Language of document : ECLI:EU:C:2010:785

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2010 (1)

Kawża C‑407/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Ellenika

“Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Sanzjonijiet pekunjarji – Impożizzjoni ta’ somma f’daqqa”





1.        Dan ir-rikors ġie ppreżentat mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-Repubblika Ellenika skont l-Artikolu 228 KE (illi fil-preżent jikkorrispondi għall-Artikolu 260 TFUE) bħala riżultat tal-allegat nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007 fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (2) (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-2007”). F’din is‑sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi billi r-Repubblika Ellenika ma adottatx, fit-terminu previst, il-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex tikkonforma ruħha mad-Direttiva tal‑Kunsill Nru 2004/80/KE, tad-29 ta’ April 2004, li għandha x’taqsam ma’ kumpens għal vittmi ta’ delitti (3), naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

2.        Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt l-Artikolu 228(1) KE u tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas ta’ somma f’daqqa (4). Ir-Repubblika Ellenika tqis li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Il-proċedura prekontenzjuża

3.        Seba’ xhur wara li ngħatat is-sentenza tal-2007, jiġifieri fid-29 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika u talbitha tikkomunikalha, fi żmien xahrejn, il-miżuri adottati sabiex timplementa l‑imsemmija sentenza.

4.        Meta wieġbet b’ittra tal-10 ta’ Settembru 2008, ir-Repubblika Ellenika ma rrispettatx it-terminu stabbilit mill-Kummissjoni. Fit-tweġiba tagħha, hija indikat illi l-abbozz ta’ liġi intiż sabiex itemm in-nuqqas ikkonstatat fis-sentenza tal-2007 kien jinsab fil-fażi ta’ redazzjoni finali (5).

5.        Fit-23 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Ellenika b’avviż motivat fejn stednitha tieħu, fi żmien xahrejn, il-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-2007.

6.        Ir-Repubblika Ellenika reġgħet naqset għal darb’oħra milli tirrispetta t‑terminu ffissat mill-Kummissjoni. Hija wieġbet biss fit-22 ta’ Ġunju 2009 meta informatha illi l-abbozz ta’ liġi li tittrasponi d-Direttiva 2004/80 kien ser jitressaq quddiem il-Parlament matul is-seduta tas-sajf.

7.        Fil-25 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra r-Repubblika Ellenika. Dan ir-rikors ġie finalment introdott fl-20 ta’ Ottubru 2009 u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-pagament ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa.

8.        Matul il-perijodu bejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta r-rikors u l-preżentata tal-imsemmi rikors, ir-Repubblika Ellenika bagħtet żewġ ittri lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-progress tal-proċedura leġiżlattiva dwar il‑liġi li tittrasponi d-Direttiva 2004/80. Fl-aħħar nett, permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Settembru 2009, ir-Repubblika Ellenika informat lill-Kummissjoni bl-interruzzjoni tal-proċess leġiżlattiv minħabba li ssejħu elezzjonijiet bikrija.

 Żviluppi li seħħew matul din il-proċedura

9.        Ir-Repubblika Ellenika ttrasponiet id-Direttiva 2004/80 bis-saħħa ta’ Ligi Nru 3811/2009 ppubblikata fit-18 ta’ Dicembru 2009 fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Ellenika FEK A’ 231.

10.      Il-Kummissjoni ġiet informata b’din il-liġi bl-ittra datata 22 ta’ Diċembru 2009. Minkejja din l-informazzjoni, waqt li bbażat ruħha fuq l-avviż tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 228 KE (6) (iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-2005”) il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tirtirax il‑proċeduri. Fir-replika tagħha, hija ddikjarat li ma għadhiex tinsisti fuq it-talba għall-kundanna ta’ pagament ta’ penalità, iżda żammet ferm it-talba għall-kundanna ta’ pagament ta’ somma f’daqqa.

 Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

11.      F’din il-kawża, jirriżulta b’ċertezza illi r-Repubblika Ellenika, meta ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex timplementa s-sentenza tal‑2007, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE. F’dan ir-rigward, ftit jagħmel differenza l-fatt illi l-Istat Membru inkwistjoni finalment adotta l-miżuri neċessarji wara l‑preżentata tar-rikors.

12.      Din il-konklużjoni tapplika fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita li l‑eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem tal-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet sussegwenti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (7).

13.      F’din il-kawża, l-implementazzjoni tas-sentenza tal-2007 kienet tfisser illi r-Repubblika Ellenika tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2004/80. Ma jistax jiġi kkontestat illi r-Repubblika Ellenika ma adottatx dawn il-miżuri ħlief fix-xahar ta’ Diċembru 2009 bil-vot fuq il-Liġi Nru 3811/2009, mentri l-avviż motivat illi kien jiffissa terminu ta’ xahrejn sabiex hija tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-2007 kien datat it-23 ta’ Settembru 2008.

14.      Il-ġurisprudenza msemmija hawn fuq tirrifjuta wkoll illi taċċetta l‑argument tar-Repubblika Ellenika fis-sens illi r-rikors għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-kooperazzjoni tagħha, mill-qrib u kontinwa, mal-Kummissjoni matul il‑proċedura prekontenzjuża u l-fatt li s-sentenza tal-2007 kienet implementata min-naħa tagħha qabel l-għoti tas-sentenza f’din il-kawża.

15.      Jien inqis illi dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu, jekk ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ħtieġa illi jiġu imposti sanzjonijiet pekunjarji kif ukoll fuq l-ammont tagħhom, iżda mhux fil-livell dwar l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

16.      F’dan ir-rigward, jien nixtieq inżid li ma huwiex possibbli li wieħed jitkellem dwar “kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa” mal-Kummissjoni mir-Repubblika Ellenika ħlief mill-mument illi l-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq din l-azzjoni. Fil-fehma tiegħi, ir-risposti tardivi tal-awtoritajiet Griegi kemm għall-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll għall-avviż motivat ċertament ma jirrappreżentawx evidenza ta’ dan it-tip ta’ kooperazzjoni.

 Fuq is-sanzjoni pekunjarja

 L-argumenti tal-partijiet

17.      Oriġinarjament, il-Kummissjoni kienet talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Repubblika Ellenika kemm il-pagament ta’ penalità kif ukoll ta’ somma f’daqqa. Kif ġie mfakkar fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il‑Kummissjoni rtirat il-kap tat-talbiet tagħha dwar il-pagament ta’ penalità wara l‑implementazzjoni tas-sentenza tal-2007 u dan wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, filwaqt li żammet ferma t-talba tagħha għall-kundanna ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa.

18.      Il-Kummissjoni tqis illi l-applikazzjoni ta’ somma f’daqqa hija ġġustifikata, f’din il-kawża, minħabba t-tul tal-ksur, jiġifieri 29 xahar, u l-implikazzjonijiet ta’ dan id-dewmien fuq l-interessi pubbliċi u privati li kienu gravi ħafna, peress li n‑nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/80 fl-ordinament ġuridiku Grieg kien ifixkel it-twettiq tal-għan fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni f’żona komuni ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.

19.      Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni għaċ-ċirkustanzi aggravanti tan-nuqqas allegat, li kienu, fl-ewwel lok, il-kjarezza tas-sentenza tal-2007 u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/80 illi, konsegwentement, ma kienu jippreżentaw ebda diffikultà ta’ interpretazzjoni, fit-tieni lok, l-ineżistenza ta’ xi diffikultajiet partikolari marbutin mal-proċedura tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/80 u, fit-tielet lok, it-tweġiba tardiva tal-awtoritajiet Griegi għall-avviż motivat.

20.      Dwar l-ammont tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni pproponiet li żżomm ammont fiss ta’ EUR 10 512 kuljum, għal kull jum ta’ dewmien mid-data tas-sentenza tal-2007 sad-data ta’ adozzjoni tas-sentenza f’din il-kawża, jew sad-data ta’ adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex tiġi implementata s-sentenza tal-2007, jekk dan iseħħ qabel (8).

21.      Skont l-Avviż tal-2005, dan l-ammont f’daqqa għal kuljum jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont bażiku, ta’ EUR 200, bil-koeffiċjent ta’ gravità, f’dan il-każ stabbilit għal 12 fuq skala minn 1 sa 20, u b’ammont fiss għal kull pajjiż (iktar ’il quddiem il-fattur “n”) li jieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kapaċità tal-Istat Membru responsabbli, irrappreżentata mill-prodott gross domestiku tiegħu u n-numru ta’ voti li għandu fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li huwa ta’ 4.38 fil-każ tar-Repubblika Ellenika.

22.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni naqqset is-somma f’daqqa għal kuljum mitluba inizjalment għal EUR 10 248 minħabba bidla fil-fattur “n” bl-Avviż tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Settembru 2010 dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE u l-aġgornament tad-data użata għall-kalkolu tas-somma f’daqqa u tal-penalità li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur (9) (iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-2010”). Din il-bidla hija bbażata fuq data ekonomika disponibbli għas-sena 2008. Għar-Repubblika Ellenika, il-fattur “n” ġie stabbilit għal 4.27 minflok 4.38 (10).

23.      Ir-Repubblika Ellenika insistiet illi ma għandux ikun hemm l‑impożizzjoni tas-somma f’daqqa, u dan għal diversi raġunijiet.

24.      L-ewwel nett, ir-Repubblika Ellenika kkonformat mas-sentenza tal-2007 qabel ma s-sentenza skont l-Artikolu 260 TFUE kienet ingħatat, u fi kwalunkwe każ, fi żmien raġonevoli minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi li hija kienet u għadha tiffaċċja llum.

25.      It-tieni nett, ma kien hemm l-ebda riskju ta’ reċidiva. U t-tielet nett, l‑allegat ksur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala partikolarment serju, peress li l-liġi Griega tipprovdi, b’żieda mad-dispożizzjonijiet speċifiċi adottati fix-xahar ta’ Diċembru tal-2009, għall-kumpens lill-persuni danneġġjati b’mod ġenerali u li d‑Direttiva 2004/80 tapplika għal numru limitat ta’ każijiet, b’tali mod illi l‑konsegwenzi tan-nuqqas ta’ implementazzjoni tas-sentenza tal-2007 għall-interessi pubbliċi u privati mhux ser ikunu diretti u fi kwalunkwe każ ikunu eventwali.

26.      Ir-Repubblika Ellenika tenfasizza l-fatt illi d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/80 u, konsegwentement, tal-implementazzjoni tas-sentenza tal-2007, huwa spjegat primarjament u oġġettivament mill-ħtieġa li jinstabu r-riżorsi finanzjarji neċessarji.

27.      Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa, ir-Repubblika Ellenika tipproponi illi tnaqqas dan l-ammont għas-somma f’daqqa minima riferita lilha mill-Avviż tal-2005, jiġifieri EUR 2 190 000. Waqt is-seduta, hi żiedet li hija talbet ukoll il-benefiċċju ta’ ħlas f’rati, mingħajr interessi.

28.      Skont ir-Repubblika Ellenika, meta tiddeċiedi fuq l-ammont tas-somma f’daqqa li għandha titħallas, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikulari, il-kapaċità tagħha li tħallas, tenut kont ukoll tas-sitwazzjoni preżenti tagħha.

29.      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta prinċipalment il-fattur “n” illi ġie utilizzat mill-Kummissjoni sabiex tesprimi l-kapaċità ta’ pagament tal-Istat Membru involut u li huwa bbażat fuq il-prodott gross domestiku u n-numru ta’ voti li l-Istat Membru kkonċernat għandu fil-Kunsill. Anki jekk, fl-Avviż tal-2010, l-imsemmi fattur kien tnaqqas għar-Repubblika Ellenika, minħabba d-data ekonomika tal-2008, dan ma jirriflettix ir-realtà ekonomika attwali, fid-dawl tal-fatt illi l-prodott gross domestiku għas-snin 2009 u 2010 ser ikun mill-ġdid differenti.

30.      Barra minn hekk, fatturi bħall-prodott gross domestiku u n-numru ta’ voti fil-Kunsill waħedhom ma humiex biżżejjed biex jiddeterminaw il-kapaċità ta’ Stat Membru illi jħallas. Għandu jittieħed ukoll kont ta’ fatturi oħra, bħal, pereżempju, l-iżbilanċ pubbliku, dejn pubbliku u l-inflazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31.      Kif diġà kelli l-okkażjoni li nispjega fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (11), jiena nemmen li biex tiġi applikata l-proċedura ta’ implementazzjoni prevista fl-Artikolu 260 TFUE b’mod xieraq, din għandha tinftiehem bħala għodda biex tirrealizza b’mod sħiħ l-għan tal-proċeduri illi jittieħdu skont l‑Artikolu 258 TFUE, jiġifieri sabiex jintemm il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u, fl-istess ħin, jiskoraġġixxu l-Istati Membri milli jonqsu milli jimplementaw is‑sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jistabbilixxu ksur bħal dan abbażi tal-Artikolu 258 TFUE.

32.      Il-karetteristika tas-sistema ta’ sanzjonijiet pekunjarji illi, fis-sens tal-Artikolu 260(2) TFUE, isservi biex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Filwaqt li l-pagament ta’ penalità jkun jidher partikolarment xieraq sabiex iħeġġeġ Stat Membru li jtemm kemm jista’ jkun malajr, nuqqas li, fl-assenza ta’ tali miżura x’aktarx jibqa’ jippersisti, l‑impożizzjoni ta’ somma f’daqqa hija bbażata iktar fuq evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas tal-Istat Membru kkonċernat li jikkonforma mal-obbligi tiegħu fuq l-interessi privati u pubbliċi, partikolarment fejn il-ksur ikun baqa’ fis-seħħ għal perijodu twil mid-data tas-sentenza li tkun oriġinarjament ikkonstatat dak in-nuqqas (12).

33.      Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ġustament irtirat it-talba tagħha għal impożizzjoni ta’ penalità, fid-dawl tal-funzjoni deskritta preċedentement tal-pagament ta’ penalità u tal-implementazzjoni tas-sentenza tal-2007 mir-Repubblika Ellenika. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-eventwali impożizzjoni ta’ penalità bis-saħħa tal-Artikolu 260 TFUE hija ġġustifikata biss, bħala regola, sakemm jippersisti n‑nuqqas ibbażat fuq ksur ta’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (13).

34.      Għal dak illi jirrigwarda l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa jien nirrepeti l‑fehma tiegħi diġà esposta fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008 Il-Kummissjoni vs Franza (14), fis-sens illi ma tistax tkun awtomatika fil-każijiet kollha fejn il-ksur ta’ obbligi taħt l‑Artikolu 260(1) TFUE jkun ġie kkonstatat.

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet dan l-approċċ meta kkonstatat li din id‑dispożizzjoni tinvestiha b’setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex tiddeċiedi jekk timponix jew le l-pagament ta’ penalità bħal din (15) fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti li jkollhom x’jaqsmu kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas illi jkun ġie kkonstatat kif ukoll mal-attitudni tal-Istat Membru kkonċernat (16).

36.      Jien nemmen li f’dan il-każ, tliet fatti jimmilitaw favur l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa.

37.      L-ewwel fattur huwa l-attitudni tar-Repubblika Ellenika. Kif kelli okkażjoni li nippreċiża fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għalkemm ir‑Repubblika Ellenika rreferiet għall-“kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa” tagħha mal-Kummissjoni, ir-risposti tardivi tal-awtoritajiet Griegi kemm għall-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll għall-opinjoni motivata ċertament ma jirrappreżentawx evidenza ta’ dan it-tip ta’ kooperazzjoni matul il-proċeduri preliminari. Il-bidla fl-attitudni tal-awtoritajiet Griegi ġrat biss wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni illi tippreżenta dan ir-rikors.

38.      It-tieni fattur huwa t-tul tal-ksur. Jiena nemmen illi l-perijodu ta’ 29 xahar illi għadda minn meta ngħatat is-sentenza tal-2007 sad-data ta’ meta ġiet adottata l-liġi illi ttrasponiet id-Direttiva 2004/80 fis-sistema legali Griega jista’ jiġi kkunsidrat, fil-fehma tiegħi, bħala mogħdija ta’ żmien sinjifikattiv, fid-dawl, b’mod partikulari, taċ-ċirkustanzi enfasizzati wkoll mill-Kummissjoni, jiġifieri l‑kjarezza tas-sentenza tal-2007 u tad-Direttiva 2004/80 li, għalhekk, ma joħolqu l-ebda diffikultà ta’ interpretazzjoni u l-assenza ta’ problemi partikolari assoċjati mal-proċedura għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/80.

39.      L-argumenti mressqa mir-Repubblika Ellenika biex tiġġustifika t-tul tan-nuqqas bil-problemi relatati mal-ħtieġa li tiġbor ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/80 jew li għandhom x’jaqsmu mal-elezzjonijiet ma jistgħux jiġu aċċettati. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod ċar li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prassi jew sitwazzjonijiet mill-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (17).

40.      Fit-tielet lok, il-gravità tal-ksur timmilita wkoll favur l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa. Tabilħaqq, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt illi r‑Repubblika Ellenika hija l-aħħar Stat Membru illi ttraspona d-Direttiva 2004/80, u dan wara kważi erba’ snin wara li għalaq il-perijodu illi fih dik id-direttiva kellha tiġi trasposta (18).

41.      Madankollu, is-seba’ premessa tad-Direttiva 2004/80 tipprovdi:

“Din id-Direttiva tfassal sistema ta’ koperazzjoni biex jiġi faċilitat aċċess għal kumpens ta’vittmi ta’ delitti f’sitwazzjonijiet tal-qsim tal-fruntieri, li għandha topera fuq il-bażi ta’ skemi ta’ l-Istati Membri fuq kumpens ta’ vittmi ta’ delitti vjolenti u intenzjonali, kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom. Għalhekk, mekkaniżmu ta’ kumpens għandu jkun fis-seħħ fl-Istati Membri kollha (19).”

42.      Minn dan isegwi li min-nuqqas ta’ azzjoni tagħha rigward id‑Direttiva 2004/80, ir-Repubblika Ellenika, sa ċertu punt affettwat ukoll il‑miżuri adottati minn Stati Membri oħra u naqqset l-effettività tal-arranġamenti ta’ kumpens tagħhom.

43.      Barra minn hekk, kif anki l-Kummissjoni osservat ġustament, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/80 fil-liġi Griega ostakola l-għan fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni fi ħdan żona komuni ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja. Din il-konstatazzjoni hija appoġġjata mit-tieni premessa tad-Direttiva 2004/80, li taqra:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja żammet fil-Każ ta Cowan li, fejn liġi Komunitarja tiggarantixxi għal persuna naturali l-liberta li tmur ġo Stat Membru ieħor, il‑protezzjoni ta’ dik il-persuna mill-periklu fl-Istat Membru msemmi, fuq l-istess bażi bħal dik ta’ ċittadini nazzjonali u persuni li jgħixu hemm, hija corollari ta’ dik il-libertà ta’ ċaqliq. Miżuri sabiex jiġi faċilitat kumpens lil vittmi ta’ delitti għandhom jiffurmaw parti mir-rejalizzazzjoni ta’ dan l-għan.”

44.      Fid-dawl tal-attitudni tar-Repubblika Ellenika, it-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u s-serjetà tal-ksur kif jirriżultaw miċ-ċirkustanzi deskritti preċedentement, jiena nqis li hu xieraq li r-Repubblika Ellenika tiġi ordnata tħallas somma f’daqqa.

45.      Dwar l-ammont tas-somma f’daqqa, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti ma hijiex marbuta bil-proposta tal-Kummissjoni u li l-iffissar tal-ammont tas-somma f’daqqa joħroġ mis-setgħa diskrezzjonali tagħha (20).

46.      Abbażi ta’ każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lill-Istati Membri għall-ħlas ta’ somma f’daqqa (21), nista’ nikkonstata illi, bid-differenza tal-iffissar ta’ pagament ta’ penalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ma identifikatx ruħha mal-metodu ta’ kalkolu ta’ somma f’daqqa proposta mill-Kummissjoni fl-Avviż tal-2005.

47.      Għal din ir-raġuni, jien nemmen li la huwa utli u lanqas neċessarju illi neżamina l-eżattezza tal-kalkolu tal-fattur “n”, ikkontestat mill-Greċja jew li nfittex it-tweġiba għall-mistoqsija jekk dak il-fattur ibbażat fuq il-prodott gross domestiku u n-numru ta’ voti fil-Kunsill huwiex biżżejjed biex waħdu jiddetermina l-kapaċità ta’ Stat Membru li jħallas (22).

48.      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li fil-kuntest tal-evalwazzjoni biex tiddetermina l-ammont tas-somma f’daqqa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li din is-sanzjoni tkun, l-ewwel nett, adattata għaċ-ċirkustanzi u, barra minn hekk, proporzjonali għan-nuqqas ikkonstatat u l-kapaċità tal-Istat Membru kkonċernat illi jħallas. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm b’mod partikolari affarijiet bħat-tul tan-nuqqas illi jippersisti wara d-data tas-sentenza li tkun ikkonstatatu kif ukoll l-interessi pubbliċi u privati involuti (23).

49.      F’din il-kawża, minbarra l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 37 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa importanti li wieħed jikkunsidra l-fatt li r‑Repubblika Ellenika pproċediet sabiex timplementa s-sentenza tal-2007 fil-mori ta’ din il-kawża.

50.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jidhirli li ammont ta’ EUR 2 miljun huwa xieraq fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

 Konklużjoni

51.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja illi:

–        tiddikjara li, peress illi sal-iskadenza tat-terminu stabbilit għal dan il-għan mill-Kummissjoni Ewropea fl-avviż motivat, ma adottatx il-miżuri illi jwasslu għall-implementazzjoni tas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C-26/07), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea” somma f’daqqa ta’ EUR 2 miljun;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – C-26/07


3 – ĠU L 261, p. 15.


4 – Oriġinarjament, il-Kummissjoni talbet ukoll il-kundanna għall-pagament ta’ penalità. Hija rtirat din it-talba, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-implementazzjoni sussegwenti, mir-Repubblika Ellenika, tas-sentenza tal-2007.


5 – Għandu jiġi nnotat li l-istess dikjarazzjoni kienet diġà tinsab fir-risposta tar-Repubblika Ellenika datata 27 ta’Frar 2007, ippreżentata fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-2007.


6 – SEG (2005) 1658. Skont il-paragrafu 10 tal-imsemmi avviż, il-Kummissjoni minn issa ’l quddiem ser titlob dejjem il-kundanna tal-Istat Membru li jkun naqas sabiex iħallas somma f’daqqa u se żżomm din it-talba, mingħajr ma tirtira r-rikors tagħha, anki jekk l-Istat Membru jirregolarizza ruħu wara li tinfetaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u qabel ma tingħata s‑sentenza skont l-Artikolu 228 KE.


7 – Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, Ġabra p. I-9159, punt 22) kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑568/07, Ġabra p. I‑4505, punt 24).


8 – Fid-data meta ttieħdet id-deċiżjoni mill-Kummissjoni illi tippreżenta dan ir-rikors, fil-25 ta’ Ġunju 2009, l-ammont tas-somma f’daqqa kien laħaq l-ammont ta’ EUR 7 431 484.


9 – SEG (2010) 923.


10–      Fis-sens tal-Avviż tal-2010, anki jekk iċ-ċifri mogħtija minn dak l-Avviż għandhom jiġu applikati għad-deċiżjonijiet li għandhom jingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 260 TFUE mill-għaxar ġurnata tax-xogħol mill-adozzjoni ta’ dak l-avviż, il-Kummissjoni, meta tiġi biex tirrevedi l-fattur “n” għall-kalkolu, ser tadatta l-mudell tal-kalkolu tagħha skont il-fattur “n” ġdid għall-każijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita minnhom fl-2009 skont l‑Artikolu 260 TFUE, ġaladarba l-fattur “n” ġdid huwa inqas mill-fattur applikat fil-bidu tal-kawża. Issa, dan ser isir anki f’din il-kawża.


11 –      C-70/06, Ġabra p. I-1.


12 – Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C-304/02, Ġabra p. I-6263, punt 81); tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 7, punt 58) u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-568/07, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 45).


13 – Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-568/07, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


15 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 63) u tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, Ġabra p. I-5703, punt 144).


16 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 62); u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑568/07, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 44); tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-109/08, Ġabra p. I-4657, punt 51), u tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (C-369/07, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 144).


17 – Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-568/07, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/80 kien jistipula illi l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-istess direttiva mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006.


19 –      Enfasi tiegħi.


20 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 64);


21 – Sal-lum, hemm ħames każijiet, jiġifieri dawk tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C-304/02, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 – il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet il-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 20 miljun); tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 - il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet il-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 10 miljuni); tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-568/07, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 - il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet il-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 1 miljun); tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-109/08, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 - il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet il-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 3 miljuni), u tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 - Il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet il-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 2 miljun).


22 – Għandu jiġi osservat fl-istess ħin kif il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet għall-finijiet tal-kalkolu ta’ penalità, li l-metodu ta’ moltiplikazzjoni ta’ ammont bażiku bil-fattur “n” huwa strument korrett sabiex jirrifletti l-kapaċità tal-Istat ikkonċernat li jħallas, filwaqt li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja C-369/07, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C 369/07, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 146 u 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).