Language of document : ECLI:EU:C:2017:220

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

16 ta’ Marzu 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 220(2)(b) ‑ Irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni – Aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Żball mill-awtoritajiet doganali – Obbligu tal-importatur li jaġixxi in bona fide u li jivverifika ċ-ċirkustanzi tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” – Mezzi ta’ prova – Rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)”

Fil-Kawża C‑47/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (dipartiment tal-affarijiet amministrattivi tal-qorti suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura

Valsts ieņēmumu dienests

vs

Veloserviss” SIA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u K. Freimanis, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros kif ukoll minn I. Rubene, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 239) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-kawża bejn il-Valsts ieņēmumu dienests (awtorità tat-taxxa Latvjana, iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) u “Veloserviss” SIA, dwar l-intaxxar tad-dazji fuq l-importazzjoni u dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), flimkien mal-interessi moratorji, filwaqt ta’ kontroll a posteriori ta’ dikjarazzjoni doganali.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, intitolat “Eżami tad-dikjarazzjonijiet wara r-rilaxx”, jiddisponi:

“Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.”

4        Skont l-Artikolu 220(2) ta’ dan il-Kodiċi:

“Ħlief fil-każijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 217(1), daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:

[…]

b)      l-ammont ta’ dazju li ried jitħallas legalment ma ġiex imdaħħal fil-kontijiet minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet tad-dwana li ma satax [setax] raġjonevolment jiġi notat mill-persuna resposabbli [responsabbli] għall-pagament, u li din ta’ l-aħħar min-naħa tagħha tkun aġixxiet in bona fede u tkun ħarset id-dispożizzjonijiet kollha preskritti fil-liġijiet fis-seħħ fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tad-dwana.

Fejn l-istatus preferenzjali ta’ l-oġġetti huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ koperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, il-ħruġ ta’ ċertifikat minn dawn l-awtoritajiet, jekk jiġi pruvat li hu inkorrett, għandu jikkostitwixxi żball li ma satax raġjonevolment ikun notat fit-tifsira ta’ l-ewwel sotto-paragrafu.

Il-ħruġ ta’ ċertifikat żbaljat ma għandux, iżda, jikkostitwixxi żball fejn iċ-ċertifikat ikun bażat fuq tagħrif inkorrett tal-fatti provdut mill-esportatur, minbarra fejn, partikolarment, jidher biċ-ċar illi l-awtoritajiet tal-ħruġ kienu konxji jew kellhom ikunu konxji li l-oġġetti ma ssodisfawx il-kondizzjonijiet preskritti għad-dritt ta’ trattament preferenzjali.

Il-persuna responsabbli għal dan tista’ ġġib il-bona fede tagħha bħala turija illi, matul il-perijodu taż-żmien ta’ l-operati msemmija tan-negozju tagħha, ħadet il-kura mistħoqqa sabiex tiżgura illi ġew imwettqa l-kondizzjonijiet kollha tat-trattament preferenzjali.

Iżda, il-persuna responsabbli ma tistax iżda ġġib bi skuża l-bona fede tagħha jekk il-Kummissjoni Ewropea tkun ippublikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jgħid li hemm lok għal dubji rigward l-applikazzjoni kif għandha tkun ta’ arranġamenti preferenzjali mill-pajjiż benefiċjarju;

[…]”

5        Skont l-Artikolu 72a(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1602/2000, tal-24 ta’ Lulju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 12, p. 209):

“Xhieda ta’ l-istatus ta’ oriġini ta’ l-oġġetti esportati minn xi pajjiż ta’ xi grupp reġjonali lejn xi pajjiż ieħor ta’ l-istess grupp biex jintużaw għal aktar xogħol jew ipproċessar, jew biex jerġgħu jiġu esportati fejn ma jsirx aktar xogħol jew ipproċessar, tiġi stabbilita b’ċertifikat ta’ oriġini ‘Formola A’ maħruġ fl-ewwel pajjiż.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Fis-17 ta’ Mejju 2007, Veloserviss importat fl-Unjoni Ewropea roti li ġejjin mill-Kambodja għal rilaxx għal ċirkulazzjoni libera. Skont iċ-ċertifikat ta’ oriġini maħruġ fis-16 ta’ Frar 2007 mill-Gvern tal-Kambodja, Veloserviss ma ħalset ebda dazju doganali u ebda VAT.

7        L-awtorità tat-taxxa, matul is-sena 2008, wettqet l-ewwel kontroll doganali a posteriori għall-perijodu li matulu kienu ġew importati r-roti inkwistjoni. Peress li fil-konfront tagħhom ma ġiet ikkonstatata l-ebda irregolarità, Veloserviss implementat id-deċiżjoni adottata skont dan il-kontroll.

8        Matul is-sena 2010, l-awtorità tat-taxxa rċeviet informazzjoni mingħand l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), skont liema ċ-ċertifikat ta’ oriġini maħruġ mill-Gvern tal-Kambodja dwar il-merkanzija kkonċernata ma kienx konformi mad-dritt tal-Unjoni.

9        Abbażi ta’ din l-informazzjoni, l-awtorità tat-taxxa wettqet it-tieni kontroll a posteriori, dwar id-dokument amministrattiv uniku ppreżentat minn Veloserviss, u kkonstatat li l-eżenzjonijiet tad-dazji doganali kienu ġew applikati indebitament fuq din il-merkanzija.

10      Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2010, l-awtorità tat-taxxa imponiet fuq Veloserviss il-ħlas tad-dazji doganali u tal-VAT, flimkien mal-interessi moratorji.

11      Sussegwentement, Veloserviss ippreżentat rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni.

12      Wara eżami tal-kawża fl-istanza tal-appell, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali, il-Latvja), permezz ta’ sentenza mogħtija fis-27 ta’ Marzu 2014, ikkonfermat l-annullament tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2010, billi qieset, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 23(1) tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rigward it-taxxi, l-awtorità tat-taxxa ma setgħetx twettaq kontroll ġdid a posteriori tal-merkanzija ddikjarata inkwistjoni, peress li l-ewwel kontroll kien ħoloq aspettiva leġittima lil Veloserviss u li din kienet issodisfat ir-rekwiżiti kollha previsti dwar il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, sa fejn hija ma setgħetx tkun taf oġġettivament li l-awtorità kompetenti tal-Kambodja kienet ħarġet ċertifikat li ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentment, Veloserviss aġixxiet in bona fide.

13      L-awtorità tat-taxxa appellat fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

14      Din tal-aħħar, permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2014, ressqet l-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari, essenzjalment, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali jippermetti li jirrestrinġi, kif ipprovdut fil-leġiżlazzjoni Latvjana dwar it-taxxi u d-dazji, il-possibbiltà għall-awtoritajiet doganali li jirrepetu kontroll a posteriori.

15      Il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta, fin-negattiv, permezz tas-sentenza tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss (C‑427/14, EU:C:2015:803).

16      Il-qorti tar-rinviju tqis, madankollu, fil-kuntest tal-istess appell ta’ kassazzjoni li hija għandha quddiemha, li din tal-aħħar tqajjem iktar kwistjonijiet fir-rigward tal-kunċett ta’ “bona fide” tal-persuna taxxabbli, fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali.

17      F’dan il-kuntest, l-awtorità tat-taxxa ssostni, skont din il-qorti, li l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) iddeċidiet mingħajr ebda bażi li Veloserviss kienet aġixxiet in bona fide, b’tali mod li hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. Fil-punti 36 u 40 tas-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Lagura Vermögensverwaltung (C‑438/11, EU:C:2012:703), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni ma jistgħux jorbtu lill-Unjoni u lill-Istati Membri fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħhom tal-validità ta’ ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni għad għandhom dubji dwar l-oriġini vera tal-merkanzija.

18      Veloserviss issostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) applikat l-imsemmija dispożizzjoni ġustament, peress li, minn naħa, la l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni u lanqas hija stess, fil-kwalità tagħha ta’ importatur, ma setgħu jiżguraw li d-dipartimenti tal-Istat ta’ importazzjoni kienu wettqu żball u, min-naħa l-oħra, li Veloserviss aġixxiet in bona fide meta pprovdiet lill-awtorità tat-taxxa l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha li kienet taf bihom. Għal dan il-għan, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) kienet ġustament ibbażat ruħha fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 8694, tat-30 ta’ Novembru 2012, li tikkonstata li huwa ġġustifikat li tirrinunzja għat-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori f’każ partikolari (fajl REC 01/2011), peress li ċ-ċirkustanzi fattwali li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tadotta din id-deċiżjoni huma essenzjalment simili għal dawk fil-kawża prinċipali.

19      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, li, jekk l-esportatur wettaq żball meta pprovda informazzjoni, huwa possibbli li tipproċedi b’irkupru a posteriori. Min-naħa l-oħra, jekk l-iżball ikun twettaq mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur, li kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma tissodisfax ir-rekwiżiti mitluba, il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat inkorrett ma għandux, skont il-qorti tar-rinviju, ikun ta’ dannu għall-importatur.

20      Madankollu, din il-qorti tistaqsi, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, f’każ bħal dak li kellha quddiemha, fejn rapport tal-OLAF juri l-fatt li l-esportatur kien ta informazzjoni mhux eżatta lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur, iżda wkoll li l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur wettqu żbalji matul il-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ oriġini “Formola A”. Hija tistaqsi wkoll sa fejn għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni legali u fattwali mwettqa mill-OLAF.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (dipartiment tal-affarijiet amministrattivi tal-qorti suprema, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-obbligu għall-importatur li jaġixxi in bona fide msemmi fl-Artikolu 220(2)(b) tal-[Kodiċi Doganali] għandu jiġi ddefinit fis-sens li:

a)      dan l-obbligu jinkludi l-obbligu għall-importatur li jivverifika ċ-ċirkustanzi tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ oriġini ‘Formola A’ rċevut mill-esportatur (iċ-ċertifikati tal-partijiet li jikkomponu l-merkanzija, l-attivitajiet tal-esportatur fil-manifattura tal-merkanzija, eċċ.)?

b)      l-importatur ma jaġixxix in bona fide bis-sempliċi fatt li l-esportatur ma jaġixxix in bona fide (pereżempju, jekk l-esportatur ma jiżvelax l-oriġini reali tal-ispejjeż jew il-valur tal-partijiet, eċċ. lill-awtorità doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni)?

c)      l-obbligu ta’ aġir in bona fide ma huwiex osservat bis-sempliċi fatt li l-esportatur ipprovda informazzjoni inkorretta lill-awtorità doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, anki jekk l-awtorità doganali nnifisha wettqet żball fil-ħruġ taċ-ċertifikat?

2)      L-obbligu għall-importatur li jaġixxi in bona fide msemmi fl-Artikolu 220(2)(b) [Kodiċi Doganali], jista’ jiġi suffiċjentement ipprovat permezz tad-deskrizzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni u bil-konklużjoni li jinsabu fir-rapport tal-OLAF jew l-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jiksbu provi addizzjonali relatati mal-aġir tal-esportatur?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li importatur jista’ jinvoka aspettativa leġittima, taħt din id-dispożizzjoni, sabiex jopponi t-teħid inkunsiderazzjoni a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni, billi jeċepixxi l-bona fide tiegħu, meta mhux biss l-esportatur ipprovda informazzjoni inkorretta lill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, b’mod partikolari inkwantu għall-oriġini reali tal-prezz jew il-valur tal-partijiet li jikkomponu l-merkanzija inkwistjoni, iżda wkoll li dawn l-awtoritajiet huma stess wettqu żball billi ħarġu ċ-ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” inkwistjoni, iżda wkoll meta dan l-importatur ma jkunx ivverifika ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-ħruġ, mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, ta’ dan iċ-ċertifikat, bħalma huma ċ-ċertifikati tal-partijiet li jikkomponu l-merkanzija jew l-attivitajiet tal-esportatur fil-manifattura tagħha.

23      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu bħala għan li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna taxxabbli fir-rigward tal-fondatezza tal-elementi kollha involuti fid-deċiżjoni jekk id-dazji tad-dwana għandhomx jiġu rkuprati jew le (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punt 31, u tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 43).

24      F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li importatur ma jistax utilment jinvoka aspettativa leġittima taħt din id-dispożizzjoni, u għalhekk jibbenefika minn eċċezzjoni ta’ rkupru a posteriori li hija prevista, biss jekk tliet rekwiżiti kumulattivi huma ssodisfatti. Qabel kollox jeħtieġ li d-dazji ma jkunux inġabru b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nnifishom, sussegwentement, li l-iżball imwettaq minn dawn tal-aħħar ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna suġġetta għad-dazju li taġixxi in bona fide u, fl-aħħar nett, li din tal-aħħar osservat id-dispożizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punt 35, u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 47).

25      Dawn il-kundizzjonijiet joperaw, essenzjalment, kondiviżjoni tar-riskju minn żbalji jew irregolaritajiet li jivvizjaw dikjarazzjoni doganali skont l-aġir u d-diliġenza ta’ kull wieħed mill-atturi involuti, jiġifieri l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ esportazzjoni u l-Istat importatur, l-esportatur kif ukoll l-importatur.

26      Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk importatur jistax jibbaża ruħu fuq aspettativa leġittima, taħt l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali billi jeċepixxi l-bona fide tiegħu meta mhux biss l-esportatur ipprovda informazzjoni inkorretta lill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, b’mod partikolari inkwantu għall-oriġini reali tal-prezz jew il-valur tal-partijiet li jikkomponu l-merkanzija inkwistjoni, iżda dawn l-awtoritajiet huma stess wettqu żball billi ħarġu ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” inkwistjoni.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ewwel wieħed mill-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, l-aspettattivi leġittimi tal-persuna taxxabbli għandhom biss il-protezzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni jekk huma l-awtoritajiet kompetenti “stess” li ħolqu l-bażi li fuqha tistrieħ din l-aspettattiva (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punt 31, u tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 44).

28      Għalhekk, huma biss l-iżbalji li ġejjin minn aġir attiv tal-awtoritajiet kompetenti li jagħtu lok għal nuqqas ta’ rkupru a posteriori tad-dazji doganali (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punt 31, u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 54).

29      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” inkorrett, mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, jikkostitwixxi żball imwettaq minn dawn l-awtoritajiet “stess” sakemm ma jinstabx li dawn iċ-ċertifikati kienu ġew stabbiliti fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur, ħlief jekk, b’mod partikolari, ikun evidenti li l-awtoritajiet li kienu ħarġu tali ċertifikati kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn trattament preferenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Lagura Vermögensverwaltung, C‑438/11, EU:C:2012:703, punt 19).

30      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, jekk jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju u, b’mod partikolari, mill-formulazzjoni tal-inċiż c) tal-ewwel domanda, li l-qorti ta’ rinviju titlaq mill-premessa skont liema l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni wettqu żball billi ħarġu ċ-ċertifikat ta’ oriġini inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddetermina n-natura speċifika ta’ dan l-iżball, lanqas sa fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ esportazzjoni ġew ‑ jew setgħu ġew ‑ żvijati sabiex iwettqu żball minħabba d-dikjarazzjoni mhux eżatta tal-esportatur.

31      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, iċ-ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” inkorrett inħareġ wara żball attribwibbli lill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni nnifishom jew wara dikjarazzjonijiet tal-esportatur, fejn l-ineżattezza ma ġietx ‑ u ma setgħetx tiġi ‑ identifikata minn dawn l-awtoritajiet.

32      Jekk jirriżulta li l-irregolarità li tivvizja ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” tirriżulta minn aġir illegali min-naħa tal-esportatur u li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ esportazzjoni ma setgħux, lanqas kellhom, jindunaw li l-merkanzija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jirċievu trattament preferenzjali, huwa l-importatur li jġorr il-konsegwenzi relatati mal-produzzjoni, matul kontroll ulterjuri, ta’ dokument kummerċjali li jintwera li huwa falz, b’tali mod li dan l-importatur ma jistax, f’ċirkustanzi bħal dawn, jopponi l-irkupru a posteriori tad-dazji doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, EU:C:1996:198, punt 92, u tal-14 ta’ Novembru 2002, Ilumitrónica, C‑251/00, EU:C:2002:655, punt 43).

33      Għalhekk, meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni jkunu wettqu żball bil-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” u li dan l-iżball jirriżulta mill-ineżattezza tal-informazzjoni pprovduta mill-esportatur lil dawn l-awtoritajiet, b’mod partikolari inkwantu għall-oriġini reali tal-ispejjeż jew valur tal-partijiet li jikkomponu l-merkanzija inkwistjoni, importatur ma jistax jinvoka aspettattiva leġittima, taħt din id-dispożizzjoni, sabiex jopponi għall-kunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji tal-importazzjoni, billi jeċepixxi l-bona fide tiegħu, sakemm ma huwiex evidenti li l-awtorijajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija kkonċernata ma kinitx tissodisfa l‑kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tibbenefika minn trattament preferenzjali, li huwa kompitu tal-qorti nazzjonali sabiex tivverifikah.

34      Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk importatur jistax jinvoka aspettattiva leġittima, taħt l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, sabiex jopponi l-kunsiderazzjoni a posteriori ta’ dazji tal-importazzjoni, billi jeċepixxi l-bona fide tiegħu, għalkemm huwa ma vverifikax iċ-ċirkustanzi li taw lok għall-ħruġ, mill-awtorijajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, taċ-ċertifikat ta’ oriġini “Formola A”, bħalma huma iċ-ċertifikati tal-partijiet li jikkomponu l-merkanzija jew l-attivitajiet tal-esportatur fil-manifattura ta’ dawn tal-aħħar.

35      Din il-kwistjoni tirrigwarda, iktar speċifikament, id-diliġenza li importatur jrid juri sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala in bona fide, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li anki jekk, f’dan il-każ, żball kellu jkun attribwibbli għall-aġir attiv tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, xorta waħda jista’ jkollu, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari, jekk jirrigwarda żball ta’ natura li ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna taxxabbli in bona fide, minkejja l-esperjenza professjonali tagħha u d-diliġenza mistennija minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Ilumitrónica, C‑251/00, EU:C:2002:655, punt 38).

37      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-operaturi ekonomiċi, peress li huma stess għandhom dubji dwar l-applikazzjoni eżatta tad-dispożizzjonijiet li bin-nuqqas ta’ implementazzjoni tagħhom jistgħu jwasslu għal dejn doganali jew inkwantu għad-definizzjoni tal-oriġini tal-merkanzija, li jiksbu informazzjoni u li jfittxu l-kjarifiki kollha possibbli sabiex jivverifikaw jekk dawn id-dubji humiex iġġustifikati (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, EU:C:1996:198, punt 100, u tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C‑48/98, EU:C:1999:548, punt 58).

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li huma l-operaturi ekonomiċi li għandhom jadottaw, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom, il-miżuri neċessarji sabiex jipproteġu rwieħhom kontra r-riskju ta’ azzjoni ta’ rkurpu a posteriori, u li tali prevenzjoni tista’, b’mod partikolari, tikkonsisti fil-fatt, għall-persuna taxxabbli, li tikseb mill-parti kontraenti l-oħra, matul jew wara l-konklużjoni tal-kuntratt, il-provi kollha li jikkonfermaw li l-merkanzija ġejja mill-Istat benefiċjarju tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati, inklużi dokumenti li jistabbilixxu din l-oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Lagura Vermögensverwaltung, C‑438/11, EU:C:2012:703, punti 30 u 31).

39      Dan madankollu ma jfissirx li hemm obbligu ġenerali fuq l-importatur li jivverifika, b’mod sistematiku, iċ-ċirkustanzi tal-ħruġ, mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A”, inklużi l‑attivitajiet tal-esportatur fil-manifattura tal-merkanzija. Dan l-obbligu jaqa’ fuq l-importatur biss jekk ikun hemm raġunijiet manifesti sabiex tiġi ddubitata l-eżattezza ta’ ċertifikat ta’ oriġini. F’dan il-każ, jekk huwa madankollu naqas milli jinvestiga, sa fejn ikun possibbli, iċ-ċirkustanzi tal-ħruġ taċ-ċertifikat li jivverifika jekk l-imsemmija dubji kienu ġġustifikati, għandu jiġi kkunsidrat li l-iżball manifest imwettaq mill-awtoritajiet doganali tal-Istat esportatur seta’ jew kellu jinduna bih l-importatur, b’tali mod li ma jistax jinvoka il-bona fide tiegħu taħt l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali.

40      Tali obbligu ġenerali fuq l-importatur lanqas ma jista’ jiġi dedott mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, skont liema, sabiex tkun tista’ tinvoka il-bona fide tagħha, persuna taxxabbli għandha turi li “matul il-perijodu taż-żmien ta’ l-operati msemmija tan-negozju tagħha, ħadet il-kura mistħoqqa sabiex tiżgura illi ġew imwettqa l-kondizzjonijiet kollha tat-trattament preferenzjali”.

41      Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat, fit-tielet lok, jekk min jiddikjara pprovdiex lill-awtoritajiet doganali l-informazzjoni kollha neċessarja prevista mid-dritt tal-Unjoni u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, jekk ikun il-każ, għandhom jikkompletawhom jew jittrasponuhom, fir-rigward tat-trattament fiskali mitlub mill-merkanzija kkonċernata (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, EU:C:1996:198, punt 108 u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punt 33).

42      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, skont il-provi kollha konkreti tal-kawża prinċipali, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, kif imfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza u speċifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din tal-aħħar, huma, f’dan il-każ, issodisfatti, b’tali mod li l-importatur inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jibbaża ruħu fuq aspettativa leġittima, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punt 34).

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li importatur ma jistax jinvoka aspettativa leġittima, skont din id-dispożizzjoni, sabiex jopponi l-kunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni, billi jeċepixxi l-bona fide tiegħu, ħlief jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Jeħtieġ, qabel kollox, li dawn id-dazji ma jkunux inġabru b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nnifishom, sussegwentement, li dan l-iżball huwa ta’ natura tali li ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna taxabbli li taġixxi in bona fide u, fl-aħħar nett, li din tal-aħħar osservat id-dispożizzjonijiet kollha fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha. Tali aspettattiva leġittima tkun nieqsa, b’mod partikolari, meta minkejja li hemm raġunijiet manifesti sabiex tiġi ddubitata l-eżattezza ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A”, importatur ikun naqas milli jinvestiga, sa fejn ikun possibbli, iċ-ċirkustanzi tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat sabiex jivverifika jekk dawn id-dubji kinux iġġustifikati. Madankollu tali obbligu ma jfissirx li hemm obbligu fuq l-importatur, b’mod ġenerali, li jivverifika, b’mod sistematiku, iċ-ċirkustanzi tal-ħruġ, mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, skont il-provi konkreti kollha tal-kawża prinċipali, jekk dawn it-tliet kundizzjonijiet humiex issodisfatti f’dan il-każ.

 Fuq it-tieni domanda

44      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jistax jiġi dedott biss mill-informazzjoni li tinsab fir-rapport tal-OLAF li importatur ma jkunx intitolat milli jinvoka aspettattiva leġittima, skont din id-dispożizzjoni, sabiex jopponi l-kunsiderazzjoni a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni, jew jekk l-awtoritajiet doganali kompetenti għandhomx jiksbu provi addizzjonali relatati mal-aġir tal-esportatur.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk importatur jistax, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, jopponi l-irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni, għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-tliet kundizzjonijiet kumulattivi għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, iddikjarati fil-punt 24 ta’ din is-sentenza u fejn il-portata ġiet speċifikata fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, skont l-elementi fattwali konkreti kollha tal-każ.

46      Fir-rigward, b’mod partikolari tal-aġir tal-esportatur, jirriżulta mill-punti 27 sa 32 ta’ din is-sentenza li importatur ma jistax jinvoka tali aspettattiva leġittima u, bħala tali, jevita rkupru a posteriori tad-dazji doganali, jekk il-ħruġ, mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” inkorrett huwa attribwibbli għall-aġir tal-esportatur (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Afasia Knits Deutschland, C‑409/10, EU:C:2011:843, punt 54).

47      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova f’dan il-qasam, huwa l-kompitu, bħala prinċipju, tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni li biħsiebhom iwettqu rkupru a posteriori ta’ dazji tad-dwana, sabiex jipproduċu l-prova li l-ħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” inkorrett huwa attribwibbli għall-preżentazzjoni mhux eżatta tal-fatti mill-esportatur. Madankollu, meta, b’mod partikolari wara negliġenza attribwibbli biss lill-esportatur, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jinsabu fl-impossibbiltà li jipproduċu l-imsemmija prova, huwa l-kompitu, skont il-każ, tal-importatur li jipprova li l-imsemmi ċertifikat ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, EU:C:2006:162, punti 39 u 46, u tat-8 ta’ Novembru 2012, Lagura Vermögensverwaltung, C‑438/11, EU:C:2012:703, punt 41).

48      F’dan ir-rigward, sakemm ikun fih l-elementi rilevanti għal dak il-għan, rapport tal-OLAF jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet li għalihom importatur jista jinvoka aspettattivi leġittimi, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, humiex sodisfatti.

49      Madankollu, sa fejn tali rapport ma jkunx fih, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, deskrizzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni inkwistjoni, huwa ma jistax, waħdu, ikun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti minn kull lat, b’mod partikolari fir-rigward tal-aġir rilevanti tal-esportatur.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi dedott mill-informazzjoni li tinsab fir-rapport tal-OLAF li importatur ma jkunx intitolat milli jinvoka aspettattiva leġittima, skont din id-dispożizzjoni, sabiex jopponi l-kunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni. Madankollu, sa fejn tali rapport ma jkunx fih deskrizzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni inkwistjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, huwa ma jistax, waħdu, ikun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex effettivament issodisfatti minn kull lat, b’mod partikolari fir-rigward tal-aġir rilevanti tal-esportatur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-kompitu, bħala prinċipju, tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni sabiex jipproduċu l-prova, permezz ta’ provi addizzjonali, li l-ħruġ, mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” inkorrett huwa attribwibbli għall-preżentazzjoni mhux eżatta tal-fatti mill-esportatur. Madankollu, meta, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jinsabu fl-impossibbiltà li jipproduċu l-imsemmija prova, huwa l-kompitu, skont il-każ, tal-importatur li jipprova li l-imsemmi ċertifikat ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li importatur ma jistax jinvoka aspettativa leġittima, skont din id-dispożizzjoni, sabiex jopponi l-kunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni, billi jeċepixxi l-bona fide tiegħu, ħlief jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Jeħtieġ, qabel kollox, li dawn id-dazji ma jkunux inġabru b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nnifishom, sussegwentement, li dan l-iżball huwa ta’ natura tali li ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna taxxabbli li taġixxi in bona fide u, fl-aħħar nett, li din tal-aħħar osservat id-dispożizzjonijiet kollha fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha. Tali aspettattiva leġittima tkun nieqsa, b’mod partikolari, meta minkejja li hemm raġunijiet manifesti sabiex tiġi ddubitata l-eżattezza ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A”, importatur ikun naqas milli jinvestiga, sa fejn ikun possibbli, iċ-ċirkustanzi tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat sabiex jivverifika jekk dawn id-dubji kinux iġġustifikati. Madankollu tali obbligu ma jfissirx li hemm obbligu fuq l-importatur, b’mod ġenerali, li jivverifika, b’mod sistematiku, iċ-ċirkustanzi tal-ħruġ, mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, skont il-provi konkreti kollha tal-kawża prinċipali, jekk dawn it-tliet kundizzjonijiet humiex issodisfatti f’dan il-każ.

2)      L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi dedott mill-informazzjoni li tinsab fir-rapport tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) li importatur ma jkunx intitolat milli jinvoka aspettattiva leġittima, skont din id-dispożizzjoni, sabiex jopponi l-kunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni. Madankollu, sa fejn tali rapport ma jkunx fih deskrizzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni inkwistjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, huwa ma jistax, waħdu, ikun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex effettivament issodisfatti minn kull lat, b’mod partikoilari fir-rigward tal-aġir rilevanti tal-esportatur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-kompitu, bħala prinċipju, tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni sabiex jipproduċu l-prova, permezz ta’ provi addizzjonali, li l-ħruġ, mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” inkorrett huwa attribwibbli għall-preżentazzjoni mhux eżatta tal-fatti mill-esportatur. Madankollu, meta, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jinsabu fl-impossibbiltà li jipproduċu l-imsemmija prova, huwa l-kompitu, skont il-każ, tal-importatur li jipprova li l-imsemmi ċertifikat ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Latvjan