Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja) fit-2 ta’ Awwissu 2016 – Carolina Minayo Luque vs Quitxalla Stars, S.L. u Fondo de Garantia Salarial

(Kawża C-432/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Cataluña

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Carolina Minayo Luque

Konvenuti: Quitxalla Stars, S.L. u Fondo de Garantia Salarial

Domandi preliminari

Il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85 KEE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex tiġi kkunsidrata mwettqa l-ipoteżi ta’ “barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali” inkwantu eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema tqal,, huwa suffiċjenti li jintwera li hemm raġunijiet oġġettivi ta’ natura ekonomika, tekniċi, dwar l-organizzazzjoni jew il-produzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol Spanjol, li għalih jirreferi l-Artikolu 52(c) tal-istess kodiċi?

Fil-każ ta’ tkeċċija individwali oġġettiva għal raġunijiet ta’ natura ekonomika, tekniċi, dwar l-organizzazzjoni jew il-produzzjoni, sabiex jiġi evalwat jekk il-każijiet ta’ eċċezzjoni li fihom il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85/KEE jippermetti t-tkeċċija ta’ ħaddiema tqal humiex preżenti, għandu jiġi rikjest li jkun impossibbli li l-ħaddiema mkeċċija tiġi assenjata mill-ġdid f’post tax-xogħol ieħor, jew li ma hemmx ħaddiema oħra li jokkupaw post tax-xogħol simili li jistgħu jkunu suġġetti għal tkeċċija, jew huwa suffiċjenti li l-persuna li timpjega tiġġustifika b’motivi ekonomiċi, tekniċi u produttivi li jaffettwaw il-post tax-xogħol tagħha?

Leġiżlazzjoni bħal dik Spanjola li, sabiex tittrasponi l-projbizzjoni li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85/KEE, li jitkeċċew il-ħaddiema tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, tistabbilixxi garanzija li permezz tagħha, fin-nuqqas ta’ prova tal-kawżi li jiġġustifikaw it-tkeċċija tagħha, tiġi ddikkjarata n-nullità ta’ tali tkeċċija (protezzjoni fil-forma ta’ kumpens) mingħajr ma tistabbilixxi projbizzjoni ta’ tali tkeċċija (protezzjoni fil-forma ta’ prevenzjoni), hija konformi ma’ dan l-artikolu?

Leġiżlazzjoni bħal dik Spanjola, li ma tipprevedix prijorità ta’ żamma ta’ postijiet tax-xogħol ta’ nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu fl-impriża, fil-każ ta’ tkeċċija individwali oġġettiva għal raġunijiet ta’ natura ekonomika, tekniċi, dwar l-organizzazzjoni jew il-produzzjoni, hija konformi mal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85?

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil impriża li tkeċċi mara tqila b’avviż bħal dak mibgħut fil-każ inkwistjoni li ma jagħmel ebda riferiment għal ċirkustanzi eċċezzjonali u lanqas għall-kriterji li jiġġustifikaw l-għażla tagħha għat-tkeċċija minkejja t-tqala tagħha, hija konformi mal-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110)