Language of document : ECLI:EU:C:2009:359

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Politika tal-kompetizzjoni – Artikoli 81 KE u 82 KE – Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi mill-Kummissjoni – Kawża nazzjonali dwar il-possibbiltà ta’ tnaqqis fiskali ta’ multa imposta b’deċiżjoni tal-Kummissjoni”

Fil-Kawża C‑429/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Settembru 2007, fil-proċedura

Inspecteur van de Belastingdienst

vs

X BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, E. Juhász (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Diċembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal X BV, minn G. Th. K. Meussen, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn Y. de Vries u M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Bouquet u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Inspecteur van de Belastingdienst (l-Ispettur tad-Dipartiment tat-Taxxa, iktar ’il quddiem l-“Ispettur”) u X BV, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż li l-uffiċċju rreġistrat tagħha huwa stabbilit f’P, dwar il-possibbiltà ta’ tnaqqis fiskali ta’ multi imposti mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Eworpej għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skont il-premessa 21 tar-Regolament Nru 1/2003:

“Konsistenza fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tirrikjedi ukoll li l-arranġamenti jkunu satbbiliti għal koperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Dan hu rilevanti għal qrati kollha ta’ l-Istati Membri li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE], sew jekk dawn il-liġijiet qed jiġu applikati għal libeli bejn partijiet privati, jagixxi [li qed jaġixxu] bħala infurzatur publiku jew bħala reviżjoni tal-qrati. B’mod partikolari, qrati nazzjonali għandhom ikunu kapaċi li jistaqsu għall-informazzjoni lill-Kummissjoni jew għall-opinjoni fuq il-punti konċernati tal-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Komunità. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi [għandu jkollhom il-possibbiltà li] jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub jew oralment lill-qrati msejjħa biex japplikaw l-Artikolu 81 u [jew] l-Artikolu 82 tat-Trattat. Dawn l-osservazzjonjiet għandhom ikunu sottomessi fi ħdan struttura ta’ regoli u prattiċi ta’proċedura nazzjonali inkluż dawk li jissalvagwadjaw id-drittijiet ta’ partijiet. Passi għandhom għalhekk jiġu meħuda biex jiżguraw li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma informati tajjeb mil-proċeduri quddiem qrati nazzjonali.”

4        L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi:

“Koperazzjoni bejn qrati nazzjonali

1.      Fil-proċeduri għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat, qrati ta’ Stati Membri jistgħu jistaqsu lil Kummissjoni biex tittrasmettilhom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew l-opinjoni tagħha fuq id-domandi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità.

2.      Stati Membri ħa jresqu [għandhom iressqu] lill-Kummissjoni kopja bil-miktub tal-ġudizzju [kopja ta’ kull sentenza bil-miktub] tal-qrati nazzjonali fuq id-deċiżjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82. Din il-kopja għandha tintbgħat mingħajr dewmien wara li l-ġudizzju bil-miktub ġie notifikat lil partijiet l-oħra [wara li s-sentenza bil-miktub sħiħa tiġi nnotifikata lill-partijiet].

3.      L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, [li] jaggixxu fuq l-inizjativa proprju tagħhom, jistgħu jagħtu l-osservazzjonijiet bil-miktub lil qrati nazzjonali ta’ l-Istat Membru tagħhom fuq kwistjonijiet li jirrelataw ma l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82. Bil-permess tal-qorti partikolari, jistgħu jagħtu ukoll l-osservazzjonijiet b’mod orali lil qrati nazzjonali ta’ l-Istat Membru. Fejn l-applikazzjoni koerenti ta’ l-Artikolu 81 u l-Artikolu 82 jirrikjedi hekk, il-Kummissjoni, [li] tagixxi fuq l-iniżjattiva proprja tagħha, tista tagħti osservazzjonijiet bil-miktub lil qrati ta’ Stati Membri. Bil-permess tal-qorti partikolari, hi tista’ tagħmel ukoll osservazzjonijiet orali.

Bil-għan ta’ preparazzjoni ta’ l-osservazzjonijiet tagħhom biss, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u l-Kummissjoni tista’ titlob [jistgħu jitolbu] lil qorti rilevanti ta’ l-Istat Membru biex titrasmetti jew tiżgura t-trasmissjoni lilhom ta’ kwalunkwe dokumenti neċessarji għall-istima tal-każ.

4.      Dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għall-poteri aktar wiesgħin li jsiru l-osservazzjonijiet quddiem il-qrati konferuti fuq l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru tagħhom.”

5        Skont il-punti 31 sa 35 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE (ĠU 2004, C 101, p. 54):

“ 31. Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament [Nru 1/2003], l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u l-Kummissjoni jistgħu jissottomettu osservazzjonijiet fuq kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 KE lil qorti nazzjonali mitluba tapplikhom. [Dan] ir-regolament jagħmel distinzjoni bejn l-osservazzjonijiet bil-miktub li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni jistgħu jissottomettu ex officio, u l-osservazzjonijiet orali li huma jistgħu jissottomettu biss bil-permess tal-qorti nazzjonali [...]

32.      Ir-Regolament jispeċifika li l-Kummissjoni għandha tissottometti osservazzjonijiet biss meta l-applikazzjoni koerenti tal-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 KE tirrikjedi hekk. Peress li dan huwa l-għan tas-sottomissjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tillimita l-osservazzjonijiet tagħha għal analiżi ekonomika u ġuridika tal-fatti inkwistjoni fil-kawża li l-qorti nazzjonali tkun qed titratta.

33.      Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissottometti osservazzjonijiet utli, il-qrati nazzjonali jistgħu jintalbu li jittrasmettu jew jiżguraw it-trasmissjoni lill-Kummissjoni ta’ kopja tad-dokumenti kollha necessarji għall-evalwazzjoni tal-każ. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament [1/2003], il-Kummissjoni għandha tuża dawn id-dokumenti biss sabiex tipprepara l-osservazzjonijiet tagħha [...]

34.      Peress li [dan] ir-regolament ma jistabbilixxix qafas proċedurali għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet, huma r-regoli ta’ proċedura u l-prattiki tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-qafas proċedurali rilevanti. Jekk Stat Membru ma jkunx għadu stabbilixxa dan il-qafas, il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi liema regoli ta’ proċedura għandha tapplika għal preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet fil-kawża li jkollha quddiemha.

35.      Il-qafas proċedurali għandu jirrispetta l-prinċipji msemmija fil-punt 10 ta’ din il-komunikazzjoni. B’mod partikolari, dan ifisser li l-qafas proċedurali għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 KE

a)      għandu jkun kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali tal-partijiet inkwistjoni;

b)      ma għandux irendi s-sottomissjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet eċċessivament diffiċli jew pratikament impossibbli (il-prinċipju tal-effettività) [...] u

c)      ma għandux irendi s-sottomissjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet iktar diffiċli milli fil-każ ta’ proċeduri ġudizzjarji li fihom id-dritt nazzjonali ekwivalenti ġie applikat ([...] il-prinċipju tal-ekwivalenza).”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Il-Liġi li tintroduċi regoli ġodda dwar il-kompetizzjoni ekonomika (il-liġi dwar il-kompetizzjoni) [wet houdende nieuwe regels omtrent de economische mededinging (Mededingingswet)] tat-22 ta’ Mejju 1997 (Stb. 1997, Nru 242), kif emendata bil-Liġi tad-9 ta’ Diċembru 2004 (Stb. 2005, Nru 172, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kompetizzjoni”), tipprovdi fl-Artikolu 89h tagħha:

“1.      Meta ma jkunux partijiet fil-kawża, il-Bord [amministrattiv tan-Nederlandse Mededingingsautoriteit (awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni, iktar ’il quddiem in-‘NMa’)] jew il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jistgħu, għall-finijiet tat-trattazzjoni ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti amministrattiva, jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003, jekk il-Bord [tan-NMa] jew il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikunu esprimew din ix-xewqa. Il-qorti tista’ tiffissa terminu għal dan il-għan. Bil-permess tal-qorti, huma jistgħu jippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali matul is-seduta.

2.      Fuq talba magħmula skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-qorti għandha jibgħat [tibgħat] lill-Bord [tan-NMa] u lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej id-dokumenti kollha msemmija f’dik id-dispożizzjoni. Il-partijiet jistgħu, f’terminu ffissat mill-qorti, jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar id-dokumenti li għandhom jintbagħtu.

3.      Il-partijiet jistgħu jwieġbu għall-osservazzjonijiet tal-Bord [tan-NMa] jew tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej f’terminu ffissat mill-qorti. Din tal-aħħar tista’ tawtorizza lill-partijiet biex iwieġbu għall-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom.”

7        L-imsemmi Artikolu 89h huwa r-riżultat tal-liġi li temenda l-liġi dwar il-kompetizzjoni, kif ukoll ta’ ċerti liġijiet oħrajn li jirrigwardaw l-implementazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1/2003 u 139/2004 (wet tot wijziging van de Mededingingswet en van enige andere wetten in verband met de implementatie van EG-verordeningen 1/2003 en 139/2004) tat-30 ta’ Ġunju 2004 (Stb. 2004, Nru 345). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li min-nota ta’ spjegazzjoni ta’ din il-liġi (Kamerstukken II, session 2003-2004, 29276, Nru 3), joħorġu dawn l-iżviluppi li ġejjin:

“2.5      Koperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali

Il-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali hija msemmija fl-Artikolu 15 u fil-premessa 21 [tar-Regolament Nru 1/2003].

[…]

L-Artikolu 15(3) jipprovdi, barra minn hekk, li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jifformulaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali matul it-trattazzjoni tal-kawża mill-qorti (amicus curiae). Dawn l-osservazzjonijiet għandhom l-istatus ta’ opinjoni u għandhom l-għan li jippromwovu l-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma obbligati għal dan il-għan li jirrispettaw ir-regoli proċedurali Olandiżi. Fil-fatt, fil-proċeduri bejn żewġ partijiet, il-qorti hija passiva u tiddetermina r-ritmu tal-proċess. Barra minn hekk, il-qorti ma hijiex marbuta bl-opinjoni tal-Kummissjoni (il-premessa 21). Għalhekk, l-indipendenza tal-qorti ma titqajjimx inkwistjoni. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-partijiet u jiżguraw li l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali tinżamm kunfidenzjali. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament [Nru 1/2003], il-qorti nazzjonali għandha s-setgħa titlob lill-Kummissjoni biex tibgħatilha informazzjoni jew opinjoni.

[…]

3.4      Kollaborazzjoni bejn id-Direttur Ġenerali tan-Nma, il-Kummissjoni u l-qrati

L-Artikolu 15(3) tar-Regolament [Nru 1/2003] jipprovdi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-applikazzjoni tad-dritt dwar il-kompetizzjoni u l-Kummissjoni, jistgħu jissottomettu ex officio, osservazzjonijiet bil-miktub dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat u li, bil-permess tal-qorti, jistgħu jagħtu wkoll l-osservazzjonijiet orali.

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament [Nru 1/2003] jipprovdi wkoll il-possibbiltà lill-qorti li titlob lilll-Kummissjoni informazzjoni jew opinjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 81 tat-Trattat […]

[…] Quddiem il-qrati amministrattivi l-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 1/2003] huwa implementat permezz tal-emenda tal-liġi dwar il-kompetizzjoni (l-Artikolu 1, Taqsima G [tal-liġi li temenda dik eżistenti] Artikoli 89h, 89i u 89j [tal-liġi dwar il-kompetizzjoni]) u, quddiem il-qrati ċivili, permezz ta’ emenda tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili [(Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering)] (Artikolu III).”

8        L-Artikolu 3.14 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-2001 (Wet Inkomstenbelasting 2001), intitolat “Spejjeż ġenerali li ma jistgħux jitnaqqsu”, fil-verżjoni tiegħu li tapplika għad-dħul riċevut fl-2002, jipprevedi:

“1.      Fil-kalkolu tal-profitt, ma jistgħux jitnaqqsu l-ispejjeż u l-kost relatati mal-elementi segwenti:

[…]

c.      Il-multi imposti minn qorti Olandiża u s-somom imħallsa lill-Istat biex jiġu evitati proċeduri ġudizzjarji fil-Pajjiżi l-Baxxi jew biex tiġi sodisfatta kundizzjoni marbuta ma’ deċiżjoni ta’ remissjoni ta’ penali, kif ukoll il-multi imposti minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-multi u żidiet imposti b’applikazzjoni tal-Liġi ġenerali dwar it-taxxi tal-Istat [(Algemene wet inzake rijksbelastingen)], tal-Liġi dwar id-dwana [(Douanewet)], tal-Liġi dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali [(Coördinatiewet Sociale Verzekering)], tal-Liġi dwar l-infurzar amministrattiv tal-kodiċi tat-triq [(Wet administratiefrechtelijke handhaving verkeersvoorschriften)] u tal-Liġi dwar il-kompetizzjoni;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/471/KE, tas-27 ta’ Novembru 2002, dwar proċeduri skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE kontra BPB PLC, Gebrüder Knauf Westdeutsche Gipswerke KG, Société Lafarge SA u Gyproc Benelux NV (Każ COMP/E-1/37.152 – Plasterbord) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 3, p. 114), ġew imposti fuq il-kumpanniji BPB, Knauf, Lafarge u Gyproc multi ta’ EUR 138.6 miljun, EUR 85.8 miljun, EUR 249.6 miljun u EUR 4.32 miljuni rispettivament. Dawn il-multi tħallsu provviżorjament jew ġew iggarantiti b’garanzija bankarja.

10      Il-multi imposti mill-Kummissjoni ġew ikkonfermati mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fis-sentenzi tagħha tat-8 ta’ Lulju 2008, Saint-Gobain Gyproc Belgium vs Il-Kummissjoni (T-50/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (T-52/03, li għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), BPB vs Il-Kummissjoni (T-53/03, Ġabra p. II-1333) u Lafarge vs Il-Kummissjoni (T-54/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra). Il-Kumpanniji Knauf u Lafarge ressqu appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ċaħdu r-rikorsi tagħhom (Kawżi C-407/08 P u C‑413/08 P).

11      Qabel ma ngħataw is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, waħda mill-kumpanniji kkonċernati, li mill-proċess jirriżulta li hija stabbilita fil-Ġermanja, indikata bħala l-kumpannija X KG mill-qorti tar-rinviju, ittrasferiet parzjalment il-multa fuq il-grupp li tiegħu hija l-kumpannija parent, u b’mod partikolari, fuq waħda mis-sussidjarji tagħha Olandiża, X BV.

12      Fit-13 ta’ Marzu 2004, l-awtorità fiskali Olandiża bagħtet stima ta’ taxxa fuq X BV skont it-taxxa fuq kumpanniji għas-sena finanzjarja 2002. B’ittra tat-8 ta’ April 2004, din il-kumpannija ressqet ilment kontra din l-istima ta’ taxxa quddiem l-Ispettur, billi kkontestat li l-fatt li l-multa imposta mill-Kummissjoni u li l-kumpannija parent tagħha ttrasferiet parzjalment fuqha, tikkostitwixxi multa fis-sens tal-Artikolu 3.14 initio u (1)(c) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-2001, li tipprojbixxi t-tnaqqis tal-multi imposti mill-istituzzjonijiet Komunitarji għall-finijiet tal-kalkolu tal-profitt taxxabbli ta’ impriża. L-Ispettur ċaħad dan l-ilment permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2005.

13      Fid-19 ta’ April 2005, X BV ippreżentat rikors quddiem ir-Rechtbank Haarlem (Tribunal ta’ Haarlem).

14       Permezz tas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2006, dan aċċetta li l-multa titnaqqas parzjalment.

15      L-Ispettur ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (Il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) b’rikors tat-30 ta’ Ġunju 2006.

16      Il-Kummissjoni, li ġiet magħrufa b’dan permezz tal-istampa u permezz l-intermedjarji tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, informat lill-qorti tar-rinviju, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2007, li xtaqet tintervjeni bħala amicus curiae, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u skont l-Artikolu 89h tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet li jiġi ffissat terminu għal dan il-għan u li jintbagħtulha d-dokumenti meħtieġa sabiex tkun tista’ tifhem il-kawża.

17      Waqt is-seduta quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam tat-22 ta’ Awwissu 2007, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni ġew mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jawtorizzax lill-Kummissjoni tippreżenta, ex officio, osservazzjonijiet bil-miktub fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiemha.

18      Huwa f’dan il-kuntest li l-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-Kummissjoni hija kompetenti, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament […] Nru 1/2003, li tissottometti, ex officio, osservazzjonijiet bil-miktub fi proċeduri li jirrigwardaw il-possibbiltà ta’ tnaqqis mill-profitt (taxxabbli) magħmul mill-parti kkonċernata fl-2002 ta’ multa għal ksur tad-dritt [Komunitarju] dwar il-kompetizzjoni, li kienet ġiet imposta mill-Kummissjoni fuq X KG u li (parzjalment) ingħaddiet fuq il-parti kkonċernata?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Kummissjoni hijiex kompetenti, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 li tissottometti, ex officio, osservazzjonijiet bil-miktub quddiem qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ kawża dwar il-possibbiltà ta’ tnaqqis mill-profitt taxxabbli, tal-ammont ta’ multa jew parti minnha imposta mill-Kummissjoni għall-ksur tal-Artikolu 81 KE jew 82 KE.

20      Għall-finijiet ta’ applikazzjoni koerenti tal-liġijiet tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri, arranġamenti għal kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll il-qrati tal-Istati Membri ġew stabbiliti fil-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1/2003.

21      Din il-kooperazzjoni hija stabbilita fil-kuntest tal-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni leali, imsemmi fl-Artikolu 10 KE, li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet Komunitarji. Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, impost fuq l-istuzzjonijiet Komunitarji, huwa ta’ importanza partikolari meta l-kooperazzjoni tikkonċerna l-qrati tal-Istati Membri inkarigati li jiżguraw l-applikazzjoni u r-rispett tad-dritt Komunitarju fis-sistema legali nazzjonali (ara d-digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C‑2/88, Ġabra p. I‑3365, punt 18).

22      F’dan il-kuntest, il-qrati nazzjonali, minn naħa, u l-Kummissjoni u l-qrati Komunitarji, min-naħa l-oħra, jaġixxu skont l-irwol assenjat lilhom mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods et HB, C‑344/98, Ġabra p. I‑11369, punt 56).

23      L-Artikolu 11 sa 14 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedu tipi differenti ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

24      L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “Koperazzjoni bejn qrati nazzjonali” jistabbilixxi sistema ta’ skambju reċiproku ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri u, f’sitwazzjonijiet partikolari, jipprevedi l-possibbiltà li jsir intervent mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri fil-kawżi quddiem il-qrati nazzjonali.

25      Kif imsemmi fil-premessa 21 tar-Regolament Nru 1/2003, l-arranġamenti għal kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri huma rilevanti għall-qrati kollha tal-Istati Membri li japplikaw l-Artikoli 81 KE u 82 KE, fil-kuntest tal-kawżi bejn partijiet privati, jew bħala infurzatur publiku jew bħala reviżjoni tal-qrati.

26      L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, minn naħa, li l-imsemmija qrati jistgħu jistaqsu lil Kummissjoni biex tittrasmettilhom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew opinjoni fuq id-domandi dwar l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 15(2) jipprovdi, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom iressqu lill-Kummissjoni kopja ta’ kull sentenza mogħtija mill-qrati nazzjonali li tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE.

27      L-ewwel u t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 15(3) jawtorizzaw lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jissottomettu, ex officio, osservazzjonijiet bil-miktub u osservazzjonijiet orali bil-permess tal-qorti kkonċernata, lill-qrati tal-Istat Membru rispettiv tagħhom dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE. It-tielet u r-raba’ sentenza ta’ din id-dispożizzjoni jawtorizzaw ukoll lill-Kummissjoni tissottometti, ex officio, osservazzjonijiet bil-miktub u osservazzjonijiet orali bil-permess tal-qorti inkwistjoni, quddiem il-qrati tal-Istati Membri, meta l-applikazzjoni koerenti tal-Artikoli 81 KE u 82 KE tirrikjedi hekk.

28      Għalhekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi żewġ tipi differenti ta’ interventi li għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti: l-intervent tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni quddiem il-qrati tal-Istat Membru rispettiv tagħhom dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE, u l-intervent tal-Kummissjoni quddiem il-qrati tal-Istati Membri meta l-applikazzjoni koerenti tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE tirrikjedi hekk.

29      L-erba’ sentenzi ta’ dan il-subparagrafu u, fuq kollox, il-fatt li t-tieni u r-raba’ sentenza tiegħu huma kważi kompletament identiċi, jenfasizzaw li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jissepara dawn iż-żewġ ipoteżi, minkejja l-fatt li jinsabu fl-istess subparagrafu.

30      Konsegwentement, interpretazzjoni litterali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 twassal sabiex jitqies li l-fakultà tal-Kummissjoni li tissottomentti, ex officio, osservazzjonijiet bil-miktub lill-qrati tal-Istati Membri hija suġġetta għal kundizzjoni waħda, jiġifieri li l-applikazzjoni koerenti tal-Artikoli 81 KE u 82 KE tirrikjedi hekk. Din il-kundizzjoni tista’ tkun sodisfatta anki f’każijiet fejn il-proċeduri kkonċernati ma jikkonċernawx, fil-mertu, l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE.

31      Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mir-raba’ sentenza tal-premessa 21 tar-Regolament Nru 1/2003 li skont it-termini tagħha, huwa neċessarju li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jitħallew jifformulaw osservazzjonijiet bil-miktub jew orali quddiem il-qrati mitluba li japplikaw l-Artikolu 81 KE jew 82 KE. Din il-premessa tipprevedi sempliċiment sitwazzjoni tipika, mingħajr ma teskludi każijiet oħra fejn il-Kummissjoni tista’ tintervjeni. Barra minn hekk, filwaqt li premessa ta’ regolament tista’ tiċċara l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil regola tad-dritt, din ma tistax fiha nnifisha tikkostitwixxi dik ir-regola (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Casa Fleischhandels, 215/88, Ġabra. p. 2789, punt 31, u tal-24 ta’ Novembru 2005, Deutsches Milch-Kontor, C‑136/04, Ġabra p. I‑10095, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn X BV, kif ukoll mill-Gvern Olandiż, l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 mogħtija fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, ma hijiex ikkontestata mill-punti 31 sa 35 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE, li jsostnu li l-Kummissjoni tista’ tissottometti osservazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE jew 82 KE. Fil-fatt, il-kunċett ġenerali ta’ “kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [...] [KE] jew l-Artikolu 82 KE” adottat minn din il-Komunikazzjoni jinkludi l-possibbiltà għall-Kummissjoni, li tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-qrati nazzjonali meta l-applikazzjoni koerenti tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE tirrikjedi hekk. Fi kwalunkwe każ, il-kontenut ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma jistax jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet ta’ regolament.

33      Id-dritt Komunitarju stabbilixxa sistema kompleta għal kontroll ta’ akkordji u abbużi ta’ pożizzjoni dominanti li tistabbilixxi prinċipju ta’ projbizzjoni, li jinsab fl-Artikoli 81 KE u 82 KE, u s-sanzjoni tagħha, adottata abbażi tal-Artikolu 83 KE. Dawn l-artikoli għandhom jitqiesu li jifformaw parti minn totalità kumplessiva ta’ dispożizzjonijiet kollha intizi sabiex jipprojbixxu u jippenalizzaw il-prattiki antikompetittivi.

34      Mill-Artikolu 83(2)(a) KE jirriżulta li l-multi jew penali perjodiċi li jistgħu jiġu imposti fuq l-impriżi fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni għandhom l-għan li “[…] jassiguraw l-osservanza tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 81 [KE] u fl-Artikolu 82 [KE]”. L-għan tal-imsemmi Artikolu 83 KE huwa għalhekk, essenzjalment, li jiżgura kontroll effettiv tal-akkordji u tal-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti.

35      Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, b’mod intenzjonat jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81(1) KE jew 82 KE, tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-ħidma ta’ sorveljanza li d-dritt Komunitarju jikkonferixxilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 105, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 22).

36      Jekk il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki antikompetittivi jiġi sseparat mis-sanzjonijiet previsti fil-każ ta’ nuqqas tal-osservanza tiegħu, dan iwassal għall-ineffettività tal-azzjoni tal-awtoritajiet inkarigati mis-sorveljanza tal-osservanza ta’ din il-projbizzjoni u li jippenalizzaw tali prattiki. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE u 82 KE ma jkollhomx effett jekk mhux akkompanjati mill-miżuri b’saħħa koerċitiva previsti mill-Artikolu 83(2)(a) KE. Kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, teżisti rabta intrinsika bejn il-multi u l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

37      Għaldaqstant, l-effettività tas-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet nazzjonali jew Komunitarji tal-kompetizzjoni abbażi tal-Artikolu 83(2)(a) KE hija kundizzjoni għall-applikazzjoni koerenti tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

38      Issa, fil-kuntest ta’ proċeduri li jirrigwardaw sanzjonijiet għal prattiki antikompetittivi previsti fl-Artikolu 83(2)(a) KE, id-deċiżjoni li l-qorti adita hija mitluba tagħti tista’ tippreġudika l-effettività tas-sanzjonijiet u għalhekk, tirriskja li tikkomprometti l-applikazzjoni koerenti tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

39      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jidher b’mod ċar li l-kwistjoni tal-kawża dwar il-possibiltà ta’ tnaqqis mit-taxxi ta’ parti mill-ammont ta’ multa imposta mill-Kummissjoni tista’ tippreġudika l-effettività tas-sanżjoni imposta mill-awtorità Komunitarja tal-kompetizzjoni. L-effettività tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha hija tat multa lil kumpannija tista’, fil-fatt, titnaqqas b’mod sinjifikattiv jekk il-kumpannija kkonċernata, jew għall-anqas kumpannija li hija marbuta magħha, tkun awtorizzata tnaqqas l-ammont kollu jew parti minnu ta’ din il-multa mill-ammont ta’ profitt taxxabbli, peress li tali possibbiltà jkollha l-effett li taqta’ parzjalment il-piż tal-imsemmija multa permezz ta’ tnaqqis tal-piż fiskali.

40      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003 għandha tiġi interpretata fis-sens li din tippermetti lill-Kummissjoni li tissottometti, ex officio, osservazzjonijiet bil-miktub lil qorti ta’ Stat Membru f’kawża dwar il-possibbiltà ta’ tnaqqis mill-profitt taxxabbli tal-ammont kollu jew parti minnu ta’ multa imposta mill-Kummissjoni għall-ksur tal-Artikolu 81 KE jew 82 KE.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, għandha tiġi interpretata fis-sens li din tippermetti lill-Kummissjoni li tissottometti, ex officio, osservazzjonijiet bil-miktub lil qorti ta’ Stat Membru f’kawża dwar il-possibbiltà ta’ tnaqqis mill-profitt taxxabbli tal-ammont kollu jew parti minnu ta’ multa imposta mill-Kummissjoni għall-ksur tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.