Language of document : ECLI:EU:C:2012:474

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fid-19 ta’ Lulju 2012 (1)

Kawża C‑342/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Finlandja

“Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni diskriminatorja ta’ dividendi mqassma lil fondi ta’ pensjoni barranin”





1.        Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-kwistjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja hija dwar jekk il-Finlandja tintaxxax id-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni barranin li huma ffinanzjati (iktar ’il quddiem il-“fondi ta’ pensjoni barranin”) (2) b’mod diskriminatorju.

2.        Fondi ta’ pensjoni tat-tip inkwistjoni jirċievu normalment, minn u/jew f’isem il-parteċipanti, kontribuzzjonijiet li bihom huma jixtru l-investimenti biex jipprovdu dħul permezz ta’ ħlas ta’ dividendi. Ftit minn dak id-dħul jintuża biex ikopri l-ispejjeż tal-operat, iżda parti sostanzjali minnu tiġi ttrasferita f’fondi ta’ riżerva li minnhom jitħallsu l-pensjonijiet lill-benefiċjarji. F’xi każijiet, l-organizzazzjoni li tħaddem il-fond tista’ tagħmel profitt ukoll.

3.        Fil-prinċipju, il-fondi ta’ pensjoni stabbiliti fil-Finlandja (iktar ’il quddiem il-“fondi ta’ pensjoni residenti”) jiġu ntaxxati hemmhekk fuq il-ħlasijiet ta’ dividendi, bir-rata ta’ 19.5 % (3). Madankollu, kwalunkwe parti minn dak id-dħul li tiġi ttrasferita f’fondi ta’ riżerva tiġi ttrattata bħallikieku kienet spiża, u għaldaqstant tista’ titnaqqas mid-dħul taxxabbli. Konsegwentement, f’dak l-istadju, dak id-dħul mill-investiment fil-fatt ma jiġiex intaxxat bl-ebda mod. Madankollu, huwa jiġi ntaxxat bħala dħul f’idejn il-benefiċjarji meta jitħallas lilhom skont il-kuntratti ta’ assigurazzjoni.

4.        Fir-rigward ta’ fondi ta’ pensjoni barranin, il-Finlandja tista’ tintaxxa biss il-ħlasijiet ta’ dividendi li jsiru fit-territorju tagħha. Għaldaqstant, il-fondi ta’ pensjoni barranin jiġu ttrattati b’mod differenti inkwantu tali ħlasijiet ta’ dividendi huma suġġetti għat-taxxa f’ras il-għajn li tinġabar bir-rata ta’ 19.5 % (4). Madankollu, fir-rigward tal-fondi ta’ pensjoni residenti ma jeżisti ebda mekkaniżmu li jikkorrispondi għal dan, fejn id-dħul ittrasferit għall-fondi ta’ riżerva jibbenefika minn trattament fiskalment vantaġġuż taħt is-sistema nazzjonali.

5.        Il-Kummissjoni ssostni li din id-differenza fit-trattament hija diskriminatorja.

 Il-leġiżlazzjoni

 It-Trattat FUE u l-Ftehim ŻEE

 It-Trattat

6.        L-Artikolu 63 TFUE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

7.        L-Artikolu 65(1)(a) TFUE jipprovdi li l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax id-dritt li għandhom l-Istati Membri “li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni taxxabbli li ma humiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”.

8.        L-Artikolu 65(3) TFUE jipprovdi li l-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 “[...] m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63”.

9.        Fil-fatt, l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE (5) jestendi l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 63 TFUE għaż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”).

10.      L-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE, sa fejn fis-sustanza huma identiċi għar-regoli korrispondenti ta’ dawk li fiż-żmien kienu t-Trattati KEE u KEFA (u tal-atti adottati taħthom), għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taż-żmien li fih ġie ffirmat il-Ftehim ŻEE (6). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li tinterpreta l-Ftehim ŻEE fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni Ewropea (7).

11.      Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE li jipprojbixxu r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital għandhom ukoll jiġu interpretati, sa fejn hu possibbli, bl-istess mod bħall-Artikoli 63 u 65 TFUE.

 Id-Direttiva 77/799/KEE

12.      Id-Direttiva 77/799/KEE (8) tirregola l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri li huwa meħtieġ biex jippermettilhom jagħmlu stima korretta tat-taxxi fuq id-dħul u l-kapital. Din id-direttiva ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża; iżda hija rilevanti inkwantu l-Kummissjoni tispjega li d-dikjarazzjonijiet li hija tixtieq tikkonċerna biss lil dawk l-Istati ŻEE li għalihom tapplika d-Direttiva 77/799/KEE (9).

 Id-Direttiva 88/361/KEE

13.      Id-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE (10) wasslet għal liberalizzazzjoni sħiħa tal-movimenti tal-kapital u għal dan il-għan l-Artikolu 1(1) tagħha kien jeżiġi li l-Istati Membri jneħħu r-restrizzjonijiet kollha fuq tali movimenti. Wara l-introduzzjoni tal-Artikoli 56 u 58 KE (li saru l-Artikoli 63 u 65 TFUE) fit-Trattat fl-1994 (11), in-nomenklatura annessa mad-Direttiva 88/361/KEE beda jkollha valur indikattiv fl-evalwazzjoni dwar jekk xi tranżazzjoni tikkostitwixxix moviment ta’ kapital għall-iskopijiet tal-Artikolu 63 TFUE (12). L-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE għandu jinqara flimkien mal-Anness XII tiegħu. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jagħmlu riferiment speċifiku għad-Direttiva 88/361/KEE u għall-mod li bih għandha tiġi interpretata din il-miżura għall-iskopijiet tal-Ftehim ŻEE.

 Id-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji

14.      Id-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji (13) ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża. Madankollu, hija rilevanti inkwantu tirregola t-taxxa doppja ta’ dividendi. L-għan tad-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji huwa li permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema komuni ta’ taxxa, telimina kull żvantaġġ għall-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta pparagunata mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji tal-istess Stat u li tiffaċilita, għaldaqstant, ir-raggruppament ta’ kumpanniji fuq il-livell tal-UE (14). Id-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji hija intiża li tiżgura li meta kumpannija parent tirċievi dividendi (imsemmija bħala profitti mqassma f’dik id-direttiva) minħabba l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, l-Istat tal-kumpannija parent irid jew jibqa’ lura milli jintaxxa dak il-qligħ, jew jekk jintaxxa dak il-qligħ, jawtorizza lill-kumpannija parent biex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa dovuta dik il-parti mit-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mis-sussidjarja li tirrigwarda dawk id-dividendi li jitħallsu (15). Barra minn hekk, sabiex tiżgura n-newtralità fiskali, id-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji tipprovdi fl-Artikolu 5 tagħha li “[...]l-profitti li kumpannija sussidjarja tkun qassmet lill-kumpannija ġenitur [parent] tagħha għandhom [...] jiġu eżentati mit-taxxa mnaqqsa [f’ras il-għajn]” (16).

 Id-dritt nazzjonali

15.      Il-Laki elinkeinotulon verottamisesta (il-Liġi dwar it-tassazzjoni tad-dħul min-negozju, 360/1968) (iktar ’il quddiem il-“LEV”) tirregola t-tassazzjoni ta’ ħlasijiet ta’ dividendi li jsiru lill-fondi ta’ pensjoni residenti. Il-qari konġunt tal-Artikoli 6a u 11 tal-LEV juri li d-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni jiġu ntaxxati bħala dħul.

16.      Taħt l-Artikolu 6a tal-LEV, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tat-tuloverolaki (il-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, 1535/1992), il-fondi ta’ pensjoni huma suġġetti għat-taxxa bir-rata ta’ 19.5 % fuq il-ħlasijiet ta’ dividendi.

17.      L-Artikolu 7 tal-LEV jipprovdi li l-ispejjeż u t-telf imġarrba sabiex jinkiseb jew jinżamm dħul minn attività ekonomika jistgħu jitnaqqsu għall-iskopijiet tat-taxxa.

18.      Il-punt 10 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8 tal-LEV jipprovdi li l-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu għall-iskopijiet tal-Artikolu 7 jinkludu t-trasferimenti statutorji li jsiru mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni, l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni, l-istituzzjonijiet tat-tfaddil u organizzazzjonijiet tal-assigurazzjoni simili oħra sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tar-responsabbiltajiet ta’ assigurazzjoni tagħhom flimkien mal-ammonti meħtieġa biex jissodisfaw dawk l-obbligi, kif ukoll l-ammonti li, skont il-prinċipji li jirregolaw l-industrija tal-assigurazzjoni (17), huma meħtieġa biex ikopru l-obbligi fir-rigward ta’ investimenti għall-pensjonijiet u obbligi oħrajn relatati mal-assigurazzjoni (18).

19.      Il-ħlasijiet ta’ dividendi magħmula mill-kumpanniji Finlandiżi lill-fondi ta’ pensjoni barranin huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn bis-saħħa tal-lähdeverolaki (il-Liġi fuq it-taxxa f’ras il-għajn, 627/1978). Skont l-Artikoli 3 sa 7 tal-lähdeverolaki, ir-rata ta’ taxxa f’ras il-għajn tammonta għal 19.5 %. Din ir-rata tkun iktar baxxa meta jkun japplika xi ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja (19).

 Il-proċedura

20.      Fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE billi adottat u żammet fis-seħħ skema li biha d-dividendi mqassma lill-fondi ta’ pensjoni barranin jiġu ntaxxati b’mod diskriminatorju. Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Repubblika tal-Finlandja tħallas l-ispejjeż.

21.      Il-Gvern Daniż, Franċiż, Olandiż, Svediż u dak tar-Renju Unit intervjenew insostenn tal-Finlandja.

22.      Il-Kummissjoni u l-Gvern Finlandiż, Olandiż u Svediż ressqu s-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta tal‑10 ta’ Mejju 2012.

 Il-kunsiderazzjonijiet

 L-osservazzjonijiet preliminari

23.      Fl-ewwel lok, il-Gvern Finlandiż isostni li r-rikors tal-Kummissjoni huwa inammissibbli. Il-Finlandja ssostni li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li ma jinkludix ir-raġunijiet imressqa b’mod li huwa suffiċjentement ċar u preċiż biex jippermetti lill-Finlandja tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi.

24.      Filwaqt li r-rikors tal-Kummissjoni kien ikun iktar faċli li jinftiehem kieku nkiteb b’iktar preċiżjoni, mill-eżami tad-difiża tal-Gvern Finlandiż jirriżulta ċar li huwa fehem l-ilment tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikors huwa suffiċjentement ċar tant li ppermetta lill-gvernijiet ta’ ħames Stati Membri jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-punt inkwistjoni. Għaldaqstant ma jidhirlix li l-Finlandja ġiet ippreġudikata fil-preparazzjoni tad-difiża tagħha.

25.      Fit-tieni lok, il-proċeduri preżenti jikkonċernaw il-fondi ta’ pensjoni li huma “ffinanzjati”. Dawn il-fondi ta’ pensjoni jakkumulaw l-attiv li jintużaw għall-ħlas tal-benefiċċji lill-persuni li magħhom ikollhom kuntratti ta’ assigurazzjoni. L-attiv ikun proprjetà tal-fond ta’ pensjoni u l-użu tiegħu huwa permess biss għall-ħlas tal-benefiċċji (20). Normalment, il-fondi ta’ pensjoni jittrasferixxu l-ħlasijiet iġġenerati mill-investimenti tagħhom għal fondi ta’ riżerva maħluqin biex jissodisfaw l-obbligi futuri (21). Waqt is-seduta, il-Finlandja spjegat li t-trasferimenti jsiru skont regoli statutorji. Huwa paċifiku li l-fondi ta’ pensjoni barranin jagħmlu l-istess attività fir-rigward tat-trasferiment ta’ ħlasijiet ta’ dividendi f’fondi ta’ riżerva għall-istess skop bħal dak tal-fondi ta’ pensjoni residenti.

26.      Fit-tielet lok, normalment il-ħlasijiet ta’ dividendi jitqiesu bħala dħul (irċevut) iktar milli spiża (22). Għaldaqstant, fil-prinċipju, id-dividendi ġeneralment jiġu ntaxxati bħala dħul (23). Madankollu, taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-fondi ta’ pensjoni (jew organizzazzjonijiet simili li jwettqu attivitajiet ta’ assigurazzjoni simili) jitħallew jittrattaw il-ħlasijiet ta’ dividendi li huma jirċievu u jittrasferixxu għal fondi ta’ riżerva bħala spiża għall-iskopijiet tat-taxxa. Fil-kalkolu tal-ammont ta’ taxxa dovuta, id-dividendi jitnaqqsu, għaldaqstant, mid-dħul tal-fond ta’ pensjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont li fuqu hija dovuta t-taxxa.

27.      Din il-fakultà jidhirli li tikkostitwixxi vantaġġ fiskali li joħroġ min-natura tal-obbligi u l-attivitajiet partikolari tal-fondi ta’ pensjoni.

28.      Fir-raba’ lok, fit-Trattat ma hemm ebda definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi “moviment tal-kapital” għall-iskopijiet tal-Artikolu 63 TFUE. Għalkemm il-fatt li wieħed jirċievi dividendi ma huwiex imsemmi espressament bħala moviment ta’ kapital fin-nomenklatura annessa mad-Direttiva 88/361/KEE, id-dritt li wieħed jirċievi tali ħlas jissupponi parteċipazzjoni f’impriża ġdida jew eżistenti għall-iskopijiet tat-Taqsima I(2) tal-anness u/jew tranżazzjonijiet fl-assigurazzjonijiet fis-suq tal-kapital kif imsemmija fit-Taqsima IIIA(1) u (3) (24). L-akkwist ta’ attiv li jiġġenera dividendi jaqa’ manifestament taħt l-anness tan-nomenklatura, minkejja li l-ħlasijiet ta’ dividendi, bħala tali, ġeneralment jitqiesu bħala dħul għall-iskopijiet tat-taxxa.

29.      Fil-ħames lok, f’oqsma ta’ tassazzjoni diretta li ma humiex armonizzati, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu jekk jeżerċitawx il-kompetenza ta’ tassazzjoni tagħhom. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea u, għaldaqstant, għandhom jevitaw id-diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità (25).

 Diskriminazzjoni

30.      Il-Kummissjoni ssostni li peress li l-fondi ta’ pensjoni residenti jistgħu jqisu l-ħlasijiet ta’ dividendi ttrasferiti għall-fondi ta’ riżerva bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu għall-iskopijiet ta’ taxxa, dawk il-fondi ta’ pensjoni huma (prattikament) eżenti mit-taxxa. Il-fondi ta’ pensjoni barranin huma żvantaġġjati minħabba li l-ħlasijiet ta’ dividendi li huma jirċievu huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn li minnha ma jista’ jsir ebda tnaqqis. Il-Kummissjoni targumenta li dik id-differenza fit-trattament trendi t-trasferiment tal-kapital transkonfinali inqas attraenti peress li tiskoraġġixxi lill-fondi ta’ pensjoni barranin milli jakkwistaw azzjonijiet f’kumpanniji Finlandiżi. B’dan il-mod, hija tipprekludi l-fondi ta’ pensjoni milli jxerrdu l-investiment u jimmassimizzaw .il-profitt tagħhom li għandu jintuża għall-ħlas ta’ pensjonijiet lil persuni assigurati.

31.      Il-Finlandja ma taċċettax li l-fondi ta’ pensjoni residenti huma eżenti mit-taxxa fuq dividendi li huma jirċievu. Hija tenfasizza li, fil-prinċipju, il-fondi ta’ pensjoni kollha huma suġġetti għal xi taxxa. Fid-dawl ta’ dan, hija taċċetta li l-fondi ta’ pensjoni barranin huma ttrattati b’mod differenti mill-fondi ta’ pensjoni residenti u li, f’ċerti każijiet, il-possibbiltà li l-ħlasijiet ta’ dividendi jiġu ttrattati bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu għall-iskopijiet tat-taxxa tista’ twassal għal eżenzjoni mit-taxxa.

32.      Huwa ċar li din il-possibbiltà taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija vantaġġ fiskali li ma jingħatax lill-fondi ta’ pensjoni barranin.

33.      Il-fondi ta’ pensjoni jakkwistaw u jżommu attiv f’kapital sabiex jiġġeneraw dħul fuq tul ta’ żmien. Tali differenza fit-trattament fiskali ta’ dividendi tiskoraġġixxi l-moviment liberu tal-kapital inkwantu trendi l-investiment fil-Finlandja inqas attraenti għall-fondi ta’ pensjoni barranin. Konsegwentement, l-opportunitajiet għall-impriżi Finlandiżi biex ikabbru l-investiment minn fondi ta’ pensjoni barranin huma iktar limitati (26).

34.      Għaldaqstant, nikkunsidra li bil-fatt li tippermetti lill-fondi ta’ pensjoni residenti jittrattaw il-ħlasijiet ta’ dividendi ttrasferiti fil-fondi ta’ riżerva bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu għall-iskopijiet ta’ taxxa iżda ma tagħtix l-istess vantaġġ lill-fondi ta’ pensjoni barranin, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

 Ġustifikazzjoni

35.      Id-differenza fit-trattament ta’ fondi ta’ pensjoni residenti u barranin hija ġġustifikata?

 L-Artikolu 65(1)(a) TFUE

36.      Il-Finlandja, sostnuta mill-gvernijiet tal-Istati Membri intervenjenti, issostni li l-Artikolu 65(1)(a) TFUE jippermettilha tagħmel distinzjoni bejn fondi ta’ pensjoni li ma jkunux fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom u għaldaqstant, biex tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

37.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 65(1)(a), li jidderoga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, għandu jingħata interpretazzjoni stretta (27). Dan ma għandux jiġi interpretat bħala li jfisser li kull miżura nazzjonali li tagħmel distinzjoni bejn persuni taxxabbli fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat (28).

38.      Għaldaqstant għandha ssir distinzjoni bejn trattament differenti permess taħt l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjoni arbitrarja pprojbita mill-Artikolu 65(3). Sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni tkun tista’ titqies kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jiġifieri l-Artikolu 63 TFUE, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li d-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (29).

39.      Dan il-punt ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’numru ta’ każijiet li jikkonċernaw it-taxxa doppja ekonomika (30). Ir-regola ġenerali hija li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri biex jipprekludu jew inaqqsu l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi, jew it-tassazzjoni doppja, fuq profitti mqassma minn kumpanniji residenti u li l-azzjonisti residenti u dawk mhux residenti li jirċievu d-dividendi ma jinsabux neċessarjament f’sitwazzjoni paragunabbli (31).

40.      Madankollu, mill-mument fejn Stat Membru, unilateralment jew permezz ta’ ftehim, jimponi t-taxxa fuq id-dħul mhux biss fuq l-azzjonisti residenti, iżda wkoll fuq azzjonisti mhux residenti, fir-rigward tad-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija azzjonisti mhux residenti ssir paragunabbli għal dik tal-azzjonisti residenti (32).

41.      Kif tgħid il-Qorti tal-Ġustizzja: “huwa s-sempliċi eżerċizzju minn dan l-istess Stat tal-kompetenza fiskali tiegħu li, indipendentement minn kull tassazzjoni fi Stat Membru ieħor, jagħti lok għal riskju ta’ impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew ta’ taxxa doppja ekonomika. F’każ bħal dan, sabiex il-kumpanniji benefiċjarji mhux residenti ma jiġux suġġetti għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala regola, mill‑Artikolu 56 KE, l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija li tħallas id-dividendi għandu jiżgura li, meta mqabbla mal-mekkaniżmu previst fid-dritt nazzjonali tiegħu għall-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew ta’ taxxa doppja ekonomika, il-persuni mhux residenti [il-kumpanniji azzjonisti mhux residenti] jiġu suġġetti għal trattament ekwivalenti għal dak li jibbenefikaw minnu r-residenti [l-kumpanniji azzjonisti residenti]” (33).

42.      F’dawn il-proċeduri, l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huwa li tieħu inkunsiderazzjoni l-iskop speċifiku tal-fondi ta’ pensjoni (u forom oħra ta’ organizzazzjonijiet simili) meta jakkumulaw il-fondi ttrasferiti għal fondi ta’ riżerva li eventwalment jintużaw biex jonoraw l-obbligi ta’ assigurazzjoni futuri tagħhom. Bil-fatt li dawk l-organizzazzjonijiet jitħallew jittrattaw id-dividendi bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu għall-iskopijiet tat-taxxa, l-impożizzjoni tat-taxxa tiġi differita għall-mument meta jsir il-ħlas taħt il-kuntratti ta’ assigurazzjoni u l-ħlas jiġi ntaxxat, imbagħad, f’idejn il-benefiċjarju.

43.      Għalkemm il-fondi ta’ pensjoni barranin iwettqu l-istess attività u għandhom l-istess għanijiet bħall-fondi ta’ pensjoni residenti fir-rigward tat-trasferimenti li jsiru għall-fondi ta’ riżerva, il-Finlandja għażlet li tintaxxa d-dividendi li jitħallsu lil dawk il-fondi ta’ pensjoni. Peress li t-trasferimenti għall-fondi ta’ riżerva huma element essenzjali tal-attivitajiet tagħhom, nikkunsidra li l-fondi ta’ pensjoni barranin li jirċievu dividendi minn kumpanniji Finlandiżi qegħdin f’pożizzjoni paragunabbli għall-fondi ta’ pensjoni residenti.

44.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li peress li l-fondi ta’ pensjoni barranin ma jitħallewx jittrattaw il-ħlasijiet ta’ dividendi provenjenti minn kumpanniji Finlandiżi li jiġu ttrasferiti għall-fondi ta’ riżerva bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu għall-iskopijiet tat-taxxa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital li hija pprojbita taħt l-Artikolu 63 TFUE.

 It-territorjalità fiskali

45.      Il-Finlandja u l-gvernijiet tal-Istati Membri intervenjenti jsostnu li d-differenza fit-trattament fiskali ta’ fondi ta’ pensjoni residenti u barranin hija ġġustifikata mill-prinċipju tat-territorjalità fiskali. Huma jsostnu li minn dan il-prinċipju jirriżulta li dawk li ma humiex residenti (suġġetti għal obbligi fiskali limitati) jiġu ntaxxati biss fuq id-dħul li jinħoloq fl-Istat li jimponi t-taxxa (il-Finlandja)u spejjeż marbutin direttament mal-attività li ġġenerat dan id-dħul jitnaqqsu għal skopijiet tat-taxxa(34). Madankollu, fil-każ ta’ residenti (li huma suġġetti għat-taxxa sħiħa), l-istima tat-taxxa tkun ibbażata fuq id-dħul u spejjeż tagħhom li jkunu ġejjin mid-dinja kollha.

46.      Il-prinċipju tat-territorjalità fiskali fid-dritt fiskali internazzjonali ma huwiex definit, minkejja li ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (35). Naqbel li s-setgħat tal-Istat li jimponi t-taxxa jiġu eżerċitati skont dan il-prinċipju (36).

47.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jfissirx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqa’ awtomatikament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE. Id-differenza fit-trattament tal-fondi ta’ pensjoni residenti u barranin ma tistax tiddaħħal taħt l-Artikolu 65(1)(a) TFUE b’sempliċi riferiment għal dak il-prinċipju (37).

48.      Il-Finlandja u l-Istati Membri intervenjenti jinvokaw is-sentenza Gerritse (38) u jsostnu li l-ħlasijiet ta’ dividendi li jiġu ttrasferiti għall-fondi ta’ riżerva ma jikkostitwixxux spejjeż marbutin direttament mal-attività ekonomika (investiment ta’ kapital fil-Finlandja) li ġġenerat dawk id-dividendi. Fir-rigward ta’ fondi ta’ pensjoni barranin, dawn it-trasferimenti ma jistgħux jiġu ttrattati bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu għall-iskopijiet tat-taxxa, peress li mill-prinċipju tat-territorjalità fiskali jirriżulta li, fil-Finlandja, il-fondi ta’ pensjoni barranin huma suġġetti għal obbligi fiskali limitati biss. Għaldaqstant, huwa permissibbli li l-fondi ta’ pensjoni residenti jiġu ttratti b’mod differenti minħabba li, fil-Finlandja, dawk il-fondi ta’ pensjoni huma suġġetti għat-taxxa sħiħa.

49.      Il-Kummissjoni wkoll tibbaża ruħha fuq is-sentenza Gerritse u ssostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi interpretata bħala li tirrikonoxxi rabta diretta bejn it-trasferimenti ta’ dividendi għall-fondi ta’ riżerva u l-investimenti ta’ kapital fil-Finlandja li jiġġeneraw dawk id-dividendi. Għaldaqstant, fir-rigward tal-fondi ta’ pensjoni barranin, dawk it-trasferimenti għandhom jitqiesu wkoll bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu għall-iskopijiet ta’ taxxa.

50.      Fis-sentenza Gerritse (39), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-ispejjeż inkwistjoni jkunu marbutin direttament mal-attività li ġġenerat id-dħul taxxabbli fl-Istat li jimponi t-taxxa, ir-residenti u dawk li ma humiex jitpoġġew f’sitwazzjoni paragunabbli u għaldaqstant dawk l-ispejjeż għandhom ikunu jistgħu jitnaqqsu għall-iskopijiet ta’ taxxa.

51.      Din il-kawża hija differenti mill-kawżi preċedenti fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż meta tkun qiegħda tiġi kkalkolata l-bażi tal-istima ta’ taxxa, persuni taxxabbli barranin għandhomx jingħataw l-istess vantaġġ bħal dawk li huma residenti (40).

52.      Iċ-ċirkustanzi ma humiex tas-soltu inkwantu l-ħlasijiet ta’ dividendi jikkostitwixxu dħul. Dawn ma humiex spejjeż. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni topera billi toħloq finzjoni legali li tippermetti li l-fondi ta’ pensjoni barranin jittrattaw tali tqassim ta’ dividendi bħala spejjeż.

53.      Il-kwistjoni hija dwar jekk din l-istess finzjoni għandhiex tapplika għal fondi ta’ pensjoni residenti.

54.      Fis-sentenza FKP Scorpio Konzertproduktionen (41), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dak li jirrigwarda dawk li fiż-żmien kienu l-Artikoli 59 u 60 KE (li saru l-Artikoli 56 u 57 TFUE) li dawk id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux it-teħid inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ spejjeż li ma humiex marbutin direttament, fis-sens tal-ġurisprudenza Gerritse, mal-attività ekonomika li ġġenerat id-dħul taxxabbli inkwistjoni.

55.      Nikkonkludi li mill-prinċipji tat-territorjalità fiskali ma huwiex awtomatiku li d-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni barranin li jiġu ttrasferiti għal fondi ta’ riżerva (“spejjeż” taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni) iridu jkunu marbutin direttament mal-attività li ġġenerat id-dħul sabiex jitqiesu bħala li jistgħu jitnaqqsu għall-iskopijiet tat-taxxa.

 Koeżjoni tas-sistema fiskali

56.      Il-Finlandja tressaq argument ieħor sussidjarju li d-differenza fit-trattament hija ġġustifikata minħabba li hija neċessarja biex tiżgura l-koeżjoni tas-sistema ta’ tassazzjoni tagħha.

57.      Filwaqt li tirrikonoxxi li l-bżonn li tinżamm il-koeżjoni tas-sistema fiskali nazzjonali jista’ jiġġustifika ċerta restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali fil-forma ta’ trattament differenti skont jekk xi ħaġa sseħħx skont l-għan ta’ dik is-sistema jew le, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat konsistentament li tali ġustifikazzjoni tiddependi fuq il-fatt li jkun hemm rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dak il-vantaġġ permezz ta’ taxxa partikolari (42).

58.      Il-kawża Bachmann (43) kienet tikkonċerna s-sistema Belġjana li kienet tapplika għat-tassazzjoni tad-dħul, b’mod partikolari jekk il-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni magħmula fi Stat Membru ieħor setgħux jitnaqqsu għall-iskopijiet tat-taxxa. H. M. Bachmann kien daħal f’kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-mard u għall-invalidità, flimkien ma’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja, fil-Ġermanja (fejn kien jaħdem dak iż-żmien) qabel ma mar jgħix u jaħdem fil-Belġju, fejn kompla jħallas il-primjums neċessarji taħt dawk il-kuntratti. Il-liġi Belġjana ma kinitx tippermettilu jnaqqas l-ammont ta’ dawk il-primjums mid-dħul taxxabbli tiegħu, kif kien ikun possibbli kieku l-primjums kienu tħallsu fil-Belġju. Madankollu, il-Gvern Belġjan irnexxielu jargumenta li l-eżenzjoni tal-primjums mit-taxxa kien ikkumpensat bit-taxxa fuq il-pensjonijiet, vitalizji jew somom ta’ kapital imħallsa mill-assiguraturi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-koeżjoni tas-sistema fiskali tissupponi li, jekk Stat ikun obbligat jippermetti t-tnaqqis tal-primjums imħallsa fi Stat Membru ieħor, huwa għandu jkun jista’ jintaxxa kwalunkwe ammonti li jitħallsu mill-assiguraturi. Madankollu, dan ma setax ikun iggarantit. Konsegwentement, il-koeżjoni tas-sistema fiskali ma setgħetx tkun żgurata b’miżuri inqas restrittivi mir-regoli Belġjani.

59.      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Bachmann kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni li taħt il-liġi Belġjana kien hemm rabta diretta (44), fir-rigward tal-istess persuna taxxabbli suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul, bejn il-possibbiltà li jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni mid-dħul taxxabbli u t-taxxa sussegwenti fuq ammonti mħallsa mill-assiguraturi. Il-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni kienet tipprovdi wkoll li, jekk il-kontribuzzjonijiet ma jitnaqqsux mid-dħul taxxabbli tal-persuna assigurata, il-benefiċċji mħallsa mill-kumpannija tal-assigurazzjoni ma jiġux intaxxati.

60.      F’din il-kawża, ma hemmx dik ir-rabta korrispondenti li tikkumpensa l-vantaġġ fiskali bl-impożizzjoni tat-taxxa.

61.      Is-sistema Finlandiża għandha tliet elementi: (i) il-fondi ta’ pensjoni huma suġġetti għat-taxxa kummerċjali fuq il-ħlasijiet ta’ dividendi, (ii) dawk il-ħlasijiet ta’ dividendi li jiġu ttrasferiti għal fondi ta’ riżerva jiġu ttrattati bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu għall-iskopijiet tat-taxxa u (iii) hemm il-possibbiltà li t-taxxa fuq id-dividendi ddifferita tista’ tiġi imposta fuq ħlasijiet futuri li jsiru lill-benefiċjarji taħt kuntratti ta’ assigurazzjoni.

62.      Dawn it-tliet elementi separati jistgħu jkunu parti minn sistema fiskali globali, iżda ma hemm ebda evidenza ta’ rabta diretta bejniethom.

63.      Fir-rigward tal-vantaġġ fiskali tal-fondi ta’ pensjoni u l-impożizzjoni possibbli ta’ taxxa sussegwenti fuq il-benefiċċji f’idejn il-benefiċjarju, il-Finlandja ma wrietx li t-tnaqqis huwa marbut direttament mal-impożizzjoni ta’ taxxa fuq id-dħul li jkun suġġett għaliha l-benefiċjarju malli jirċievi l-benefiċċji taħt kuntratt ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, il-fondi ta’ pensjoni jinvestu ġeneralment f’attiv differenti u għaldaqstant jużaw dħul minn diversi sorsi sabiex iżommu r-riżervi tagħhom. Id-dividendi minn investimenti f’kumpanniji huma biss wieħed minn tali sorsi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-benefiċċji mħallsa minn fondi ta’ pensjoni taħt kuntratti ta’ assigurazzjoni ma jiġux iġġenerati biss minn ħlasijiet ta’ dividendi. Għaldaqstant, ma hemmx rabta diretta bejn it-trattament fiskali partikolari ta’ ħlasijiet ta’ dividendi taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u kwalunkwe benefiċċji mħallsa bħala pensjonijiet lil persuni assigurati li jistgħu jiġu ntaxxati bħala dħul.

64.      Għaldaqstant, jidhirli li d-differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi li hija neċessarja għall-koeżjoni tas-sistema fiskali.

65.      Nikkonkludi għaldaqstant li l-miżura nazzjonali inkwistjoni ma hijiex iġġustifikata.

 Kwistjonijiet anċillari

 Taxxa doppja

66.      Hemm żewġ punti li jikkonċernaw il-kwistjoni tat-taxxa doppja li jeħtieġu kjarifika.

67.      Fl-ewwel lok, taħt is-sistema fiskali Finlandiża, il-ħlasijiet ta’ dividendi li jsiru minn sussidjarja Finlandiża lil fond ta’ pensjoni barrani li huwa wkoll kumpannija parent fis-sens tal-Artikoli 2 u 3(1) tad-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji ma humiex suġġetti għat-taxxa f’ras il-għajn ta’ 19.5 % taħt l-Artikoli 3 sa 7 tal-lähdevrolaki (45).

68.      Taħt id-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji, it-tassazzjoni ta’ ħlasijiet ta’ dividendi hija kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istat li fih ikun stabbilit il-fond ta’ pensjoni barrani. Dak l-Istat jista’ jagħżel li jżomm lura milli jintaxxa dawk id-dividendi f’idejn il-fond ta’ pensjoni (il-kumpannija parent). Alternattivament, huwa jista’ jintaxxa l-fond ta’ pensjoni, iżda mbagħad jippermettilu jnaqqas mill-ammont tat-taxxa dovuta dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-kumpanniji li jkollu x’jaqsam mal-ħlas tad-dividend li jkun irċieva mis-sussidjarja Finlandiża (46).

69.      Għaldaqstant, it-tassazzjoni ta’ ħlasijiet ta’ dividendi provenjenti minn fondi ta’ pensjoni barranin li huma kumpanniji parent għall-iskopijiet tad-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji hija kwistjoni ta’ kompetenza tal-Istat li fih ikunu stabbiliti dawk il-fondi ta’ pensjoni iktar milli tal-Finlandja.

70.      Fit-tieni lok, il-Finlandja kkonkludiet ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja mal-Istati Membri kollha ħlief għal Ċipru u mal-Istati ŻEE ħlief għal Liechtenstein (47). Taħt il-ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja, ir-rata ta’ taxxa fuq il-ħlasijiet tad-dividendi ma hijiex iktar minn 15 %. Fis-seduta, il-Finlandja spjegat li f’ċerti każijiet ir-rata hija żero (bħalma huwa l-każ ta’ Franza, l-Irlanda u r-Renju Unit) (48).

71.      Franza ssostni li t-trattament inqas favorevoli tal-fondi ta’ pensjoni barranin huwa mtaffi bil-ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja peress li tapplika rata ta’ taxxa iktar baxxa (sa massimu ta’ 15 %) mir-rata ta’ 19.5 % li tapplika għall-fondi ta’ pensjoni residenti.

72.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jista’ jiżgura l-osservanza tal-obbligi tiegħu taħt it-Trattat billi jikkonkludi ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja ma’ Stati Membri oħra (49), huwa neċessarju li l-applikazzjoni ta’ tali ftehim tippermetti li jiġu kkumpensati l-effetti tad-differenza fit-trattament li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (50).

73.      Sabiex tinnewtralizza d-differenza fit-trattament taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-Finlandja għandha turi li t-trattament fiskali li jitfa’ iktar piż fuq il-fondi ta’ pensjoni barranin meta mqabbla mal-fondi ta’ pensjoni residenti, ma jistax jiġi attribwit lis-sistema fiskali tagħha (51). Huwa minnu li fil-każ li ma tapplika ebda taxxa għad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni barranin (bħal fil-każ ta’ Franza, l-Irlanda u r-Renju Unit) id-dividendi kollha jiġu ntaxxati fl-Istat ta’ stabbiliment iktar milli fil-Finlandja.

74.      Madankollu, il-Finlandja taċċetta li l-effett prattiku tal-vantaġġ fiskali mogħti mill-fondi ta’ pensjoni residenti huwa li l-ħlasijiet ta’ dividendi magħmula lilhom spiss ikunu suġġetti għal taxxa kummerċjali baxxa jew ebda taxxa. Jidhirli li meta tiġi applikata rata ta’ taxxa ta’ mhux iktar minn 15 % lill-fondi ta’ pensjoni barranin taħt ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, it-trattament inqas favorevoli ma jiġix ikkumpensat b’dak il-ftehim (ħlief fil-każijiet fejn ir-rata ta’ taxxa hija xorta waħda żero, jew kważi żero, taħt il-ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja). Għaldaqstant, ma jidhirlix li dak il-ftehim jikkumpensa kompletament għad-differenza fit-trattament taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

 Taxxa f’ras il-għajn

75.      Finalment, nixtieq nagħmel ċerti osservazzjonijiet li jirrigwardaw it-tħassib tad-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja fir-rigward tat-taxxa f’ras il-għajn (52).

76.      Dawn il-gvernijiet isostnu li mill-prinċipju tat-territorjalità fiskali jirriżulta li l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom biex jimponu t-taxxi, għandhom ikunu jistgħu jimponu taxxa fuq dividendi mħallsa lill-persuni barranin suġġetti għat-taxxa abbażi tal-ammont gross irċevut iktar milli l-ammont nett (id-dividendi nieqes kwalunkwe tnaqqis ta’, pereżempju, spejjeż).

77.      Fis-sentenza Truck Centre (53), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġbir ta’ taxxa permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn jirrifletti s-sitwazzjoni li huma biss il-persuni taxxabbli residenti li huma suġġetti direttament għas-superviżjoni tal-awtoritajiet fiskali tal-Istat fejn isir il-ħlas u huma dawk l-awtoritajiet li jistgħu jiżguraw l-irkupru obbligatorju tat-taxxa. Dan ma huwiex il-każ għall-persuni taxxabbli mhux residenti, fejn il-ġbir tat-taxxa jeħtieġ l-assistenza u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru ieħor (54). Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi għaldaqstant li huma possibbli arranġamenti fiskali differenti għar-residenti u dawk li ma humiex residenti, fejn is-sitwazzjonijiet taż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli jitqiesu li ma humiex paragunabbli fir-rigward tal-amministrazzjoni u ġbir ta’ taxxa.

78.      Għaldaqstant, naqbel li l-Istati Membri, meta jeżerċitaw is-setgħat ta’ tassazzjoni tagħhom, għandhom diskrezzjoni biex jagħżlu li japplikaw taxxi f’ras il-għajn biex jiġbru t-taxxa fuq ħlasijiet ta’ dividendi magħmula lil persuni mhux residenti. Madankollu, il-konklużjoni fil-punt 34 iktar ’il fuq tikkonċerna differenza fit-trattament li tirrigwarda vantaġġ fiskali partikolari, iktar milli l-applikazzjoni ta’ taxxi f’ras il-għajn.

 Konklużjoni

79.      Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikser l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni u kif mitlub mill-Kummissjoni u skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, tordna lir-Repubblika tal-Finlandja tħallas l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2–      Ara l-punt 25 hawn taħt.


3–      Ara l-punt 16 hawn taħt.


4–      Ara l-punt 19 hawn taħt.


5 – Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994 L 1, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).


6 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑345/05, Ġabra p. I‑10633, punt 39), u tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding (C‑471/04, Ġabra p. I‑2107, punt 48) u l-ġurisprudenza ċċitata.


7 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed ippreżentati fil-kawża Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, Ġabra 2003, p. I‑9743 punt 67) u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås-Andersson (C‑321/97, Ġabra p. I‑3551, punt 28).


8–      Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 63). Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013 (ĠU L64, p. 1).


9 – Ara l-punt 70 hawn taħt u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 47.


10–      Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol 1, p. 10).


11 – Artikoli 56 u 58 KE ġew introdotti b’effett mill-1 ta Jannar 1994 mit-Trattat ta’ Maastricht (it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU 1992 C 191, p. 1).


12–      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-174/04, Ġabra p. I‑4933, punt 27).


13–      Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 147). Għall-iskopijiet tad-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji, l-istat ta’ kumpannija parent jingħata lil kull kumpannija fi Stat Membru li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2 ta’ dik id-direttiva u għandha holding minimu ta’ 10 % fil-kapital ta’ kumpannija fi Stat Membru ieħor li tissodisfa l-istess kundizzjonijiet: ara l-Artikolu 3(1) ta’ dik id-direttiva.


14–      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda (C-284/06, Ġabra p. I‑4571, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 – Ara r-raba’ premessa u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2009, Cobelfret (C‑138/07, Ġabra 2009 p. 1‑731, punti 29 u 30).


16 – Ara l-punti 67 sa 69 hawn taħt fuq id-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji.


17 – Il-fondi ta’ pensjoni iffinanzjati (ara l-punt 0 ta’ dawn il-konklużjonijiet) huma obbligati li jkollhom biżżejjed attiv biex ikopru l-passiv futur tagħhom sabiex jipproteġu lil dawk il-persuni li magħhom ikunu daħlu f’kuntratt ta’ assigurazzjoni. B’mod ġenerali, l-Istati Membri huma responsabbli biex jirregolaw il-provvista ta’ pensjoni fit-territorji rispettivi tagħhom. Madankollu, id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 350) tistabbilixxi ċerti rekwiżiti sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-benefiċjarji assigurati b’fondi ta’ pensjoni iffinanzjati. Dawn jinkludu r-rekwiżit li l-fondi ta’ pensjoni iffinanzjati jiżguraw li jkun hemm biżżejjed attiv li jiġi mwarrab sabiex jissodisfa l-passiv tal-fond ta’ pensjoni hekk kif ikun meħtieġ.


18 – F’dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi għall-paragrafu 7 u l-punt 10 tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 8 tal-LEV bħala l-“leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni”.


19–      Ara l-punt 70 hawn taħt.


20 – Ara Private pensions: OECD classification and glossary, www.oecd.org/dataoecd/49/38356329.pdf. Ara wkoll il-Green Paper ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea “Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri”, (COM(2010) 365 finali). Tali fondi ta’ pensjoni (li jistgħu jkunu marbutin max-xogħol jew personali) jakkumulaw l-attiv iddedikat biex ikopri l-passiv futur tagħhom.


21 – Min-naħa l-oħra, il-fondi ta’ pensjoni mhux iffinanzjati (magħrufin bħala Pay-as-you-go jew PAYGO jew PAYG) ma humiex obbligati li jwarrbu l-attiv – il-benefiċċji jitħallsu mill-kontribuzzjonijiet u/jew mit-taxxi tal-ħaddiema attwali.


22 – Il-ħlasijiet ta’ dividendi huma kklassifikati bħala dħul fl-OECD Model Tax Convention on income and capital, disponibbli fis-sit www.oecd-ilibrary.org/taxation/model-tax-convention-on-income-and-on-capital. L-iktar verżjoni reċenti hija tat-22 ta’ Lulju 2010.


23–      Ara l-punt 15 iktar ’il fuq.


24–      Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.


25–      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑487/08, Ġabra p. I‑4843, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26–      Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑493/09, Ġabra p. I‑9247, punti 28 sa 32).


27 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management (C‑338/11 sa C‑347/11, punt 21).


28–      Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 47.


29–      Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.


30 – It-taxxa doppja ekonomika ma hijiex definita. Din isseħħ meta l-istess dħul jiġi ntaxxat darbtejn, f’idejn żewġ persuni taxxabbli differenti, pereżempju meta t-taxxa fuq il-kumpanniji tinġabar fuq il-profitti u dawk l-istess profitti jiġu ntaxxati bit-taxxa fuq id-dħul f’idejn l-azzjonisti ta’ dik il-kumpannija meta dawn jitqassmulhom bħala dividendi. Ara, pereżempju, is-sentenza Verkooijen (C-35/98, Ġabra p. I‑4071).


31–      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32–      Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.


33–      Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.


34–      Ara l-punt 50 hawn taħt.


35–      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks and Spencer (C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punti 45 u 46).


36 – Ara l-punti 70 sa 74 hawn taħt, dwar it-taxxa doppja fuq ħlasijiet ta’ dividendi.


37 – Ara l-konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs ippreżentata fil-kawża Laboratoires Fournier (C‑39/04, Ġabra I-2057, punt 12); ara wkoll il-konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Tesauro ppreżentata fil-kawża Safir (C‑118/96, Ġabra p. I-1897, punti 20 sa 25). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C‑319/02, Ġabra I-7477, punt 39).


38–      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse (C‑234/01, Ġabra p. 1-5933, punt 27).


39–      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38.


40 – L-istess bħas-sentenza Gerritse, is-sentenzi Centro Equestre (C‑345/04, Ġabra 2007 p. I‑1425 u FKP Scorpio Konzertproduktionen (C‑290/04, Ġabra 2006 p. I‑9461) kienu jikkonċernaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u jekk l-ispejjeż tal-operat li jkunu weħlu l-persuni taxxabbli kkonċernati kinux marbutin direttament mal-attività li ġġenerat id-dħul taxxabbli. Is-sentenza Bouanich (C‑265/04, Ġabra 2006 p. I‑923) kienet tikkonċerna l-moviment liberu tal-kapital u d-deduċibbiltà tal-ispejjeż ta’ azzjonijiet akkwistati mill-ġdid minn azzjonist li ma kienx residenti fl-Istat li impona t-taxxa.


41–      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40.


42 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C‑204/90, Ġabra I‑249 u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑300/90, Ġabra p. I‑305).


43–      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.


44 – Il-kelmiet “rabta diretta” jintużaw hawnhekk fis-sens speċifiku spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza Bachmann. Għaldaqstant, din tfisser li taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni teżisti konnessjoni bejn il-vantaġġ fiskali u l-impożizzjoni għat-taxxa: ara l-punti 21 sa 23 tas-sentenza Bachmann, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.


45 – Ara l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji fil-punt 14 iktar ’il fuq.


46 – Ara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar kumpanniji parent u sussidjarji u ara l-punt 14 iktar ’il fuq.


47 – Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni kkonfermat li r-rikors tagħha jikkonċerna lill-Istati Membri u l-Istati ŻEE kollha li magħhom il-Finlandja kkonkludiet ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja u/jew huma koperti mid-Direttiva 77/799/KEE. Għaldaqstant, il-Liechtenstein ma huwiex milqut b’dawn il-proċeduri peress li ma huwiex kopert b’din id-direttiva u ma għandux ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja mal-Finlandja. Id-Direttiva 77/799/KEE tapplika għal Ċipru; għaldaqstant dan l-Istat Membru huwa kopert bir-rikors tal-Kummissjoni.


48 – Il-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja huwa bbażat fuq l-OECD’s Model Tax Convention on income and on capital imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq. Din il-konvenzjoni tintroduċi mekkaniżmu għall-assistenza amministrattiva u skambju ta’ informazzjoni f’materji fiskali u tistabbilixxi r-rata massima ta’ 15 % bħala taxxa fuq il-ħlasijiet ta’ dividendi mogħtija lill-persuni taxxabbli li huma residenti fi Stat li huwa differenti minn dak tal-kumpannija li tkun qiegħda tagħmel it-tqassim.


49–      Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 58).


50 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 59.


51 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 60.


52–      L-Istati Membri spiss jimponu taxxi fuq id-distribuzzjoni tal-profitti mill-kumpanniji, jiġifieri, fuq id-dividendi mħallsa lill-azzjonisti. Dawn it-taxxi normalment jieħdu l-forma ta’ taxxa f’ras il-għajn miġbura mis-sors mill-kumpannija li tħallas għan-nom tal-awtoritajiet tat-taxxa. It-taxxi f’ras il-għajn spiss jintużaw f’kuntest domestiku biex jiżguraw il-konformità u jissimplifikaw il-ġbir; u t-taxxa miġbura f’ras il-għajn normalment tikkorrispondi għal jew tiġi kkumpensata mit-taxxa dovuta mill-benefiċjarji li huma persuni taxxabbli residenti. It-taxxi f’ras il-għajn fuq dividendi transkonfinali jirrappreżentaw l-impożizzjoni ta’ taxxa żejda mill-Istat li jintaxxa fuq il-persuni mhux residenti li dawn tal-aħħar ma jistgħux jiksbu t-tnaqqis tagħha fl-Istat ta’ residenza tagħhom. Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs ippreżentati fil-kawża Denkavit et (C‑283/94, C‑291/94 u C‑292/94, Ġabra p. I-5063, punt 7).


53 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Centre (C‑282/07, Ġabra p. I‑10767, punti 38 sa 41).


54 – Sentenza Truck Centre, punt 41.