Language of document : ECLI:EU:T:2013:431

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

13 ta’ Settembru 2013 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Restrizzjonijiet tad-dħul u l-passaġġ fit-territorju tal-Unjoni — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Drittijiet fundamentali”

Fil-Kawża T‑383/11,

Eyad Makhlouf, residenti f’Damasku (is-Sirja), inizjalment irrappreżentat minn P. Grollet u G. Karouni, sussegwentement minn Karouni u C. Rygaert, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn G. Étienne u R. Liudvinaviciute‑Cordeiro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/302/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 136, p. 91), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (JO L 319, p. 56), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 330, p. 21) sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, S. Soldevila Fragoso (Relatur) u G. Berardis, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Eyad Makhlouf, huwa uffiċjal ta’ nazzjonalità Sirjana, fil-grad ta’ logutenent‑kurunell.

2        Filwaqt li kkundanna b’mod sħiħ ir-repressjoni vjolenti tal-manifestazzjonijiet paċifiċi f’diversi nħawi fis-Sirja u filwaqt li appella lill-awtoritajiet Sirjani sabiex dawn jastjenu milli jirrikorru għall-forza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fid-9 ta’ Mejju 2011, adotta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 121, p. 11). Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill adotta embargo fuq l-armi, projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ materjal li jista’ jintuża għall-finijiet ta’ repressjoni interna, restrizzjonijiet tad-dħul fl-Unjoni Ewropea kif ukoll iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana.

3        L-ismijiet tal-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana kif ukoll dawk il-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u entitajiet li huma assoċjati magħhom huma msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta ta’ Stat Membru jew ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jista’ jemenda l-lista li tinsab fl-imsemmi anness. L-isem tar-rikorrent ma jidhirx f’dan l-anness.

4        Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/302/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU L 136, p. 91), il-Kunsill emenda d-Deċiżjoni 2011/273 sabiex, b’mod partikolari, japplika l-miżuri restrittivi inkwistjoni għal persuni u entitajiet oħrajn li isimhom ġie miżjud fil-lista li tidher fl-anness, li ħa post l-anness għad-deċiżjoni preċedenti. L-isem tar-rikorrent ġie inkluż f’din il-lista, li tinkludi diversi referenzi li huma marbuta, inter alia, mad-data tal-inklużjoni tiegħu fil-lista inkwistjoni, f’dan il-każ it-“23.05.2011”, mad-data tat-twelid tiegħu, in-numru tal-passaport tiegħu, kif ukoll il-motivi “Ħu Rami Makhlouf u uffiċjal tad-Direttorat Ġenerali tal-Intelligence Sirjana [GID]; involut fir-repressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili”.

5        Fl-24 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill ipproċeda bil-pubblikazzjoni ta’ avviż għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2011/273 u mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU C 153, p. 8).

6        Permezz tad-Deċiżjoni 2011/522/PESK, tat-2 ta’ Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 228, p. 16), il-Kunsill ippreveda li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, anki fir-rigward tal-anness tagħha, għandu jinkludi wkoll il-“persuni li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u ta’ persuni [li kienu] assoċjati magħhom, kif [kienu] elenkati fl-Anness […]”.

7        Permezz tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU L 319, p. 56), il-Kunsill qies li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, kien meħtieġ li jiġu imposti miżuri restrittivi addizzjonali. Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-miżuri imposti mid-Deċiżjoni 2011/273 u l-miżuri addizzjonali ġew integrati fi strument legali wieħed. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 20 tat-tabella tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/782, mal-istess informazzjoni u motivi li ġew użati fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/273.

8        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li temenda d-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU L 330, p. 21), il-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew integrati fi strument legali wieħed. Isem ir-rikorrent jidher fil-linja 19 tat-tabella tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/739 mal-istess informazzjoni u motivi li ġew użati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273.

9        Fit-30 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill ipproċeda bil-pubblikazzjoni ta’ avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2012/739 u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, kif implimentati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1117/2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU C 370, p. 6).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni Nru 2011/302.

11      Permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 2012, intlaqgħet it-talba għal intervent tal-Kummissjoni Ewropea insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2011.

12      Permezz tal-osservazzjonijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrent aġġusta t-talbiet tiegħu billi talab ukoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/782. Fil-kontroreplika, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ April 2012, il-Kunsill ħa konjizzjoni tat-talba tar-rikorrent.

13      Permezz tal-osservazzjonijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrent aġġusta t-talbiet tiegħu billi talab ukoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2012/739, filwaqt li rrikonoxxa li r-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/782 kien spiċċa mingħajr skop. Permezz tal-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota li taġġusta t-talbiet tiegħu ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Frar 2013, il-Kunsill ħa konjizzjoni tat-talba tar-rikorrent.

14      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

15      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Frar 2013. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ma attendietx għas-seduta.

16      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/302 u d-Deċiżjoni 2012/739;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

17      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni ssostni t-talbiet tal-Kunsill.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-aġġustament tat-talbiet għal annullament tar-rikorrent

19      Kif jirriżulta mill-punti 4 sa 9 iktar ’il fuq, wara l-preżentata tar-rikors, id-Deċiżjoni 2011/273, kif emendata b’mod partikolari mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/302, tħassret u ġiet issostitwita mid-Deċiżjoni 2012/739. Ir-rikorrent talab li jkun jista’ jaġġusta t-talbiet tiegħu sabiex dawn ikopru wkoll dawn l-aħħar żewġ deċiżjonijiet, filwaqt li permezz tagħha naqas li jikkontesta d-Deċiżjoni 2011/782. Il-Kunsill ma oġġezzjonax għall-aġġustament tat-talbiet tar-rikorrent.

20      Għandu jitfakkar li, meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċerna persuna direttament jew individwalment, jiġi ssostitwit, fil-mori tal-kawża, minn att li jkollu l-istess għan, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala prova ġdida li tippermetti lir-rikorrent li jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għar-rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju jekk ir-rikorrent jiġi obbligat jippreżenta rikors ġdid. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex tikkonfronta l-kritika inkluża f’rikors ippreżentat kontra att quddiem qorti tal-Unjoni, temenda l-att ikkontestat jew tissostitwih b’att ieħor u tinqeda, fil-mori tal-kawża, minn din l-emenda jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att li jsir wara jew mill-possibbiltà li tippreżenta talbiet u motivi supplimentari kontra dan (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, Ġabra, p. II‑3019, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Għalhekk, għandha tintlaqa’ l-ammissibbiltà tat-talbiet indirizzati kontra d-Deċiżjoni 2012/739, li kienu ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2013, jiġifieri fiż-żmien neċessarju tar-rikors.

 Fuq il-mertu

22      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent essenzjalment jinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tad-dritt għal smigħ xieraq u għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tieni, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u, ir-raba’ fuq ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità, tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tad-dritt għal rimedju xieraq u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

23      Ir-rikorrent isostni li ġew imposti fuqu sanzjonijiet mingħajr ma l-ewwel instema’, mingħajr ma kellu l-opportunità jiddefendi ruħu u mingħajr ma kellu konoxxenza tal-elementi li abbażi tagħhom ittieħdu dawn il-miżuri, billi l-Kunsill kien naqas mill-obbligu tiegħu li jikkomunikalu d-deċiżjoni tiegħu li tinkludi fiha l-motivi li għalihom ġie inkluż fil-listi inkwistjoni, jew direttament, għaliex l-indirizz tiegħu seta’ ma kienx jafu, jew bil-pubblikazzjoni ta’ avviż li jagħtih il-possibbiltà konkreta li jressaq osservazzjonijiet.

24      Skont ir-rikorrent, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi, l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija obbligata li tikkomunika l-motivi ta’ dawn il-miżuri lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, sa fejn dan ikun possibbli, jew fil-mument meta jiġi deċiż li dawn l-imsemmija persuni għandhom jiġu inklużi f’lista, jew tal-inqas, kemm jista’ jkun malajr wara din id-deċiżjoni, bil-għan li tippermetti lid-destinatarji jeżerċitaw fit-termini stabbiliti, id-dritt tagħhom għal rimedju.

25      Ir-rikorrent jafferma li, fl-ipoteżi li huwa kien ikkunsidra li l-pubblikazzjoni ddettaljata tal-ilmenti fil-konfront tiegħu jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jolqtu ċ-ċertezza tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-motivazzjoni speċifika u konkreta tad-deċiżjoni kien imissha ġiet ifformalizzata u miġjuba għall-attenzjoni tiegħu b’kull mezz xieraq. Issa f’dan il-każ, l-ebda prova ma kienet ippermettiet li jiġi kkunsidrat li tali pubblikazzjoni kienet tkun f’kunflitt mal-imsemmija kunsiderazzjonijiet imperattivi.

26      Iktar minn hekk, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni ta’ motivi speċifiċi u konkreti li jiġġustifikawhom, ir-rikorrent lanqas ma jista’ jkun f’pożizzjoni li jiddefendi lilu nnifsu b’mod effettiv quddiem il-Qorti Ġenerali.

27      Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

28      Il-Kunsill isostni li, minħabba n-natura konservattiva u l-għan tal-miżuri tal-iffriżar tal-assi, l-adozzjoni ta’ dawn tal-aħħar ma tistax tkun suġġetta għal smigħ minn qabel tal-persuni kkonċernati mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-effettività tal-imsemmija miżuri u, b’hekk, l-għan segwit mill-Unjoni.

29      Il-Kunsill ifakkar li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/302 ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan sar wkoll fir-rigward tal-avviż għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi inkwistjoni, li kienu ġew ippubblikati, kuntrarjament għal dak li jafferma r-rikorrent, fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2011, C 153, p. 8). Il-Kunsill iżid li ma kienx f’pożizzjoni li jipproċedi b’notifika individwali tad-deċiżjonijiet ikkontestati mir-rikorrent, peress li ma kellux l-indirizz personali tar-rikorrent.

30      Sa fejn jikkonċerna l-eżerċitar ta’ rimedji għad-dispożizzjoni tar-rikorrent, il-Kunsill isostni li dan ma indirizzax talba għal kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-miżura li huwa suġġett għaliha, u lanqas talab li jkunu kkomunikati lilu l-elementi li mmotivaw id-deċiżjoni meħuda fil-konfront tiegħu.

31      Għandu jiġi mfakkar li d-dritt fundamentali għall-osservanza tad-drittijiet tad-difiża matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva, huwa espressament stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389), li għaliha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur legali daqs it-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, Ġabra p. I‑13427, punt 66).

32      Bl-istess mod għandu jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u dan il-prinċipju kien barra minn hekk ġie affermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37, u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 335, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi”).

33      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, f’dan il-każ għandu jiġi deċiż li l-effettività ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li jista’ jaffettwa partikolarment il-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata, f’dan il-każ, id-deċiżjoni li jiġi inkluż l-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista li tinsab fl-anness tad-deċiżjonijiet ikkontestati u li twassal għall-impożizzjoni fuq dawn id-destinatarji ta’ numru ta’ miżuri restrittivi, timplika li l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija obbligata tikkomunika dawn il-motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata sa fejn dan ikun possibbli, jew fil-mument li fih tkun ġiet deċiża din l-inklużjoni jew kemm jista’ jkun malajr wara din id-deċiżjoni, bil-għan li tippermetti lid-destinatarji jeżerċitaw fit-termini stabbiliti, id-dritt tagħhom għal rimedju (ara s-sentenza Kadi, punt 336, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Ir-rispett ta’ dan l-obbligu li l-imsemmija motivi jiġu kkomunikati huwa fil-fatt neċessarju kemm sabiex jippermetti lid-destinatarji tal-miżuri restrittivi jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li jiddeċiedu b’konoxxenza sħiħa tal-fatti jekk huwiex utli li l-każ jitressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et., 222/86, Ġabra p. 4097, punt 15) kif ukoll sabiex iqiegħdu lil din tal-aħħar kompletament f’pożizzjoni li teżerċita stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni inkwistjoni li hija għandha tagħmel bis-saħħa tat-trattat (sentenza Kadi, punt 337).

35      Issa, l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/273 jipprovdi li l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna kkonċernata, inklużi fiha l-motivi tal-inklużjoni tagħha fil-lista, jew b’mod dirett, jekk l-indirizz tagħha jkun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil tali persuna l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet. Iktar minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li, jekk jiġu mressqa osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat. Fl-aħħar nett, il-lista li tidher fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni hija riveduta f’intervalli regolari minn tal-inqas darba kull tnax-il xahar. Fil-prinċipju, dawn id-dispożizzjonijiet huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza.

36      F’dan il-każ, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/302, ġie ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali fl-24 ta’ Mejju 2011, li jagħti wkoll il-possibbiltà lir-rikorrent sabiex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill.

37      Il-fatt li din il-komunikazzjoni tkun seħħet wara l-ewwel inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat bħal ksur tad-drittijiet tad-difiża.

38      Fil-fatt, b’konformità mal-ġurisprudenza sa fejn din tikkonċerna d-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, id-dritt li jinstema’ fir-rigward ta’ miżuri restrittivi, l-awtoritajiet tal-Unjoni ma jistgħux jintalbu li jikkomunikaw l-imsemmija motivi qabel l-inklużjoni inizjali ta’ persuna jew entità fil-lista li timponi miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 338).

39      Fil-fatt, tali komunikazzjoni anteċedenti, tkun tali li tikkomprometti l-effettività tal-miżuri tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi imposti minn dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 339).

40      Sabiex jintlaħaq l-għan intiż mid-deċiżjonijiet ikkontestati, tali miżuri għandhom, min-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat, japplikaw b’effett immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf‑Niehuus, C‑117/06, Ġabra p. I‑8361, punt 63, u s-sentenza Kadi, punt 340).

41      Għal raġunijiet relatati wkoll mal-għan intiż mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/302, li inkludiet l-isem tar-rikorrent fil-lista li tidher fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/273, u għall-effettività tal-miżuri previsti minnha, l-awtoritajiet tal-Unjoni lanqas ma huma obbligati jisimgħu lir-rikorrent qabel l-inklużjoni inizjali ta’ ismu fuq il-lista li tidher fl-anness (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 341).

42      Madankollu, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/739, li hija deċiżjoni sussegwenti li żżomm isem ir-rikorrent fuq il-lista li tinkludi ismijiet ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, l-argument tal-effett ta’ sorpriża tal-imsemmija miżuri ma jistax jiġi validament invokat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

43      Madankollu, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkunsidrat li dan id-dritt li wieħed jinstema’ qabel kellu jiġi rrispettat minħabba li l-Kunsill kien ibbaża ruħu fuq provi ġodda fil-konfront tal-organizzazzjoni li nżammet fil-lista inkwistjoni.

44      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ma ġab l-ebda prova ġdida, jiġifieri prova li ma ġietx ikkomunikata diġà lir-rikorrent wara l-inklużjoni inizjali, meta ismu kien inżamm fil-lista inkwistjoni.

45      Issa, skont l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni 2011/273, “[F]ejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata kif meħtieġ”. B’hekk, ir-rikorrent jista’, f’kull mument, fuq inizjattiva tiegħu, jinstema’ mill-Kunsill mingħajr il-ħtieġa speċifika ta’ invit mill-ġdid li jkun mibgħut qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni sussegwenti, fin-nuqqas ta’ provi ġodda kkunsidrati fil-konfront tiegħu.

46      Iktar minn hekk, il-Kunsill ipproċeda bil-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali fit-30 ta’ Novembru 2012, jiġifieri l-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/739. Konsegwentement, f’ċirkustanzi bħal dawn, ma jista’ jiġi stabbilit l-ebda ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrent peress li dan tal-aħħar kellu l-okkażjoni matul numru ta’ xhur sabiex jikkontesta l-provi li jiġġustifikaw l-inklużjoni u ż-żamma ta’ ismu fil-lista li tiġbor fiha l-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi.

47      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li jirrigwarda n-nuqqas ta’ notifika individwali tad-deċiżjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni 2012/739 jimponi notifika diretta u individwali tad-deċiżjoni meta l-indirizz tal-persuna suġġetta għal miżuri restrittivi jkun magħruf.

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, jekk komunikazzjoni individwali ta’ dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet hija, fil-prinċipju, meħtieġa, u jekk is-sempliċi pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ma tkunx biżżejjed, madankollu għandu jkun l-imħallef li jiddeċiedi, f’kull każ, jekk il-fatt li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma nġabux għall-konoxxenza tar-rikorrent individwalment kellhiex bħala konsegwenza li ċċaħħad lir-rikorrent mill-possibbiltà li jkun jaf, fi żmien utli, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li jevalwa l-fondatezza tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi adottati fir-rigward tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, C‑548/09 P, Ġabra p. I‑11381, punti 52 sa 56).

49      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fit-30 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill ċertament kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-indirizz tar-rikorrent kif ukoll dak tal-avukati tiegħu peress illi dawn kienu msemmijin fir-rikors li bih ġiet ippreżentata l-kawża odjerna.

50      Konsegwentement, il-Kunsill kellu jwettaq notifika individwali tal-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fuq il-lista inkwistjoni sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jiddefendi ruħu b’mod effettiv u fl-aħjar żmien. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrent tpoġġa f’pożizzjoni li jiddefendi ruħu b’mod effettiv kontra l-atti kkontestati wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali, billi ppreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fit-terminu previst.

51      Fl-aħħar nett, rigward in-nuqqas ta’ referenza espliċita fid-deċiżjonijiet ikkontestati għall-possibbiltà “li titlob rimedju effettiv”, għandu jiġi mfakkar li tali rikors jista’ jiġi ppreżentat fil-kundizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE u tar-raba’ u s-sitt subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif jirriżulta minn dan ir-rikors għal annullament. Iktar minn hekk, f’dan il-każ, l-avviż ippubblikat mill-Kunsill kien jipprevedi b’mod espliċitu l-possibbiltà li jintalab eżami mill-ġdid mill-Kunsill u li jiġi ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali. B’hekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

52      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

53      Ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi, għandha tirrigwarda mhux biss għall-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ta’ dan l-att, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill iqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżuri.

54      Issa, il-motivazzjoni mressqa mill-Kunsill dwar l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista li tidher fl-annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati tillimita ruħha għal kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali u l-Kunsill kien naqas li jindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom huwa kien ikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li r-rikorrent kellu jkun suġġett għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.

55      Skont ir-rikorrent, il-professjoni tiegħu kif ukoll ir-rabta familjari tiegħu waħedhom ma humiex biżżejjed sabiex iservu ta’ bażi għad-deċiżjoni tal-Kunsill. Barra minn hekk, fir-rigward tar-rabta familjari, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ att ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrent fl-atti attribwibbli lill-qarib tiegħu.

56      Il-Kunsill jiċħad l-argument tar-rikorrent.

57      Il-Kunsill jikkunsidra li r-rikorrent, bħala Uffiċjal tal-GID, kellu għarfien sħiħ tal-kuntest ġenerali u speċifiku li fih ġew adottati l-miżuri li jikkonċernawh, għall-fatt li l-armata Sirjana kienet implikata fir-repressjoni kontra l-manifestanti.

58      Il-Kunsill jenfasizza li b’mod espliċitu invoka bħala motiv għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista inkwistjoni, l-involviment tiegħu fil-GID u r-rabtiet familjari tiegħu, li kien jippermettilu jifhem ir-raġuni li għaliha l-miżuri restrittivi kienu ġew adottati fil-konfront tiegħu u li jipprepara d-difiża tiegħu.

59      Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrent huwa wkoll ħu Rami Makhlouf, li dan stess jiġi l-kuġin tal-president Bashar Al Assad, kien jikkostitwixxi raġuni ulterjuri għalfejn jitniżżel fil-lista inkwistjoni.

60      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju tar-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 145; tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 148, u tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, punt 49).

61      Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha toħroġ b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jkun possibbli għall-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63; tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 166, u tal-15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill, C‑539/10 P u C‑550/10 P, punt 138).

62      Fid-dawl tal-fatt li l-persuna kkonċernata ma tingħatax dritt li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar importanti, għaliex huwa jikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-persuna kkonċernata, speċjalment wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħmel użu effettiv mir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (sentenza Il‑Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51.

63      Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi għandu jidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal tali miżura (sentenza Il‑Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

64      Madankollu, il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 139).

65      Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tagħhom, iżda wkoll tal-kuntest tagħhom kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63; tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra p. I‑6079, punt 66, u Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 140).

66      B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-piż tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra p. I‑9919, punt 89; Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 69 u 70, u Il‑Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

67      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel tliet premessi tad-Deċiżjoni 2011/273 jesponu b’mod ċar il-motivi ġenerali tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi mill-Unjoni fil-konfront tas-Sirja:

“(1)      Fid-29 ta’ April 2011, l-Unjoni Ewropea esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar is-sitwazzjoni li qed tiżvolġi fis-Sirja u l-iskjerament ta’ forzi militari u ta’ sigurtà f’għadd ta’ bliet Sirjani.

(2)      L-Unjoni kkundannat bil-qawwa r-repressjoni vjolenti, inkluż permezz tal-użu ta’ munizzjon attiv, ta’ protesti paċifiċi f’lokalitajiet differenti madwar is-Sirja li wasslet għall-mewt ta’ diversi dimostranti, il-feriment ta’ persuni u detenzjonijiet arbitrarji, u appellat lill-forzi tas-sigurtà tas-Sirja biex jeżerċitaw trażżin minflok repressjoni.

(3)      Fid-dawl tas-serjetà tas-sitwazzjoni, għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi kontra s-Sirja u kontra l-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja.”

68      Dan il-kuntest ġenerali li tirreferi għalih id-Deċiżjoni 2011/273 kien neċessarjament magħruf mir-rikorrent, militar ta’ karriera fl-armata Sirjana.

69      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2011/273 jipprovdi li l-anness jindika l-motivi għall-inklużjoni fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2011/273 jipprovdi, li l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna fiżika jew ġuridika, lill-entità jew il-korp ikkonċernat, inklużi l-motivi għall-inklużjoni tagħha fil-lista, direttament, jekk l-indirizz tagħha huwa magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ notifika, li tipprovdilha l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet.

70      F’dan il-każ, fl-ewwel inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, fil-linja għoxrin tat-tabella annessa mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/302, il-Kunsill kien ġab il-motivazzjoni “Ħu Rami Makhlouf u Uffiċjal tal-GID involut fir-repressjoni kontra l-popolazzjoni ċivili”.

71      Anki jekk din il-motivazzjoni hija qasira, madankollu tissodisfa r-regoli tal-ġurisprudenza esposti iktar ’il fuq. Fil-fatt, ippermettiet lir-rikorrent, militar ta’ karriera li attwalment għandu grad ta’ logutenent-kurunell fl-armata Sirjana, li jifhem l-atti attribwibbli għalih u li jikkontesta kemm ir-realtà ta’ dawn l-atti u anki r-rilevanza tagħhom.

72      Fil-fatt, tali motivazzjoni hija tali li tippermetti lir-rikorrent jiddefendi ruħu, u lill-qorti tal-Unjoni li tagħmel l-istħarriġ tal-legalità tagħha. Permezz ta’ din il-motivazzjoni, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni li jikkontesta, per eżempju, il-funzjonijiet li huwa allegatament wettaq u r-rabtiet tiegħu ma’ Rami Makhlouf.

73      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni tal-motivazzjoni, li tikkonċerna formalità sostanzjali, hija distinta minn dik tal-prova tal-imġiba allegata, li taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att inkwistjoni u timplika l-verifika tar-realtà tal-fatti msemmija f’dak l-att kif ukoll il-kwalifika ta’ dawn il-fatti bħala li jikkostitwixxu elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, Ġabra p. I‑10901, punt 26; Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88, u Il‑Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

74      Għalhekk, f’dan il-każ, l-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa intiż sabiex jiġi vverifikat jekk l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill fid-deċiżjonijiet kkontestati kinux suffiċjenti sabiex tinkiseb konoxxenza tal-elementi li wasslu lil dan tal-aħħar sabiex jimponi miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent, għandu jiġi sseparat mill-eżami dwar il-fondatezza tal-motivazzjoni, li jkun jikkonsisti, fejn xieraq, fil-verifikazzjoni dwar jekk l-elementi invokati mill-Kunsill humiex stabbiliti u jekk humiex ta’ natura li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri (sentenza Il‑Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

75      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġu miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

76      Skont ir-rikorrent, il-motiv imressaq mill-Kunsill dwar il-pożizzjoni tiegħu bħala Uffiċjal tal-GID huwa żbaljat fil-fatt, peress illi huwa qatt ma kien jifforma parti mis-servizzi tas-sigurtà jew tal-GID.

77      Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

78      Skont il-Kunsill, il-GID tal-armata Sirjana tikkostitwixxi wieħed mill-organi tal-Istat Sirjan l-iktar implikat fil-politika tar-repressjoni kurrenti. Il-Kunsill jikkontesta l-imparzjalità, l-affidabbiltà u s-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrent fid-dawl tal-fatt li dawn jirriżultaw mill-awtoritajiet militari Sirjani, li huma implikati fir-repressjoni.

79      Il-Kunsill jenfasizza li l-ġbir ta’ informazzjoni dwar uffiċjal militari, membru tas-servizz tas-sigurtà, fejn id-diskrezzjoni u l-kunfidenzjalità tal-funzjonijiet huma meħtieġa, hija kumplessa, iżda din iċ-ċirkustanza ma tinvalidax l-elementi ta’ motivazzjoni li huwa ġabar.

80      Primarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-provi illi huwa jikkunsidra fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji abbażi tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. B’mod partikolari, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-provi, il-fatti u ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri bl-evalwazzjoni tagħha, peress li l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq il-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar tal-fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter. Dan l-istħarriġ limitat japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet dwar l-opportunità li fuqhom ikunu bbażati tali deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 159).

81      Essenzjalment ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidra li huwa kien eżerċita funzjonijiet bħala Uffiċjal tal-GID. F’dan ir-rigward, huwa ppreżenta dokument mill-kmandant ġenerali tal-forzi armati Sirjani li jiddeskrivi l-funzjonijiet differenti illi r-rikorrent kien eżerċita fl-armata u li b’mod partikolari jiċċertifika li, “sa llum, huwa ma serva l-ebda kariga marbuta mas-sigurtà matul is-servizz tiegħu fl-armata”.

82      L-imsemmi dokument, datat il-11 ta’ Lulju 2011, huwa ffirmat minn ċertu “Maġġur Ġenerali” tal-armata Sirjana, direttur tal-amministrazzjoni tal-uffiċjali. Il-karriera militari tar-rikorrent hija mniżżla fih wara l-1 ta’ Diċembru 1995. Minn dan id-dokument jirriżulta li r-rikorrent serva 16‑il sena fl-armata Sirjana. Għandu jiġi enfasizzat li fl-2006, huwa nħatar “Commander of the Of Confidentiality” (Kmandant inkarigat mill-kunfidenzjalità). Fl-2008 huwa ġie promoss fir-rank ta’ logutenent-kurunell, u maħtur “Chief of Staff Battalion” (Kap tal-Persunal Battaljun) fit-30 ta’ Mejju 2011 meta r-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili Sirjana kienet għaddejja, xahar wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/273.

83      Iktar minn hekk, matul is-seduta, wara l-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rappreżentant tar-rikorrent naqas milli jwarrab l-idea li, fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal tal-armata Sirjana, filwaqt li r-rikorrent ma jikkontestax din ir-realtà, dan tal-aħħar jista’ jkun ikkunsidrat li huwa assoċjat mar-reġim.

84      Filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-provi, kif ukoll il-fatt li d-dokument inkwistjoni joriġina mill-armata Sirjana, direttament iddubitat mid-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba r-rwol tiegħu fl-opressjoni tal-popolazzjoni ċivili Sirjana, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent ma pproduċa l-ebda prova konkreta li tikkonkludi li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

85      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità, tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata

86      Ir-rikorrent isostni li l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu ma humiex proporzjonali għall-għanijiet segwiti mill-Kunsill li jikkonsistu fl-ikkundannar tar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana. Lil hinn mill-motivi bbażati fuq il-professjoni u r-relazzjonijiet familjari tiegħu, il-Kunsill ma pproduċa l-ebda prova insostenn tal-argument tiegħu li huwa pparteċipa fir-repressjoni tal-manifestazzjonijiet fis-Sirja. Barra minn hekk, l-ebda prosekuzzjoni ma ġiet eżerċitata fil-konfront tiegħu.

87      Skont ir-rikorrent, il-miżuri restrittivi li jikkonsistu fl-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi huma intrużivi għad-dritt tal-proprjetà. Tali miżuri jipprekludu wkoll l-implementazzjoni ta’ atti ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratti ffirmati qabel id-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-imsemmija miżuri. B’hekk, dawn il-miżuri huma sproporzjonati, b’mod li r-rikorrenti jiġi fl-impossibbiltà li jiddisponi minn fondi li jappartjenu lilu u li jeżerċita l-attributi tad-dritt għall-proprjetà.

88      Ir-rikorrent jargumenta li l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu jinċidu b’mod sproporzjonat fuq il-ħajja privata u dik familjari tiegħu, ta’ natura jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. B’mod partikolari, ma jistax iktar iżomm il-livell ta’ għixien tal-familja tiegħu, u lanqas li jakkwista l-kura meħtieġa f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni.

89      Il-Kunsill jiċħad l-argument tar-rikorrent.

90      Il-Kunsill isostni li, fir-rigward tal-għan tal-politika barranija segwit mill-Unjoni fil-konfront tas-Sirja, f’dan il-każ, li jiġu ssalvagwardati d-drittijiet tal-bniedem f’sitwazzjoni ta’ repressjoni armata ta’ moviment ta’ manifestazzjoni paċifika tal-popolazzjoni ċivili, il-miżuri restrittivi adottati huma ta’ natura xierqa u neċessarja.

91      Skont il-Kunsill, miżura ta’ ffriżar ta’ assi bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ tikkostitwixxi miżura kawtelatorja u li għalhekk ma tistax tiġi assimilata mal-konfiska tal-assi kkonċernati.

92      Il-Kunsill jenfasizza li d-dritt għall-proprjetà ma huwiex dritt assolut, iżda dritt li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati mill-interess komuni, b’konformità mal-ġurisprudenza. Il-Kunsill iqis li mhux biss kellu dritt jimponi limitazzjonijiet għad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent, iżda wkoll li dawn jikkostitwixxu miżuri xierqa fid-dawl tal-għan segwit.

93      Rigward il-fatt li r-rikorrent ma jistax jiddisponi liberament minn fondi li jappartjenu lilu, il-Kunsill ifakkar li d-Deċiżjoni 2011/273 tipprovdi għall-possibbiltà li jingħataw ċerti derogi. Jippreċiża wkoll li l-iffriżar tal-assi japplika biss għall-fondi tar-rikorrent li jinsabu fl-Unjoni.

94      Fir-rigward tar-rispett tal-ħajja privata, il-Kunsill isostni li l-għan tal-miżuri restrittivi adottati huwa li ssir pressjoni fuq il-persuni intiżi għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Għaldaqstant, il-fatt li dawn il-miżuri jħallu impatt fuq il-livell ta’ ħajja tar-rikorrent, b’hekk, hija loġika fir-rigward tal-effett intiż u ma jikkostitwixxix argument rilevanti.

95      Fl-aħħar nett, skont il-Kunsill, id-deċiżjonijiet ikkontestati espressament jipprovdu li jistgħu jingħataw derogi bil-għan li jittieħed kont tal-bżonnijiet elementari u fundamentali tal-persuna kkonċernata. Ir-raġunijiet mediċi invokati mir-rikorrent jistgħu jidħlu f’din il-kategorija, għal raġunijiet urġenti ta’ natura umanitarja, u għalhekk huwa r-rikorrent li għandu jagħmel talba f’dan is-sens, b’konformità mal-proċedura indikata fid-deċiżjonijiet inkwistjoni. L-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu taħt l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

96      Id-dritt tal-proprjetà jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u kif inhu stabbilit bl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2012, O u S, C‑356/11 u C‑357/11, punt 76).

97      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, dawn id-drittijiet fundamentali, fid-dritt tal-Unjoni, ma jgawdux minn protezzjoni assoluta, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 355). Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu ta’ dawn id-drittijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw l-għanijiet ta’ interess ġenerali intiżi mill-Unjoni u ma jammontawx, fir-rigward tal-għan segwit, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza fiha nnifisha tad-dritt hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, Ġabra p. I‑3953, punt 21, is-sentenza Kadi, punt 355, u s-sentenzi Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 89, 113 u 114, u Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 121).

98      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju tal-proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-motivi implementati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu kapaċi li jilħqu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dan (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2011, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament Ewropew u Il‑Kunsill, C‑176/09, Ġabra p. I‑3727, punt 61; tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il‑Kunsill, C‑380/09 P, punt 52, u Al-Aqsa vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 122).

99      F’dan il-każ, l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi imposti bid-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxi miżura kawtelatorja li ma hijiex maħsuba li ċċaħħad lill-persuni kkonċernati mill-proprjetà tagħhom jew mid-dritt fir-rigward ta’ rispett tal-ħajja privata tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 358). Madankollu, il-miżuri restrittivi inkwistjoni bla dubju joħolqu restrizzjoni fl-użu tad-dritt ta’ proprjetà u jaffettwaw il-ħajja privata tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 120).

100    Fir-rigward tan-natura adegwata tal-miżuri inkwistjoni fid-dawl ta’ għan ta’ interess ġenerali li huwa wkoll fundamentali għall-komunità internazzjonali u għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, jirriżulta li l-iffriżar ta’ fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra kif ukoll il-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni fir-rigward ta’ persuni identifikati bħala li huma implikati fis-sostenn tar-reġim Sirjan, ma jistgħux, bħala tali, jiġu kkunsidrati bħala inadegwati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 363, is-sentenzi Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 115, u Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 123).

101    Fir-rigward tan-natura meħtieġa tal-miżuri inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri alternattivi u inqas vinkolanti, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni preliminari jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu ta’ fondi ttrasferiti, ma jippermettux b’mod daqstant effettiv li jintlaħaq l-għan segwit, jiġifieri l-eżerċitar ta’ pressjoni fuq is-sostenn tar-reġim Sirjan li jippersegwixxi l-popolazzjoni ċivili, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti (ara, b’analoġija, is-sentenza Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 125).

102    Iktar minn hekk, huwa neċessarju li jitfakkar li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2011/273 u l-Artikolu 25(3) sa (11) tad-Deċiżjoni 2012/739, jipprevedu l-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet essenzjali jew jiġu ssodisfatti ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li jiġu rrilaxxati fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra (ara, b’analoġija, is-sentenzi Kadi, punt 364, u Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 127).

103    B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 4(5) u (6) tad-Deċiżjoni 2011/273, l-Artikoli 7, 9, 14, 15 u l-Artikolu 25(5) u (7)(b) tad-Deċiżjoni 2012/739 jikkonċernaw il-kwistjoni tal-eżekuzzjoni u tal-pagament ta’ kuntratti maqbula qabel l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista inkwistjoni u jawtorizzaw tali pagamenti taħt ċerti kundizzjonijiet.

104    Rigward it-trattament mediku invokat mir-rikorrent, b’konformità mal-Artikolu 3(6) sa (8), u l-Artikolu 4(3)(a) tad-Deċiżjoni 2011/273, kif ukoll l-Artikolu 24(6), u l-Artikolu 25(3)(e) tad-Deċiżjoni 2012/739, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu u l-użu ta’ fondi ffriżati għal finijiet mediċi u umanitarji.

105    Fl-aħħar nett, iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma tistax tiġi kklassifikata bħala sproporzjonata minħabba allegata natura potenzjalment illimitata. Fil-fatt, din iż-żamma hija s-suġġett għal kunsiderazzjoni mill-ġdid perjodika sabiex jiġi żgurat li l-persuni u entitajiet li ma jissodisfawx iktar il-kriterji sabiex jidhru fil-lista inkwistjoni jitħassru mil-lista (ara, b’analoġija, is-sentenza Kadi, punt 365, u s-sentenza Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129).

106    Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-importanza primordjali tal-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja u d-derogi previsti mid-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-restrizzjonijiet għad-dritt tal-proprjetà u tar-rispett tal-ħajja privata tar-rikorrent ikkawżati bid-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex sproporzjonati.

107    B’hekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud u, għalhekk, ir-rikors fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

108    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba f’dan is-sens. Billi r-rikorrent tilef, huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kunsill, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

109    Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. B’hekk, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Eyad Makhlouf huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu u dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Kanninen

Soldevila Fragoso

Berardis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.