Language of document : ECLI:EU:C:2011:798

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Diċembru 2011(*)

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili –Regolament (KE) Nru 44/2001 – Il-punt 1 tal-Artikolu 6 – Numru ta’ konvenuti – Direttiva 93/98/KEE – Artikolu 6 – Protezzjoni ta’ ritratti – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 2 – Riproduzzjoni – Użu ta’ ritratt ta’ persuna bħala mudell biex jiġi stabbilit identikit – Artikolu 5(3)(d) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal kwotazzjonijiet – Artikolu 5(3)(e) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika – Artikolu 5(5)”

Fil-Kawża C‑145/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Handelsgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura

Eva-Maria Painer

vs

Standard VerlagsGmbH,

Axel Springer AG,

Süddeutsche Zeitung GmbH,

Spiegel-Verlag Rudolf Augstein GmbH & Co KG,

Verlag M. DuMont Schauberg Expedition der Kölnischen Zeitung GmbH & Co KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), E. Juhász, G. Arestis, u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Painer, minn G. Zanger, avukat,

–        għal Standard VerlagsGmbH, minn M. Windhager, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ April 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) kif ukoll l-Artikolu 5(3)(d) u (e) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn E. Painer, fotografa indipendenti, u ħames pubblikaturi tal-istampa, jiġifieri Standard VerlagsGmbH (iktar ’il quddiem “Standard”), Axel Springer AG (iktar ’il quddiem “Axel Springer”), Süddeutsche Zeitung GmbH, Spiegel‑Verlag Rudolf Augstein GmbH & Co KG u Verlag M. DuMont Schauberg Expedition der Kölnischen Zeitung GmbH & Co KG, dwar l-użu minn dawn tal-aħħar ta’ ritratti ta’ Natascha K.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Ftehim fuq l-Aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-Kummerċ tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali, li jinsab fl-Anness 1C tal-Ftehim li jwaqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODM), iffirmat f’Marrakesch, fil-15 ta’ April 1994, ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 81).

4        L-Artikolu 9(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ jipprovdi:

“Il-Membri għandhom iħarsu lejn l-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berne [għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”)] u l-Appendiċi tal-imsemmija konvenzjoni. Madankollu, il-Membri ma għandhomx ikollhom id-drittijiet jew l-obbligi taħt dan il-ftehim f’dak li jikkonċerna d-drittijiet mogħtija taħt l-Artiklu 6a ta’ din il-konvenzjoni jew id-drittijiet li jirriżultaw minnha [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

5        Skont l-ewwel paragrafu tat-tieni Artikolu tal-Konvenzjoni ta’ Berne:

“Il-frażi ‘xogħlijiet letterarji u artistiċi’ jinkludu kull produzzjoni fil-qasam litterarju, xjentifiku jew artistiku, indipendentement mill-metodu jew mill-forma ta’ espressjoni, bħal kotba, fuljetti u kitbiet oħra; il-konferenzi, diskorsi, seminarji u xogħlijiet tal-istess natura, ix-xogħlijiet drammatiċi jew dramatiko-mużikali; ix-xogħlijiet koreografiċi u l-pantomimi, il-kompożizzjonijiet mużikali bi jew mingħajr kliem; ix-xogħlijiet ċinematografiċi, li huma inklużi magħhom ix-xogħlijiet espressi bi proċedura simili għaċ-ċinematografika, ix-xogħlijiet ta’ disinn, tpinġija, arkitettura, skultura, tinqix, litografija; ix-xogħlijiet fotografikċi li huma inklużi magħhom ix-xogħlijiet espressi bi proċedura simili għall-fotografija; ix-xogħlijiet tal-arti applikata, l-illustrazzjonijiet, il-mapep ġeografiċi; il-pjanti, skeċċ u xogħlijiet ta’ mudelli tal-plastik relatati mal-ġeografija, mat-topografija, mal-arkitettura jew max-xjenzi [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta’ Berne jistipola:

“Huma permessi l-kwotazzjonijiet meħuda minn xogħol li diġà jkun aċċessibbli għall-pubbliku b’mod legali, sakemm dawn ikunu konformi mal-użu tajjeb u safejn huma ġġustifikati sabiex jintlaħaq l-għan intiż, inkluż il-kwotazzjonijiet tal-artikli ta’ ġurnali u rivisti fil-forma ta’ rivisti stampati [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

7        Skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berne:

“L-awturi ta’ xogħlijiet litterarji jew artistiċi jibbenefikaw mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw l-adattamenti, arranġamenti u trasformazzjonijiet oħra tax-xogħlijiet tagħhom [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

8        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37(c) tal-Konvenzjoni ta’ Berne:

“F’każ ta’ kotenstazzjoni dwar l-interpretazzjoni tat-testi differenti, għandu jipprevali t-test Franċiż.”

9        L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Ġinevra, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi kif ukoll it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur. Dawn iż-żewġ trattati kienu ġew approvati f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

10      It-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur jipprovdi, fl-Artikolu 1(4) tiegħu, li l-partijiet kontraenti għandhom jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 21 u mal-Anness tal-Konvenzjoni ta’ Berne.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 44/2001

11      Il-premesssi 11, 12 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. [...]

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[...]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. [...]”

12      Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

13      L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

14      Il-punt 1 tal-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali” jipprovdi:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

1)      meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

 Id-Direttiva 93/98/KEE

15      Id-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 141) tipprovdi fil-premessa 17 tagħha:

“[i]l-protezzjoni ta’ fotografiji fl-Istati Membri hija s-suġġett għal diversi kondizzjonijiet; […] sabiex tikseb armonizzazzjoni suffiċjenti tad-dewmien tal-protezzjoni ta’ xogħlijiet fotografiċi, b’mod partikolari ta’ dawk li, bħala riżultat tal-karattru artistiku u professjonali tagħhom, huma ta’ importanza fis-suq lokali, huwa meħtieġ li [jiġi definit] il-livell ta’ oriġinalità meħtieġ […] f’din id-Direttiva;[…] xogħol fotografiku skond it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berne għandu jkun ikkunsidrat oriġinali jekk huwa l-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur innifsu li jirrifletti l-personalità tiegħu, l-ebda kriterju ieħor bħala meritu jew skop ma jkun ikkunsidrat; […] [i]l-protezzjoni ta’ fotografiji oħra għandha titħalla għal-liġi nazzjonali.”

16      L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi għall-protezzjoni permezz tad-dritt tal-awtur ta’ xogħol letterarju jew artistiku, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berne għal tul il-ħajja tal-awtur ta’ dan ix-xogħol u għal 70 sena wara mewtu.

17      L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Fotografiji li huma oriġinali fis-sens li huma l-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur innifsu għandhom ikunu protetti skond l-Artikolu 1. L-ebda kriterji oħra m’għandhom ikunu applikati biex jistabbilixxu l-eliġibilità tagħhom għall-protezzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-protezzjoni ta’ fotografiji oħra.”

18      Id-Direttiva 93/98 ġiet abrogata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/116/KE, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (ĠU L 372, p. 12), li tikkodifikaha u tinkludi, essenzjalment, l-istess dispożizzjonijiet. Id-Direttiva 2006/116 daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar 2007.

19      Madankollu, il-kawża prinċipali tibqa’ rregolata, fid-dawl tad-data tal-fatti, mid-Direttiva 93/98.

 Id-Direttiva 2001/29

20      Il-premessi 6, 9, 21, 31, 32 u 42 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(6)      Mingħajr armonizzazzjoni f’livell ta’ Komunità, attivitajiet leġislattivi f’livell nazzjonali li diġà bdew f’għadd ta’ Stati Membri sabiex jirrispondu għall-isfidi jistgħu jirriżultaw f’differenzi sinifikanti fil-protezzjoni u b’hekk fir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ servizzi u prodotti li jinkorporaw, jew ikunu bażati fuq, proprjetà intellettwali, li twassal għal frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq intern u inkonsistenza leġislattiva. L-impatt ta’ dawn id-differenzi leġislattivi u inċertezzi jsir aktar sinjifikanti b’aktar żvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, li diġà żiedet ħafna l-isfruttament li jaqsam il-fruntieri ta’ proprjetà intellettwali. Dan l-iżvilupp qiegħed u għandu jikber aktar. Differenzi u inċertezzi legali sinifikanti dwar il-protezzjoni jistgħu jfixklu ekonomiji ta’ ċertu daqs għal prodotti u servizzi ġodda li jkunu jinkludu drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati

[...]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà

[...]

(21)      Din id-Direttiva għandha tiddefinixxi l-iskop ta’ l-atti regolati mid-dritt ta’ riproduzzjoni rigward il-benefiċjarji differenti. Dan għandu jsir b’konformità ma’ l-acquis communautaire. Tifsira wiesgħa ta’ dawn l-atti hija meħtieġa biex tisgura ċertezza legali ġewwa s-suq intern

[...]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. [...]

(32)      Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l-elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l-leġislazzjoni implimentattiva fil-futur.

[...]

(44)      Meta japplikaw l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom f’din id-Direttiva, huma għandhom ikunu eżerċitati skond l-obbligi internazzjonali. Dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati b’mod li jippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li jmorru kontra l-isfruttar normali tax-xogħol tiegħu jew ta’ suġġett ieħor. Id-disposizzjonijiet ta’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet mill-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jirriflettu kif inhu xieraq, l-impatt ekonomiku miżjud li dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jkollhom fil-kuntest ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Għalhekk, l-iskop ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet jista’ jkollu jkun aktar limitat meta jiġi għal ċertu użu ġdid ieħor ta’ xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett ieħor.”

21      L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, mingħajr enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.”

22      L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, dwar id-dritt ta’ riproduzzjoni jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[...]”

23      Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

24      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet” jipprovdi fil-paragrafu 3(d) u (e):

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[...]

d)      kwotazzjonijiet għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni, kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall-pubbliku, li, sakemm ma jkunx sar impossibbli, is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, u li l-użu tagħhom huwa skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku;

e)      użu għall-iskopijiet ta’ sigurtà pubblika jew biex jiżgura t-twettiq jew rappurtaġġ xieraq ta’ proċċdimenti amministrattivi, parlamentari jew ġudizzjarji;

[...]”

25      L-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Id-dritt nazzjonali

26      Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2001/29 ġew trasposti fl-ordinament ġuridiku Awstrijak permezz tal-Liġi Federali dwar id-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet litterarji u artistiċi u drittijiet relatati (Bundesgesetz über das Urheberrecht an Werken der Literatur und der Kunst und über verwandte Schutzrechte, Urheberrechtsgesetz).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      E. M. Painer ilha taħdem għal diversi snin bħala fotografa indipendenti u fost affarijiet oħra, tieħu ritratti ta’ tfal fil-kindergarten u fl-iskejjel tat-trabi. Fil-kuntest ta’ din l-attività tagħha, hija ħadet diversi ritratti ta’ Natascha K. fejn kienet iddisinjat l-isfond, iddeterminat il-poża u l-espressjoni tal-wiċċ, kif ukoll ħadet u żviluppat ir-ritratti (iktar ’il quddiem ir-“ritratti inkwistjoni”).

28      E. M. Painer ilha iktar minn 17-il sena tidentifika r-ritratti li tieħu f’isimha. Din l-identifikazzjoni saret b’diversi modi matul is-snin, permezz ta’ stikers u/jew permezz tal-intaljar fuq il-pokits u l-muntatura. Dawn l-indikazzjonijiet dejjem semmew l-isem u l-indirizz professjonali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

29      E. M. Painer biegħet ir-ritratti żviluppati minnha, iżda mingħajr ma tat lil terzi persuni drittijiet fuq dawn ir-ritratti u mingħajr ma tat il-kunsens tagħha għall-pubblikazzjoni tagħhom. Il-prezz li hija talbet għar-ritratti kien jikkorrispondi biss għall-prezz tar-ritratti.

30      Wara li Natascha K. inħatfet fl-1998 meta kellha 10 snin, l-awtoritajiet tas-sigurtà kompetenti ħarġu avviz ta’ tfittxija fejn intużaw ir-ritratti inkwistjoni.

31      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma edituri ta’ ġurnali. Hija biss Seule Standard li għandha s-sede tagħha fi Vjenna (l-Awstrija). Il-konvenuti l-oħra fil-kawża prinċipali għandhom s-sede tagħhom fil-Ġermanja.

32      Standard tippubblika l-ġurnal ta’ kuljum Der Standard li jitqassam fl-Awstrija. Süddeutsche Zeitung GmbH tippubblika l-ġurnal ta’ kuljum Süddeutsche Zeitung, li jitqassam fl-Awstrija u fil-Ġermanja. Spiegel-Verlag Rudolf Augstein GmbH & Co KG tippubblika l-ġurnal ta’ darba fil-ġimgħa fil-Ġermanja, Der Spiegel, li joħroġ ukoll fl-Awstrija. Verlag M. DuMont Schauberg Expedition der Kölnischen Zeitung GmbH & Co KG tippubblika ġurnal ta’ kuljum, Express, li huwa unikament ippubblikat fil-Ġermanja. Axel Springer jippubblika ġurnal ta’ kuljum, Bild, li l-edizzjoni nazzjonali tiegħu ma titqassamx fl-Awstrija. L-edizzjoni Monegaska ta’ dan il-ġurnal, min-naħa l-oħra, tidher ukoll fl-Awstrija. Axel Springer jippubblika, barra minn hekk, ġurnal ta’ kuljum ieħor, Die Welt, li huwa, dan ukoll, imqassam fl-Awstrija u juża wkoll siti ta’ informazzjoni fuq l-Internet.

33      Fl-2006, Natascha K. irnexxielha taħrab mill-persuna li ħatfitha.

34      Wara l-ħarba ta’ Natascha K., u qabel l-ewwel dehra pubblika tagħha, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppubblikaw ir-ritratti inkwistjoni f’ġurnali kif ukoll fuq is-siti tal-internet imsemmija iktar ’il fuq, mingħajr, madankollu, ma indikaw l-isem tal-persuna li kienet ħadithom jew ta’ persuna oħra differenti minn ta’ E. M. Painer bħala awtur.

35      Il-kopertura medjatika fid-diversi ġurnali u fuq is-siti internet kienet differenti fir-rigward tar-ritratt inkwistjoni magħżula u tat-test li kien hemm magħhom. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ddikkjaraw li rċevew ir-ritratti inkwistjoni mingħand aġenzija tal-istampa mingħajr ma kien jissemma l-isem ta’ E. M. Painer u mingħajr indikazzjoni ta’ isem ieħor differenti minn ta’ E. M. Painer bħala awtur tagħhom.

36      Uħud minn dawn il-ġurnali, barra minn hekk, ippubblikaw ritratt tal-persuna, li ġie maħdum b’mod informatiku bbażat fuq wieħed mir-ritratti inkwistjoni, li, peress li ma kienx jeżisti ritratt reċenti ta’ Natascha K sal-ewwel dehra pubblika tagħha, kien jirrappreżenta l-wiċċ li seta’ kellha Natascha K (iktar ’il quddiem l-“identikit inkwistjoni”).

37      Permezz ta’ taħrika quddiem il-Handelsgericht Wien, fl-10 ta’ April 2007, E. M. Painer talbet li jiġi kkonstatat li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jieqfu immedjatament milli jirriproduċu u/jew jiddistribwixxu mingħajr il-kunsens tagħha u mingħajr indikazzjoni ta’ isimha jew ta’ isem ħadd ieħor bħala awtur, ir-ritratti inkwistjoni kif ukoll l-identikit inkwistjoni.

38      Barra minn hekk E. M. Painer talbet li l-konvenuti jiġu kkundannati jippreżentaw il-kontijiet, għal ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa u għal kumpens għad-dannu subit.

39      Fl-istess waqt, E. M. Painer ressqet proċeduri għal miżuri provviżorji li diġà ġew deċiżi fl-aħħar istanza permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Awwissu 2009 tal-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema).

40      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kellhomx bżonn il-kunsens ta’ E. M. Painer sabiex jippubblikaw l-identikit inkwistjoni.

41      Skont din il-qorti, ir-ritratt inkwistjoni, li kien serva ta’ mudell għall-iżvilupp tal-identikit inkwistjoni, kien, ċertament, xogħol fotografiku protett mid-drittijiet tal-awtur. Madankollu, il-ħolqien u l-pubblikazzjoni tal-identikit ma kinux jikkostitwixxu adattament, li kellu bżonn il-kunsens ta’ E. M. Painer bħala l-awtriċi tax-xogħol fotografiku, iżda użu ħieles li seta’ jsir mingħajr il-kunsens tagħha.

42      Fil-fatt, il-kwalifika ta’ adattament jew ta’ użu ħieles tiddependi mill-attività tal-ħolqien espressa fil-mudell inizjali. Iktar kemm l-attività ta’ ħolqien tkun għolja, inqas ikun possibbli l-użu ħieles tal-mudell. Fir-rigward ta’ ritratti ta’ persuna, bħal ma huwa r-ritratt inkwistjoni, il-kreatur għandu biss possibbiltajiet żgħar ta’ krezzjoni artistika oriġinali. Għal din ir-raġuni, il-portata tal-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-awtur lil dan ir-ritratt hija limitata. Barra minn hekk, l-identikit inkwistjoni stabbilit abbażi ta’ dan ir-ritratt jikkostitwixxi xogħol ġdid, awtonomu u huwa hu stess protett mid-dritt tal-awtur.

43      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li jitressqu talbiet kontra diversi konvenuti minħabba ksur tad-dritt tal-awtur sostanzjalment identiku, ibbażati fuq bażijiet legali li jvarjaw fil-pajjiżi differenti, iżda li għandhom kontenut essenzjalment identiku − kif inhu l-każ għall-Istati Ewropej kollha fir-rigward tad-dritt li jinkiseb it-twaqqif tal-aġir inkwistjoni indipendentement minn kwalunkwe tort min-naħa tal-konvenut, id-dritt għal kumpens adegwat għal atti li jiksru d-dritt tal-awtur u d-dritt għad-danni minħabba l-użu illegali tax-xogħol − ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu u għalhekk li dawn it-talbiet ikunu evalwati u deċiżi fl-istess waq?

2)      a)     Fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 5(3)(d) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu mhijiex prekluża fil-każ li l-artikolu tal-istampa li jiċċita xogħol jew oġġett ieħor protett ma jkunx xogħol litterarju protett mid-dritt tal-awtur?

b)      Fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 5(3)(d) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu mhijiex prekluża fil-każ li ma jkunx indikat l-isem tal-awtur jew l-artist li jinterpreta x-xogħol jew l-oġġett ieħor protett?

3)      a)     Fid-dawl tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 5(3)(e) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu fl-interess tal-ġustizzja kriminali fil-kuntest tas-sigurtà pubblika jirrikjedi sejħa konkreta, attwali u espressa tal-awtoritajiet ta’ sigurtà li jippubblikaw ir-ritratt, jiġifieri li r-ritratt għandu jiġi ppubblikat għall-finijiet ta’ investigazzjoni fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet, u li jkun hemm ksur tad-dritt tal-awtur jekk dan ma jsirx?

b)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 3(a) iktar ’il fuq: jistgħu l-midja jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 anki fil-każ fejn dawn jiddeċiedu minn rajhom, mingħajr avviż ta’ tfittxija mill-awtoritajiet, li dawn ir-ritratti jkunu ppubblikati “fl-interess tas-sigurtà pubblika?

c)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(b) iktar ’il fuq: f’dan il-każ, huwa biżżejjed li l-medja tiddikjara a posteriori li r-ritratti jkunu ġew ippubblikati għall-finijiet ta’ investigazzjoni, jew, fi kwalunkwe każ, huwa meħtieġ li ssir sejħa konkreta lill-qarrejja, sabiex jintalbu jikkontribwixxu jagħtu dawl fuq ksur ta’ liġi kriminali u li din is-sejħa tkun direttament assoċjata mal-pubblikazzjoni tar-ritratt?

4)      Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), tal-20 Marzu 1952, u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 1(1) u 5(5) tad-Direttiva 2001/29/KE [meħuda flimkien] u l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berne għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt tal-awtur jagħti lil xogħlijiet fotografiċi u/jew lil ritratti, b’mod partikolari lil ritratti ta’ persuni, protezzjoni “inqas” jew saħansitra l-ebda protezzjoni, minħabba l-fatt li, fir-rigward tar-“ritratt realista”, dawn tal-aħħar għandhom potenzjal artistiku żgħir wisq?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

44      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkontestaw, għal diversi raġunijiet, l-ammissibbiltà kemm tat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll tad-diversi domandi preliminari.

45      Fl-ewwel lok, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli peress li, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma tatx spjegazzjonijiet biżżejjed dwar ir-raġunijiet li jġegħluha tiddubita dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, din il-qorti ma stabbilietx rabta biżżejjed bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali u dawk tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti ma kkwotatx id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt nazzjonali.

46      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, il‑ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni li tkun utli għall‑qorti nazzjonali teżiġi li dik il‑qorti tiddefinixxi l‑kuntest fattwali u leġiżlattiv tad‑domandi magħmula minnha jew li, minn tal‑inqas, tispjega s‑sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id‑domandi jew tal-anqas, tispjega l-ipoteżi fattwali li huma bbażati fuqhom dawn id-domandi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor, C‑134/03, Ġabra p. I‑1167, punt 22; tat-12 ta’ April 2005, Keller, C‑145/03, Ġabra p. I‑2529, punt 29, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 45).

47      Il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet ukoll fuq l-importanza tal-indikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tar-raġunijiet preċiżi li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tikkunsidra neċessarju li tressaq id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom u dwar il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2003, Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins, C‑318/00, Ġabra p. I‑905, punt 43, kif ukoll ABNA et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

48      F’dan il-każ, għandu jingħad li d-deċiżjoni tar-rinviju tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv nazzjonali li fih iridu jinqraw id-domandi li hija tagħmel. Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet li wassluha li tikkunsidra neċessarju li tagħmel id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn tikkunsidra l-opinjonijiet differenti difiżi mill-partijiet fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija mid-domandi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relevanti kif interpretati mill-Oberster Gerichtshof fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

49      Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista’ tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

50      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-eċċezzjoni mqajjma mill-konvenuti fil-kawża prinċipali dwar dan il-punt ma tistax titwarrab, u għalhekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

51      Fit-tieni lok, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jqisu, b’mod iktar partikolari, li l-ewwel domanda hija inammissibbli peress li l-qorti tar-rinviju ma tistax tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, huma biss il-qrati li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu appellati fid-dritt intern li jistgħu, skont l-artikolu 68(1) KE, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament. Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, li hija qorti tal-ewwel istanza, jistgħu jiġu appellati fid-dritt intern.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li r-Regolament Nru 44/2001, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwaru, ġie adottat abbażi tal-Artikolu 65 KE, li jaqa’ taħt it-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat KE.

53      Huwa minnu li skont l-Artikolu 68(1) KE, il-qrati tal-ewwel istanza ma għandhomx id-dritt li jressqu domandi preliminari meta jkun hemm inkwistjoni atti adottati fil-qasam tat-Titolu IV tat-Trattat KE.

54      Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fit-22 ta’ Marzu 2010, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona. Issa, mill-1 ta’ Diċembru 2009, data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan tal-aħħar, l-Artikolu 68 KE ġie abrogat. Dawn huma r-regoli ġenerali li jirregolaw it-talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE li japplikaw għad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ atti adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġuridika f’materji ċivili. Bħala konsegwenza, l-Artikolu 267 TFUE japplika wkoll fil-kuntest tat-talbiet dwar ir-Regolament Nru 44/2001.

55      Għaldaqstant, il-qrati, bħall-qorti tar-rinviju, jistgħu jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

57      Fit-tielet lok, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-domanda 2(a) hija irrelevanti u, għaldaqstant inammissibbli, minħabba li l-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx li l-artikli tal-istampa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex protetti mid-drittijiet tal-awtur.

58      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni li tkun ser tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir‑rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta tagħti deċiżjoni (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider, C‑380/01, Ġabra p. I‑1389, punt 21; tat-30 ta’ Ġunju 2005, Längst, C‑165/03, Ġabra p. I‑5637, punt 31, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2008, Kirtruna u Vigano, C‑313/07, Ġabra p. I‑7907, punt 26).

59      Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali ma hijiex possibbli ħlief meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 25; tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 22, kif ukoll Kirtruna u Vigano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

60      Issa, is-semplċi fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludiex konstatazzjoni formali li tgħid li l-artikli tal-istampa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex protetti mid-drittijiet tal-awtur ma huwiex ta’ natura li juri b’mod manifest li d-domanda 2(a) hija ipotetika jew mingħajr konnessjoni mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża.

61      Għaldaqstant, il-fatt li l-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx li l-artikli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex protetti mid-drittijiet tal-awtur, ma huwiex ta’ natura li jrendi d-domanda 2(a) inammissibbli.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda 2(a) għandha titqies bħala ammissibbli.

63      Fir-raba’ lok, id-domanda 2(b) hija, skont il-konvenuti fil-kawża prinċipali, inammissibbli wkoll peress li sa fejn ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, din ma tħalli l-ebda dubju raġonevoli.

64      Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi bl-ebda mod ma jipprojbixxu lil qorti nazzjonali li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari li, fl-opinjoni tal-konvenuti fil-kawżi prinċipali, ma tħalli l-ebda dubju raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, UGT-Rioja et, C‑428/06 sa C‑434/06, Ġabra p. I‑6747, punti 42 u 43).

65      B’hekk, anki fl-ipoteżi li r-risposta għad-domanda magħmula ma tħalli spazju għall-ebda dubju raġonevoli, din id-domanda madankollu ma ssirx ammissibbli.

66      F’dawn il-kundizzjonijiet, id-domanda 2(b) għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

67      Fil-ħames lok, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li r-raba’ domanda hija inammissibbli peress li hija wisq ġenerika u tirriżulta irrelevanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

68      Madankollu, din id-domanda ma taqa’ taħt l-ebda wieħed mill-każijiet imsemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza.

69      Fil-fatt, il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf jekk id-distinzjoni li saret mill-Oberster Gerichtshof, kif jirriżulta mill-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, bejn l-użu u riproduzzjoni libera ta’ ritratt ta’ persuna hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Issa, tali distinzjoni tiddipendi fuq l-eżistenza u/jew il-portata tal-protezzjoni mogħtija skont il-kriterji stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni għal tali għan.

70      Ir-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, sa fejn hija intiża preċiżament sabiex tiġi kkjarifikata l-eżistenza u/jew il-portata ta’ din il-protezzjoni, ma tistax, għalhekk, tiġi kkunsidrata li ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u lanqas li hija ta’ natura ipotetika.

71      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitqies li r-raba’ domanda hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

72      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il=-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li t-talbiet imressqa kontra diversi konvenuti, minħabba ksur tad-drittijiet tal-awtur sostanzjalment identiċi, ibbażati fuq bażi legali nazzjonali differenti skont l-Istati Membri jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

73      Ir-regola ta’ kompetenza msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li konvenut jista’ jiġi mfittex fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom ikun domiċiljat, sakemm it-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun iktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.

74      Din ir-regola speċjali, sa fejn tidderoga għall-kompetenza tal-prinċipju tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, hija ta’ interpretazzjoni stretta, u ma tippermettix interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Freeport, C‑98/06, Ġabra p. I‑8319, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regoli ta’ kompetenza għandu jkollhom grad għoli ta’ prevedibbiltà u jiġu stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-litigazzjoni jew tal-awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur konnettur differenti.

76      Mill-formulazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jirriżultax li l-fatt li l-bażijiet legali tat-talbiet imressqa kontra numru ta’ konvenuti jkunu identiċi huwa wieħed mill-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza Freeport, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

77      Fir-rigward tal-għan tagħha, ir-regola ta’ kompetenza stabbilita fil-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, minn naħa, tirrispondi, skont il-premessi 12 u 15 ta’ dan ir-regolament, għall-ħtieġa li tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li jiġu evitati għalhekk deċiżjonijiet li kienu jkunu irrikonċiljabbli kieku l-kawżi kienu deċiżi separatament.

78      Min-naħa l-oħra, din l-istess regola ma tistax tiġi interpretata b’mod li tippermetti lir-rikorrent iressaq talba kontra numru ta’ konvenuti bl-iskop waħdieni li jneħħi lil wieħed minn dawn il-konvenuti mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat fejn huwa domiċiljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis, 189/87, Ġabra p. 5565, punti 8 u 9, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et, C‑51/97, Ġabra p. I-6511, punt 47).

79      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sabiex deċiżjonijiet ikunu kkunsidrati bħala irrikonċiljabbli, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, ma huwiex biżżejjed li tkun teżisti diverġenza fis-soluzzjoni tal-kawża, iżda wkoll huwa meħtieġ li din id-diverġenza tkun taqa’ fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi (ara s-sentenza Freeport, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

80      Issa, fl-applikazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn id-diversi talbiet, jiġifieri tar-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli jekk l-imsemmija talbiet jiġu deċiżi separatament, l-identità tal-bażijiet legali tal-azzjonijiet ippreżentati hija sempliċement fattur relevanti fost oħrajn. Ma hijiex kundizzjoni indispensabbli għall-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Freeport, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

81      Għalhekk, differenza fil-bażijiet legali bejn l-azzjonijiet ippreżentati kontra d-diversi konvenuti ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, ostaklu għall-applikazzjoni tal- punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, sakemm madankollu kien prevedibbli għall-konvenuti li kellhom ir-riskju li jiġu mfittxija fl-Istat Membru fejn tal-anqas wieħed minnhom għandu d-domiċilju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Freeport, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

82      Dan huwa l-każ meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jkunu bbażati fuqhom l-azzjonijiet ippreżentati kontra d-diversi konvenuti, skont il-qorti tar-rinviju, ikunu essenzjalment identiċi.

83      Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fir-rigward tal-elementi kollha tal-proċess, l-eżistenza tar-rabta ta’ konnessjoni bejn id-diversi talbiet mressqa quddiemha, jiġifieri tar-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli li kieku t-talbiet jiġu deċiżi separatament. F’dan il-kuntest, il-fatt li l-konvenuti li l-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur jakkuża bi ksur sostanzjalment identiku tad-drittijiet tiegħu, ikunu jew ma jkunux aġixxew b’mod indipendenti jista’ jkun rilevanti.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li t-talbiet imressqa kontra diversi konvenuti, minħabba ksur ta’ drittijiet tal-awtur sostanzjalment identiċi, ikunu bbażati fuq bażijiet legali nazzjonali li jkunu differenti skont l-Istati Membri ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Hija l-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess, li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli jekk it-talbiet jiġu deċiżi separatament.

 Fuq ir-raba’ domanda

85      Ir-raba’ domanda, li jaqbel li tiġi ttrattata fit-tieni lok, saret mill-qorti tar-rinviju sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-pożizzjoni fejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kellhomx bżonn tal-kunsens ta’ E. M. Painer sabiex jippubblikaw l-identikit inkwistjoni li sar minn ritratt ta’ persuna, peress li l-portata tal-protezzjoni mogħtija lil tali ritratt kienet ristretta, jew anki ineżistenti, minħabba l-possibbiltajiet ta’ kreazzjoni limitati li dan it-tip ta’ ritratt jippermetti.

86      Għalhekk, id-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża sabiex jiġi magħruf, essenzjalment jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 għandux jiġi interpretat fis-sens li ritratt ta’ persuna jistax, skont din id-dispożizzjoni, ikun protett mid-drittijiet tal-awtur, u, fl-affermattiv, jekk, minħabba l-possibbiltajiet ta’ kreazzjoni artistika allegatament limitati ħafna li dawn ir-ritratti jistgħu joffru, din il-protezzjoni b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-reġim tar-riproduzzjoni tax-xogħol previst fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, hijiex inferjuri għal dik li jgawdu minnha xogħlijiet oħra, b’mod partikolari dawk fotografiċi.

87      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni jekk ir-ritratti realistiċi, b’mod partikolari r-ritratti ta’ persuna, jibbenefikawx mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98, għandu jiġi rrelevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009 Infopaq International (C‑5/08, Ġabra p. I‑6569, punt 35), li d-drittijiet tal-awtur japplikaw biss f’relazzjoni ma’ oġġett, bħal ritratt, li huwa oriġinali fis-sens li huwa kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu.

88      Kif jirriżulta mill-premessa 17, kreazzjoni intellettwali hija tal-awtur innifsu jekk tkun tirrifletti l-personalità tiegħu.

89      Issa, dan huwa l-każ jekk l-awtur seta’ jesprimi l-kapaċitajiet kreattivi tiegħu fil-ħolqien tax-xogħol billi jagħmel għażliet liberi u kreattivi (ara, kuntrarjament, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C-429/08, Ġabra p. I‑0000, punt 98).

90      Fir-rigward ta’ ritratt ta’ persuna, għandu jiġi rrelevat li l-awtur jista’ jagħmel l-għażliet liberi u kreattivi tiegħu f’diversi modi u f’mumenti differenti tal-ħolqien tagħhom.

91      Fl-istadju tal-fażi preparatorja, l-awtur jista’ jagħżel ix-xena, il-poża tal-persuna ta’ min se jieħu r-ritratt jew id-dawl. Waqt li jkun qed jieħu r-ritratti ta’ persuna, jista’ jagħżel l-inkwadratura, l-angolu jew ukoll l-atomosfera maħluqa. Fl-aħħar nett, fl-iżviluppar tan-negattiva, l-awtur jista’ jagħżel fost diversi tekniki ta’ żvilupp li jeżistu dik li jkun jixtieq jadotta, jew inkella, skont il-każ, juża software.

92      Permezz ta’ dawn l-għażliet differenti, l-awtur ta’ ritratt ta’ persuna għalhekk huwa f’pożizzjoni li jħalli l-“l-irtokk personali” tiegħu fuq ix-xogħol maħluq.

93      Konsegwentement, fir-rigward ta’ ritratt ta’ persuna, il-marġni li għandu l-awtur sabiex jeżerċita l-kapaċitajiet kreattivi tiegħu ma huwiex neċessarjament inqas, jew ineżistenti.

94      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi kkunsidrat li ritratt ta’ persuna jista’, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98, jiġi protett mid-drittijiet tal-awtur fuq il-kundizzjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika f’kull każ li jkollha quddiemha, li tali ritratt ikun kreazzjoni intellettwali tal-awtur li tirrifletti l-personalità ta’ dan tal-aħħar u li hija mmanifestata bl-għażla ħielsa u kreattiva tiegħu waqt il-ħolqien ta’ dawn ir-ritratti.

95      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk tali protezzjoni hijiex inferjuri għal dik li jibbenefikaw minnha xogħlijiet oħra, b’mod partikolari x-xogħlijiet fotografiċi l-oħra, għandu immedjatament jiġi rrilevat li l-awtur ta’ xogħol protett jibbenefika b’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, mid-dritt esklużiv li jawtorizza jew jipprojbixxi r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, provviżorja jew permanenti tiegħu, bi kwalunkwe mezz u taħt liema forma tkun, kemm jekk tkun totali jew parzjali.

96      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni għandu jkollha portata wiesgħa (ara s-sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

97      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda element fid-Direttiva 2001/29 jew f’direttivi oħra applikabbli fil-qasam ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-estensjoni ta’ tali protezzjoni hija riżultat ta’ eventwali differenzi fil-possibbilitajiet ta’ kreazzjoni artistika, fil-ħolqien ta’ diversi kategoriji ta’ xogħlijiet.

98      Għalhekk, fir-rigward ta’ ritratti ta’ persuna, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 ma tistax tkun inferjuri għal dik li jibbenefikaw minnha xogħlijiet oħra, inkluż ix-xogħlijiet fotografiċi l-oħra.

99      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/98 għandu jiġi interpretat fis-sens li ritratt ta’ persuna jista’, skont din id-dispożizzjoni, jiġi protett mid-dritt tal-awtur, fuq il-kundizzjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika f’kull każ li jkollha quddiemha, li tkun kreazzjoni intellettwali tal-awtur li tirrifletti l-personalità ta’ dan tal-aħħar u li timmanifesta ruħha mill-għażliet liberi u kreattivi tiegħu waqt il-ħolqien ta’ dan ir-ritratt. Ladarba jiġi vverifikat li r-ritratt ta’ persuna inkwistjoni għandu l-kwalità ta’ xogħol, il-protezzjoni tiegħu ma hijiex inqas minn dik li jibbenefika minnha kull xogħol ieħor, inkluż dak fotografiku.

 Fuq it-tielet domanda (a) u (b)

100    Permezz tat-tielet domanda (a) u (b) il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża bħal dik prinċipali, l-applikazzjonijiet tiegħu teħtieġ sejħa konkreta, attwali u espressa, mill-awtoritajiet ta’ sigurtà, għall-pubblikazzjoni għall-finijiet ta’ investigazzjoni ritratt u, fl-ipoteżi fejn tali kundizzjoni ma hijiex meħtieġa, jekk il-mezzi ta’ komunikazzjoni jistgħux jibbenefikaw minn din id-dispożizzjoni fil-każ fejn jiddeċiedu fuq inizjattiva proprja tagħhom, mingħajr avviż ta’ tiftix tal-awtoritajiet, li ritratt huwa ppubblikat fl-interess tas-sigurtà pubblika.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ma jistabbilixxux iċ-ċirkustanzi fejn huwa possibbli li jiġi invokat interess ta’ sigurtà pubblika għall-użu ta’ xogħol protett, b’mod li l-Istati Membri li jiddeċiedu li jipprovdu tali eċċezzjoni għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, Ġabra p. I‑0000, punt 23).

102    Fil-fatt, tali marġni ta’ diskrezzjoni huwa, minn naħa, konformi mal-kunċett li kull Stat Membru jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddetermina, skont il-bżonnijiet tiegħu, ir-rekwiżiti ta’ sigurtà pubblika, fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet storiċi, ekonomiċi, ġuridiċi jew soċjali partikolari għalih (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki, C‑213/07, Ġabra p. I‑9999, punt 56).

103    Min-naħa l-oħra, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li fin-nuqqas ta’ kriterji biżżejjed preċiżi f’direttiva sabiex jiġu limitati l-obbligi li jirriżultaw minnha, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw, fuq it-territorju tagħhom, il-kriterji l-iktar rilevanti sabiex din tiġi osservata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, SENA, C‑245/00, Ġabra p. I‑1251, punt 34, u tas-16 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑433/02, Ġabra p. I‑12191, punt 19).

104    Minkejja dan, il-marġni ta’ diskrezzjoni li jibbenefikaw minnu l-Istati Membri meta jużaw l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi eżerċitat fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni.

105    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li hija ġurisprudenza stabbilita li, meta huma jadottaw miżuri ta’ implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-awtoritajiet nazzjonali huma marbuta jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom filwaqt li josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2002, Mulligan et, C‑313/99, Ġabra p. I‑5719, punti 35 u 36; tal-25 ta’ Marzu 2004, Cooperativa Lattepiú et, C‑231/00, C-303/00 u C‑451/00, Ġabra p. I‑2869, punt 57, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2006, Slob, C‑496/04, Ġabra p. I‑8257, punt 41).

106    Skont dan il-prinċipju, il-miżuri li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jadottaw għandhom ikunu tali li jistgħu jilħqu l-għan intiż u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André, C‑434/02, Ġabra p. I‑11825, punt 45; Swedish Match, C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 47, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

107    It-tieni nett, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri ma jistax jintuża b’mod li jikkomprometti l-għan prinċipali tad-Direttiva 2001/29 li, kif jirriżulta mill-premessa 9 tagħha, huwa dak li jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni favur, b’mod partikolari, awturi, li huwa essenzjali għall-kreazzjoni intellettwali.

108    It-tielet nett, l-eżerċizzju tal-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni għandu josserva l-eżiġenza ta’ ċertezza legali għall-awturi f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tax-xogħlijiet tagħhom, imsemmi fil-premessi 4, 6, u 21 tad-Direttiva 2001/29. Tali eżiġenza teħtieġ li l-użu ta’ xogħol protett, għall-finijiet ta’ sigurtà pubblika, ma jkunx jiddependi minn intervent diskrezzjonali tal-utent tax-xogħol protett stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

109    Ir-raba’ nett, l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29, sa fejn jikkostitwixxi deroga għall-prinċipju ġenerali jistabbilixxi b’din l-istess direttiva, jiġifieri l-eżiġenza ta’ awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur għal kwalunkwe riproduzzjoni ta’ xogħol protett, għandu, skont ġurisprudenza stabbilita, ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Kapper, C‑476/01, Ġabra p. I‑5205, punt 72, u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑36/05, Ġabra p. I‑10313, punt 31).

110    Il-ħames nett, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri huwa limitat mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, li jissuġġetta l-ħolqien ta’ din l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(e) ta’ din id-direttiva għal kundizzjoni trippla, jiġifieri, l-ewwel nett, li din l-eċċezzjoni hija applikabbli biss f’każijiet speċjali, imbagħad, li din ma tippreġudikax l-isfruttament normali tax-xogħol u, finalment, li din ma tikkawżax dannu mingħajr raġuni lill-interessi leġittimi tal-proprjetarju tad-dritt tal-awtur.

111    Fid-dawl ta’ dawn l-eżiġenzi u preċiżazzjonijiet kollha invokati, ma jistax jiġi permess lill-mezzi ta’ komunikazzjoni, bħal, f’dan il-każ, editur tal-istampa, li jattribwixxi lilhom infushom il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika. Fil-fatt, huwa biss l-Istat, li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu għandhom il-mezzi xierqa u strutturi koordinati, li għandu jiġi kkunsidrat li huwa adegwat u responsabbli sabiex jiżgura t-twettieq ta’ tali għan ta’ interess ġenerali permezz ta’ miżuri adatti, inkluż, per eżempju, id-distribuzzjoni ta’ avviż ta’ tfittxija.

112    Tali editur ma jistax, għaldaqstant, juża, fuq l-inizjattiva proprja tiegħu, xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur billi jinvoka oġġettiv ta’ sigurtà pubblika.

113    Minkejja dan, fid-dawl tal-vokazzjoni tal-istampa, f’soċjetà demokratika u fi Stat ta’ liġi, li tinforma lill-pubbliku, mingħajr restrizzjonijiet ħlief għal dawk strettament neċessarji, ma jistax jiġi eskluż li editur tal-istampa jista’ jikkontribwixxi regolarment sabiex jintlaħaq għan ta’ sigurtà pubblika billi jippubblika ritratt ta’ persuna mfittxija. Madankollu, għandu jkun meħtieġ li din l-inizjattiva, minn naħa, tkun taqa’ fil-kuntest ta’ deċiżjoni meħuda jew azzjoni mmexxija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li tkun intiża sabiex tiżgura s-sigurtà pubblika u, min-naħa l-oħra, tkun meħuda bi ftehim u f’koordinazzjoni mal-imsemmija awtoritajiet, sabiex jiġi evitat ir-riskju li tmur kontra miżuri meħuda minn dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, sejħa konkreta, attwali u espressa li tkun ġejja mill-awtoritajiet ta’ sigurtà, sabiex jiġi ppubblikat ritratt, għall-finijiet ta’ investigazzjoni, ma hijiex neċessarja.

114    L-argument tal-partijiet, li jgħid li, f’isem il-libertà tal-istampa, il-mezzi għandhom ikunu jistgħu jużaw l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29, mingħajr avviż ta’ riċerka tal-awtoritajiet ta’ sigurtà, ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti. Fil-fatt, kif irrilevat l-avukat ġenerali, fil-punt 163 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-dispożizzjoni għandha s-sempliċi għan li tiżgura l-protezzjoni ta’ sigurtà pubblika u ma għandhiex l-għan li tibbilanċja l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-libertà tal-istampa.

115    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-libertà tal-istampa ma għandhiex l-għan li tiġi eżerċitata sabiex tipproteġi s-sigurtà pubblika, iżda huma l-eżiġenzi tal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika li huma suxxettibbli li jiġġustifikaw restrizzjoni għall-imsemmija libertà.

116    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għat-tielet domanda (a) u (b) għandha tkun li l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li mezz ta’ komunikazzjoni, bħal editur tal-istampa, ma jistax juża, fuq inizjattiva tiegħu stess, xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur billi jinvoka għan ta’ sigurtà pubblika. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li jista’ jikkontribwixxi f’każijiet speċifiċi sabiex jintlaħaq tali għan billi jippubblika ritratt ta’ persuna mfittxija. Għandu jkun meħtieġ li din l-inizjattiva, minn naħa, taqa’ fil-kuntest ta’ deċiżjoni meħuda jew ta’ azzjoni mmexxija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u intiża sabiex tiżgura s-sigurtà pubblika u, min-naħa l-oħra, tittieħed bi ftehim u f’koordinazzjoni mal-imsemmija awtoritajiet, sabiex jiġi evitat ir-riskju li tmur kontra miżuri meħuda minn dawn tal-aħħar, mingħajr ma tkun neċessarja għaldaqstant sejħa konkreta, attwali u espressa li tirriżulta mill-awtoritajiet ta’ sigurtà, li jiġi ppubblikat ritratt għall-finijiet ta’ investigazzjoni.

 Fuq it-tielet domanda (c)

117    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda (a) u (b), ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda (c).

 Fuq it-tieni domanda

 Osservazzjonijiet preliminari

118    Preliminarjament, għandu jiġi rrelevat li, permezz tat-tieni domanda (a) u (b), il-Qorti tal-Ġustizzja hija mwassla sabiex tinterpreta l-istess dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29.

119    Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jipprovdu għal eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni esklużiv tal-awtur tax-xogħol tiegħu, meta jkunu kwotazzjonijiet li jsiru, pereżempju, għall-finijiet ta’ kritika jew ta’ riċensjoni, sakemm ikunu jikkonċernaw xogħol jew oġġett ieħor protett li jkun diġà tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod legali, li jkun inkluż, sa fejn dan ma jkunx impossibbli, is-sors, inkluż l-isem tal-awtur, u li jsiru skont użu xieraq u skont kif inhu ġġustifikat mill-għan intiż.

120    L-imsemmija dispożizzjoni hija intiża għalhekk sabiex tevita li d-dritt ta’ riproduzzjoni esklużiv mogħti lill-awturi jkun jostakola, li jiġu ppubblikati fil-forma ta’ ċitazzjoni, estratti minn xogħol li jkun diġà għad-dispożizzjoni tal-pubbliku flimkien mal-kummentarji jew kritika.

121    Huwa paċifiku li x-xogħol invokat fil-kawża prinċipali huwa ritratt ta’ persuna ta’ Natascha K.

122    Issa, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-ipoteżi li tgħid li xogħol fotografiku jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29. Barra minn hekk, tali ipoteżi ma ġiet ikkonstatata la minn xi waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, la mill-Istati Membri li ressqu l-osservazzjonijiet, u lanqas mill-Kummissjoni Ewropea.

123    Huwa f’din il-perspettiva, mingħajr deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-imsemmija ipoteżi jew dwar il-kwistjoni jekk ir-ritratti inkwistjoni ntużawx effettivament bħala ċitazzjoni, li għandha tingħata r-risposta għat-tieni domanda (a) u (b).

124    Preliminarjament, għandu wkoll jiġi ppreċiżat is-sens tal-kunċett ta’ “sar disponibbli legalment għall-pubbliku” imsemmi fil-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29.

125    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 u l-ebda dispożizzjoni ta’ portata ġenerali tagħha ma tispjega kif għandha tinftiehem il-frażi bil-Franċiż “mise à la disposition du public” (“sar disponibbli legalment għall-pubbliku”). Barra minn hekk, dan il-kunċett huwa użat f’diversi kuntesti b’tifsiriet differenti, kif juri l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

126    F’dawn il-kundizzjonijiet, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tar-regoli applikabbli tad-dritt nazzjonali, u b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Berna (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punti 35, 40 u 41, kif ukoll Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 189) peress li, skont l-Artikolu 37 tagħha, il-verżjoni Franċiża tipprevali f’każ ta’ kontestazzjoni dwar l-interpretazzjoni tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi.

127    Issa, mit-test Franċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta’ Berne, li għandha kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae paragunabbli għal dak tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, li huma leċiti biss, taħt ċerti kundizzjonijiet, dawk il-kwotazzjonijiet meħuda minn xogħol diġà disponibbli legalment għall-pubbliku.

128    F’dawn il-kundizzjonijiet, bil-frażi bil-Franċiż “mise à la disposition du public d’une œuvre” (“sar disponibbli legalment għall-pubbliku”), fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, għandu jinftiehem li dan ix-xogħol isir aċċessibbli għall-pubbliku. Barra minn hekk din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mhux biss bl-espressjoni “made available to the public”, iżda wkoll bl-espressjoni “der Öffentlichkeit zugänglich gemacht” użati mingħajr distinzjoni fil-verżjoni Ingliża u dik Ġermaniża kemm tal-imsemmi Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

 Fuq it-tieni domanda (a)

129    Permezz tat-tieni domanda (a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li artiklu tal-istampa li jikkwota xogħol jew oġġett ieħor protett ma jkunx xogħol letterarju protett mid-drittijiet tal-awtur jostakolax l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

130    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 jelenka serje ta’ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu, li ma tinkludix il-ħtieġa li xogħol jew xi oġġett protett ieħor għandu jiġi kkwotat fil-kuntest ta’ xogħol litterarju protett mid-drittijiet tal-awtur.

131    Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-frażi “kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall-pubbliku”, li tinsab fl-imsemmi Artikolu 5(3)(d), tirreferi mingħajr dubju għax-xogħol jew l-oġġett ieħor protett suġġett tal-kwotazzjoni u mhux ix-xogħol li fih saret il-kwotazzjoni.

132    Fir-rigward tal-kuntest li jaqa’ fih l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 31 ta’ din id-direttiva, fl-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għandu jinżamm “bilanċ ġust” bejn id-drittijiet u l-interessi tal-awturi, minn naħa, u dawk tal-utenti ta’ oġġetti protetti min-naħa l-oħra.

133    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm huwa minnu li l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandhom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif imfakkra fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta sa fejn din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi deroga għar-regola ġenerali stabbilita minn din id-direttiva xorta jibqa’ l-fatt li l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tippermetti wkoll il-protezzjoni tal-effettività tal-eċċezzjoni hekk stabbilita u l-osservanza tal-għan tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 162 u 163).

134    Issa, l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 huwa intiż sabiex jintlaħaq bilanċ ġust bejn id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-utenti ta’ xogħol jew ta’ oġġett ieħor protett u d-dritt ta’ riproduzzjoni mogħti lill-awturi.

135    Dan il-bilanċ ġust huwa żgurat, f’dan il-każ, billi jiġi pprivileġġat l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-utenti meta mqabbel mal-interess tal-awtur li jkun jista’ jopponi r-riproduzzjoni ta’ estratti tax-xogħol tiegħu li jkun diġà disponibbli legalment għall-pubbliku, filwaqt li jiġi żgurat lil dan l-awtur id-dritt li jara, bħala prinċipju, ismu indikat.

136    F’din il-perspettiva bipolari, il-punt dwar jekk il-kwotazzjoni ssirx fil-fatt fil-kuntest ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur jew, kuntrarjament, fil-kuntest ta’ oġġett mhux protett minn tali dritt huwa irrilevanti.

137    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda (a) għandha tkun li l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li artiklu tal-istampa li jikkwota xogħol jew oġġett ieħor protett ma huwiex xogħol litterarju protett mid-drittijiet tal-awtur ma jostakolax l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda (b)

138    Permezz tat-tieni domanda (b), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-isem tal-awtur jew tal-artist interpretu ta’ xogħol jew ta’ oġġett ieħor protett li huma kkwotati ma jkunx indikat jipprekludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

139    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxu l-obbligu tal-prinċipju li jgħid li għandu jiġi indikat, f’każ ta’ kwotazzjoni, is-sors, inkluż l-isem tal-awtur, ħlief jekk dan ikun impossibbli, sakemm ix-xogħol jew l-oġġett l-ieħor protett li jkunu ġew ikkwotati jkunu diġà tqegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

140    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jiddikkjaraw, mingħajr iktar preċiżazzjonijiet, li rċevew ir-ritratti inkwistjoni mingħand aġenzija tal-istampa.

141    Issa, sa fejn ir-ritratti inkwistjoni ġew, qabel l-użu tagħhom mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, fil-pussess ta’ aġenzija tal-istampa, li tkun, sussegwentement, skont l-imsemmija konvenuti, għaddiethom lil dawn tal-aħħar, huwa leġittimu li jiġi preżunt li huwa wara tqegħid għad-dispożizzjoni legali li din l-aġenzija daħlet fil-pussess tal-imsemmija ritratti. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-isem tal-awtur tar-ritratti inkwistjoni ġie indikat f’din l-okkażjoni. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali indikazzjoni, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku inkwistjoni ma huwiex legali u, konsegwentement, l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 ma huwiex applikabbli.

142    Għalhekk, peress li l-awtur tar-ritratti inkwistjoni kien diġà ġie indikat, ma kienx impossibbli għall-utent sussegwenti ta’ dawn ir-ritratti li jindikah, skont l-obbligu previst fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29.

143    Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-kawża prinċipali għandha l-partikolarità li taqa’ fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, li fil-kuntest tagħha, wara l-qbid ta’ Natascha K, fl-1998, inħareġ mill-awtoritajiet ta’ sigurtà nazzjonali kompetenti, avviż ta’ riċerka, b’riproduzzjoni tar-ritratti inkwistjoni.

144    Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li l-awtoritajiet ta’ sigurtà nazzjonali kienu l-oriġini tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tar-ritratti inkwistjoni, li ntużaw ulterjorment mill-konvenuti fil-kawża prinċipali.

145    Issa, tali tqegħid għad-dispożizzjoni ma jirrikjedix, skont l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29, kuntrarjament għall-Artikolu 5(3)(d) tal-istess direttiva, l-indikazzjoni tal-isem tal-awtur.

146    Konsegwentement, l-omissjoni, mill-utent oriġinali, li għandu dritt jinvoka l-imsemmi Artikolu 5(3)(e), li jindika, fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xogħol protett, l-isem tal-awtur tiegħu, ma għandux effett fuq il-legalità ta’ dan l-att.

147    F’dan il-każ, fl-ipoteżi fejn ir-ritratti inkwistjoni kienu, skont l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29, l-oriġini tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-awtoritajiet ta’ sigurtà nazzjonali kompetenti u, fl-ipoteżi fejn, f’dan l-użu oriġinali legali, l-isem tal-awtur ma ġiex indikat, użu ulterjuri tal-istess ritratti mill-istampa ċertament kien jeħtieġ, bi qbil mal-Artikolu 5(3)(d) tal-istess direttiva, l-indikazzjoni tas-sors tagħhom, iżda mhux neċessarjament l-isem tal-awtur tagħhom.

148    Fil-fatt, peress li ma hijiex l-istampa li għandha tivverifika l-eżistenza tar-raġunijiet ta’ tali omissjoni, huwa impossibbli għaliha, f’tali sitwazzjoni, li tidentifika u/jew tindika l-isem tal-awtur u, għaldaqstant, għandha tiġi kkunsidrata eżenti mill-obbligu prinċipali li tindika l-isem tal-awtur.

149    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda (b) għandha tkun li l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-obbligu li s-sors, inkluż l-isem tal-awtur jew tal-artist interpretu, tax-xogħol jew tal-oġġett l-ieħor protett ikkwotat ikun indikat. Madankollu, jekk, skont l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29, dan l-isem ma jkunx ġie indikat, l-imsemmi obbligu għandu jiġi kkunsidrat bħala osservat jekk jiġi indikat biss is-sors.

 Fuq l-ispejjeż

150    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li t-talbiet imressqa kontra diversi konvenuti, minħabba ksur ta’ drittijiet tal-awtur sostanzjalment identiċi, ikunu bbażati fuq bażijiet legali nazzjonali li jkunu differenti skont l-Istati Membri ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Hija l-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess, li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli jekk it-talbiet jiġu deċiżi separatament.

2)      L-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti drittijiet relatati għandu jiġi interpretat fis-sens li ritratt ta’ persuna jista’, skont din id-dispożizzjoni, jiġi protett mid-dritt tal-awtur, fuq il-kundizzjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika f’kull każ li jkollha quddiemha, li tkun kreazzjoni intellettwali tal-awtur li tirrifletti l-personalità ta’ dan tal-aħħar u li timmanifesta ruħha mill-għażliet liberi u kreattivi tiegħu waqt il-ħolqien ta’ dan ir-ritratt. Ladarba jiġi vverifikat li r-ritratt ta’ persuna inkwistjoni għandu l-kwalità ta’ xogħol, il-protezzjoni tiegħu ma hijiex inqas minn dik li jibbenefika minnha kull xogħol ieħor, inkluż dak fotografiku

3)      L-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li mezz, bħal editur tal-istampa, ma jistax juża, fuq inizjattiva tiegħu stess, xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur billi jinvoka għan ta’ sigurtà pubblika. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li jista’ jikkontribwixxi regolarment sabiex jintlaħaq tali għan billi jippubblika ritratt ta’ persuna mfittxija. Għandu jkun meħtieġ li din l-inizjattiva, minn naħa, taqa’ fil-kuntest ta’ deċiżjoni meħuda jew ta’ azzjoni mmexxija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u intiża sabiex tiżgura s-sigurtà pubblika u, min-naħa l-oħra, tittieħed bi ftehim u f’koordinazzjoni mal-imsemmija awtoritajiet, sabiex jiġi evitat ir-riskju li tmur kontra miżuri meħuda minn dawn tal-aħħar, mingħajr ma tkun neċessarja għaldaqstant sejħa konkreta, attwali u espressa li tirriżulta mill-awtoritajiet ta’ sigurtà, li jiġi ppubblikat ritratt għall-finijiet ta’ investigazzjoni.

4)      L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li artiklu tal-istampa li jikkwota xogħol jew oġġett ieħor protett ma huwiex xogħol litterarju protett mid-drittijiet tal-awtur ma jostakolax l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni

5)      L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-obbligu li s-sors, inkluż l-isem tal-awtur jew tal-artist interpretu, tax-xogħol jew tal-oġġett l-ieħor protett ikkwotat ikun indikat. Madankollu, jekk, skont l-Artikolu 5(3)(e) tad-Direttiva 2001/29, dan l-isem ma jkunx ġie indikat, l-imsemmi obbligu għandu jiġi kkunsidrat bħala osservat jekk jiġi indikat biss is-sors.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.