Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2017 minn Landeskreditbank Baden-Württemberg - Förderbank mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fis-16 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-122/15, Landeskreditbank Baden-Württemberg - Förderbank vs Il-Bank Ċentrali Ewropew

(Kawża C-450/17 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Landeskreditbank Baden-Württemberg - Förderbank (rappreżentanti: A. Glos, T. Lübbig u M. Benzing, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-122/15;

tannulla d-deċiżjoni tal-BĊE tal-5 ta’ Jannar 2015 (ECB/SSM/15/1 – 0SK1ILSPWNVBNQWU0W18/3) filwaqt li tordna ż-żamma tal-effetti marbuta mas-sostituzzjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE tal-1 ta’ Settembru 2014 (ECB/SSM/14/1 – 0SK1ILSPWNVBNQWU0W18/1);

sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż tal-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku 1 u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Qafas tal-MSU 2

Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku flimkien mal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Hija żbaljat meta kkonkludiet li ċ-“ċirkostanzi partikolari” li jwasslu għall-klassifikazzjoni ta’ istituzzjoni bħala inqas importanti jirrikorru biss jekk is-superviżjoni diretta mill-awtoritajiet nazzjonali tkun iktar adattata sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Bażiku milli permezz tas-superviżjoni diretta mill-BĊE. Fl-interpretazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali tirreferi biss għall-verżjoni Ingliża tar-Regolament Qafas tal-MSU u tikser il-prinċipju li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha huma vinkolanti bl-istess mod. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tinterpreta r-regoli fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet legali superjuri fil-forma tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-kompetenza. Hija żbaljat meta ċaħdet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti mill-BĊE, u l-istess bħall-BĊE qabilha, ma vverifikatx jekk l-appellant kellux jiġi ikklassifikat bħala istituzzjoni inqas importanti fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi speċifiċi u “ċirkostanzi partikolari” msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Bażiku flimkien mal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kisret id-dmir tagħha li teżamina b’mod sħiħ id-deċiżjoni kkontestata għal żbalji ta’ evalwazzjoni.

It-tieni aagravju huwa bbażat fuq żnaturament tad-deċiżjoni kkontestata u fuq evalwazzjoni żbaljata tar-rekwiżiti ta’ motivazzjoni

Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ssostitwixxiet il-motivazzjoni tal-BĊE bil-motivazzjoni tagħha stess. Minħabba l-iżnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma tirrikonoxxix li din tal-aħħar tikser ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-obbligu ta’ motivazzjoni: il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex koerenti u hija fiha nfisha kontradittorja.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball proċedurali tal-Qorti Ġenerali bl-introduzzjoni ta’ aspetti li ma kinux is-suġġett tal-proċedura

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tikser id-dritt għal smigħ tal-appellant u l-prinċipju ta’ kontradittorju. Il-motivazzjoni tas-sentenza tintroduċi ċerti aspetti rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni li ma kinux ġew diskussi fil-proċedura ġudizzjarja.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, tal-15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

2 Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 468/2014, tas-16 ta’ April 2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU 2014, L 141, p. 1).