Language of document : ECLI:EU:C:2013:431

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Ġunju 2013(*)

“Networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/20/KE – Artikoli 12 u 13 — Ħlasijiet amministrattivi u tariffi għad-drittijiet ta’ użu — Tariffa applikabbli għall-operaturi ta’ telefonija mobbli — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Metodu tal-kalkolu tat-tariffa — Perċentwali fuq in-nefqa mħallsa mill-utenti”

Fil-Kawża C‑71/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Qorti Kostituzzjonali (Malta), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

Vodafone Malta ltd.,

Mobisle Communications ltd.

vs

L-Avukat Ġenerali,

Il-Kontrollur tad-Dwana,

Il-Ministru tal-Finanzi,

L-Awtorita’ ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, E. Jarašiūnas (Relatur), A. Ó Caoimh u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Vodafone Malta ltd., minn I. Refalo, M. Refalo, L. Hurst, J. Pavia u M. Borg, avukati, kif ukoll minn M. Hall,

–        għal Mobisle Communications ltd., minn F. Galea Salomone, bħala aġent, assistit minn I. Gauci u R. Tufigno, avukati,

–        għall-Awtorita’ ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, minn L. Cassar Pullicino u P. Micallef, avukati,

–        għall-Gvern Malti, minn P. Grech, D. Mangion u V. Buttigieg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.‑S. Pilczer, bħala aġenti,

–        għall-Ungerija, minn M. Z. Fehér, K. Szíjjártó u Á. Szílágyi, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, K. Mifsud-Bonnici u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Vodafone Malta ltd. (iktar ’il quddiem “Vodafone Malta”) u Mobisle Communications ltd. (iktar ’il quddiem “Mobisle Communications”) u, min-naħa l-oħra, l-Avukat Ġenerali, il-Kontrollur tad-Dwana, il-Ministru tal-Finanzi u l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, dwar l-impożizzjoni ta’ dazju tas-sisa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 30 u 31 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jipprovdu:

“(30) Ħlasijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali fl-amministrazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni u fl-għoti ta’ drittijiet ta’ użu. Dawk il-ħlasijiet għandhom ikunu limitati li jkopru in-nefqa amministrattiva attwali għal dawk l-attivitajiet. Għal dan il-għan għandha tinħoloq trasparenza fid-dħul u n-nefqa ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali permezz ta’ rapportar ta’ kull sena dwar is-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura u n-nefqiet amministrattivi magħmula. Dan jippermetti li l-impriżi jivverifikaw li n-nefqiet għall-amministrazzjoni u l-ħlasijiet ikunu jibbilanċjaw.

(31)      Is-sistemi għall-ħlasijiet amministrattivi m’għandhomx joħolqu tgħawwiġ tal-kompetizzjoni jew joħolqu xkiel għad-dħul fis-suq. B’sistema ġenerali ta’ awtorizzazzjoni m’għandux ikun aktar possibbli li l-ispejjeż amministrattivi u b’hekk il-ħlasijiet jiġu attribwiti lil impriżi individwali ħlief għall-għoti tad-drittijiet ta’ użu tan-numri, frekwenzi tar-radju u għad-drittijiet biex jiġu stallati faċilitajiet. Kull ħlas amministrattiv applikabbli għandu jkun konformi mal-prinċipji ta’ sistema ġenerali ta’ awtorizzazzjoni. Eżempju ta’ alternattiva ġusta, sempliċi u trasparenti għal dawn il-kriterji ta’ attribuzzjoni tal-ħlasijiet tista’ tkun formula ta’ distribuzzjoni relatata mal-qligħ fuq il-bejgħ. Fejn il-ħlasijiet amministrattivi jkun baxxi ħafna, ħlasijiet b’rata fissa, jew ħlasijiet li jikkombinaw bażi ta’ rata fissa ma’ l-element relatat mal-qligħ fuq il-bejgħ tista’ wkoll tkun adatta.”

4        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Mira u kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.      L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi mplimentat suq intern fin-networks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-kondizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi faċilitat il-forniment tagħhom mal-Komunità kollha.

2.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-awtorizzazzjonijiet għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.”

5        L-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi d-definizzjoni segwenti:

“‘awtorizzazzjoni ġenerali’ tfisser qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet għall-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jistipula obbligi speċifiċi għas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha jew għal tipi speċifiċi ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi, skond din id-Direttiva.”

6        L-Artikolu 12 tad-direttiva msemmija, intitolat “Ħlasijiet amministrattivi”, huwa fformulat b’dan il-mod:

“1.      Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu, għandu:

a)      fit-total, ikopri biss l-ispejjeż amministrattivi magħmula fl-amministrazzjoni, kontroll u infurzar ta’ l-iskema ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet ta’ użu u l-obbligi speċifiċi kif imsemmija f’Artikolu 6(2), li jistgħu jinkludu spejjeż għall-kooperazzjoni internazzjonali, armonizzazzjoni u standardizzazzjoni, analiżi tas-suq, solveljanza tal-konformità u kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll ħidma regolatorja li tinvolvi l-preparazzjoni u l-infurzar ta’ leġislazzjoni sekondarja u deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni; u

b)      jiġi mpost fuq impriżi ndividwali b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jimminimizza spejjeż amministrattivi addizzjonali u l-ħlasijiet li jġibu magħhom.

2.      Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu ħlasijiet amministrattivi, għandhom jippublikaw rapport ta’ kull sena ta’ l-ispejjeż amministrattivi tagħhom u tas-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura. Fid-dawl tad-differenza bejn is-somma totali tal-ħlasijiet u l-ispejjeż amministrattivi, għandhom isiru l-aġġustamenti xierqa.”

7        L-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Tariffi għad-drittijiet ta’ użu u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità relevanti li timponi tariffi għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati b’relazzjoni ma’ l-iskop maħsub tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-miri f’Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum. 29, p. 349)].”

 Id-dritt Malti

8        L-Att Numru II tal-2005 – Att biex jimplimenta diversi miżuri tal-Estmi u biex jipprovdi għal miżuri amministrattivi oħra (Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta Nru 17,734, tal-1 ta’ Marzu 2005) (iktar ’il quddiem l-“Att II tal-2005”), introduċa, fl-Artikolu 40 tiegħu, dazju tas-sisa ta’ 3 % fuq is-servizzi ta’ telefonija mobbli (abbonamenti u top-up vouchers) u jistabbilixxi, fl-Artikolu 41 tiegħu, ir-regoli fir-rigward ta’ dawn is-servizzi.

9        L-Artikolu 40 tal-Att II tal-2005, li jikkonċerna dawn ir-regoli, huwa fformulat kif ġej:

“Taqsima G

Regolamenti dwar Servizzi ta’ Telefonija Mobbli

1.      It-titolu ta’ dawn ir-regolamenti hu Regolamenti dwar Servizzi ta’ Telefonija Mobbli.

2.       Dawn ir-regolamenti japplikaw għad-dħul kollu ġenerat minn servizzi ta’ telefonija mobbli kif provdut fir-regolament 4.

3.      Operaturi ta’ telefonija mobbli għandhom jirreġistraw mal-Kontrollur skond l-Att dwar Dazju tas-Sisa, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘l-Att’.

4.      L-istima tad-dazju tas-sisa ssir fuq ħlasijiet kollha imposti minn operaturi ta’ telefonija mobbli għas-servizzi tagħhom, inklużi s-sottoskrizzjonijiet u top-up vouchers:

Iżda l-frażi ‘operatur’ għandha l-istess tifsira kif mogħtija fl-artikolu 2 ta’ l-Att biex jirregola Komunikazzjonijiet Elettroniċi:

Iżda wkoll ma jkun dovut ebda dazju tas-sisa fuq dawn is-servizzi li ġejjin:

(a)       inbound roaming;

(b)       dħul ġenerat mill-interkonnessjoni;

(ċ)      donazzjonijiet ta’ xorta ta’ flus mgħoddija mid-donatur lil min jirċeviha permezz ta’ servizzi offruti mill-operatur ta’ telefonija mobbli;

(d)      airtime bla ħlas.

5.      Il-persuna, azjenda, soċjetà jew kumpannija li huma debitament reġistrati mal-Kontrollur ikunu responsabbli għall-ħlas tad-dazju tas-sisa kif speċifikat fl-artikolu 3 ta’ l-Att, fiż-żmien li jkun dovut il-ħlas tad-dazju tas-sisa.

6.      (1) Ir-records tad-dħul ġenerat mis-servizzi li huma suġġetti għad-dazju tas-sisa bis-saħħa ta’ dawn ir-regolamenti għandhom ikunu għad-disposizzjoni tal-Kontrollur għal kull verifika meħtieġa.

(2) Għandha tiġi provduta lill-Kontrollur dikjarazzjoni perjodika li tagħti dettalji ta’ kull dħul ġenerat mis-servizzi u li jkunu suġġett għad-dazju tas-sisa bis-saħħa ta’ dawn ir-regolamenti, għal kull perjodu li jista’ jiġi stabbilit mill-Kontrollur.

(3) Iż-żmien ta’ perjodu ta’ accounting ikun ta’ tliet xhur jew dak il-perjodu itwal li l-Kontrollur jista’ jippermetti jew kif jista’ xort’oħra jiġi ordnat u għandu jasal prospett għand il-Kontrollur fi żmien tletin jum wara t-tmien ta’ kull perjodu ta’ accounting li jkun qed isir rapport dwaru.

(4) Kull min jonqos li jħares id-disposizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti jkun ħati ta’ reat u jeħel, meta jinsab ħati, multa ta’ mhux aktar minn ħames mitt lira.”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Vodafone Malta u Mobisle Communications huma operaturi fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet f’Malta, fejn għandhom awtorizzazzjoni ġenerali li tippermettilhom jipprovdu servizzi ta’ telefonija mobbli.

11      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-19 ta’ April 2005, Vodafone Malta u Mobisle Communications bdew, quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, proċedimenti sabiex jiġu annullati l-Artikoli 40 u 41 tal-Att II tal-2005, filwaqt li sostnew li dawn l-artikoli, sa fejn jimplementaw l-impożizzjoni ta’ dazju tas-sisa fuq ċerti servizzi ta’ telefonija mobbli, imorru kontra l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

12      Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors ta’ Vodafone Malta u ta’ Mobisle Communications. Hija qieset, minn naħa, li l-impożizzjoni tad-dazju tas-sisa inkwistjoni ma kinitx tmur kontra d-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni peress li din tal-aħħar ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jimponu taxxi oħra fuq is-servizzi pprovduti mill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet minbarra dawk previsti minn din id-direttiva. Il-qorti tal-ewwel istanza kkunsidrat, minn naħa, li, peress li dan id-dazju ma huwiex ikkalkolat fuq id-dħul mill-bejgħ tal-operatur iżda huwa kkalkolat sempliċement fuq il-prezz ta’ ċerti servizzi għall-konsum ipprovduti mill-operatur lill-utenti, il-fatt li jagħti lok għad-dazju tas-sisa ma kienx l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-operatur sabiex jipprovdi s-servizz iżda l-konsum ta’ dan is-servizz.

13      Fl-10 ta’ Diċembru 2008, Vodafone Malta u Mobisle Communications appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Huma qegħdin jerġgħu jsostnu, quddiem dik il-qorti, li d-dazju tas-sisa inkwistjoni għandu jiġi annullat sa fejn imur kontra d-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, u dan minħabba li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu taxxi jew imposti oħra minbarra dawk previsti minn din id-direttiva u t-taxxi ta’ applikazzjoni ġenerali.

14      Issa, skont dawn tal-aħħar, id-dazju tas-sisa fuq is-servizzi ta’ telefonija mobbli inkwistjoni ma jikkorrispondix għal taxxa ta’ applikazzjoni ġenerali iżda huwa taxxa ta’ natura speċifika li tikkonċerna biss lill-operaturi ta’ telefonija mobbli.

15      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-dazju tas-sisa kif previst fl-Att II tal-2005 huwa differenti u distint mill-ħlasijiet amministrattivi deskritti fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Huma jqisu li dan id-dazju huwa taxxa li hija bbażata fuq il-konsum ta’ servizzi mill-utent u li tinġabar mill-impriża kkonċernata u li dan id-dazju tas-sisa huwa differenti mit-taxxi eżaminati fis-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Albacom u Infostrada (C‑292/01 u C‑293/01, Ġabra p. I‑9449).

16      Fid-dawl tas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile (C‑544/03 u C‑545/03, Ġabra p. I‑7723), il-Qorti Kostituzzjonali għandha dubji dwar il-portata tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u b’mod partikolari dwar jekk din id-direttiva teskludix jew le l-impożizzjoni ta’ taxxa li tikkonċerna direttament ċerti servizzi pprovduti mill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli.

17      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Jekk id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni], u partikolarment l-Artikoli 12 u/jew 13 tagħha, jipprojbixxux l-Istati Membri milli jimponu imposta fiskali fuq operaturi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli (‘l-operaturi’) li hi:

1)      dazju msejjaħ tas-sisa introdott permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali;

2)      ikkalkulata bħala perċentaġġ tal-ħlasijiet imposti minn operaturi ta’ telefonija mobbli fuq l-utenti tagħhom għas-servizzi pprovduti lilhom minn dawn l-operaturi ħlief għal dawk is-servizzi eżentati mil-liġi;

3)      imħallsa lill-operaturi ta’ telefonija mobbli mill-utenti tagħhom b’mod individwali u li sussegwentement dan l-istess ammont jiġi mgħoddi lill-Kontrollur tad-Dwana mill-operaturi kollha li joffru mobile telephony services, pagabbli biss mill-operaturi u mhux minn impriżi oħra inklużi dawk li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi oħra?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-operaturi li joffru servizzi ta’ telefonija mobbli jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dazju msejjaħ “tas-sisa” li jikkorrispondi għal perċentwali tal-ħlasijiet li huma jimponu fuq l-utenti ta’ dawn is-servizzi.

19      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jikkonċerna l-modalitajiet ta’ impożizzjoni ta’ tariffi għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew għad-drittijiet li jiġu installati faċilitajiet fuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-impożizzjoni ta’ imposta msejħa “dazju tas-sisa”, ikkalkolata fuq il-bażi tal-ħlasijiet kollha imposti mill-operaturi ta’ telefonija mobbli għas-servizzi tagħhom, bħal dik li hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hija marbuta mal-“provvista ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli”. Għaldaqstant, l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma huwiex rilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

20      Fir-rigward tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, għandu jitfakkar li din id-direttiva ma tipprevedix biss regoli dwar il-proċeduri għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali jew tad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numru u dwar il-kontenut ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, iżda tipprevedi wkoll regoli dwar in-natura, u l-portata, tal-piżijiet pekunjarji, marbuta mal-proċeduri msemmija, li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi fis-settur tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi Albacom u Infostrada, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 36, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Telefónica de España, C‑284/10, Ġabra p. I-6991, punt 18).

21      F’dan id-dawl, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi li jipprovdu servizz jew network taħt awtorizzazzjoni ġenerali jew fuq dawk li jkunu ngħataw dritt ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri biss il-ħlasijiet amministrattivi li jkopru l-ispejjeż amministrattivi globali marbuta mal-amministrazzjoni, mal-kontroll u mal-infurzar tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, tad-drittijiet ta’ użu u tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva.

22      Għaldaqstant, il-ħlasijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandhom natura remuneratorja sa fejn, minn naħa, jistgħu jiġu imposti biss fir-rigward tas-servizzi amministrattivi mwettqa mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali favur l-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tal-għoti ta’ dritt ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri u, min-naħa l-oħra, għandhom ikopru l-ispejjeż amministrattivi ġġenerati mis-servizzi msemmija.

23      B’hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-ħlasijiet amministrattivi imposti mill-Istati Membri fuq l-operaturi li jkollhom awtorizzazzjoni ġenerali taħt l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, dawn il-ħlasijiet jistgħu jkunu maħsuba biss sa fejn jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi marbuta ma’ erba’ attivitajiet amministrattivi, jiġifieri, l-għoti, l-amministrazzjoni, il-kontroll u l-implementazzjoni tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza Telefónica de España, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

24      Mill-punti preċedenti jirriżulta li ħlas li l-fatt li jagħti lok għalih ikun marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li permezz tagħha jista’ jinkiseb aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali ħlas amministrattiv ikun impost biss għall-finijiet deskritti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni u josserva l-kundizzjonijiet hemmhekk stabbiliti.

25      Għall-kuntrarju, ħlas li l-fatt li jagħti lok għalih ma jkunx marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li permezz tagħha jista’ jinkiseb aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda jkun marbut mal-użu tas-servizzi ta’ telefonija mobbli pprovduti mill-operaturi, u li fl-aħħar mill-aħħar isir mill-utent ta’ dawn is-servizzi, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

26      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 35 u 36 tad-digriet tal-15 ta’ Diċembru 2010, Agricola Esposito (C‑492/09), qieset li d-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma kinitx tapplika għal taxxa fuq l-użu ta’ apparat ta’ komunikazzjoni bir-radju mobbli, terrestri u pubblika peress li l-bażi taxxabbli ta’ din it-taxxa ma kinitx il-provvista ta’ networks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u peress li l-użu privat ta’ servizz ta’ telefonija mobbli minn abbonat ma kienx jimplika l-provvista ta’ network jew ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sens ta’ din id-direttiva.

27      Fil-kawża ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imposta inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija msejħa “dazju tas-sisa”, li din l-imposta ma hijiex imposta fuq l-operaturi kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li għandhom awtorizzazzjoni ġenerali iżda biss fuq l-operaturi li jipprovdu servizzi ta’ telefonija mobbli u li tikkorrispondi għal perċentwali tal-ħlasijiet li dawn l-operaturi jimponu fuq l-utenti ta’ dawn is-servizzi. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li din l-imposta hija “mħallsa lill-operaturi ta’ telefonija mobbli mill-utenti tagħhom b’mod individwali u li sussegwentement dan l-istess ammont jiġi mgħoddi lill-Kontrollur tad-Dwana mill-operaturi kollha li joffru mobile telephony services, pagabbli biss mill-operaturi u mhux minn impriżi oħra inklużi dawk li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi oħra”.

28      Fid-dawl ta’ dawn il-punti, jidher li l-imposta inkwistjoni fil-kawża prinċipali tixbah lil taxxa fuq il-konsum, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Jekk dan ikun effettivament il-każ, l-imposta msemmija ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

29      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-operaturi li joffru servizzi ta’ telefonija mobbli jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dazju msejjaħ “tas-sisa” li jikkorrispondi għal perċentwali tal-ħlasijiet li huma jimponu fuq l-utenti ta’ dawn is-servizzi, bil-kundizzjoni li l-fatt li jagħti lok għal dan il-ħlas ma jkunx marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li permezz tagħha jista’ jinkiseb aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda jkun marbut mal-użu tas-servizzi ta’ telefonija mobbli pprovduti mill-operaturi, u bil-kundizzjoni li fl-aħħar mill-aħħar dan il-ħlas isir mill-utent ta’ dawn is-servizzi, kundizzjonijiet dawn li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

30      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-operaturi li joffru servizzi ta’ telefonija mobbli jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dazju msejjaħ “tas-sisa” li jikkorrispondi għal perċentwali tal-ħlasijiet li huma jimponu fuq l-utenti ta’ dawn is-servizzi, bil-kundizzjoni li l-fatt li jagħti lok għal dan il-ħlas ma jkunx marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li permezz tagħha jista’ jinkiseb aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda jkun marbut mal-użu tas-servizzi ta’ telefonija mobbli pprovduti mill-operaturi, u bil-kundizzjoni li fl-aħħar mill-aħħar dan il-ħlas isir mill-utent ta’ dawn is-servizzi, kundizzjonijiet dawn li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Malti.