Language of document : ECLI:EU:T:2011:419

Kawża T-18/10

Inuit Tapiriit Kanatami et

vs

Il-Parlament Ewropew u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Regolament (KE) Nru 1007/2009 — Kummerċ tal-prodotti mill-foki — Projbizzjoni ta’ importazzjoni u ta’ bejgħ — Eċċezzjoni favur il-komunitajiet Inuit — Applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kunċett ta’ ‘att regolatorju’ — Nuqqas ta’ interess dirett jew individwali — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Kunċett ta’ att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kull att ta’ portata ġenerali ħlief l-atti leġiżlattivi

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Kundizzjonijiet li jikkonċernawhom direttament fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kuntrarjetà għall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Assenza

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Natura ġuridika — Atti leġiżlattivi u atti regolatorji — Kriterji ta’ distinzjoni — Proċedura għall-adozzjoni tal-att

(Artikoli 251 KE; Artikoli 289(1) u (3) TFUE u 294 TFUE)

4.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Regolament Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1007/2009)

1.      Il-kunċett ta’ att regolatorju, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jinftiehem bħala li jipprevedi kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi. Konsegwentement, att leġiżlattiv jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament ta’ persuna fiżika jew ġuridika biss meta jikkonċernaha direttament u individwalment.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, għalkemm ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE iqajjem novità fil-konfront tat-Trattat KE fir-rigward tal-aċċess għall-qorti tal-Unjoni, jiġifieri li, issa persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma fihomx miżuri ta’ implementazzjoni, il-kunċett ta’ att regolatorju ma huwiex iddefinit mit-Trattat FUE. F’dan ir-rigward, billi din id-dispożizzjoni ma ssemmix it-terminu “deċiżjoni”, tippermetti l-preżentata ta’ rikors kontra l-atti individwali, kontra l-atti ta’ portata ġenerali li jikkonċernaw persuna fiżika jew ġuridika direttament u individwalment kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma fihomx miżuri ta’ implementazzjoni. F’dan il-kuntest, din il-possibbiltà ma tipprevedix l-atti ta’ portata ġenerali kollha, iżda kategorija iktar ristretta, jiġifieri l-atti regolatorji. Minn dan isegwi li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tiegħu jipprevedi li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra l-atti kollha li hija destinatarja tagħhom, kif ukoll, minn naħa, kontra l-atti ta’ portata ġenerali, leġiżlattivi jew regolatorji, li jikkonċernawha direttament u individwalment u min-naħa l-oħra, kontra ċerti atti ta’ portata ġenerali, jiġifieri l-atti regolatorji, li jikkonċernawha u li ma fihomx miżuri ta’ implementazzjoni.

It-tieni nett, din l-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija kkonfermata mill-oriġini tal-proċess li wassal għall-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tmur lura għall-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa li minnu jirriżulta li l-formulazzjoni meqjusa tippermetti li tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-atti leġiżlattivi u l-atti regolatorji, billi żżomm approċċ restrittiv fir-rigward tar-rikorsi tal-individwi kontra l-atti leġiżlattivi.

It-tielet nett, il-finalità tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija li tippermetti lil persuna fiżika u ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra l-atti ta’ portata ġenerali li ma humiex atti leġiżlattivi, li jikkonċernawha direttament u li ma fihomx miżuri ta’ implementazzjoni. Għaldaqstant, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni la tippermetti li jiġi ppreżentat rikors kontra l-atti li jissodisfaw il-kriterji ta’ interess dirett u n-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, u lanqas kontra l-atti ta’ portata ġenerali li jissodisfaw lil dawn il-kriterji, iżda biss kontra kategorija speċifika ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri l-atti regolatorji. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra att leġiżlattiv jibqgħu iktar restrittivi milli fil-każ ta’ rikors ippreżentat kontra att regolatorju.

(ara l-punti 39, 42, 43, 45, 49, 50, 56)

2.      Għal dak li jirrigwarda d-dritt għall-protezzjoni ġuridika effettiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tinterpreta, mingħajr ma teċċedi l-kompetenzi tagħha, il-kundizzjonijiet li fihom individwu jista’ jippreżenta rikors kontra regolament, b’mod li jwassal sabiex jiġu mwarrba dawn il-kundizzjonijiet, li huma previsti espressament mit-Trattat u dan anki fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(ara l-punt 51)

3.      Mill-Artikolu 289(1) u (3) TFUE jirriżulta li l-atti ġuridiċi adottati skont il-proċedura definita fl-Artikolu 294 TFUE, imsemmija “proċedura leġiżlattiva ordinarja”, jikkostitwixxu atti leġiżlattivi. Peress li l-proċedura ddefinita fl-Artikolu 294 TFUE tirripproduċi, essenzjalment, dik iddefinita fl-Artikolu 251 KE, regolament adottat abbażi tal-Artikolu 95 KE skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni prevista fl-Artikolu 251 KE għandu, fil-kuntest tal-kategoriji tal-atti ġuridiċi previsti mit-Trattat FUE, jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv.

Barra minn hekk, għalkemm skont ġurisprudenza stabbilita, il‑kriterju li jiddistingwi regolament minn deċiżjoni huwa jekk l‑att inkwistjoni huwiex ta’ portata ġenerali jew le, din tirreferi b’mod partikolari għat-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni kien, b’mod partikolari, li tevita li, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, permezz tas-sempliċi għażla tal-forma ta’ regolament, ikunu jistgħu jeskludu r-rikors ta’ individwu kontra deċiżjoni li tirrigwardah direttament u individwalment u li b’hekk tippreċiża li l-għażla tal-forma ma tistax tbiddel in-natura ta’ att.

Issa, għalkemm il-kriterju ta’ distinzjoni bejn att ta’ portata ġenerali u att individwali għandu jinstab fl-eventwali portata ġenerali tal-att inwkistjoni, il-klassifikazzjoni tiegħu bħala att leġiżlattiv jew att regolatorju skont it-Trattat FUE hija bbażata fuq il-kriterju tal-proċedura, leġiżlattiva jew le, li wasslet għall-adozzjoni tiegħu.

(ara l-punti 59-61, 63-65)

4.      Il-kundizzjoni tal-interess dirett ta’ persuna fiżika jew ġuridika f’att ta’ portata ġenerali fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li għandha tiġi sodisfatta sabiex rikors kontra dan l-att isir ammissibbli, teżiġi, l-ewwel nett, li l-att ikkontestat tal-Unjoni jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dawn il-persuni u, it-tieni nett, li ma titħalla ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ dan l-att li għandhom jimplementawh, peress li din l-implementazzjoni hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

Fir-rigward ta’ rikors ippreżentat minn individwi kontra r-Regolament Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-projbizzjoni ġenerali ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki, li hija prevista fih, jista’ jkollha xi konsegwenzi fuq l-attività ta’ persuni li jintervjenu upstream jew downstream f’dan it-tqegħid fis-suq, xorta jibqa’ l-fatt li tali konsegwenzi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jirriżultaw direttament minnu. Għal dak li jikkonċerna l-prodotti li jistgħu jiġu suġġetti għas-sistema ta’ eċċezzjoni għall-projbizzjoni ġenerali prevista mill-imsemmi regolament, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux japplikawh mingħajr il-miżuri ta’ implementazzjoni stabbiliti minn regolament ta’ implementazzjoni, li għandhom, preċiżament, jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li taħthom it-tqegħid fis-suq tal-prodotti huwa awtorizzat. Tali dispożizzjoni ma tikkostitwixxix leġiżlazzjoni kompleta, li hija suffiċjenti fiha nnifisha u li ma għandha bżonn l-ebda dispożizzjoni ta’ implementazzjoni, u li b’hekk tista’ tikkonċerna direttament lill-individwi.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk persuni fiżiċi jew ġuridiċi humiex ikkonċernati individwalment minn dan ir-regolament fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE b’tali mod li jkunu awtorizzati jitolbu l-annullament ta’ dan ir-regolament, anki jekk jitqies li dawn il-persuni jaqgħu taħt, barra l-projbizzjoni ġenerali, l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-prodotti inkwistjoni, dan ma jkunx suffiċjenti sabiex jindividwalizzahom b’mod analogu għal dawk li huma destinatarji ta’ deċiżjoni.

(ara l-punti 71, 75, 78, 92)