Language of document : ECLI:EU:C:2012:98

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Frar 2012 (1)

“Direttiva 90/314/KEE — Vjaġġi kollox kompriż (package travel), vaganzi kollox kompriż u tours kollox kompriż — Artikolu 7 — Protezzjoni kontra r-riskju ta’ insolvenza jew ta’ falliment tal-organizzatur — Kamp ta’ applikazzjoni — Insolvenza tal-organizzatur minħabba użu frawdolenti ta’ fondi ddepożitati mill-konsumatur”

Fil-Kawża C‑134/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

Jürgen Blödel-Pawlik

vs

HanseMerkur Reiseversicherung AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal J. Blödel-Pawlik, minn M. Sauren, Rechtsanwalt,

–        għal HanseMerkur Reiseversicherung AG, minn G. Heinemann, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan,, minn M. Linntam, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn K. Paraskevopoulou u I. Bakopoulos, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Ventrella, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér Miklós kif ukoll minn K. Szíjjártó u Z. Tóth, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Hornung u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1990, dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Blödel-Pawlik u HanseMerkur Reiseversicherung AG (iktar ’il quddiem “HanseMerkur Reiseversicherung”) dwar ir-rifjut ta’ rimbors, minn din tal-aħħar, tal-prezz ta’ vjaġġ kollox kompriż imħallas mill-konsumatur, imma li qatt ma kien tħallas mill-organizzatur tal-vjaġġ.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        Fil-kliem rispettivament tas-seba’, tat-tmintax, tal-ewwel u għoxrin u tat-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 90/314:

“Billi t-turiżmu qed jifforma dejjem iżjed parti importanti fl-ekonomija tal-Istati Membri; billi s-sistema tal-pakketti hija parti fondamentali fit-turiżmu; billi l-industrija tal-vjaġġi kollox kompriż fl-Istati Membri tiġi stimulata għal tkabbir u produttività akbar jekk għallanqas kellhom jiġu adottati minimu ta’ regoli komuni biex jagħtuha dimensjoni Komunitarja; […]

[…]

Billi l-organizzatur u/jew il-parti li qed tbiegħ fil-kuntratt għandhom ikunu obbligati lejn il-konsumatur għat-twettiq approprjat tal-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt; billi, barra minn hekk, l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ għandhom jkunu responsabbli għall-ħsara li tirriżulta lill-konsumatur min-nuqqas ta’ tħaddim jew mit-tħaddim ħażin tal-kuntratt kemm-il darba d-difetti fit-tħaddim tal-kuntratt ma jkunux tort la tagħhom u lanqas ta’ xi fornitur ieħor tas-servizzi;

[...]

Billi kemm il-konsumatur kif ukoll l-industrija tal-vjaġġi kollox kompriż għandhom jibbenefikaw jekk l-organizzaturi u/jew il-bejjiegħa kellhom jitqiegħdu taħt obbligazzjoni li jipprovdu xiehda biżżejjed ta’ garanzija fil-każ ta’ falliment;

Billi l-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jadottaw, jew iżommu, dispożizzjonijiet aktar iebsa rigward il-vjaġġi kollox kompriż bl-iskop li jipproteġu l-konsumatur”.

4        L-ewwel artikolu tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ pakketti [ta’ vjaġġi] mibjugħa jew offruti għall-bejgħ fit-territorju tal-Komunità.”

5        L-Artikolu 4(6) tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“Jekk il-konsumatur jirtira mill-kuntratt skond il-paragrafu 5, jew jekk, għal xi raġuni tkun xi tkun, ħlief waħda li tkun tort tal-konsumatur, l-organizzatur iħassar il-pakkett [ta’ vjaġġ] qabel id-data tat-tluq, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt:

a)       li jew jieħu pakkett ieħor minflok tal-istess kwalità jew kwalità ogħla meta l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ ikun jista’ joffrilu sostitut bħal dan. Jekk il-pakkett tas-sostituzzjoni li jingħata jkun ta’ kwalità aktar baxxa, l-organizzatur għandu jagħti lura d-differenza fil-prezz lill-konsumatur;

b)      jew li jitħallas lura malajr kemm jista’ jkun s-somom kollha li jkun ħallas skond il-kuntratt.”

6        L-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 90/314 jaqra kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzatur u/jew il-parti kontraenti li qed tbigħ ikunu responsabbli mal-konsumatur għat-tħaddim approprjat tal-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt, irrispettivament minn jekk dawn l-obbligazzjonijiet għandhomx jitwettqu minn dak l-organizzatur u/jew bejjiegħ jew minn xi fornituri oħra tas-servizzi mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-organizzatur u/jew tal-bejjiegħ li jduru fuq dawk il-fornituri l-oħra tas-servizzi.

2.      F’dak li għandu x’jaqsam mad-danni li jsofri l-konsumatur minħabba n-nuqqas ta’ tħaddim jew it-tħaddim ħażin tal-kuntratt, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ ikun/u responsabli kemm-il darba dan in-nuqqas li jitħaddem jew it-tħaddim ħażin ma jkunx dovut la għal xi tort tagħhom u lanqas għal dak ta’ xi fornitur ieħor tas-servizzi […]”

7        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“L-organizzatur u/jew il-bejjiegħ li jkun parti kontraenti għandu jipprovdi xiehda biżżejjed ta’ sigurtà għar-rifużjoni tal-flus li jkunu tħallsu u għar-ripatrijazzjoni tal-konsumatur fil-każ ta’ xi falliment.”

8        L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jgħid:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew jirritornaw dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva biex jipproteġu lill-konsumatur.”

 Id-Dritt Ġermaniż

9        Fil-kliem tal-punt 1 tal-Artikolu 651k(1) tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch), liema artikolu ttraspona fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314:

“L-organizzatur tal-vjaġġ għandu jiggarantixxi li l-vjaġġatur jiġi rrimborsat:

1.      il-prezz tal-vjaġġ imħallas jekk il-vjaġġ ma jiġix ipprovdut minħabba l-falliment jew il-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment fir-rigward tal-assi tal-organizzatur […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Fl-4 ta’ Awwissu 2009, J. Blödel-Pawlik irriżerva għall-mara tiegħu u għalih innifsu vjaġġ kollox kompriż ma’ Rhein Reisen GmbH (iktar ’il quddiem “Rhein Reisen”), li kienet, bħala organizzatur tal-vjaġġ, iffirmat assigurazzjoni kontra l-insolvenza tagħha ma’ HanseMerkur Reiseversicherung, b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2009.

11      Rhein Reisen ippreżentat lil J. Blödel-Pawlik żewġ ċertifikati ta’ garanzija li bihom kien previst li l-prezz tal-vjaġġ kellu jiġi rrimborsat lilu jekk il-vjaġġ ma kellux jiġu pprovdut minħabba l-insolvenza tal-organizzatur tal-vjaġġ.

12      Qabel il-bidu tal-vjaġġ, Rhein Reisen informat lil J. Blödel-Pawlik li hija kienet kostretta tiddikjara l-insolvenza tagħha.

13      Mill-proċess jirriżulta li Rhein Reisen, irrappreżentata minn amministratur uniku, ma kellha fil-fatt l-ebda intenzjoni li twettaq il-vjaġġ inkwistjoni. Fil-fatt, kemm il-kronoloġija tal-avvenimenti kif ukoll id-dikjarazzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-kont bankarju ta’ dan l-operatur ta’ vjaġġi kienu juru mġiba frawdolenti min-naħa ta’ dan tal-aħħar.

14      F'dan il-kuntest, J. Blödel-Pawlik talab, mingħand HanseMerkur Reiseversicherung, ir-rimbors tal-prezz tal-vjaġġ li hu kien ħallas.

15      Hija ssostni, madankollu, li hija ma hijiex obbligata tagħti dan ir-rimbors peress li l-każ, li minnu l-annullament tal-vjaġġ jiddependi esklużivament mill-imġiba frawdolenti tal-organizzatur tal-vjaġġ, ma jaqax taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314.

16      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju hija wkoll dwar jekk id-Direttiva 90/314 tfittix li tħares il-konsumaturi kontra l-manuvri frawdolenti tal-organizzaturi tal-vjaġġi.

17      Peress li s-soluzzjoni għall-kawża li tressqet quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 90/314, il-Landgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314/KEE japplika wkoll meta l-organizzatur tal-vjaġġ isir insolventi minħabba li sa mill-bidu nett huwa uża, b’mod frawdolenti, għal skopijiet oħra, il-flus kollha mħallsa mill-vjaġġaturi meta qatt ma kien ippjana li jorganizza dan il-vjaġġ?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu sitwazzjoni li fiha l-insolvenza tal-organizzatur tal-vjaġġ tkun dovuta għall-imġiba frawdolenti tiegħu.

19      F'dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 jimponi fuq l-organizzatur tal-vjaġġ l-obbligu li jiddisponi minn garanziji suffiċjenti sabiex jiżgura, fil-każ ta’ insolvenza jew ta’ falliment, ir-rimbors tal-fondi ddepożitati u r-ripatrijazzjoni tal-konsumatur, peress li l-għan ta’ dawn il-garanziji huwa li jitħares il-konsumatur mir-riskji ekonomiċi kkawżati mill-insolvenza jew mill-falliment tal-organizzatur tal-vjaġġ (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et, C-178/94, C-179/94 u C-188/94 sa C-190/94, Ġabra p. I-4845, punti 34 u 35).

20      B’hekk, l-għan fundamentali ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi ggarantit li r-ripatrijazzjoni tal-konsumatur u r-rimbors tal-fondi ddepożitati minn dan tal-aħħar ikunu żgurati fil-każ ta’ insolvenza jew ta’ falliment ta’ dan l-organizzatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dillenkofer et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 36).

21      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 ma jimponu l-ebda kundizzjoni speċifika fuq l-imsemmija garanzija li għandha x’taqsam mal-kawżi ta’ insolvenza tal-organizzatur tal-vjaġġ.

22      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 74 tas-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ġunju 1999, Rechberger et (C-140/97, Ġabra p. I-3499), li l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jinkludi l-obbligu li bħala riżultat jagħti, lill-vjaġġaturi fi vjaġġi kollox kompriż, dritt għall-garanziji ta’ rimbors tal-fondi mħallsa u ta’ ripatrijazzjoni fil-każ ta’ falliment tal-organizzatur tal-vjaġġi, u li din il-garanzija hija mmirata speċifikament li tħares il-konsumatur mill-konsegwenzi tal-falliment, ikunu xi jkunu l-kawżi.

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li ċirkustanzi bħall-imġiba imprudenti tal-organizzatur tal-vjaġġi jew l-okkorrenza ta’ avvenimenti eċċezzjonali jew imprevedibbli ma kellhomx jikkostitwixxu ostakolu għar-rimbors tal-fondi ddepożitati u għar-ripatrijazzjoni tal-konsumaturi taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 (ara s-sentenza Rechberger et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 75 u 76).

24      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 hija kkorroborata mill-għan li hija għandha timmira għalih, li huwa li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (ara s-sentenza Dillenkofer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

25      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu qabel, għandha tingħata r-risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu sitwazzjoni li fiha l-insolvenza tal-organizzatur tal-vjaġġ tkun dovuta għall-imġiba frawdolenti tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

26      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1990, dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu sitwazzjoni li fiha l-insolvenza tal-organizzatur tal-vjaġġ tkun dovuta għall-imġiba frawdolenti tiegħu.

Firem


1 Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.