din il-parti tal-att possibbilment tinkludi, li għandhom skont il-każ jittieħdu inkunsiderazzjoni.

32      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat it-tielet aggravju invokat minn Telefónica insostenn tal-appell tagħha.

33      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rikors ta’ Telefónica kellu bħala suġġett biss l-inkompatibbiltà parzjali tal-iskema inkwistjoni mas-suq komuni, kif iddikjarata fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, u ma kinitx tikkontesta l-irkupru tal-għajnuna, ordnata bl-Artikolu 4(1) ta’ din u lanqas l-ordnijiet l-oħra indirizzati lir-Renju ta’ Spanja fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-deċiżjoni.

34      Fl-ewwel lok, hekk kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dikjarazzjoni tal-inkompatibbiltà parzjali tal-iskema inkwistjoni mas-suq komuni, stabbilita fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata hija indirizzata biss lill-Istat Membru destinatarju tad-deċiżjoni, f’dan il-każ ir-Renju ta’ Spanja, billi din id-deċiżjoni ma hijiex obbligatorja fir-rigward ta’ persuni oħra skont ir-raba’paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE.

35      Fit-tieni lok, l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata għandu l-għan esklużiv li jiddikjara l-inkompatibbiltà tal-iskema inkwistjoni mas-suq komuni. Huwa ma jiddefinixxix il-konsegwenzi speċifiċi li din id-dikjarazzjoni għandha għal kull persuna taxxabbli, konsegwenzi li jimmaterjalizzaw f’atti amministrattivi bħal stima ta’ taxxa, li tikkostitwixxi bħala tali miżura ta’ implementazzjoni li l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata “jinkludi” fis-sens tal-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

36      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament ddeċidiet, fil-punt 44 tad-digriet appellat, li l-miżuri intiżi sabiex jimplementaw id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, inkluż b’mod partikolari dik li tikkonsisti f’ċaħda ta’ talba għall-benefiċċju fiskali inkwistjoni, ċaħda li r-rikorrent jista’ wkoll jikkontesta quddiem il-qrati nazzjonali, huma miżuri ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

37      Tali konstatazzjoni hija fiha nnifisha tali li tiġġustifika ċ-ċaħda tal-argument ta’ Telefónica quddiem il-Qorti Ġenerali li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex miżuri ta’ implementazzjoni.

38      Konsegwentement il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 45 tad-digriet appellat, li irrispettivament minn jekk id-deċiżjoni kkontestata huwa att regolatorju, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti mill-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma kinux issodisfatti f’din il-kawża.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tielet aggravju ta’ Telefónica invokat insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

40      Skont Telefónica, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta pproċediet għal interpretazzjoni iktar restrittiva tal-kunċett ta’ benefiċjarju effettiv ta’ skema ta’ għajnuna li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, hekk kif b’mod partikolari jirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra p. I‑4727). Telefónica argumentat li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 24 u 25 tad-digriet appellat, il-punt importanti ma huwiex li parti li effettivament ibbenefikat mill-għajnuna inkwistjoni hija fost dawk li għandhom jirrimborsaw din b’ċertezza, iżda huwa biżżejjed li jkun hemm riskju li l-interessi tagħha huma effettwati serjament, kif ikun il-każ kieku kellha tirrimborsa din l-għajnuna.

41      Madankollu, Telefónica tikkunsidra li hija doppjament f’riskju li tirrimborsa l-għajnuna rċevuta minkejja r-rikonoxximent, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-aspettattivi leġittimi tagħha f’dan ir-rigward. Minn naħa, l-eċċezzjoni għall-obbligu ta’ rkupru stabbilita fl-Artikolu 1(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata huwa bħalissa s-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑207/10) pendenti quddiem din. Jekk dan ir-rikors jirnexxi, Telefónica tista’ tkun obbligata tirrimborsa l-għajnuna li hija rċeviet. Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni, f’din l-istess deċiżjoni, li tgħid li r-regoli dwar l-amortizzazzjoni tal-avvjament jikkostitwixxu għajnuna illegali jippermetti lil terzi kompetituri tal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna milli jippreżentaw rikors fuq livell nazzjonali sabiex jinkiseb kumpens għal kull dannu subit.

42      Il-Kummissjoni tikkunsidra, madankollu, li l-ġurisprudenza timponi żewġ kundizzjonijiet li għandhom jiġu issodisfatti sabiex rikorrent jkun individwalment ikkonċernat f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża. Fl-ewwel lok, ir-rikorrent għandu jkollu l-istatus ta’ benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt skema ta’ għajnuna. Fit-tieni lok, għandu jiġi obbligat li jħallas lura l-għajnuna inkwistjoni, jew għall-inqas jiġi espost għar-riskju li jkollu jħallasha lura. Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet ta’ Telefónica, ma huwiex madankollu biżżejjed li r-rikorrent għandu r-riskju li l-interessi tiegħu huma, b’mod iktar ġenerali, serjament leżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li jgħid li rikorrent huwa individwalment kkonċernat mis-sempliċi fatt li jkun benefiċjarju ta’ skema ta’ għajnuna fis-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 15), kif ukoll tas-7 ta’ Diċembru 1993, Federmineraria et vs Il‑Kummissjoni (C‑6/92, Ġabra p. I‑6357, punti 11 sa 16).

43      F’din il-kawża, f’kull każ, ma hemm l-ebda riskju li Telefónica jkollha tħallas lura l-għajnuna li hija rċeviet, jew li tara l-interessi tagħha serjament leżi, billi huwa evidenti mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li hija tibbenefika mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44      Għandu jitfakkar li Telefónica ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata u li għalhekk dan iwassal, hekk kif jirriżulta mill-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza, għal miżuri ta’ implementazzjoni.

45      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 KE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra att, li għalkemm hija mhux destinatarja tiegħu u li jinkludi miżuri ta’ implementazzjoni, jekk dan l-att jikkonċernaha direttament u individwalment.

46      F’dak li jirrigwarda t-tieni fost dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri li jkun hemm effett individwali tal-att inkwistjoni, jirriżulta minn ġursiprudenza stabbilita li persuni oħra li ma humiex dawk destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment ħlief jekk din id-deċiżjoni tikkonċernahom minħabba ċerti kwalitajiet li jkunu partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, tindividwalizzahom b’mod analogu bħal ma jkun id-destinatarju (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, kif ukoll Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

47      Hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 28 tad-digriet appellat jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika l-miżura msemmija b’ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura sa fejn huwa kostanti li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, Antillean Rice Mills vs Il‑Kunsill, C‑451/98, Ġabra p. I‑8949, punt 52).

48      Għandu jiġi kkonstatat li dan huwa l-każ fir-rigward tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, li Telefónica titlob l-annullament tiegħu u li fir-rigward tiegħu konsegwentement huwa meħtieġ li jiġi eżaminat il-locus standi ta’ din tal-aħħar. Dan l-Artikolu 1(1) japplika għal sitwazzjonijiet iddefiniti b’mod oġġettiv u jipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni ddefiniti b’mod ġenerali u astratt. Konsegwentement Telefónica ma tistax tippretendi li hija individwalizzata minn din id-dispożizzjoni.

49      L-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata għandu biss l-effett li jostakola, fil-futur, lil kull persuna milli tibbenefika mill-iskema inkwistjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju, impriża ma tistax tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba li tagħmel parti mis-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il‑Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 41 tad-digriet appellat, li Telefónica ma hijiex ikkonċernata individwalment mill-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

51      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni aggravju, invokat minn Telefónica insostenn tal-appell tagħha għandu wkoll ikun miċħud.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

52      Telefónica ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi ċaħdet ir-rikors tagħha bħala inammissibbli, kisret id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

53      Telefónica b’mod partikolari ssostni li huwa impossibbli li jinkiseb stħarriġ ġudizzjarju permezz ta’ eċċezzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata b’tilwima mal-awtoritajiet tat-taxxa u billi tinvoka l-iskema inkwistjoni minkejja li ma hijiex iktar parti mill-ordinament ġuridiku Spanjol fis-seħħ, sabiex jiżguraw li l-qorti nazzjonali kompetenti tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari dwar il-validità skont il-punt b tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Dan ikun jeħtieġ fil-fatt li hija tiddeċiedi li tikkommetti ksur tad-dritt, jiġifieri, li taġixxi deliberatament b’mod li jmur kontra l-liġi fis-seħħ. Madankollu, billi deliberatament tikser il-liġi, hija mhux biss tmur kontra l-kodiċijiet ta’ kondotta li għalihom hija tissottoskrivi, iżda hija esposta għal riskju ċert li l-awtoritajiet tat-taxxa Spanjoli jiddeċiedu li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom li jimponu sanzjonijiet abbażi ta’ sensiela ta’ dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fiskali applikabbli.

54      Il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 TFUE u 277 TFUE tiegħu, minn naħa, u tal-Artikolu 267 TFUE tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji u ta’ proċeduri intiżi sabiex jiżguraw ir-reviżjoni tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, billi jgħaddihom lill-qrati tal-Unjoni.

55      L-argument ta’ Telefónica li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-kundizzjonijiet li taħthom kien fil-fatt possibbli li tuża’ l-proċess ġudizzjarju nazzjonali għandu wkoll jiġi miċħud. Ma jkunx possibbli li tiġi aċċettata interpretazzjoni tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji li tgħid li rikors dirett għal annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni tkun miftuħa sa fejn jista’ jiġi pprovat, wara eżami konkret minn din tal-aħħar tar-regoli proċedurali nazzjonali, li dawn ma jippermettux lill-individwu li jippreżenta rikors li permezz tiegħu jikkontesta l-validità tal-att tal-Unjoni kkontestat. Fil-fatt, tali sistema titlob li l-qrati tal-Unjoni jeżaminaw u jinterpretaw id-dritt proċedurali nazzjonali, li joħroġ barra mill-kompetenzi tagħha fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’kull każ, ikun impossibbli għal individwu li jippreżenta rikors għal annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni, anki jekk jidher li r-regoli proċedurali nazzjonali ma jippermettux lill-individwu li jippreżenta rikors li jippermettilu li jikkontestata l-validità tal-att tal-Unjoni kkontestat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Unjoni hija Unjoni tad-dritt li fiha l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom, b’mod partikolari, mat-Trattati, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll mad-drittijiet fundamentali (sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91).

57      L-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-qrati tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, it-Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 TFUE u 277 TFUE tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 TFUE tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qrati tal-Unjoni (sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 90 u 92).

58      Għalhekk, hekk kif jirriżulta mill-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni kkontestata fiha miżuri ta’ implementazzjoni, fl-Istat Membru kkonċernat, fir-rigward ta’ Telefónica.

59      Konsegwentement, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, anki jekk Telefónica ma tistax tikkontesta direttament id-deċiżjoni kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni, hija tista’ titlob quddiem il-qrati nazzjonali sabiex din id-deċiżjoni tkun ikkunsidrata invalida u twassal lil dawn sabiex iressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, domandi preliminari, b’mod partikolari billi tirrinvija quddiem dawn il-qrati l-att amministrattiv li jirrifjutalha l-benefiċċju ta’ amortizzazzjoni taħt l-iskema inkwistjoni.

60      Minn dan jirriżulta li l-ewwel aggravju invokat minn Telefónica insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud.

61      Billi l-ebda wieħed mit-tliet aggravji invokati minn Telefónica insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jiġi milqugħ, dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

63      Peress li Telefónica tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Telefónica SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.