Language of document : ECLI:EU:C:2011:699

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

VILLALÓN

ippreżentati fis-27 ta’ Ottubru 2011 (1)

Kawża C‑72/10

Proċeduri kriminali

kontra

Marcello Costa

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte Suprema di Cassazione (l‑Italja))

Kawża C‑77/10

Proċeduri kriminali

kontra

Ugo Cifone

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte Suprema di Cassazione (l‑Italja))

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Attività ta’ ġbir ta’ mħatri tal-isport — Rekwiżit ta’ liċenzja u ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija — Politika ta’ ‘espansjoni kkontrollata’ fis-settur tal-logħob — Ġlieda kontra l-logħob illegali — Distanzi minimi bejn il-postijiet tal-bejgħ — Dekadenza tal-liċenzja minħabba attività transkonfinali — Dekadenza tal-liċenzja minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji jew il-bidu ta’ proċeduri kriminali”






I –    Introduzzjoni

1.        L-iżvilupp tal-liġi Taljana dwar il-logħob tal-ażżard kien ikkaratterizzat minn serje ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jikkostitwixxu l-punt tat-tluq tal-analiżi tad-domanda preliminari mressqa mill-Corte Suprema di Cassazione quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

2.        Is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (2), tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (3), u tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (4), suċċessivament indirizzaw il-problema ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ssuġġettat l-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-logħob ta’ flus għal sistema ta’ liċenzji f’numru limitat u ta’ awtorizzazzjonijiet tal-pulizija, filwaqt li eskludiet lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju mill-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjonijiet. Fis-sentenza Placanica et, il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha f’termini partikolarment diretti dwar it-tip ta’ għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur Taljan, biex b’hekk ħalliet biss marġni dejjaq lill-qorti nazzjonali sabiex tiddikjara l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni. Dan il-grad ta’ dettall fir-risposta kellu jsir minħabba d-diverġenzi kbar li l-applikazzjoni tas-sentenza Gambelli et kienet ikkawżat fi ħdan il-ġurisprudenza Taljana (5). Minkejja ċ-ċarezza tas-sentenza Placanica et, jidher li l-qrati Taljani għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ diverġenzi kbar ta’ opinjoni fejn tidħol il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida Taljana dwar il-logħob tal-ażżard, adottata fil-kuntest ta’ din is-sentenza. Xi wħud, fl-ispirtu ta’ dak li qed jiġi sostnut f’dan il-każ minn M. Costa u U. Cifone, isostnu li din il-leġiżlazzjoni ġdida eliminat l-effett utli tas-sentenza Placanica et billi ħolqot diskriminazzjonijiet ġodda. Oħrajn, b’mod konformi mal-pożizzjoni tal-Gvern Taljan, isostnu li r-restrizzjonijiet introdotti jistgħu jiġu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

3.        Din il-kawża toffri wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja okkażjoni ġdida sabiex tippreċiża l-ġurisprudenza diġà abbundanti tagħha dwar is-suġġett tal-logħob tal-ażżard, f’kuntest parzjalment magħruf, dak tas-settur tal-logħob fl-Italja. Is-sentenza Placanica et ser isservi ta’ strument indispensabbli f’dan ir-rigward, minħabba li kienet diġà kkunsidrat il-karatteristiċi ta’ dan il-kuntest, u b’mod partikolari l-għażla ċara meħuda mil-leġiżlatur Taljan ta’ politika ċertament espansiva fis-settur tal-logħob, għalkemm ippreżentata bħala “espansjoni kkontrollata”. Din iċ-ċirkustanza tikkundizzjona, fil-fehma tagħna, l-analiżi ta’ din il-kawża, mingħajr ma twassal għall-kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ ġurisprudenza stabbilita sewwa, li tagħti lill-Istati Membri marġni wiesa’ ta’ manuvrar fis-settur tal-logħob.

II – Kuntest ġuridiku: il-leġiżlazzjoni Taljana

A –    Il-liġi amministrattiva: is-sistema ta’ liċenzji u awtorizzazzjonijiet

4.        Il-liġi Taljana tistabbilixxi li l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ ġbir u ta’ ġestjoni tal-imħatri jinvolvi l-kisba ta’ liċenzja wara sejħa għal offerti, kif ukoll l-awtorizzazzjoni amministrattiva tal-pulizija.

1.      Is-sistema tal-liċenzji

5.        F’Lulju 2006, id-“Digriet Bersani” (Digriet-Liġi Nru 223 tal-4 ta’ Lulju 2006, mibdul fil-Liġi Nru 248 tal-4 ta’ Awwissu 2006) (6) wettaq riforma fis-settur tal-logħob fl-Italja, intiża biex tkompli l-adattament tiegħu għad-dritt Komunitarju, biex b’hekk antiċipa wkoll l-eżitu tas-sentenza Placanica et.

6.        L-Artikolu 38 tiegħu (“Miżuri għall-ġlieda kontra l-logħob illegali”) jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-adozzjoni qabel il-31 ta’ Diċembru 2006, ta’ serje ta’ dispożizzjonijiet “intiżi għall-ġlieda kontra t-tixrid tal-logħob irregolari u illegali u kontra l-evitar u l-evażjoni fiskali fis-settur tal-logħob, u sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-lagħàba”.

7.        L-Artikolu 38(2) tal-imsemmi digriet (7) jistabbilixxi “l-modalitajiet il-ġodda tad-distribuzzjoni tal-logħob fuq l-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel”, fosthom ta’ min jinnota dawn li ġejjin:

–        huwa previst li jinfetħu minn tal-inqas 7 000 postijiet ġodda tal-bejgħ [Artikolu 287(d) tal-Liġi Nru 311], bl-iffissar ta’ numru massimu għal kull lokalità [taħt (e)];

–        il-postijiet ġodda tal-bejgħ għandhom iżommu distanza minima ’l bogħod minn dawk diġà eżistenti [taħt (f) u (g)];

–        id-dispożizzjoni tipprevedi fl-aħħar nett id-definizzjoni “modalitajiet ta’ protezzjoni tad-detenturi ta’ liċenzja għall-ġbir ta’ mħatri fissi fuq avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel irregolati [mir-regolament previst fid-]Digriet tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Nru 111 tal-1 ta’ Marzu 2006” [taħt (1)].

8.        L-Artikolu 38 (8) jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu, dispożizzjonijiet simili għall-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel.

2.      L-awtorizzazzjonijiet tal-pulizija

9.        Din is-sistema ta’ liċenzji fis-settur tal-logħob intrabtet ma’ mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjonijiet tal-pulizija rregolati mid-Digriet Irjali Nru 773 tat-18 ta’ Ġunju 1931 (9), li jipprovdi li l-awtorizzazzjoni li tippermetti l-eżerċizzju tal-attività ta’ organizzazzjoni jew ġestjoni ta’ mħatri tingħata esklużivament lid-detenturi ta’ liċenzja jew lill-persuni awtorizzati minnhom.

B –    Id-dritt kriminali

10.      L-organizzazzjoni tal-logħob, inkluż b’mezz telematiku jew telefoniku, mingħajr ma wieħed ikun detentur tal-liċenzja jew tal-awtorizzazzjoni obbligatorji fl-Italja tikkostitwixxi reat li għalih wieħed jista’ jeħel piena ta’ ħabs għal massimu ta’ tliet snin (Artikolu 4 tal-Liġi Nru 401 tat-13 ta’ Diċembru 1989 (10)).

III – Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

A –    Il-kumpannija Stanley International Betting u s-sitwazzjoni tagħha fl-Italja wara d-Digriet Bersani u s-sejħiet għal offerti tal-2006

11.      Stanley International Betting Ltd (iktar ’il quddiem “Stanley”) hija kumpannija Ingliża awtorizzata biex tiġbor l-imħatri fir-Renju Unit bis-saħħa ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Liverpool.

12.      Stanley topera fl-Italja permezz ta’ iktar minn mitejn aġenzija, magħrufa normalment bħala “ċentri ta’ trażmissjoni ta’ data” (iktar ’il quddiem iċ-“ĊTD”). Dawn tal-aħħar joffru s-servizzi tagħhom f’postijiet miftuħa għall-pubbliku fejn ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-lagħàba proċedura telematika li tippermettilhom jaċċedu għas-server ta’ Stanley li jinsab fir-Renju Unit. Il-lagħàba jistgħu wkoll, b’mezz telematiku, iressqu proposti għal imħatri sportivi magħżula waqt il-programmi ta’ avvenimenti u ta’ kwotazzjonijiet ipprovduti minn Stanley, jirċievu l-aċċettazzjoni ta’ dawn il-proposti, iħallsu sehemhom u, jekk ikun il-każ, jirċievu l-qligħ tagħhom.

13.      Iċ-ĊTD huma ġestiti minn operaturi indipendenti li ntrabtu ma’ Stanley b’kuntratt. M. Costa u U. Cifone huma amministraturi taċ-ĊTD ta’ Stanley fl-Italja.

14.      Fl-1999, l-awtoritajiet Taljani niedew sejħa għal offerti għall-għoti ta’ 1000 liċenzja għall-bejgħ ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi għal perijodu ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded għal sitt snin oħra. Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet relattivi għat-trasparenza fl-ishma li kien hemm fis-seħħ, l-operaturi li, bħal Stanley, kienu inkorporati f’kumpanniji kkwotati fis-swieq regolati, kienu ġew esklużi minn dawn l-għotjiet.

15.      Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja ċċensurat dawn id-dispożizzjonijiet fis-sentenzi tagħha Zenatti u Gambelli et, il-leġiżlatur Taljan ippermetta lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju kollha, tkun xi tkun il-forma legali tagħhom, jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti għall-għoti tal-liċenzji tal-logħob [Artikolu 22(11) tal-Liġi Nru 289 tas-27 ta’ Diċembru 2002 (11)], u neħħa l-projbizzjoni magħmula lid-detenturi tal-liċenzja milli joperaw bis-saħħa ta’ terzi ddelegati għal dan il-għan (Artikolu 14b tad-Digriet-Liġi Nru 35 tal-14 ta’ Marzu 2005, mibdul f’Liġi Nru 80 tal-14 ta’ Mejju 2005 (12)).

16.      Dawn l-emendi kienu segwiti mir-riforma li daħlet bid-Digriet Bersani, iċċitat iktar ’il fuq, li taħtu l-Amministrazzjoni Awtonoma tal-Monopolji tal-Istat (iktar ’il quddiem l-“AAMS”) ippubblikat żewġ avviżi għall-għoti ta’ liċenzji bil-għan li jingħataw iktar minn 16 000 liċenzja ġdida għall-bejgħ ta’ mħatri fuq l-avvenimenti sportivi, li jinkludu t-tiġrijiet taż-żwiemel. Il-proċeduri tlestew f’Diċembru 2006, mal-għoti ta’ 14 000 liċenzja ġdida favur diversi operaturi nazzjonali u barranin.

17.      Stanley uriet ix-xewqa tagħha quddiem l-awtoritajiet Taljani li tieħu sehem fis-sejħiet għal offerti ġodda tal-2006, filwaqt li talbet lill-AAMS diversi spjegazzjonijiet dwar it-termini tas-sejħa għal offerti. B’mod partikolari Stanley talbet kjarifika dwar l-Artikolu 23 tal-abbozz ta’ ftehim bejn l-AAMS u l-benefiċjarji futuri ta’ dawn il-liċenzji l-ġodda, li pprovda għad-dekadenza tagħhom, b’mod partikolari, fil-każijiet li ġejjin:

–        meta “kontra d-detentur ta’ liċenzja, ir-rappreżentant legali tiegħu jew l-amministraturi tiegħu, jittieħdu miżuri jew deċiżjonijiet ta’ rinviju quddiem il-qorti li tiddeċiedi l-mertu għall-każijiet kollha ta’ reati previsti mil-Liġi Nru 55 tad-19 ta’ Marzu 1990, kif ukoll għall-każijiet l-oħra kollha ta’ reati li jistgħu jaffettwaw ir-relazzjonijiet ta’ fiduċja mal-AAMS; jew f’każ ta’ ksur serju jew ripetut tar-regoli fis-seħħ li jirregolaw il-logħob pubbliku li jinkludu n-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ minn terzi mqabbda mid-detentur tal-liċenzja sabiex jipprovdu servizzi aċċessorji għall-ġbir ta’ logħob sportiv mill-bogħod” (paragrafu 2); u

–        “meta d-detentur tal-liċenzja jbiegħ, huwa stess jew permezz tal-intermedjarju ta’ kumpannija relatata miegħu — tkun xi tkun ir-relazzjoni bejniethom — fuq it-territorju Taljan jew permezz ta’ siti telematiċi li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali, ta’ logħob li jixbah logħob pubbliku jew għal logħob ieħor ġestit mill-AAMS, jew logħob ipprojbit mill-ordinament ġuridiku Taljan” (paragrafu 3).

18.      Bis-saħħa tal-Artikolu 23(6) ta’ dan l-abbozz ta’ ftehim (intiż sabiex jirregola kuntrattwalment il-liċenzja), f’każ ta’ revoka jew ta’ dekadenza tal-liċenzja, il-garanzija kkostitwita mid-detentur tal-liċenzja tibqa’ għand l-AAMS, “mingħajr preġudizzju għad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu sussegwenti”.

19.      Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-AAMS, Stanley irrinunzjat għall-parteċipazzjoni fis-sejħiet għal offerti. Minkejja dan, M. Costa u U. Cifone talbu l-awtorizzazzjoni tal-pulizija meħtieġa biex jeżerċitaw l-attività tagħhom ta’ intermedjarji tal-imħatri.

20.      Fis-27 ta’ Novembru 2006, Stanley ressqet azzjoni quddiem it-Tribunale amministrattivo regionale del Lazio kontra diversi atti tal-proċedura tas-sejħa għal offerti, li fuqha huwa għadu ma tax deċiżjoni (13).

B –    Il-kawża Costa (C-72/10)

21.      Fl-20 ta’ Ottubru 2008, il-Ministeru pubbliku talab il-kundanna ta’ M. Costa għall-“ksur previst fl-Artikolu 4(4a) u (1), l-ewwel subparagrafu, tal-Liġi Nru 401/89”, talli eżerċita illegalment, fl-assenza tal-liċenzja u tal-awtorizzazzjoni tal-pulizija meħtieġ, attività organizzata bl-għan li jaċċetta jew li jiġbor imħatri sportivi għan-nom ta’ kumpannija barranija, bit-trażmissjoni ta’ din id-data b’mezz telematiku, filwaqt li assuma għalhekk ir-rwol ta’ intermedjarju għall-imsemmija kumpannija barranija, li aċċettat l-imħatri mingħajr ma kienet detentriċi tal-liċenzja neċessarja.

22.      Fid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Jannar 2007, il-Giudice delle indagini preliminari del Tribunale di Roma kkunsidra li kien meħtieġ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali titwarrab, sa fejn il-Corte Suprema di Cassazione kienet iddeċidiet illi, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni Taljana f’dan il-qasam kienet tmur kontra l-prinċipji stabbiliti fit-Trattat tal-KE. Bħala konsegwenza, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li jitkomplew il-proċeduri kontra M. Costa, “minħabba li l-fatti ma jikkostitwixxux iktar reat”.

23.      Il-prosekutur pubbliku ppronunzja ruħu kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Corte Suprema di Cassazione, fejn argumenta, minn naħa waħda, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida inkluża fid-Digriet Bersani hija konformi mad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li Stanley ma ħaditx sehem fis-sejħiet għal offerti organizzati bl-applikazzjoni ta’ dan il-qafas ġuridiku ġdid. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-awtoritajiet Taljani li jirrifjutaw li jagħtu liċenzja lil Stanley u li tista’ tiġi appellata quddiem il-qorti amministrattiva, M. Costa ma setax leġittimament jinvoka allegazzjoni ta’ xi irregolarità min-naħa tal-awtoritajiet Taljani fis-settur tal-logħob u jitlob li ma tiġix applikata leġiżlazzjoni li għaliha huwa b’mod volontarju eskluda li jkun suġġett.

C –    Il-kawża Cifone (C-77/10)

24.      Fis-26 ta’ Mejju 2008, fuq talba tal-prosekutur pubbliku, il-Giudice delle indagini preliminari del Tribunale di Trani ta digriet kontra U. Cifone għas-sekwestru preventiv tal-bini u t-tagħmir tiegħu, minħabba ksur tal-Artikolu 4(4a) u (4b) tal-Liġi Nru 401/89, kif ukoll tal-Artikoli 106 u 132(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 385/1983.

25.      U. Cifone ppreżenta appell mid-digriet tat-Tribunale di Trani quddiem it-Tribunale del Riesame di Bari li, b’digriet tal-10 ta’ Lulju 2008, ikkonferma s-sekwestru biss minħabba r-reat previst fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 401/89, jiġifieri minħabba l-fatt li U. Cifone eżerċita l-attività tal-ġbir tal-imħatri mingħajr ma kien detentur ta’ liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni tal-AAMS, u mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa tal-pulizija.

26.      Fid-9 ta’ Settembru 2008, U. Cifone ppreżenta appell minn dan l-ordni, sabiex jitlob l-annullament u n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Hu f’dan ir-rigward sostna li l-imsemmija leġiżlazzjoni, sa fejn tikkonferma l-validità tal-liċenzji l-antiki, tistabbilixxi limiti għal-lokalizzazzjoni tal-postijiet ġodda tal-bejgħ, u tistabbilixxi każijiet ta’ dekadenza ta’ liċenzji li jiddiskriminaw b’mod serju, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Hu talab, bħala konsegwenza, lill-Corte Suprema di Cassazione tressaq domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

D –    Id-domanda preliminari

27.      Peress li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-logħob, għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-portata tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti fl-Artikoli 43 KE u 49 KE, u konsegwentement huwa neċessarju li wieħed jiddetermina jekk dawn il-libertajiet jistgħux jiġu llimitati minn sistema nazzjonali bħal dik Taljana, il-Corte Suprema di Cassazione naqset milli tiddeċiedi fiż-żewġ proċeduri u ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fiż-żewġ kawżi quddiemha, id-domanda preliminari li ġejja:

“X’inhi l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-provvista ta’ servizzi fis-settur tal-imħatri fuq avvenimenti sportivi sabiex jiġi stabbilit jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat jawtorizzawx jew le leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ monopolju favur l-istat u sistema ta’ liċenzji u ta’ awtorizzazzjonijiet li, fil-kuntest ta’ numru partikolari ta’ liċenzji, tipprevedi: a) l-eżistenza ta’ tendenza ġenerali għall-protezzjoni tat-titolari ta’ liċenzji mogħtija fi żmien preċedenti fuq il-bażi ta’ proċedura li b’mod illegali eskludiet parti mill-operaturi; b) il-preżenza ta’ dispożizzjonijiet li de facto jiggarantixxu ż-żamma tal-pożizzjonijiet kummerċjali akkwistati fuq il-bażi ta’ proċedura li eskludiet illegalment parti mill-operaturi (bħal, pereżempju, il-projbizzjoni li konċessjonarji ġodda jpoġġu l-kjoskijiet tagħhom f’inqas minn distanza partikolari minn dawk diġà eżistenti); ċ) l-iffissar ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni u ta’ akkwist ta’ garanzija ta’ entità għolja ħafna, fosthom l-ipoteżi fejn il-konċessjonarju jmexxi direttament jew indirettament attività transkonfinali ta’ logħob simili għal dawk li huma s-suġġett tal-konċessjoni?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      Id-domandi preliminari ġew ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Frar 2010.

29.      L-osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Spanja, mill-Belġju, mill-Portugall, mill-Italja, mill-Kummissjoni u minn M. Costa u U. Cifone.

30.      Waqt is-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2011 dehru, sabiex iressqu l-osservazzjonijiet orali tagħhom, ir-rappreżentanti ta’ M. Costa u U. Cifone, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana, il-Belġju, Malta u l-Portugall.

V –    Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

31.      Il-Gvern Taljan qajjem diversi oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

32.      Fl-ewwel lok, hu kkonferma li d-domanda mressqa hi waħda ipotetika. Fil-fehma tiegħu, dikjarazzjoni eventwali tal-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni ġdida Taljana mal-liġi tal-Unjoni ma taffettwax lill-persuni involuti fil-kawżi prinċipali, minħabba li Stanley ddeċidiet b’mod volontarju li ma tieħux sehem fis-sejħa għal offerti tal-2006 rregolata minn din il-leġiżlazzjoni l-ġdida. Huwa jagħti x’jifhem, b’mod definittiv, illi l-karatteristiċi ta’ sistema ta’ liċenzji li fiha Stanley ma pparteċipatx ma taffettwax is-sitwazzjoni kriminali ta’ M. Costa u U. Cifone.

33.      Dawn tal-aħħar jaffermaw, għall-kuntrarju, li huma r-restrizzjonijiet introdotti bil-leġiżlazzjoni l-ġdida li wasslu lil Stanley biex ma titlobx il-liċenzja, b’mod li illegalità eventwali tas-sistema tista’ taffettwa, skont il-ġurisprudenza Placanica, il-proċeduri kriminali pendenti. Jidher li din l-istess idea kienet il-bażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari li, skont ġurisprudenza stabbilita, tgawdi minn preżunzjoni ta’ rilevanza favur l-ammissibbiltà tagħha (14).

34.      Fit-tieni lok, il-Gvern Taljan ikkunsidra li d-domanda preliminari hija inammissibbli minħabba li hija eċċessivament ġenerali. Iżda, fil-fehma tagħna, id-digrieti ta’ rinviju tal-Corte Suprema di Cassazione jinkludu definizzjoni ta’ kuntest fattwali u ta’ qafas normattiv li fih tinkwadra ruħha d-domanda preliminari tiegħu, li tipprovdi l-elementi indispensabbli għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta utli (15).

35.      Huwa għalhekk xieraq li tiġi deċiża l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari.

VI – Analiżi tad-domanda preliminari

A –    Dwar l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u dwar il-ġustifikazzjonijiet possibbli għalihom

36.      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet li tirreferi għalihom id-domanda preliminari (preżunzjoni ta’ protezzjoni speċjali għad-detenturi preċedenti ta’ liċenzja, sistema ta’ distanzi minimi li jipproteġu s-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar u ċerti każijiet ta’ dekadenza tal-liċenzji) jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE) u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 TFUE), peress li dawn jikkumplikaw l-eżerċizzju tagħhom u jistgħu jimpedixxuhom jew irenduhom inqas attraenti (16).

37.      Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li ma jiddiskriminawx, li jippermettu l-kisba tal-għan ta’ interess ġenerali invokat (prinċipju ta’ koerenza jew natura xierqa), u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba tiegħu (prinċipju ta’ proporzjonalità) (17).

38.      B’mod parallel ma’ dawn il-kundizzjonijiet stretti hekk stabbiliti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, sa mis-sentenza Schindler (18), l-ewwel waħda f’dan il-qasam, li, fl-analiżi ta’ dan is-settur “ma huwiex possibbli li wieħed jinjora, mill-bidu nett, il-kunsiderazzjonijiet ta’ ordni morali, reliġjuża jew kulturali madwar il-lotteriji bħal-logħob l-ieħor għall-flus fl-Istati Membri kollha”, jew il-fatt li l-logħob iġib “riskji ikbar ta’ reati u ta’ frodi” u jikkostitwixxi “inċitament għal infiq li jista’ jkollu konsegwenzi individwali u soċjali ta’ ħsara”. Dawn il-partikolaritajiet kollha, kif il-Qorti tal-Ġustizzja affermat f’diversi okkażjonijiet oħra, “jiġġustifikaw il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni suffiċjenti sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-lagħàba u, b’mod iktar ġenerali, fid-dawl tal-karatteristiċi soċjokulturali ta’ kull Stat Membru, għall-protezzjoni tal-ordni soċjali” (19). Bħala konsegwenza, l-Istati Membri huma “liberi li jiffissaw l-għanijiet tal-politika tagħhom fir-rigward tal-logħob tal-ażżard u, fejn xieraq, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq (20)”.

B –    Dwar l-għan ta’ interess ġenerali mfittex mid-dispożizzjonijiet ikkontestati: ir-relattività tiegħu fil-każ tal-Italja

39.      Wara li ġie stabbilit li hemm restrizzjonijiet għal-libertajiet, il-loġika titlob li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn humiex possibbilment iġġustifikati, wieħed irid fl-ewwel lok jidentifika l-għan, ir-“raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali”, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jfittxu, għal liema għan għandna napplikaw il-kriterju doppju tal-koerenza u tal-proporzjonalità.

40.      Ġewwa l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li, kif għidna ngħata lill-Istati Membri inkwistjoni, il-ġurisprudenza tinkludi, fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, l-għanijiet tal-“protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ prevenzjoni tal-frodi u ta’ l-inċitazzjoni taċ-ċittadini għal nefqa eċċessiva marbuta mal-logħob kif ukoll tal-prevenzjoni ta’ problemi ta’ ordni soċjali in ġenerali (21)”.

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Placanica et, kienet diġà rrilevat li “l-leġiżlatur Taljan iħaddan politika espansiva fis-settur tal-logħob tal-ażżard bl-iskop li jżid id-dħul fiskali”, b’mod li “l-ebda ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana ma tista’ toħroġ mill-oġġettivi tal-limitazzjoni tat-tendenza għal-logħob tal-konsumaturi jew tal-limitazzjoni tal-offerta tal-logħob” (22). Jidher li din l-affermazzjoni kategorika għadha valida fil-kuntest attwali, jekk mhux affermata mill-ġdid, wara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Taljani li jattribwixxu, fl-2006, 14 000 liċenzja ġdida tal-logħob (23).

42.      B’mod definittiv, jekk il-leġiżlatur Taljan ried jiżviluppa politika ta’ restrizzjoni tal-possibbiltajiet tal-logħob, huwa kien jagħżel is-soluzzjoni l-oħra offerta mis-sentenza Placanica et: jiġifieri r-revoka u l-attribuzzjoni mill-ġdid tal-liċenzji tal-1999, mingħajr ma jiżdied in-numru tagħhom. Minflok dan, hu pproċeda b’estensjoni straordinarja tas-settur mil-lat kwantitattiv u kwalitattiv, filwaqt li offra possibbiltajiet dejjem iktar numerużi u diversifikati tal-logħob għal-lagħàba Taljani. Ma jidhirx li hu eċċessiv li hawnhekk wieħed jgħid li l-politika Taljana, f’dan il-qasam, ittrivjalizzat il-logħob, billi irrenditu dejjem iktar aċċessibbli. Minkejja l-kontrolli u limitazzjonijiet numerużi, li ser naraw, għadhom jiġu imposti fuq id-detenturi ta’ liċenzja, il-multiplikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar tant kienet kbira li wieħed jista’ prattikament jitkellem dwar settur “liberalizzat”, minkejja li huwa suġġett għal leġiżlazzjoni. B’hekk, il-ġlieda kontra l-logħob kompulsiv u l-limitazzjoni tal-possibbiltajiet tal-logħob għadhom ma humiex għanijiet kredibbli tas-sistema Taljana tal-logħob, b’mod partikolari wara r-riformi tal-2006.

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ippreċiżat ukoll, fis-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, li “politika ta’ espansjoni kkontrollata fis-settur tal-logħob tal-ażżard jista’ jkun kompletament koerenti mal-għan li jinġibed il-lagħàba li jeżerċitaw attivitajiet ta’ logħob u tal-imħatri klandestini fihom infushom ipprojbiti lejn attivitajiet awtorizzati u rregolati”. Għalhekk, f’dan il-kuntest, ikun aċċettabbli l-għan “li jitwaqqaf l-operat ta l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard għal finijiet kriminali jew frawdolenti fiċ-ċirkwiti kontrollabbli (24)”.

44.      Fil-linja tar-rekwiżiti tas-sentenza Placanica et, u, b’ċertu mod, filwaqt li jantiċipahom, id-Digriet Bersani jafferma espliċitament għal-leġiżlazzjoni l-ġdida l-għanijiet tal-“ġlieda kontra d-distribuzzjoni tal-logħob irregolari u illegali u kontra l-evitar u l-evażjoni fiskali fis-settur tal-logħob, kif ukoll li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-lagħàba”.

45.      Il-kunsiderazzjonijiet premessi fuq l-għan ta’ interess ġenerali mfittex huma, kif ser naraw, importanti ħafna, b’mod li jikkundizzjonaw l-evalwazzjoni kollha tal-miżuri kkontestati.

C –    Fuq il-ġustifikazzjoni possibbli tar-restrizzjonijiet: ir-rekwiżiti ta’ nondiskriminazzjoni, natura xierqa u proporzjonalità

46.      Ladarba l-għan ġie stabbilit, wieħed irid jeżamina jekk kull waħda mir-restrizzjonijiet nazzjonali tissodisfax — separatament (25) — il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: natura nondiskriminatorja, natura xierqa jew koerenza, u proporzjonalità.

1.      Is-sistema ta’ monopolju b’liċenzji f’numru limitat

47.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Taljana tistabbilixxi “sistema ta’ monopolju favur l-Istat” u sistema ta’ liċenzji u awtorizzazzjonijiet.

48.      Il-ġurisprudenza affermat diversi drabi, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-każ tal-Italja, illi leġiżlazzjoni nazzjonali li “tipprojbixxi — taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali — l-eżerċizzju ta’ attivitajiet fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard fin-nuqqas ta’ konċessjoni jew ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija maħruġa mill-Istat, [toħloq] restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi” (26). Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu, madankollu, ikunu ġġustifikati bl-għan tal-evitar li l-attivitajiet f’dan is-settur jintużaw għal skopijiet kriminali jew frawdolenti (27).

49.      Wieħed sempliċement jinnota, f’dan ir-rigward, li ser ikun il-kompitu tal-qorti nazzjonali tar-rinviju li tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali għadhiex tirrispondi għal dan l-għan u jekk din tissodisfax ir-rekwiżit tal-proporzjonalità mitlub mill-ġurisprudenza, fid-dawl, b’mod partikolari, taż-żieda fin-numru ta’ liċenzji li kien hemm fl-2006.

2.      Il-preżunzjoni “tendenza ġenerali għall-protezzjoni” tad-detenturi preċedenti ta’ liċenzja

50.      Il-Corte Suprema di Cassazione tirreferi għall-eżistenza ta’ “tendenza ġenerali għall-protezzjoni tad-detenturi tal-liċenzji maħruġa fi żmien preċedenti, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti li eskludiet b’mod illegali parti mill-operaturi” (il-liċenzji tal-1999).

51.      Sistema speċifika ta’ protezzjoni tad-detenturi preċedenti ta’ liċenzja tikkostitwixxi, ċertament, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (28) li hija diffiċli li wieħed jiġġustifikaha, peress li din issegwi għan ekonomiku ċar (l-evitar li s-sistema l-ġdida teżerċita “pressjoni kompetittiva” eċċessiva — skont l-espressjoni użata mill-Gvern Taljan innifsu — fuq l-operaturi diġà stabbiliti (29)).

52.      Iżda wieħed ma jistax jiġbed konklużjoni daqshekk ġenerali mingħajr data oġġettiva dwar l-eżistenza ta’ din il-protezzjoni possibbilment illegali, punt li fuqu d-domanda preliminari tipprovdi ftit li xejn kjarifiki. Ċertament din ma hijiex idea li l-Corte Suprema di Cassazione tesprimi hi biss. M. Costa kkwota fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu serje twila ta’ sentenzi fformulati f’termini simili. Minkejja dan, il-qorti tar-rinviju ma tat l-ebda spjegazzjoni konkreta biex issostni l-affermazzjoni tagħha li teżisti din “it-tendenza ġenerali għall-protezzjoni”.

53.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, b’din l-affermazzjoni, id-domanda preliminari sempliċement tirreferi għaż-żamma fis-seħħ tal-liċenzji tal-1999. Sa fejn dawn il-liċenzji ngħataw permezz ta’ proċedura li wara ġiet iddikjarata bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, is-sussistenza tagħhom tista’ titqies eċċezzjonali. Issa, il-fatt hu li, wara s-sejħiet għal offerti tal-2006, id-detenturi preċedenti ta’ liċenzja qasmu s-suq tal-imħatri sportivi mad-detenturi ta’ 14 000 liċenzja ġdida, għażla li kienet espressament rikonoxxuta fis-sentenza Placanica et (30). Ġeneralment, għalhekk, is-soluzzjoni adottata mil-leġiżlatur Taljan hija konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din is-sentenza sakemm il-qrati nazzjonali Taljani jqisu illi n-numru ta’ liċenzji ġodda mogħtija (14 000) huwa “xieraq” biex jelimina l-effetti illegali tas-sejħa għal offerti tal-1999.

54.      Fil-fehma tiegħi, l-ammont ta’ 14 000 liċenzja ġdida jista’ jiġi kkunsidrat, fil-prinċipju, bħala “xieraq” fis-sens tas-sentenza Placanica et, jekk mhux iktar milli suffiċjenti biex ilaħħaq mat-talbiet tal-operaturi li ġew illegalment esklużi fl-1999. Huwa biżżejjed li wieħed jinnota li, fis-sejħiet għal offerti tal-2006, ġew offruti 16 000 liċenzja, iżda ngħataw biss 14 000. Dawn iċ-ċirkustanzi kollha jwassluna biex naħsbu li s-sentenza Placanica et aċċettat l-estensjoni sal-2012 tal-validità tal-liċenzji antiki mogħtija fl-2006, b’mod parallel mas-sejħiet għal offerti l-ġodda. Minn dan il-lat, il-“protezzjoni” li tikkonsisti fiż-żamma fis-seħħ tal-liċenzji antiki ma hijiex, fiha nfisha, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

55.      Madankollu xorta waħda ma nistgħux ninsew li, fi kwalunkwe każ, is-soluzzjoni adottata mid-dritt nazzjonali għar-restituzzjoni tad-drittijiet tal-operaturi illegalment esklużi ma tistax tkun dik li tirrendi “prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarja (prinċipju ta’ effettività)” (31). Dan il-prinċipju tal-effettività jeżiġi, fil-fatt, li s-soluzzjoni adottata mil-leġiżlatur Taljan (l-allokazzjoni ta’ liċenzji ġodda b’żieda ma’ dawk diġà eżistenti) ma jkollhiex ukoll l-effett li teskludi illegalment ċerti operaturi.

56.      M. Costa u U. Cifone sostnew li l-istandards il-ġodda li rregolaw is-sejħa għal offerti tal-2006, mhux talli ma ffaċilitawx il-parteċipazzjoni ta’ Stanley (billi ppermettewlha “l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju”), talli fil-prattika waqqfuha milli tipparteċipa. Dan kien dovut għall-introduzzjoni ta’ regoli li, minn naħa, ipproteġew b’mod eċċessiv il-vantaġġ kompetittiv tad-detenturi preċedenti ta’ liċenzja (b’mod partikolari bl-iffissar ta’ distanzi minimi li jridu jitħarsu fir-rigward tal-postijiet tal-bejgħ tagħhom); u, min-naħa l-oħra, dawn irrendew inutli l-parteċipazzjoni tal-impriża (peress li esponiet lilha nfisha għad-dekadenza awtomatika tal-liċenzja).

57.      Is-sistema ta’ distanzi minimi u l-każijiet tad-dekadenza stabbiliti fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni huma, fl-opinjoni ta’ M. Costa u U. Cifone, l-iktar manifestazzjonijiet ċari ta’ din “it-tendenza ġenerali għall-protezzjoni” tad-detenturi preċedenti ta’ liċenzja li għalihom tirreferi d-domanda preliminari, tendenza li jesprimi wkoll, skont huma, l-Artikolu 38(2) u (4)(l) tad-Digriet Bersani, li jistabbilixxi espressament id-definizzjoni ta’ “miżuri ta’ protezzjoni tad-detenturi ta’ liċenzja”.

58.      Fil-qosor, għalhekk, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula espressament u effettivament “tendenza ġenerali għall-protezzjoni tad-detenturi tal-liċenzji mogħtija f’epoka preċedenti, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti li eskludiet b’mod illegali parti mill-operaturi” tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni mhux iġġustifikata għal-libertajiet stipulati mit-Trattat. Fil-każ tal-Italja, b’mod partikolari, id-dispożizzjoni li għaliha sar riferiment [l-Artikolu 38(2) u (4)(l) tad-Digriet Bersani] għandha formulazzjoni kemxejn ambigwa. Huwa l-kompitu esklużiv tal-qorti Taljana, li għandha unikament il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq id-dritt nazzjonali, li tiddetermina l-portata tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

59.      Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet iktar preċiżi mill-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju, fil-każ ineżami, li tiġi analizzata b’mod individwali s-sistema ta’ distanzi minimi u l-każijiet ta’ dekadenza, li jistgħu jkunu manifestazzjonijiet konkreti ta’ din l-allegata “tendenza ġenerali għall-protezzjoni”.

3.      Is-sistema ta’ distanzi minimi imposta fuq id-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja

60.      Il-Corte Suprema di Cassazione tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà tad-“dispożizzjonijiet li jiggarantixxu fil-fatt iż-żamma tal-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba”, “wara proċedura ta’ sejħa għal offerti li eskludiet b’mod illegali parti mill-operaturi”, filwaqt li kkwotat, bħala eżempju, “il-projbizzjoni għad-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja milli jinstallaw il-kjoskijiet tagħhom f’distanza inqas minn distanza determinata li għandha tinżamm minn dawk diġà eżistenti”.

61.      Id-Digriet Bersani fil-fatt impona sistema ta’ distanzi minimi bejn il-postijiet tal-bejgħ tal-logħob u tal-imħatri, li tħassret bid-Digriet-Liġi Nru 149 tal-25 ta’ Settembru 2008 (32). Bis-saħħa tal-Artikolu 38(2)(f) u (ġ) tad-Digriet Bersani, il-lokalizzazzjoni tal-postijiet tal-bejgħ ta’ logħob pubbliku għandha tosserva distanza minima fir-rigward ta’ dawk “diġà fil-pussess ta’ liċenzja” (33). Fil-każ tal-postijiet tal-bejgħ li għalihom il-bejgħ tal-imħatri huwa inċidentali, id-dispożizzjoni żżid tgħid illi dawn id-distanzi għandhom jitħarsu “mingħajr preġudizzju għall-postijiet tal-bejgħ li fihom, fit-30 ta’ Ġunju 2006, inġabru l-imħatri ta’ pronostku fuq bażi sportiva (34)”.

62.      Sabiex din il-miżura tiġi ġġustifikata, il-Gvern Taljan sostna li dan kien qiegħed isir sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni uniformi tal-postijiet tal-bejgħ tal-imħatri fit-territorju nazzjonali, bil-għan li jiġi evitat ir-riżultat doppjament dannuż li l-multiplikazzjoni ta’ stabbilimenti tal-imħatri f’ċerti postijiet jista’ jkollha għall-konsumaturi: għal dawk li joqogħdu viċin ta’ dawn il-postijiet, espożizzjoni għal provvista eċċessiva, u, għal dawk li joqogħdu f’postijiet fejn hemm nuqqas, ir-riskju li dawn jagħżlu logħob klandestin. Il-Gvern Taljan għalhekk jirreferi indirettament għal għan doppju ta’ interess ġenerali: fl-ewwel lok, il-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, u, fit-tieni lok, il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-frodi f’dan is-settur.

63.      Għal dik li hija l-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob, l-użu ta’ dan l-argument ftit huwa konvinċenti, kif intqal, fil-kuntest Taljan, ikkaratterizzat minn “politika espansiva fis-settur tal-logħob tal-ażżard (35)”. Aħna naħsbu li nistgħu neskludu l-possibbiltà ta’ applikazzjoni permezz ta’ analoġija tal-argumentazzjoni tas-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez (36), fejn ġie deċiż illi sistema ta’ distanzi minimi bejn l-ispiżeriji kienet konformi mal-Artikolu 49 TFUE, minħabba li hija ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi tas-saħħa pubblika (37). Għalkemm l-argumentazzjoni tal-Gvern Taljan tidher li kienet ispirata minn ċerti punti ta’ din is-sentenza (38), wieħed ma jistax jinvoka, f’dan il-każ, għar-raġunijiet diġà indikati, ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta mas-saħħa pubblika (b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob).

64.      Jibqa’ biss il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali u frawdolenti fis-settur tal-logħob, li tikkostitwixxi bl-istess mod, kif diġà indikajna, għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika r-restrizzjonijiet għal-libertajiet stipulati fit-Trattat. Madankollu jidhrilna li s-sistema ta’ distanzi minimi bejn l-istabbilimenti tal-imħatri ftit li xejn għandha rabta ma’ dan l-għan.

65.      Jekk l-eżistenza ta’ offerta ta’ logħob legali li tkun kbira, attraenti u magħrufa suffiċjentement tista’ tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra d-delinkwenza f’dan is-settur, distribuzzjoni uniformi ta’ din l-offerta fit-territorju nazzjonali ma jidhirx li tikkostitwixxi mekkaniżmu indispensabbli, mil-lat ta’ proporzjonalità, sabiex tiġi evitata l-frodi u l-azzjonijiet illegali f’dan il-qasam.

66.      Huwa ċert li, fl-assenza ta’ sistema obbligatorja ta’ distanzi minimi, jeżisti riskju li proporzjon sinjifikattiv tal-postijiet tal-bejgħ ikun ikkonċentrat fiż-żoni l-iktar popolati jew li huma iktar attivi kummerċjalment tat-territorju nazzjonali, iżda hemm dubju dwar jekk din iċ-ċirkustanza twassalx biex il-parti l-kbira tal-lagħàba residenti f’żoni fejn il-logħob huwa inqas disponibbli jew ma jeżistix, jagħżlu li jmorru għand operaturi illegali. Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li distribuzzjoni uniformi, mil-lat territorjali, tal-offerta legali ta’ logħob hija mezz suffiċjenti sabiex ċerti lagħàba ma jirrikorrux għand operaturi illegali.

67.      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li r-regoli dwar id-distanzi minimi kienu ġew imposti biss fuq detenturi ġodda ta’ liċenzja meta mqabbla ma’ dawk diġà stabbiliti, u dan jidher li jsaħħaħ l-idea, espressa fid-domanda preliminari nfisha, li jista’ jkun li s-sistema ta’ distanzi minimi hija intiża sabiex tippreserva l-“pożizzjonijiet kummerċjali” tad-detenturi preċedenti ta’ liċenzja, filwaqt li tiggarantilhom, fil-prattika, ċertu vantaġġ kompetittiv fir-rigward ta’ dawk li daħlu biss fis-suq wara s-sejħiet għal offerti tal-2006, li setgħu kienu kostretti jistabbilixxu ruħhom f’postijiet kummerċjalment inqas interessanti minn dawk okkupati minn ta’ qabilhom. Dan iqajjem il-kwistjoni tal-koerenza tal-miżura fid-dawl tal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità invokata mill-Gvern Taljan.

68.      Kif jirriżulta wkoll mis-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (39), dwar is-sistema Taljana ta’ distanzi minimi bejn il-pompi tal-petrol, miżura ta’ dan it-tip, filwaqt li tfixkel l-aċċess tal-operaturi ġodda fis-suq, “tidher li pjuttost tiffavorixxi l-pożizzjoni tal-operaturi li diġà jinsabu fit-territorju Taljan, mingħajr ma l-konsumaturi jisiltu vantaġġi reali minn dan”. Il-miżura apparentement hija, b’mod definittiv, ta’ natura purament ekonomika li, kif indikat, ma tista’ bl-ebda mod tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza (40).

69.      Fil-qosor, l-Artikoli 49 TFUE u 53 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li fil-fatt tiggarantixxi ż-żamma tal-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba abbażi ta’ proċedura li illegalment eskludiet parti mill-operaturi; huma jipprekludu, b’mod partikolari, il-projbizzjoni tad-detenturi ġodda ta’ liċenzja milli jinstallaw il-postijiet tal-bejgħ tagħhom f’inqas minn ċerta distanza ’l bogħod minn dawk diġà eżistenti.

4.      Is-sistema tad-dekadenza tal-liċenzji

a)      Id-dekadenza minħabba l-kummerċjalizzazzjoni “fuq it-territorju Taljan jew permezz ta’ siti telematiċi li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali” tal-logħob komparabbli għal logħob pubbliku jew ipprojbit [Artikolu 23(3) tal-abbozz tal-ftehim mad-detenturi ta’ liċenzja]

70.      Finalment, il-Corte Suprema di Cassazione ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda dwar il-leġittimità tas-sistema Taljana tad-dekadenza tal-liċenzji tal-logħob (li twassal ukoll għat-telf tal-garanzija), filwaqt li rreferiet speċifikament għall-każ meta “d-detentur ta’ liċenzja juża direttament jew indirettament attivitajiet tal-logħob transkonfinali, komparabbli ma’ dawk koperti mil-liċenzja”.

71.      Nistgħu nikkonkludu li l-qorti Taljana tirreferi hemmhekk għall-bażi ta’ dekadenza msemmija fl-Artikolu 23(3), iċċitat iktar ’il fuq, tal-abbozz tal-ftehim intiż sabiex jirregola l-liċenzji futuri. Skont din id-dispożizzjoni, id-dekadenza tal-liċenzja sseħħ “meta d-detentur ta’ liċenzja jikkummerċjalizza, hu nnifsu jew permezz ta’ kumpannija relatata miegħu — tkun xi tkun din ir-relazzjoni — fit-territorju Taljan jew permezz ta’ siti telematiċi barra mit-territorju nazzjonali, logħob simili għal logħob pubbliku jew għal logħob ieħor ġestit mill-AAMS, jew għal logħob ipprojbit mill-ordinament ġuridiku Taljan”.

72.      Għalkemm, skont il-ġurisprudenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fil-kawżi miġjuba quddiemha, liema hija l-interpretazzjoni korretta tad-dritt nazzjonali (41), il-lakuni li għandhom kemm il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata kif ukoll, fuq dan il-punt, id-domanda preliminari nfisha jġiegħluna neżaminaw iż-żewġ possibbiltajiet ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 23(3) (42).

i)      L-ewwel possibbiltà: dekadenza minħabba attività transkonfinali

73.      Skont l-ewwel possibbiltà, id-dispożizzjoni inkwistjoni, filwaqt li tirreferi għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċertu logħob “permezz ta’ siti telematiċi li qegħdin ’il barra mit-territorju nazzjonali”, donnha trid twaqqaf kull attività tal-logħob transkonfinali, b’mod partikolari dik li teżerċita Stanley permezz taċ-ĊTD tagħha.

74.      Din tidher li hija l-interpretazzjoni li M. Costa u U. Cifone, kif ukoll il-Corte Suprema di Cassazione nfisha, isostnu u li tinsab f’numru kbir ta’ deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali (43). Barra minn hekk, din hija appoġġata wkoll mill-korrispondenza li l-AAMS skambjat ma’ Stanley fl-okkażjoni tal-organizzazzjoni tas-sejħiet għal offerti tal-2006.

75.      Għalhekk, għad-domanda ta’ Stanley dwar jekk “l-attività li Stanley teżerċita fl-Italja, direttament jew indirettament permezz taċ-ĊTD li huma affiljati magħha, hijiex ikkunsidrata mill-amministrazzjoni li tikser il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tas-sejħiet għal offerti (ara b’mod partikolari l-Artikolu 23 tal-abbozz tal-ftehim)”, l-AAMS irrispondiet, b’ittra tas-6 ta’ Ottubru 2006, li l-parteċipazzjoni f’sejħiet għal offerti hija suġġetta għar-rinunzja li jiġu eżerċitati attivitajiet transkonfinali fl-Italja, filwaqt li kkonfermat b’mod partikolari li s-sistema l-ġdida tippermetti lill-offerenti “joħolqu netwerks ta’ postijiet tal-bejgħ li, skont evalwazzjoni indipendenti, jistgħu jkunu wkoll ta’ natura nazzjonali”, u tippreċiża li, “tali netwerks ovvjament għandhom it-tendenza li jieħdu post kwalunkwe netwerks qodma u, f’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tal-abbozz tal-ftehim jikkostitwixxu protezzjoni xierqa lill-investimenti magħmula mid-detenturi ta’ liċenzja nfushom”.

76.      Lil hinn min-natura ferm vaga ta’ din ir-risposta, l-impressjoni li l-mod kif Stanley topera (li jimplika attività transkonfinali bil-mezz telematiku) jew, mill-inqas, in-netwerk eżistenti tagħha ta’ distributuri, huwa inkompatibbli mal-għoti ta’ waħda minn dawn il-liċenzji l-ġodda, kellha l-effett li tiskoraġġixxi lil din l-impriża milli tipparteċipa fis-sejħa għal offerti.

77.      Jekk il-Corte Suprema di Cassazione tqis li l-Artikolu 23(3) tal-abbozz tal-ftehim iċċitat jistabbilixxi d-dekadenza awtomatika tal-liċenzja meta jkun hemm ġestjoni transkonfinali tal-logħob inkwistjoni, ikollna nikkonkludu li l-miżura tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u nżidu wkoll li l-ġustifikazzjoni tagħha fuq il-bażi tal-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kriminalità hija fil-fehma tagħna sfurzata ħafna.

78.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fir-rigward tal-Istati Membri, fis-sentenza tagħha Liga Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, li dawn għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-logħob tal-ażżard offrut fuq l-internet (44). Din l-argumentazzjoni madankollu ma tistax tiġi applikata għall-każ ineżami fejn, fil-każ li din il-possibbiltà sseħħ, il-kwistjoni ma tkunx dwar il-kontroll tal-attività tal-logħob fuq l-internet, iżda l-projbizzjoni ta’ kull attività transkonfinali f’dan is-settur. Fix-xenarju suġġett tal-kawża prinċipali, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni kkontestata tista’ tkun ta’ ostakolu għal attività li, minkejja li tkun ta’ natura transkonfinali, strettament ma tikkostitwixxix każ ta’ logħob fuq l-internet, peress li din teħtieġ ukoll il-preżenza fiżika ta’ rappreżentant tal-impriża fit-territorju Taljan.

79.      Għalhekk, bħala prinċipju, din l-attività inkwistjoni ma għandhiex il-karatteristika prinċipali tal-logħob fuq l-internet, li minnha l-Qorti tal-Ġustizzja bniet l-argumentazzjoni kollha tagħha fis-sentenza Liga Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq: in-“nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur”. Mhux kull “attività transkonfinali” tipprekludi neċessarjament li jkun hemm dan il-kuntatt; sakemm dan l-aċċess fiżiku, dirett, ma’ intermedjarju jew rappreżentant tal-impriża jista’ jiġi ggarantit, dawn ir-riskji partikolari tal-logħob fuq l-internet ma jirriżultawx u ma jistgħux, bħala konsegwenza, jiġġustifikaw il-miżura inkwistjoni.

80.      Min-naħa l-oħra, ma nistgħux ninsew li, fis-sentenza Liga Portuguesa, din l-argumentazzjoni kollha hija maħsuba biex ittemm il-ħtieġa tar-rikonoxximent reċiproku ta’ liċenzji fil-qasam tal-logħob (45). Għalhekk, ir-rikonoxximent reċiproku jibqa’ eskluż, f’dak li għandu x’jaqsam mal-logħob fuq l-internet fis-sentenza Liga Portuguesa u, b’mod ċar ħafna u ġenerali, għas-settur kollu tal-logħob, fis-sentenza Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq (46).

81.      Iżda, fil-każ preżenti, jekk wieħed jaċċetta din l-ewwel premessa ta’ interpretazzjoni, ir-restrizzjoni imposta ma tillimitax ruħha għar-rekwiżit li l-operaturi barranin jissottomettu ruħhom għall-kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali biex jeżerċitaw l-attività tal-logħob, din tmur ferm lil hinn minn hekk. Din iżżommhom purament u sempliċement milli jieħdu sehem f’dan is-suq biss għar-raġuni li l-istabbiliment prinċipali tal-impriża jinstab fi Stat Membru ieħor u t-tranżazzjoni legali konkluża mal-klijenti tkun ta’ natura transkonfinali, minkejja l-possibbiltà ta’ kontroll mill-pulizija fuq ir-rappreżentanti possibbilment preżenti b’mod permanenti fit-territorju nazzjonali.

82.      Fil-qosor, inqis li leġiżlazzjoni nazzjonali li fil-fatt tipprojbixxi kull attività transkonfinali fis-settur tal-logħob, indipendentement mill-forma li taħtha din l-attività hija eżerċitata u, b’mod partikolari, fil-każ fejn kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur huwa possibbli, u fejn l-intermedjarji tal-impriża li jkunu preżenti fit-territorju nazzjonali jkunu jistgħu jiġu sottomessi għal kontroll fiżiku mill-pulizija, tmur kontra l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

ii)    It-tieni possibbiltà: dekadenza tal-liċenzja minħabba l-offerta ta’ logħob mhux awtorizzat

83.      It-tieni possibbiltà ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 23(3) tal-abbozz tal-konvenzjoni twassal għall-konklużjoni li d-dispożizzjoni inkwistjoni hija intiża qabel kollox sabiex tipprojbixxi varjetà ta’ logħob, irrispettivament minn jekk dawn humiex offruti b’mod transkonfinali (“permezz ta’ siti telematiċi li jinstabu barra mit-territorju nazzjonali”) jew direttament “fit-territorju Taljan”. B’mod iktar konkret, fit-termini ta’ din il-klawżola, huwa l-fatt li l-offerta ta’ “logħob simili għal logħob pubbliku jew għal logħob ieħor ġestit mill-AAMS jew logħob ipprojbit mill-ordinament ġuridiku Taljana” li jwassal għad-dekadenza ta’ din il-liċenzja. Qabel kollox, għandha tiġi enfasizzata l-ineżattezza kbira ta’ din il-formulazzjoni, li tikkontrasta mal-gravità tal-konsegwenzi tagħha.

84.      Il-Kummissjoni u M. Costa nnifsu taw indikazzjoni li setgħet titfa’ ftit dawl fuq dan il-punt. It-tnejn jirreferu għall-eżistenza ta’ katalgu jew lista ta’ logħob elaborata u aġġornata mill-AAMS kull ġimgħa, li tiddefinixxi l-kamp operattiv tal-liċenzji, b’mod li d-detenturi ta’ liċenzja jistgħu joffru biss il-logħob fuq din il-lista, u l-fatt li l-offerta ta’ logħob li ma tiffigurax f’din il-lista jwassal għad-dekadenza ta’ din il-liċenzja (47). Huwa għalhekk li għad-domanda preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju ser infittex li nagħti risposta li tieħu inkunsiderazzjoni din l-indikazzjoni.

85.      Fis-sentenza tagħha Stoβ et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, fid-dawl tad-differenzi sostanzjali li d-diversi tipi ta’ logħob tal-ażżard jista’ jkollhom, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal sistema iktar stretta, jew tipprojbixxi, ċerti tipi ta’ logħob u tawtorizza tipi oħra tista’ tkun kompatibbli mat-Trattat (48). Fi kwalunkwe każ, huwa evidenti li hemm bżonn li l-miżura inkwistjoni ma tkunx diskriminatorja u li din tikkontribwixxi b’mod koerenti, sistematiku u proporzjonat fl-implementazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali li għalih din hija intiża: f’dan il-każ, il-ġlieda kontra l-frodi u t-tixrid tal-logħob illegali.

86.      Għal dak li jikkonċerna l-każ ineżami, ta’ min jinnota li l-lista hija, fil-prinċipju, adattabbli għall-bżonnijiet tal-operaturi. Fil-fatt, id-detenturi ta’ liċenzja jistgħu jitolbu lill-AAMS biex iżżid ċertu logħob mal-lista, iżda din apparentement taġixxi fuq deċiżjoni diskrezzjonali tal-amministrazzjoni.

87.      Din id-deċiżjoni amministrattiva li jiżdied logħob fil-lista tassumi mingħajr dubju l-funzjoni ta’ “awtorizzazzjoni amministrattiva mogħtija minn qabel” li tirrestrinġi l-libertajiet tat-Trattat iżda li, skont il-ġurisprudenza, tista’ tkun iġġustifikata sakemm ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u li jistgħu jiġu mistħarrġa quddiem qorti (49). Il-partijiet qablu fis-seduta li huwa possibbli li d-deċiżjoni tal-AAMS tiġi kkontestata, iżda l-provi eżebiti ma jippermettux li jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk id-deċiżjoni tal-AAMS fuq il-lista ta’ logħob awtorizzat hijiex fil-fatt ibbażata fuq kriterji oġġettivi, magħrufa minn qabel mill-partijiet ikkonċernati.

88.      Ma’ dan tiżdied ċirkustanza oħra, li toħroġ mill-eżami tal-provi eżebiti mill-partijiet, u li fi kwalunkwe każ huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, bl-istess mod bħall-punti fattwali l-oħra kollha. Dan huwa l-fatt li l-logħob eskluż mil-lista tal-AAMS jista’ jiġi offrut fil-parti l-kbira tiegħu minn operaturi barranin, u jikkostitwixxi wkoll il-parti l-iktar “interessanti” tal-offerta tagħhom, ħaġa li tiddistingwihom mill-offerta tal-operaturi nazzjonali. Jekk dawn l-allegazzjonijiet jiġu kkonfermati, wieħed jikkonstata f’dan il-każ l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta li tkun diffiċli li tiġi ġġustifikata f’isem l-għanijiet invokati.

89.      Fil-qosor, naħseb li sistema li tippermetti biss l-offerta ta’ tipi ta’ logħob li jinsabu f’katalgu jew f’lista, u li tissanzjona l-offerta ta’ kull tip ta’ logħob ieħor bid-dekadenza tal-liċenzja, tista’ tiġi ġġustifikata biss kemm-il darba din is-sistema tibbaża fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, u fejn id-deċiżjonijiet amministrattivi marbuta mar-redazzjoni tal-lista jistgħu jiġu mistħarrġa quddiem qorti.

b)      Id-dekadenza minħabba adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji jew il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali fil-konfront tad-detenturi ta’ liċenzja, ir-rappreżentanti tagħhom jew l-amministraturi tagħhom [Artikolu 23(2) tal-abbozz ta’ ftehim mad-detenturi ta’ liċenzja]

90.      Minkejja li dan is-suġġett ma huwiex speċifikament invokat fid-domanda preliminari (50), M. Costa u U. Cifone fl-osservazzjonijiet tagħhom irreferew għal raġuni oħra ta’ dekadenza tal-liċenzja, imsemmija wkoll fl-abbozz ta’ ftehim, preċiżament fl-Artikolu 23(2). Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-AAMS tiddikjara d-dekadenza tal-liċenzja meta “jittieħdu fir-rigward tad-detentur ta’ liċenzja, ir-rappreżentant legali tiegħu jew l-amministraturi tiegħu, miżuri kawtelatorji jew deċiżjonijiet ta’ rinviju quddiem il-qorti li tiddeċiedi l-mertu għall-każijiet kollha ta’ reati previsti fil-Liġi Nru 55 tad-19 ta’ Marzu 1990, kif ukoll għall-każijiet l-oħra kollha ta’ reati li jistgħu jippreġudikaw ir-relazzjoni ta’ fiduċja mal-AAMS; jew fil-każijiet ta’ ksur serju jew ripetut tar-regoli fis-seħħ li jirregolaw il-logħob pubbliku, li jinkludu n-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ mit-terzi mqabbda mid-detentur ta’ liċenzja biex jipprovdu servizzi anċillari għall-ġbir tal-logħob sportiv minn distanza”.

91.      M. Costa u U. Cifone argumentaw li l-introduzzjoni ta’ din ir-raġuni ta’ dekadenza fixklet, fil-prattika, il-parteċipazzjoni ta’ Stanley fis-sejħiet għal offerti tal-2006, peress li numru ta’ rappreżentanti Taljani tal-impriża kienu dak iż-żmien involuti fi proċeduri, qabel ma ngħatat is-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, u konsegwentement qabel id-deċiżjonijiet li jitwaqqfu l-proċeduri kriminali li ttieħdu kontrihom.

92.      Għal dawn ir-raġunijiet, il-partijiet ikkonċernati jqisu li l-klawżola tad-dekadenza inkwistjoni (li twassal għat-telf tal-garanzija) tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment b’mod kuntrarju għat-Trattat (51).

93.      Miżura intiża biex tipprekludi li attivitajiet ta’ dan it-tip jintużaw minn persuni li r-reputazzjoni tagħhom tista’ tiġi kkontestata tidher fil-prinċipju li hija strument adegwat għall-implementazzjoni tal-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l-logħob illegali, u l-fatt li l-Artikolu 23(6) tal-istess abbozz ta’ ftehim jipprevedi d-dritt tal-parti kkonċernata li titlob il-kumpens għad-dannu sussegwenti fil-każ fejn id-dekadenza tal-liċenzja tirriżulta sussegwentement infondata, jikkostitwixxi element ta’ proporzjonalità li ma huwiex insinjifikattiv. (52) Indipendentement minn dan, ir-raġuni ta’ dekadenza tal-liċenzja (li, b’mod sorprendenti, hija bbażata fuq strument ta’ natura kuntrattwali) tista’ tqajjem diversi problemi mil-lat tal-proporzjonalità.

94.      L-ewwel problema tirriżulta min-natura apparentement prematura tad-deċiżjoni tad-dekadenza, li tingħata fil-bidu tal-proċeduri kriminali eventwali, jiġifieri fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ kundanna. Fil-fatt, l-Artikolu 23(2) tal-abbozz ta’ ftehim jirreferi għall-adozzjoni ta’ “miżuri kawtelatorji” u għad-deċiżjoni ta’ “rinviju quddiem il-qorti li tiddeċiedi l-mertu” (53) bħala ċirkustanzi determinanti għad-dekadenza tal-liċenzja. Aħna nqisu, f’dan ir-rigward, li l-fatt li d-deċiżjoni ta’ dekadenza tittieħed qabel ma tingħata deċiżjoni ġudizzjarja ta’ kundanna ma jikkostitwixxix element li jwassal għall-illegalità tal-miżura, li tista’ titqies li hija proporzjonata jekk l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji u l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali huma, fis-sistema legali Taljana, deċiżjonijiet ibbażati fuq indizji li jistgħu jqajmu dubju raġonevoli dwar ir-reputazzjoni tal-persuni kkonċernati. Wieħed ma jridx jinsa, barra minn hekk, li l-Artikolu 23(6) jipprovdi għall-possibbiltà ta’ kumpens.

95.      Iktar ammissibbli hija t-tieni problema dwar id-definizzjoni wiesgħa żżejjed li l-Artikolu 23(2) tal-abbozz ta’ ftehim jagħti lit-tipi ta’ nuqqasijiet li jwasslu għal deċiżjonijiet li jinvolvu dekadenza. Il-klawżola inkwistjoni tirreferi, fl-ewwel lok, għar-“reati previsti mil-Liġi Nru 55 tad-19 ta’ Marzu 1990”, (54) każ li huwa suffiċjentement iddefinit u ġġustifikat minħabba l-gravità tar-reati li għalihom tirreferi (dawn huma reati prinċipalment marbuta mal-attivitajiet mafjużi). Iżda mbagħad hemm il-kwistjoni, b’mod ferm iktar ġenerali, dwar “reati li jistgħu jaffettwaw ir-relazzjonijiet ta’ fiduċja mal-AAMS”. Sakemm il-qorti tar-rinviju ma tqisx li din l-aħħar deskrizzjoni tikkostitwixxi deskrizzjoni ċara biżżejjed tat-tip ta’ reati li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni, il-klawżola ċċitata tista’ tiġi affettwata, fuq dan il-punt speċifiku, mill-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ proporzjonalità, peress li din tista’ tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi Taljani jadottaw deċiżjoni b’konsegwenzi serji bħalma hija d-dekadenza, f’sitwazzjonijiet li ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-attività tal-ġestjoni tal-logħob u tal-imħatri.

96.      Fil-qosor, inqis li klawżola li tipprovdi għad-dekadenza ta’ liċenzja tal-logħob meta jittieħdu miżuri kawtelatorji jew deċiżjonijiet ta’ rinviju quddiem il-qorti li tiddeċiedi l-mertu fil-konfront tad-detentur ta’ liċenzja, ir-rappreżentant legali tiegħu jew l-amministraturi tiegħu ma tmurx kontra l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, kemm-il darba dan il-każ ikun iddefinit b’riferiment għal tipi ta’ reati marbuta mal-attività tal-logħob u ddefiniti b’mod ċar.

VII – Konklużjoni

97.      Konsegwentement, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari mressqa mill-Corte Suprema di Cassazione bil-mod kif ġej:

“L-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom jiġu interpretati, fis-settur tal-imħatri fuq l-avvenimenti sportivi, fis-sens li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ monopolju favur l-Istat u ta’ sistema ta’ liċenzji u ta’ awtorizzazzjonijiet:

a)      dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li espressament u effettivament tipprovdi protezzjoni ċara lid-detenturi ta’ liċenzji mogħtija qabel abbażi ta’ proċedura li eskludiet b’mod illegali parti mill-operaturi. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex dispożizzjoni li għandha dan is-sens u din il-portata;

b)      dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tiggarantixxi bħala fatt iż-żamma tal-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba abbażi ta’ proċedura li eskludiet b’mod illegali parti mill-operaturi; dawn jipprekludu b’mod partikolari l-projbizzjoni li d-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja jistabbilixxu l-kjoskijiet tagħhom f’inqas minn distanza determinata li għandha tinżamm minn dawk diġà eżistenti;

ċ)      dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għad-dekadenza tal-liċenzja tal-logħob fil-każ li d-detentur ta’ liċenzja jeżerċita attività transkonfinali fis-settur tal-logħob, indipendentement mill-forma li taħtha din l-attività hija eżerċitata, inkluż meta kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur huwa possibbli u l-intermedjarji tal-impriża preżenti fit-territorju nazzjonali jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal kontroll fiżiku tal-pulizija;

d)      dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti biss l-offerta ta’ tipi ta’ logħob li jidhru f’katalgu jew f’lista, u jissanzjona l-fatt li jiġi propost kull logħob ieħor bid-dekadenza tal-liċenzja, kemm-il darba d-deċiżjonijiet amministrattivi marbuta mar-redazzjoni tal-lista jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, u li jistgħu jiġu mistħarrġa quddiem qorti; u

e)      dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għad-dekadenza ta’ liċenzja tal-logħob meta jittieħdu miżuri kawtelatorji jew deċiżjonijiet ta’ rinviju quddiem il-qorti li tiddeċiedi l-mertu, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali partikolari, fil-konfront tad-detentur ta’ liċenzja, tar-rappreżentant legali tiegħu jew tal-amministraturi tiegħu, kemm-il darba dan il-każ ikun iddefinit b’riferiment għal tipi ta’ reati marbuta mal-attività tal-logħob u ddefiniti b’mod ċar.”


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 –      C-67/98, Ġabra p. I-7289.


3 –      C-243/01, Ġabra p. I-13031.


4 –      C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891.


5 –      Għal sommarju ta’ din il-ġurisprudenza Taljana, ara G.M Ruotolo, “Il regime italiano del gambling all’esame della Corte di giustizia: rien ne va plus”, Diritto pubblico comparato ed europeo III (2007), p. 1399. Ara wkoll il-kummentarji dwar is-sentenza Placanica et ta’ M. Gnes,Giornale di Diritto Amministrativo nº 8/2007, p. 833, u R. Schiano, Revue du Droit de l’Union Européenne 2/2007, p. 461.


6 –      GURI Nru 18 tal-11 ta’ Awwissu 2006.


7 –      Li jissostitwixxi l-ewwel Artikolu, paragrafu 287, tal-Liġi Nru 311 tat-30 ta’ Diċembru 2004 (Liġi tal-Finanzi tal-2005).


8 –      Li jissostitwixxi l-ewwel Artikolu, paragrafu 498, tal-Liġi Nru 311 tat-30 ta’ Diċembru 2004 (Liġi tal-Finanzi tal-2005).


9 –      Testo Unico delle Leggi di Publica Sicurezza. Verżjoni emendata bil-Liġi Nru 388 tat-23 ta’ Diċembru 2000.


10 –      Verżjoni emendata bil-Liġi Nru 388 tat-23 ta’ Diċembru 2000.


11 –      Suplemento ordinario de la GURI Nru 305 tal-31 ta’ Diċembru 2002.


12 –      GURI Nru 111 tal-14 ta’ Mejju 2005.


13 –      Kawża Nru 10869/2006.


14 –      Sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98; Ġabra p. I-2099, punt 38); tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C-169/07; Ġabra p. I-1721, punt 24), u tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoβ et (C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C‑410/07, Ġabra p. I-8069, punt 51).


15 –      Digrieti tad-19 ta’ Marzu 1993, Banchero (C-157/92, Ġabra p. I-1085, punt 4); tas-7 ta’ April 1995, Grau Gomis et (C-167/94, Ġabra p. I-1023, punt 8), u tat-23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group et Van Raemdonck (C‑45/08, Ġabra p. I‑2073, punt 26).


16 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37), u tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger (C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 12).


17 –      Ara, għal sinteżi, is-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 65 u 67.


18 –      Sentenza tal-24 ta’ Marzu 1994 (C-275/92, Ġabra p. I-1039).


19 –      Sentenza Schindler, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 u 61. Fl-istess sens hemm ukoll is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et (C-124/97, Ġabra p. I-6067), punt 13; Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, punti 14 u 15; Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63; Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47; tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C‑42/07, Ġabra p. I-7633, iktar ’il quddiem “Liga Portuguesa”, punt 57), u Stoβ et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 76 u 77.


20 –      Sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48.


21 –      Ara, għal sinteżi, is-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46.


22 –      Punt 54. Minkejja li fis-sentenza Gambelli et, il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet f’idejn il-qorti Taljana l-evalwazzjoni ta’ x’kienu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, hija ppreferiet, fis-sentenza Placanica et, li twettaq hija stess din il-verifika fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Corte Suprema di Cassazzione u mill-Gvern Taljan.


23 –      Din id-deċiżjoni ngħatat qabel is-sentenza Placanica et, iżda, kif ser naraw, taqa’ fl-ambitu tas-soluzzjonijiet possibbli skont l-imsemmija sentenza.


24 –      Sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55. Skont il-punt 63 tas-sentenza Liga Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, “il-ġlieda kontra l-kriminalità” tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika r-restrizzjonijiet dwar l-operaturi awtorizzati biex jipproponu servizzi fis-settur tal-logħob tal-ażżard. Tabilħaqq, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-estent tal-ammonti li jistgħu jinġabru u l-qligħ li jista’ jiġi offrut lil-lagħàba, dan il-logħob jippreżenta riskji ogħla ta’ reati u ta’ frodi.


25 –      Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Placanica et, punt 49, u Stoß et, punt 93.


26 –      Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gambelli et, punt 59, u Placanica et, punt 42.


27 –      Sentenza Liga Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 u 70.


28 –      Anki bħala miżura li tapplika mingħajr distinzjoni, hija timpedixxi l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet għaċ-ċittadini tal-Unjoni jew trendihom inqas attraenti, filwaqt li taffettwa wkoll l-aċċess għas-suq mill-impriżi ta’ Stati Membri oħra u l-kummerċ intra-Komunitarju. F’dan is-sens, hemm is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, Ġabra p. I-8961, punt 11); tal-14 ta’ Ottubru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-299/02, Ġabra p. I-9761, punt 15), u tat-28 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑518/06, Ġabra p. I-3491, punt 64).


29 –      Il-ġurisprudenza, kif inhu magħruf sew, teskludi li l-għanijiet ta’ natura purament ekonomika jistgħu jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali għal dan l-effett. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-400/08, Ġabra p. I-1915, punti 74 u 95).


30 –      Il-punt 63 tas-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, jirreferi għall-konsegwenzi tal-esklużjoni illegali ta’ numru ddeterminat ta’ operaturi mis-sejħiet għall-offerti tal-1999, filwaqt li jindika espressament li “[k]emm revoka u distribuzzjoni mill-ġdid tal-liċenzji antiki kif ukoll l-għoti b’kompetizzjoni ta’ numru ta’ liċenzji ġodda jistgħu jkunu soluzzjonijiet xierqa f’dan ir-rigward”.


31 –      Sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63. Ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenzi li hemm iċċitati hemmhekk, tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C-453/99; Ġabra p. I-6297, punt 29), u tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor (C‑329/04 u C‑422/04, Ġabra p. I-8559, punt 57).


32 –      Mibdul fil-Liġi Nru 184, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar miżuri ta’ emerġenza għall-implementazzjoni tal-obbligi Komunitarji fil-qasam tal-logħob (GURI Nru 276 tal-25 ta’ Novembru 2008).


33 –      Id-distanza tvarja skont in-numru ta’ abitanti tal-lokalità u l-fatt li l-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob tista’ tikkostitwixxi l-attività prinċipali jew għall-kuntrarju attività aċċessorja.


34 –      L-Artikolu 38(4)(f) u (g) kellu dispożizzjonijiet analogi għall-posti tal-bejgħ ta’ mħatri marbuta mat-tiġrijiet taż-żwiemel.


35 –      Sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54.


36 –      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010 (C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629).


37 –      Sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90, u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.


38 –      Ara, pereżempju, is-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64.


39 –      C-384/08, Ġabra p. I-2055.


40 –      Sentenza Attanasio Group, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 sa 56.


41 –      Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 49).


42 –      Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadmet bl-istess mod fis-sentenza tagħha Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq. Ikkonfrontata b’domanda ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, hija offriet alternattiva lill-qorti nazzjonali: soluzzjoni li tieħu bħala l-punt tat-tluq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni li l-qorti msemmija indikatilha, u interpretazzjoni oħra bbażata fuq il-ġurisprudenza nazzjonali f’sens differenti, bl-argument li din l-aħħar soluzzjoni tista’ tkun “konformi” mad-dritt tal-Unjoni (Sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).


43 –      Iċċitati, kif indikat, fl-osservazzjonijiet ta’ M. Costa.


44 –      Sentenza Liga Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70.


45 –      Sentenza Liga Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69.


46 –      Punti 111 u 112.


47 –      Dan il-mekkaniżmu huwa previst fl-Artikolu 5 tad-Digriet tal-1 ta’ Marzu 2006, Nru 111.


48 –      Sentenza Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 95 u 96.


49 –      Sentenzi tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 38); tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C-389/05, Ġabra p. I-5337, punt 94); tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 64); tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange (C-203/08, Ġabra p. I-4695, punti 49 u 50), u tat-8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group (C-46/08, Ġabra p. I-8149, punti 86 u 87).


50 –      Li jirreferi madankollu, globalment, għall-“każijiet ta’ dekadenza tal-liċenzja”.


51 –      M. Costa u U. Cifone jqisu li din ir-raġuni ta’ dekadenza kienet tikkostitwixxi, fir-realtà, kawża għall-esklużjoni mis-sejħiet għal offerti, liema affermazzjoni ġiet ikkontestata mill-Gvern Taljan. Fuq parir tagħna, din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti għall-analiżi tal-mertu tal-kawża, minħabba li, f’kull każ, huwa ċert li s-sitwazzjoni proċedurali li sabu ruħhom fiha wħud mir-rappreżentanti Taljani ta’ Stanley fil-mument li saru sejħiet ġodda għal offerti jidher li nfluwenzat id-deċiżjoni tagħhom li ma jipparteċipawx fihom (id-dekadenza seħħet, fi kwalunkwe każ, kważi immedjatament).


52 –      Madankollu, din l-affermazzjoni għandha tiġi aġġustata minħabba l-fatt li, wara l-preżentata ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rappreżentant ta’ U. Cifone bagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja t-test sħiħ tal-Artikolu 23 tal-abbozz ta’ ftehim, li tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja kellha biss verżjoni parzjali. Fid-dawl tat-test mgħoddi, huwa possibbli li d-dritt għad-dannu li għalih jirreferi l-Artikolu 23(6) tal-abbozz ta’ ftehim jikkostitwixxi fakultà konċessa biss lill-AAMS u mhux, kif inizjalment ipproponejt, lid-detentur ta’ liċenzja. Fi kwalunkwe każ, id-determinazzjoni tas-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija kompitu tal-qorti nazzjonali.


53 –      Din l-aħħar deċiżjoni hija dik adottata fit-tmiem tal-investigazzjoni preliminari tal-każ, meta nbdew l-proċeduri kriminali nfushom. Għal deskrizzjoni ta’ dawn il-fażijiet tal-proċedura kriminali Taljana, ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C-105/03, Ġabra p. I-5285, punti 13 u 14).


54 –      Nuove disposizioni per la prevenzione della delinquenza di tipo mafioso e di altre gravi forme di manifestazione di pericolosità sociale.