Language of document : ECLI:EU:C:2012:541

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 (1)

Kawża C‑175/11

H. I. D.,

B. A.

vs

Refugee Applications Commissioner,

Refugee Appeals Tribunal,

Minister for Justice, Equality and Law Reform,

l-Irlanda,

Attorney General

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda)]

“Applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz biex jikseb l-istatus ta’ refuġjat — Proċedura nazzjonali li tapplika proċedura aċċellerata jew prijoritarja għall-eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati minn persuni li jappartjenu għal ċerta kategorija ddefinita fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini”





1.        F’din il-kawża, il-High Court (l-Irlanda) tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/85/KE (2) li tistabbilixxi qafas minimu għall-proċedura tal-għoti jew l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat. L-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 23(3) u (4), tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeżaminaw applikazzjoni għal ażil permezz ta’ proċedura prijoritarja jew aċċellerata. It-tieni waħda, l-Artikolu 39, tobbliga lill-Istati Membri jipprovdu għall-applikanti għal ażil dritt ta’ rimedju effettiv quddiem qorti kontra, b’mod partikolari, id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom għal ażil.

2.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma ċittadini Niġerjani, huma tal-fehma li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprekludu s-sistema tal-għoti u tal-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat stabbilita fl-Irlanda, sa fejn din is-sistema tipprovdi li l-Minister for Justice, Equality and Law Reform jista’ jiddeċiedi li ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet għal ażil, iddefiniti fuq il-bażi tan-nazzjonalità tal-applikant, għandhom ikunu suġġetti għal proċedura prijoritarja jew aċċellerata. Barra minn hekk, huma tal-fehma li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal (l-Irlanda) ma tagħtihomx garanzija ta’ dritt għal rimedju effettiv.

3.        Huwa għalhekk fuq dawn iż-żewġ punti li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nagħti r-raġunijiet għalfejn inqis li l-Artikolu 23(3) u (4) tad-Direttiva 2005/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jissuġġetta għal proċedura aċċellerata jew prijoritarja l-eżami ta’ ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet għal ażil iddefiniti fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant.

5.        Sussegwentement, ser nindika għalfejn, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti jista’ jiġi ppreżentat quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal u quddiem il-High Court.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

6.        Il-konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (3), daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 u ġiet issupplimentata mill-protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967.

7.        L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Genève jindika li l-Istati kontraenti għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni għar-refuġjati mingħajr ebda diskriminazzjoni abbażi tar-razza, tar-reliġjon jew tal-pajjiż ta’ oriġini.

B –    Id-dritt tal-Unjoni

8.        L-għan ewlieni tad-Direttiva 2005/85 huwa li jiġi stabbilit qafas minimu għall-proċedura tal-għoti u tal-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat (4) sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi li jeżistu bejn il-proċeduri ta’ eżami fl-Istati Membri.

9.        Din is-sistema komuni Ewropea tal-ażil hija bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u globali tal-Konvenzjoni ta’ Genève (5).

10.      Skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2005/85, din tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta. Barra minn hekk, il-premessa 9 ta’ din id-direttiva tindika li, fir-rigward tat-trattament tal-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, l-Istati Membri huma marbuta mill-obbligi li jirriżultaw mill-istrumenti tad-dritt internazzjonali li għalihom huma partijiet u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni.

11.      Il-premessa 27 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li, b’mod konformi ma’ prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ applikazzjoni għal ażil u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat għandhom ikunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. L-effikaċja tar-rimedju, ukoll f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-fatti rilevanti, tiddependi fuq is-sistema amministrattiva u ġudizzjarja ta’ kull Stat Membru fit-totalità tagħha.

12.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità determinanti li tkun inkarigata biex tipproċedi għal eżami xieraq tal-applikazzjonijiet għal ażil. Dik l-awtorità hija mifhuma bħala kull korp kważi ġudizzjarju jew amministrattiv ta’ Stat Membru, responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet għal ażil u kompetenti biex jieħu l-ewwel deċiżjoni dwar dawk l-applikazzjonijiet (6).

13.      L-eżami mwettaq mill-awtorità determinanti għandu jirrispetta ċertu numru ta’ prinċipji bażiċi u ta’ garanziji fundamentali.

14.      Għalhekk, l-Artikolu 8(2) tal-imsemmija Direttiva huwa fformulat skont kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-ażil jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dik il-fini, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

a)      l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u d-deċiżjonijiet jiġu meħuda individwalment, oġġettivament u imparzjalment;

b)      tiġi miksuba informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi varji, bħall-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR), rigward is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fil-pajjiżi ta’ origini ta’ l-applikanti għall-ażil u, fejn meħtieġ, f’pajjiżi li għaddew minnhom, u li tali informazzjoni issir disponibbli għall-persunal responsabbli mill-eżami ta’ l-applikazzjonijiet u mit-teħid ta' deċiżjonijiet;

ċ)      il-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet ikollu l-konoxxenza ta’ l-istandards relevanti applikabbli fil-qasam tal-liġi dwar l-ażil u dwar ir-rifuġjati.”

15.      Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2005/85 jipprovdu li d-deċiżjonijiet għandhom jiġu kkomunikati bil-miktub, li għandhom ikunu mmotivati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi meta l-applikazzjoni tiġi miċħuda u li l-possibbiltajiet ta’ rimedju kontra deċiżjoni negattiva għandhom jiġu kkomunikati wkoll bil-miktub.

16.      Bl-istess mod, l-applikanti għal ażil għandhom jibbenefikaw minn minimu ta’ garanziji, fosthom li jiġu infurmati b’lingwa li huma jifhmu, li jkollhom aċċess għal interpretu, li jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-UNHCR, li jiġu mgħarrfa bid-deċiżjoni meħuda fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għal ażil fi żmien raġonevoli jew li jiġu informati bir-riżultat tad-deċiżjoni meħuda (7). Għandhom ukoll il-possibbiltà li jkollhom intervista personali dwar l-applikazzjoni tagħhom għal ażil ma’ persuna kompetenti, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni mill-awtorità determinanti (8).

17.      Fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2005/85, bit-titolu “Proċeduri ta’ prim’istanza”, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2), li huwa ddedikat għall-proċedura ta’ eżami, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali proċedura tiġi konkluża mill-iktar fis, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

18.      L-Artikolu 23(3) ta’ din id-Direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jipprijoritizzaw jew jaċċeleraw kull eżami skond il-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II anke fejn l-applikazzjoni x’aktarx li jkollha bażi suffiċjenti jew fejn l-applikant ikollu bżonnijiet speċjali.”

19.      Din l-istess possibbiltà li tingħata prijorità lil proċedura ta’ eżami jew li jiġi deċiż li tiġi aċċellerata tista’ tintuża mill-Istati Membri f’sensiela ta’ ipoteżi elenkati fl-Artikolu 23(4)(a) sa (o) tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu li tiġi prijoritizzata jew aċċelerata proċedura ta’ eżami konformement mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II jekk:

a)      l-applikant, fil-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni tiegħu u fil-preżentazzjoni tal-fatti, qajjem biss kwistjonijiet li ma humiex relevanti jew li huma ta’ relevanza minima għall-eżami dwar jekk huwa jikkwalifikax jew le bħala refuġjat taħt id-Direttiva 2004/83/KE [(9)]; jew

b)      l-applikant ma jikkwalifikax, b’mod ċar, bħala refuġjat jew għall-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru taħt id-Direttiva 2004/83/KE; jew

ċ)      l-applikazzjoni għall-ażil tkun kunsidrata bħala mingħajr bażi:

i)      minħabba li l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla periklu fis-sens ta’ l-Artikoli 29, 30 u 31, jew

ii)      minħabba li l-pajjiż, li ma jkunx Stat Membru, ikun kunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28(1); jew

d)      l-applikant inganna lill-awtoritajiet billi ppreżenta informazzjoni jew dokumenti foloz jew billi żamm għalih informazzjoni jew dokumenti relevanti fir-rigward tal-identità u/jew tan-nazzjonalità tiegħu li setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-deċiżjoni; jew

e)      l-applikant kien ippreżenta applikazzjoni oħra għall-ażil fejn iddikjara data personali diversa; jew

f)      l-applikant ma pproduċiex informazzjoni sabiex jistabbilixxi, fuq skala raġonevoli ta’ ċertezza, l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu, jew probabbilment b’malafede iddistruġġa jew iddispona minn dokument ta’ l-identità jew ta’ l-ivvjaġġar li seta’ għen sabiex tiġi stabbilita l-identità jew in-nazzjonalità tiegħu; jew

g)      l-applikant ressaq sottomissjonijiet inkonsistenti, kontradittorji, improbabbli jew insuffiċjenti li jagħmlu t-talba tiegħu xejn konvinċenti fir-rigward tal-kwistjoni jekk kienx jew le l-oġġett ta’ persekuzzjoni kif imsemmi fid-Direttiva 2004/83/KE; jew

h)      l-applikant ippreżenta applikazzjoni sussegwenti li ma tindikax elementi ġodda relevanti dwar iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu jew dwar is-sitwazzjoni tiegħu fil-pajjiż ta’ l-oriġini tiegħu; jew

i)      l-applikant naqas mingħajr kawża raġonevoli milli jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu iktar kmieni, meta kellu l-opportunità li jagħmel dan; jew

j)      l-applikant ikun qiegħed jippreżenta applikazzjoni biss sabiex jittardja jew ifixkel l-infurzar ta’ deċiżjoni preċedenti jew imminenti li tirriżulta fl-espulsjoni tiegħu; jew

k)      l-applikant naqas mingħajr raġunijiet validi milli jikkonforma ma’ l-obbligi msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2004/83/KE jew fl-Artikoli 11(2)(a) u (b) u 20(1) ta’ din id-Direttiva; jew

l)      l-applikant daħal fit-territorju ta’ l-Istat Membru illegalment jew tawwal il-permanenza tiegħu illegalment u, mingħajr raġuni valida, ma ppreżentax ruħu quddiem l-awtoritajiet u/jew ressaq applikazzjoni għall-ażil mill-iktar fis possibbli fid-dawl taċ-ċirkostanzi tad-dħul tiegħu; jew

m)      l-applikant jikkostitwixxi periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku ta’ l-Istat Membru, jew l-applikant ġie espuls [imneħħi] bil-forza għal raġunijiet serji ta’ sigurtà pubblika u ordni pubbliku taħt il-liġi nazzjonali; jew

n)      l-applikant jirrifjuta milli jikkonforma ma’ l-obbligu tat-teħid tal-marki tas-swaba tiegħu skond il-liġi [tal-Unjoni] u/jew il-liġi nazzjonali relevanti; jew

o)      l-applikazzjoni saret minn minuri mhux miżżewweġ li għalih japplika l-Artikolu 6(4)(ċ) wara li l-applikazzjoni tal-ġenituri jew tal-ġenitur responsabbli għall-minuri ġiet miċħuda u ma jkunux tqajmu elementi ġodda relevanti fir-rigward taċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu jew tas-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ l-oriġini tiegħu.”

20.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu lill-applikanti għal ażil dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, b’mod partikolari għad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tagħhom għal ażil. Għal dan il-għan, huma għandhom jiffissaw termini u jistabbilixxu r-regoli l-oħra neċessarji sabiex l-applikant ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv (10). L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu termini għall-qorti sabiex teżamina d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti (11).

21.      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb li jiddefinixxi xi kunċetti. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/85, “deċiżjoni finali” tfisser kull deċiżjoni li tistabbilixxi jekk iċ-ċittadin jew ċittadina ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr stat jingħatawx status ta’ refuġjat taħt id-Direttiva 2004/83/KE u li ma tkunx suġġetta iktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitlu V tad-Direttiva 2005/85. Skont l-Artikolu 2(e) ta’ din l-aħħar direttiva, awtorità determinanti tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għal ażil, u kompetenti sabiex jieħu, fl-istadju ta’ prim’istanza, deċiżjonijiet f’tali każijiet, bla ħsara għall-Anness I tal-imsemmija direttiva.

22.      Dan l-anness jipprovdi li, meta timplementa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/85, l-Irlanda tkun tista’ tikkunsidra li l-awtorità determinanti msemmija fl-Artikolu 2(e) tal-istess direttiva hija, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni ta’ jekk l-applikant għandux jew le jingħata l-istatus ta’ refuġjat, l-Office of the Refugee Applications Commissioner (l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Applikazzjonijiet ta’ Refuġjati iktar ’il quddiem l-“ORAC”). Bl-istess mod, dejjem skont l-istess anness, id-deċiżjonijiet fl-istadju ta’ prim’istanza previsti fl-istess dispożizzjoni għandhom jinkludu r-rakkommandazzjonijiet tar-Refugee Applications Commissioner dwar jekk applikant għandux jew le, skont il-każ, jingħata l-istatus ta’ refuġjat.

C –    Id-dritt Irlandiż

23.      Il-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati (Refugee Act 1996), kif emendata bl-Artikolu 11(1) tal-liġi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni (Immigration Act 1999), bl-Artikolu 9 tal-liġi tal-2000 dwar l-immigrazzjoni klandestina [Illegal Immigrants (Trafficking) Act 2000], u bl-Artikolu 7 tal-liġi tal-2003 dwar l-immigrazzjoni (Immigration Act 2003, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati”), tipprovdi, b’mod partikolari, ir-regoli proċedurali dwar l-applikazzjonijiet għal ażil.

24.      Mis-sentenza tal-High Court, tad-9 ta’ Frar 2011 (12), ipprovduta mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal ażil tiżvolġi skont kif ġej.

25.      Skont l-Artikolu 8 tal-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati, l-applikazzjoni għal ażil issir lir-Refugee Applications Commissioner. L-Artikolu 11 ta’ din il-liġi jipprovdi li dan il-membru tal-ORAC huwa inkarigat li jintervista lill-applikant, li jwettaq l-investigazzjonijiet u t-talbiet għal informazzjoni meħtieġa. Sussegwentement, huwa jfassal rapport fejn jagħmel rakkomandazzjoni pożittiva jew negattiva dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-applikant ikkonċernat u jikkomunika dan ir-rapport lill-Minister for Justice, Equality and Law Reform (13).

26.      Skont l-Artikolu 17(1) tal-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati, jekk ir-rakkomandazzjoni tar-Refugee Applications Commissioner tkun pożittiva, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform huwa obbligat li jagħti l-istatus ta’ refuġjat lill-applikant ikkonċernat. F’każ fejn jiġi rrakkomandat li l-applikant ma jingħatax l-istatus ta’ refuġjat, dan tal-aħħar jista’, skont l-Artikolu 16 ta’ din il-liġi, jappella r-rakkomandazzjoni tar-Refugee Applications Commissioner quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal (l-Irlanda).

27.      L-appell quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal jista’ jinkludi fażi orali quddiem membru tiegħu. Wara dik is-seduta, ir-Refugee Appeals Tribunal jikkonferma jew jirrespinġi r-rakkomandazzjoni tar-Refugee Applications Commissioner. Fil-każ fejn jagħti raġun lill-applikant għal ażil u jikkunsidra li r-rakkomandazzjoni għandha tkun pożittiva, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform huwa obbligat, skont l-Artikolu 17(1) tal-imsemmija liġi, li jagħti l-istatus ta’ refuġjat. F’każ kuntrarju, jekk ir-Refugee Appeals Tribunal jikkunsidra li r-rakkomandazzjoni hija negattiva, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform jifdallu d-diskrezzjoni li jiddeċiedi jekk jagħtix jew le dan l-istatus.

28.      Skont l-Artikolu 5 tal-liġi tal-2000 dwar l-immigrazzjoni klandestina, l-applikanti għal ażil jistgħu jikkontestaw il-validità tar-rakkomandazzjonijiet tar-Refugee Applications Commissioner u tad-deċiżjonijiet tar-Refugee Appeals Tribunal quddiem il-High Court, suġġetti għall-kundizzjonijiet speċjali applikati għall-każijiet ta’ ażil. Huwa skont din id-dispożizzjoni li r-rikorsi fil-kawża prinċipali tressqu quddiem il-qorti tar-rinviju.

29.      Rikors kontra d-deċiżjoni tal-High Court jista’ jiġi ppreżentat quddiem is-Supreme Court, skont l-imsemmija dispożizzjoni, biss jekk il-High Court stess tagħti sentenza li tawtorizza dan ir-rikors (certificate of leave to appeal). Għal dan il-għan, l-Artikolu 46(3) tal-liġi tal-2002 dwar il-qrati u l-uffiċjali tal-ġustizzja (Courts and Courts Officers Act 2002), kif emendata fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi li l-High Court għandha tagħti deċiżjoni dwar din l-awtorizzazzjoni fi żmien xahrejn minn meta ssir seduta. Dan it-terminu jista’, madankollu, jittawwal.

30.      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-Artikolu 12 tal-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati jipprovdi li l-Minister for Justice, Equality and Law Reform jista’, meta jqis li huwa meħtieġ jew xieraq, jagħti struzzjonijiet bil-miktub lir-Refugee Applications Commissioner u/jew lir-Refugee Appeals Tribunal li permezz tagħhom jeżiġi li wieħed minnhom jew it-tnejn li huma, skont il-każ, jagħtu prijorità lil ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet. Din tista’ tkun prijorità, bħal f’dan il-każ, skont il-pajjiż ta’ oriġini jew ir-residenza abitwali tal-applikanti, jew inkella abbażi tar-relazzjoni familjali bejn l-applikanti jew l-età, b’mod partikolari fir-rigward ta’ minuri.

31.      F’dan ir-rigward, fil-11 ta’ Diċembru 2003, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform indirizza struzzjoni, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, lir-Refugee Applications Commissioner u lir-Refugee Appeals Tribunal sabiex tingħata prijorità lill-applikazzjonijiet għal ażil ippreżentati, sa mill-15 ta’ Diċembru 2003, minn ċittadini Niġerjani.

32.      L-Anness II tal-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati jindika li r-Refugee Appeals Tribunal huwa kompost minn President u minn membri ordinarji li l-Minister for Justice, Equality and Law Reform, bil-kunsens tal-Minister for Finance, iqis li huma meħtieġa sabiex il-kawżi quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal jiġu solvuti b’ħeffa, u li kull wieħed minnhom għandu jkollu ta’ mill-inqas ħames snin esperjenza bħala barrister jew solicitor qabel ma jiġi nnominat. Il-membri tar-Refugee Appeals Tribunal huma nnominati mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform. Kull membru ordinarju huwa nnominat għal mandat ta’ tliet snin, skont il-proċeduri li, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-istess anness, huma ffissati mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform meta jipproċedi għan-nominazzjoni tagħhom. Il-President tar-Refugee Appeals Tribunal jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont kuntratt ta’ servizz bil-miktub, li jistipula l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu ffissati minn żmien għal żmien mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform, bil-kunsens tal-Minister for Finance. Kull membru ordinarju jirċievi remunerazzjoni, allowances u rimbors tal-ispejjeż li jistgħu jiġu ffissati minn żmien għal żmien mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform, bil-kunsens tal-Minister for Finance.

33.      Huwa ppreċiżat ukoll, fl-imsemmi anness, li membru ordinarju tar-Refugee Appeals Tribunal jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform li għandu jagħti r-raġunijiet.

34.      Il-membri tal-persunal tar-Refugee Appeals Tribunal huma uffiċjali fis-sens tal-liġi tal-1956 li tirregola s-servizz pubbliku (Civil Service Regulation Act 1956).

II – Il-fatti fil-kawża prinċipali

35.      Il-fatti fil-kawża prinċipali, kif jirriżultaw mis-sentenza tal-High Court, tad-9 ta’ Frar 2011, iċċitata iktar ’il fuq, ipprovduta mill-qorti tar-rinviju, huma dawn li ġejjin.

36.      Il-kawża HID tirrigwarda wild, li meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali kellha għaxar snin, li waslet fl-Irlanda ma’ ommha fl-2008 u li hija ta’ nazzjonalità Niġerjana. Din tal-aħħar ippreżentat, f’isem bintha minuri, applikazzjoni għal ażil quddiem l-ORAC, abbażi tat-theddid ta’ qtugħ [nota tat-traduttur, mutilazzjoni ġenitali femminili li tinvolvi t-tneħħija tal-klitoride u tal-labia minora] u ta’ mewt min-naħa tal-familja ta’ missierha. Hija allegat li wild oħra tal-koppja kienet diġà nqatlet fl-2007 wara li ġarrbet l-istess trattament.

37.      Ir-Refugee Applications Commissioner, f’rapport tal-15 ta’ Awwissu 2008, qies li l-applikazzjoni tal-minuri kellha tiġi miċħuda, minħabba li d-dikjarazzjonijiet tal-omm ma kinux wisq kredibbli u li l-pulizija lokali kienet tikkostitwixxi protezzjoni suffiċjenti. Omm il-wild minuri ressqet appell kontra dan ir-rapport quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal. Dan l-appell wassal għas-sentenza mogħtija mill-qorti tar-rinviju f’dawn il-kawżi.

38.      Il-kawża BA tirrigwarda wkoll ċittadin Niġerjan li daħal fit-territorju Irlandiż f’Awwissu 2008 u li ppreżenta applikazzjoni għal ażil quddiem l-ORAC abbażi tal-fatt li minħabba l-orjentament sesswali tiegħu huwa kien suġġett għal trattament ħażin fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

39.      Fir-rapport tiegħu tal-25 ta’ Awwissu 2008, ir-Refugee Applications Commissioner ta opinjoni negattiva dwar l-applikazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin, peress li qies li d-dikjarazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar ma kinux kredibbli. BA appella minn din l-opinjoni quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2008, dan tal-aħħar ċaħad l-appell, minħabba li l-elementi prodotti mill-applikant ma kinux kredibbli.

40.      Is-sinjorina D. u s-sur A. ressqu rikors kull wieħed quddiem il-High Court bil-għan li jiksbu l-annullament kemm tar-rapporti tar-Refugee Applications Commissioner, rispettivament fil-15 u fil-25 ta’ Awwissu 2008, kif ukoll tal-istruzzjoni mogħtija mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform tal-11 ta’ Diċembru 2003 sabiex tingħata prijorità lill-applikazzjonijiet għal ażil imressqa miċ-ċittadini Niġerjani.

41.      Fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Frar 2011, il-High Court ċaħdet ir-rikorsi u ċaħdet it-talbiet tal-applikanti.

42.      Il-High Court issa hija msejħa biex tiddeċiedi dwar talba mressqa minn dawn ir-rikorrenti sabiex jitħallew iressqu rikors quddiem is-Supreme Court. Skont l-Artikolu 5 tal-liġi tal-2000 dwar l-immigrazzjoni klandestina, dan ir-rikors jista’ jitressaq biss jekk il-High Court tagħti, f’dan ir-rigward, sentenza li tawtorizza dan ir-rikors u li tiċċertifika li d-deċiżjoni tagħha tinvolvi punt ta’ liġi li huwa ta’ interess ġenerali eċċezzjonali u li huwa deżiderevoli, fl-interess ġenerali, li jitressaq appell (“certificate of leave to appeal”).

III – Id-domandi preliminari

43.      Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/85 u peress li qieset li huwa neċessarju li tinkiseb deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jingħata ċ-ċertifikat ta’ awtorizzazzjoni biex jitressaq rikors quddiem is-Supreme Court, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Stat Membru huwa prekluż mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [...] 2005/85/ […] jew mill-prinċipji ġenerali tad-Dritt tal-Unjoni […], milli jadotta miżuri amministrattivi li jeħtieġu li klassi ta’ applikazzjonijiet għal ażil iddefiniti fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għall-ażil jiġu eżaminati u deċiżi skont proċedura aċċellerata jew ta’ prijorità?

2)      L-Artikolu 39 tad-Direttiva [...] imsemmija iktar ’il fuq, meta moqri flimkien mal-premessa 27 tagħha u mal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju effettiv meħtieġ minn dan l-artikolu jkun previst fil-liġi nazzjonali meta l-funzjoni ta’ stħarriġ jew appell fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ewwel istanza dwar l-applikazzjonijiet hija assenjata mil-liġi lill-appell quddiem it-Tribunal stabbilit minn Att tal-Parlament u li huwa kompetenti sabiex jagħti deċiżjonijiet li jorbtu favur l-applikant għall-ażil fuq il-punti kollha ta’ dritt u ta’ fatt rilevanti għall-applikazzjoni minkejja l-eżistenza ta’ arranġamenti amministrattivi jew organizzattivi li jinvolvu xi wħud jew kollha minn dawn li ġejjin:

–        iż-żamma minn Ministru fil-Gvern ta’ diskrezzjoni residwali sabiex jegħleb deċiżjoni negattiva dwar applikazzjoni;

–        l-eżistenza ta’ konnessjonijiet organizzattivi jew amministrattivi bejn il-korpi responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ewwel istanza u meta jiġu deċiżi l-appelli;

–        il-fatt li l-membri li jieħdu deċiżjonijiet fit-Tribunal huma maħtura mill-Ministru u jaħdmu fuq bażi part-time għal perijodu ta’ tliet snin u huma mħallsa każ b’każ;

–        iż-żamma mill-Ministru tas-setgħa li jagħti ordnijiet tat-tip speċifikati fl-Artikoli 12, 16(2B)(b) u 16(11) tal-liġi [tal-1996 dwar ir-refuġjati]?”

IV – L-analiżi tiegħi

44.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 23(3) u (4) tad-Direttiva 2005/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jissottometti għal proċedura aċċellerata jew prijoritarja l-eżami ta’ ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet għal ażil iddefiniti fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant.

45.      Sussegwentement, permezz tat-tieni domanda tagħha, hija essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludux regolamentazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità determinanti quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal, li l-kwalità tiegħu bħala qorti indipendenti hija kkontestata mir-rikorrenti.

A –    Fuq l-istabbiliment ta’ proċedura aċċellerata jew prijoritarja fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għal ażil

46.      Fuq bażi preliminari, jidhirli li jkun utli li jitfakkar l-ispirtu tad-Direttiva 2005/85.

47.      L-għan tad-Direttiva 2005/85 huwa, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi standards minimi dwar il-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat abbażi ta’ żewġ prinċipji essenzjali li jikkorrispondu għax-xewqa li ħarġet mill-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999 (14): l-ekwità u l-effikaċja (15).

48.      Sabiex jiġi ssodisfatt il-prinċipju ta’ ekwità, il-proċedura tibbaża fuq l-osservanza tad-drittijiet u tal-prinċipji fundamentali rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta (16). Jaqgħu taħt dan il-prinċipju d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li jinsabu fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85, bit-titolu “Prinċipji u garanziji bażiċi”.

49.      Ir-rekwiżit ta’ effikaċja huwa stabbilit fl-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva li jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal ażil għandha tiġi konkluża mill-iktar fis possibbli, bla ħsara għal eżami adegwat u komplet.

50.      Il-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw proċedura aċċellerata jew prijoritarja għall-applikazzjonijiet għal ażil, skont l-Artikolu 23(3) u (4) tal-imsemmija direttiva, tirriżulta minn dan ir-rekwiżit.

51.      Effettivament, kif imfakkar fil-premessa 11 tad-Direttiva 2005/85, huwa kemm fl-interess tal-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għal ażil li l-applikazzjonijiet għal ażil jiġu deċiżi kemm jista’ jkun malajr. Fil-fehma tiegħi, dan huwa spjegat b’mod partikolari mill-fatt li huwa importanti li l-applikanti jkunu jafu malajr x’inhu d-destin tagħhom u li proċedura twila wisq tista’ taqtagħlhom qalbhom u tħajjarhom biex jippreferu l-klandestinità.

52.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi evalwat jekk l-eżami prijoritarju jew aċċellerat ta’ ċerti applikazzjonijiet għal ażil ikklassifikati bħala tali fuq il-bażi tan-nazzjonalità tal-applikant jikkostitwixxix prattika kompatibbli mal-bilanċ meħtieġ mid-Direttiva 2005/85.

53.      Għalhekk, matul is-seduta tqajjem l-argument li l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal ażil permezz ta’ proċedura aċċellerata jew prijoritarja jista’ jiġi stabbilit biss, skont l-Artikolu 23(3) ta’ din id-direttiva, meta l-applikazzjoni tkun fondata jew inkella fuq waħda mis-sittax-il motiv previsti fl-Artikolu 23(4) meta kollox ikun jindika li tkun infondata. Għalhekk, l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jissottomettu għal proċedura aċċellerata jew prijoritarja l-eżami ta’ applikazzjonijiet għal ażil fuq is-sempliċi bażi tan-nazzjonalità tal-applikanti.

54.      Barra minn hekk, ir-rikorrenti huma tal-fehma li l-għażla tal-proċedura aċċellerata jew prijoritarja tista’ tirrigwarda biss applikazzjoni individwali u mhux tali kategorija ta’ applikazzjonijiet. Huma jfakkru, b’mod partikolari, li l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Genève jistabbilixxi li l-Istati kontraenti għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni għar-refuġjati mingħajr diskriminazzjoni abbażi tar-razza, tar-reliġjon jew tal-pajjiż ta’ oriġini. Għalhekk, huma jikkunsidraw li l-istabbiliment ta’ proċedura aċċellerata jew prijoritarja għal kategorija ta’ persuni ddefinita fuq tali kriterju tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità.

55.      Jien ma naqbilx ma’ din l-analiżi għar-raġunijiet segwenti.

56.      Meta ġiet ifformulata d-Direttiva 2005/85, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika, f’diversi okkażjonijiet, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tal-proċedura għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat. Għalhekk, fil-proposta ta’ direttiva tagħha, imsemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni Ewropea ppreċiżat li l-istandards kollha dwar l-implementazzjoni ta’ proċedura ekwa u effikaċi huma stabbiliti bla ħsara għas-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom biex jikklassifikaw il-fajls skont il-prijorità abbażi tal-politiki nazzjonali tagħhom (17).

57.      Din l-istess intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri tinsab ukoll fit-test innifsu ta’ din id-direttiva li huwa ddedikat għall-proċedura ta’ eżami. Għalhekk, il-premessa 11 tagħha tistabbilixxi li l-organizzazzjoni tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ażil għandha titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, sabiex, skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, ikunu jistgħu jagħtu prijorità jew jaċċelleraw l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet speċifiċi, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija direttiva.

58.      Jidhirli wkoll li d-diċitura tal-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2005/85 hija wkoll f’dan is-sens. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri “jistgħu” jagħtu prijorità lil applikazzjoni jew jaċċelleraw l-eżami tagħha, “anke fejn” l-applikazzjoni aktarx tkun fondata jew fil-każ fejn l-applikant għandu bżonnijiet partikolari. Bl-istess mod, L-Artikolu 23(4) jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw il-proċedura aċċellerata jew prijoritarja fuq il-bażi ta’ sittax-il motiv speċifiku li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura billi juża wkoll il-verb “jistgħu”.

59.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk tabilħaqq ried iħalli f’idejn l-Istati Membri biex jagħżlu proċedura aċċellerata jew prijoritarja fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ażil (18), u l-użu tal-espressjoni “anke fejn” fl-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2005/85 juri, fil-fehma tiegħi, li tali proċedura tista’ tiġi applikata kemm għall-applikazzjonijiet fondati kif ukoll għal dawk infondati.

60.      Barra minn hekk, fil-punt 29 tas-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (19), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-proċeduri stabbiliti permezz ta’ din id-direttiva jikkostitwixxu dispożizzjonijiet minimi u li l-Istati Membri għandhom f’diversi aspetti marġni ta’ diskrezzjoni għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha billi jieħdu inkunsiderazzjoni aspetti speċifiċi tad-dritt nazzjonali. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri jifforma parti integrali mis-sistema Ewropea komuni dwar l-ażil stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni (20).

61.      Effettivament, wieħed ma għandux jinsa li l-imsemmija direttiva tikkostitwixxi l-ewwel stadju fil-ħolqien ta’ sistema komuni Ewropea dwar l-ażil (21) li tarmonizza r-regoli a minima, peress li l-Istati Membri ma humiex obbligati li japplikaw proċeduri uniformi u għalhekk iżommu s-sistemi nazzjonali tagħhom.

62.      F’dan ir-rigward, il-ħtiġijiet nazzjonali jistgħu jvarjaw b’mod kunsiderevoli bejn Stat Membru u ieħor, peress li l-flussi ta’ immigrazzjoni jistgħu jkunu ferm differenti. Sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ influss qawwi ta’ applikanti għal ażil, kif jidher li probabbilment huwa l-każ għall-Irlanda fir-rigward taċ-ċittadini Niġerjani (22), l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jorganizzaw ruħhom bl-aħjar mod sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet għal ażil bl-iktar mod effikaċi possibbli, skont l-objettiv ta’ ħeffa mfittex mid-Direttiva 2005/85, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li r-rekwiżiti minimi previsti minn din tal-aħħar jiġu osservati.

63.      Għaldaqstant, fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċeduri u d-determinazzjoni tat-termini tagħhom, huwa d-dritt proċedurali tal-Istati Membri li għandu japplika, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (23).

64.      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, invokat mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li dan ma jeżiġix biss li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, iżda wkoll li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod (24).

65.      Fil-qasam tal-ażil, u b’mod partikolari fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2005/85, għandu jitqies li n-nazzjonalità tal-applikant għandha rwol determinanti (25). Effettivament, huwa l-pajjiż tal-oriġini tiegħu li jorjenta d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti, peress li din tal-aħħar hija obbligata li tinforma ruħha dwar is-sitwazzjoni ġenerali f’dak il-pajjiż (26) sabiex tiddetermina jekk hemmx perikolu jew le għall-applikant għal ażil u, jekk ikun il-każ, bżonn ta’ protezzjoni.

66.      Barra minn hekk, din hija r-raġuni għalfejn il-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa l-kunċett ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla perikolu, li jgħid li, meta pajjiż terz jista’ jitqies bħala bla perikolu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jindikawh bħala tali u jippreżumu li applikant partikolari jinsab f’qagħda bla perikolu (27). Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jafdaw fuq il-lista komuni minima tal-pajjiżi ta’ oriġini bla perikolu stabbilita mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (28) u jeżaminaw l-applikazzjoni għal ażil billi jibbażaw ruħhom fuq il-preżunzjoni konfutabbli ta’ nuqqas ta’ perikolu f’dawn il-pajjiżi (29). L-Istati Membri stess jistgħu, skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2005/85, jindikaw bħala pajjiżi ta’ oriġini bla perikolu pajjiżi terzi oħra minbarra dawk li jinsabu fuq dik il-lista komuni għall-finijiet ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għal ażil.

67.      Fuq din il-bażi, u sabiex jiġi ffaċilitat l-eżami ta’ applikazzjonijiet għal ażil, il-leġiżlatur tal-Unjoni stess ipprovda li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li proċedura hija prijoritarja jew aċċellerata meta l-applikazzjoni għal ażil titqies bħala infondata minħabba l-fatt li l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla perikolu fis-sens tal-Artikoli 29 sa 31 ta’ din id-direttiva jew minħabba li l-pajjiż li ma huwiex Stat Membru jitqies bħala pajjiż terz bla perikolu għall-applikant (30). Għalhekk, f’dawn il-każijiet hija bilfors in-nazzjonalità li għandha tkun il-fattur li jiġġustifika t-trattament prijoritarju jew aċċellerat. Għaldaqstant, l-użu ta’ dan il-kriterju f’ebda każ ma jmur kontra, min-natura tiegħu stess, id-Direttiva 2005/85.

68.      Barra minn hekk, meta jkun hemm ammont kbir ta’ applikazzjonijiet għal ażil mill-istess pajjiż, jidher li huwa konformi mal-objettiv ta’ effikaċja mfittex minn din id-direttiva li tingħata prijorità lil dawn l-applikazzjonijiet, minħabba li l-persunal inkarigat mill-eżami ta’ dawn l-applikazzjonijiet ikun iktar konxju mill-perikoli li għalihom jistgħu jkunu esposti ċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż, peress li dan il-persunal huwa meqjus li jibbenefika minn informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fl-imsemmi pajjiż. L-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għalhekk ikun iffaċilitat u rapidu, ħaġa li hija wkoll fl-interess tal-applikanti.

69.      Peress li l-għan tad-Direttiva 2005/85 huwa li tistabbilixxi qafas minimu għall-proċedura tal-għoti u tal-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat billi jiġi żgurat li l-Istati Membri jirrispettaw ir-rekwiżiti minimi li hija tistipula, b’mod partikolari fil-Kapitolu II tagħha, fil-fehma tiegħi l-eżami tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni għandu jsir minn perspettiva oħra.

70.      Fl-opinjoni tiegħi, is-sitwazzjonijiet tal-applikanti għal ażil, li jinsabu lkoll f’sitwazzjoni komparabbli peress li lkoll jaspiraw għal protezzjoni internazzjonali, għandhom jitqabblu skont it-trattament tagħhom matul il-proċedura tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Kif għadu kif intqal, ir-riskju ta’ diskriminazzjoni jista’ ma jkunx jinsab fl-użu tan-nazzjonalità bħala kriterju li fuqu tiġi bbażata proċedura prijoritarja jew aċċellerata, iżda fl-effetti ta’ din tal-aħħar jekk, permezz tal-istruttura u tat-termini tagħha, din twassal biex iċċaħħad lil dawk li jkunu suġġetti għaliha mill-garanziji meħtieġa mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85 li jispeċifika li dawn japplikaw għal kull forma ta’ proċedura.

71.      Għaldaqstant, l-istabbiliment ta’ proċedura prijoritarja bħal dik fil-kawża prinċipali ma jistax ikollu l-effett li jagħmel impossibbli jew ineffettiv, fil-prattika, l-eżerċitar tad-drittijiet li din id-direttiva tagħti lill-applikanti għal ażil li huma ċittadini Niġerjani. B’mod partikolari, dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn terminu suffiċjenti biex jiġbru u jippreżentaw l-elementi meħtieġa biex jissostanzjaw l-applikazzjoni tagħhom (31), sabiex għalhekk jippermettu li l-awtorità determinanti tagħmel eżami ekwu u komplet ta’ dawn l-applikazzjonijiet u li tiżgura li l-applikanti ma jkunux esposti għal perikoli fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

72.      F’dan il-każ, ma jidhirlix li s-sitwazzjoni taċ-ċittadini Niġerjani, minħabba l-fatt li l-applikazzjoni tagħhom għal ażil tiġi suġġetta għal proċedura prijoritarja, hija ttrattata b’mod differenti minn dik ta’ applikanti għal ażil li ġejjin minn pajjiżi terzi oħra (32). Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-prinċipji bażiċi u l-garanziji fundamentali kollha stabbiliti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85 ġewx irrispettati b’mod konkret fil-qafas tat-trattament prijoritarju tal-applikazzjonijiet għal ażil tas-sinjorina D. u tas-sur A.

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, fl-opinjoni tiegħi l-Artikolu 23(3) u (4) tad-Direttiva 2005/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix lil Stat Membru milli jissuġġetta għal proċedura aċċellerata jew prijoritarja l-eżami ta’ ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet għal ażil iddefiniti fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant.

B –    Fuq il-garanzija ta’ rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85

74.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni Irlandiża dwar il-proċedura tal-għoti u tal-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat tirrispettax il-garanzija ta’ rimedju effettiv kif prevista fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u fl-Artikolu 47 tal-Karta.

75.      Nixtieq infakkar li l-Artikolu 39(1)(a) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jagħmlu mezz sabiex l-applikanti għal ażil ikollhom dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra deċiżjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom għal ażil. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 47 tal-Karta jikkristallizza l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (33).

76.      Il-premessa 27 tal-imsemmija direttiva tippreċiża li, skont prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ applikazzjoni għal ażil u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat għandhom ikunu suġġetti għal rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

77.      Ir-rikorrenti jsostnu, b’mod partikolari, li r-Refugee Appeals Tribunal ma huwiex qorti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

78.      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk il-korp li qiegħed jagħmel ir-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” skont l-imsemmija dispożizzjoni, kwistjoni li hija rregolata unikament mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra numru ta’ elementi, bħal l-oriġini legali tal-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura vinkolanti tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tad-dispożizzjonijiet legali, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (34).

79.      Ma hemm ebda dubju li r-Refugee Appeals Tribunal jissodisfa l-kriterji dwar l-oriġini legali, dwar il-permanenza u dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali (35). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li dan għandu ġurisdizzjoni ta’ natura vinkolanti, li l-proċedura quddiemu hija ta’ natura kontradittorja u li huwa indipendenti. Għaldaqstant, huma dawn it-tliet punti li ser neżaminaw suċċessivament.

80.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 15 u 16(1) tal-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati jistabbilixxu r-Refugee Appeals Tribunal bħala t-tribunal kompetenti biex jeżamina u jiddeċiedi r-rikorsi ppreżentati kontra r-rakkomandazzjonijiet tar-Refugee Applications Commissioner, li huma, għandna nfakkru, id-deċiżjonijiet fl-istadju ta’ prim’istanza dwar l-applikazzjonijiet għal ażil (36). Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn ir-rikors quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal jintlaqa’, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform huwa obbligat, skont l-Artikolu 17(1) ta’ din il-liġi, li jagħti l-istatus ta’ refuġjat. Huwa biss jekk ir-Refugee Appeals Tribunal ma jilqax ir-rikors tal-applikant għal ażil li l-Minister for Justice, Equality and Law Reform jista’ madankollu jiddeċiedi li jagħti l-istatus ta’ refuġjat. Għalhekk, sa minn meta tittieħed id-deċiżjoni favur l-applikant għal ażil, huwa ma għandu ebda marġni ta’ manuvrar. Id-deċiżjonijiet pożittivi tar-Refugee Appeals Tribunal għalhekk għandhom forza vinkolanti u jorbtu lill-awtoritajiet statali.

81.      Fit-tieni lok, infakkru li r-rekwiżit ta’ proċedura kontradittorja ma huwiex kriterju assolut (37). Għaldaqstant, jidhirli li l-fatt li l-ORAC ma huwiex obbligat li jkun irrappreżentat quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal ma huwiex wisq rilevanti. Min-naħa l-oħra, nirrileva li l-Artikolu 16(5) tal-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati jipprovdi li r-Refugee Applications Commissioner għandu jipprovdi lir-Refugee Appeals Tribunal kopji tar-rapporti, tad-dokumenti jew tad-dikjarazzjonijiet kollha bil-miktub li jkunu ġew ippreżentati lilu abbażi tal-Artikolu 11 ta’ din il-liġi kif ukoll indikazzjoni bil-miktub tan-natura u tal-oriġini ta’ kull informazzjoni oħra relatata mal-applikazzjoni li jkun sar jaf biha matul l-inkjesta tiegħu. Skont l-Artikolu 16(8) tal-imsemmija liġi, ir-Refugee Appeals Tribunal jipprovdi lill-applikant u lis-solicitor tiegħu kif ukoll lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, fuq talba tiegħu, dawn l-istess kopji. Barra minn hekk, ir-Refugee Appeals Tribunal jista’ wkoll iżomm seduta li matulha jista’ jħarrek biex tidher quddiemu kull persuna li x-xhieda tagħha tkun meħtieġa u jisma’ lill-applikant u lir-Refugee Applications Commissioner jittrattaw (38). Għalhekk, kull parti jista’ jkollha l-opportunità li tgħarraf lir-Refugee Appeals Tribunal b’dak kollu li huwa meħtieġ sabiex tirnexxi l-applikazzjoni jew id-difiża.

82.      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 16(16) ta’ din il-liġi jipprovdi li, qabel ma jiddeċiedi dwar ir-rikors, ir-Refugee Appeals Tribunal għandu jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rapport tar-Refugee Applications Commissioner, kull osservazzjoni fformulata minn dan tal-aħħar jew mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, il-provi prodotti u kull dikjarazzjoni fformulata matul is-seduta u kull dokument, dikjarazzjoni bil-miktub jew informazzjoni oħra li jkunu ġew ipprovduti lir-Refugee Applications Commissioner.

83.      Ir-Refugee Appeals Tribunal għalhekk għandu setgħa ta’ stħarriġ estiża, peress li jista’ jittratta kemm punti ta’ fatt kif ukoll punti ta’ dritt u jevalwa l-provi prodotti quddiemu.

84.      Finalment, fit-tielet u l-aħħar lok, ir-rikorrenti jqisu li r-Refugee Appeals Tribunal ma huwiex indipendenti. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li jeżistu rabtiet organizzattivi bejn dan tal-aħħar, l-ORAC u l-Minister for Justice, Equality and Law Reform u li l-membri tiegħu huma esposti għal pressjonijiet esterni. B’mod partikolari, huma jsostnu li dan ma huwiex indipendenti minħabba l-ħatra u l-iffissar tal-kundizzjonijiet tal-ħatra, il-ħlas u aspetti oħra tal-mandat tal-membri tiegħu.

85.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ indipendenza, li huwa inerenti għall-missjoni tal-ġudikant, jimplika qabel kollox li l-qorti kkonċernata jkollha l-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-awtorità li tkun adottat id-deċiżjoni li kontriha tressaq rikors (39). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li dan il-kunċett jinvolvi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, estern, jissupponi li l-istanza tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tagħha fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemha. It-tieni aspett, intern, jgħaqqad il-kunċett ta’ imparzjalità u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha (40).

86.      F’dan il-każ, l-Artikolu 15(2) tal-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati jiddikjara li r-Refugee Appeals Tribunal huwa indipendenti fil-qadi ta’ dmirijietu. Għandu jitfakkar li, meta jiddeċiedi favur l-applikant għal ażil, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform huwa marbut b’din id-deċiżjoni u għalhekk ma huwiex awtorizzat li jistħarriġha. Fir-rigward tar-regoli dwar il-ħatra u r-remunerazzjoni, dawn ma humiex, fil-fehma tiegħi, ta’ tali natura li jpoġġu f’dubju l-indipendenza tar-Refugee Appeals Tribunal. Effettivament, il-membri ta’ dan tal-aħħar jinħatru minn fost persuni li jkollhom minn tal-inqas ħames snin esperjenza fil-prattika ta’ barrister jew solicitor, għal mandat definit, u l-ħatra tagħhom mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform ma hijiex differenti minn dik tal-parti l-kbira tal-qrati nazzjonali fi ħdan l-Unjoni.

87.      Iktar delikata hija l-kwistjoni tat-tneħħija tal-membri tar-Refugee Appeals Tribunal. Effettivament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kawżi tar-revoka tal-membri tal-qorti, li jippermettu li jingħeleb kull dubju leġittimu, f’moħħ iċ-ċittadini, dwar l-immunità ta’ din l-awtorità fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi konfliġġenti (41). F’dan ir-rigward, sabiex il-kundizzjoni dwar l-indipendenza tal-korp ta’ rinviju titqies li hija sodisfatta, il-ġurisprudenza teżiġi, b’mod partikolari, li l-każijiet ta’ tneħħija tal-membri ta’ dan il-korp ikunu ddeterminati minn dispożizzjonijiet espressi tal-liġi (42).

88.      F’dan il-każ, mill-Artikolu 7 tal-Anness II tal-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati jirriżulta li l-membri ordinarji tar-Refugee Appeals Tribunal jistgħu jitneħħew mill-kariga tagħhom mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform, li għandu jagħti r-raġunijiet għal dan. Huwa lamentabbli li r-raġunijiet li għalihom il-membri tar-Refugee Appeals Tribunal jistgħu jitneħħew mill-kariga tagħhom ma humiex speċifikati b’mod iktar preċiż. Il-Minister for Justice, Equality and Law Reform għalhekk jidher li għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Barra minn hekk, ma huwiex ippreċiżat li d-deċiżjoni dwar r-revoka ta’ membru tar-Refugee Appeals Tribunal tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

89.      Madankollu, jidhirli li kull dubju dwar l-imparzjalità tar-Refugee Appeals Tribunal fir-rigward ta’ elementi esterni jista’ jiġi eskluż għar-raġunijiet li ġejjin.

90.      Fil-fehma tiegħi, is-sistema Irlandiża dwar l-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat tiggrantixxi xorta waħda d-dritt għal rimedju effettiv. Effettivament, kif diġà rajna, skont l-Artikolu 5 tal-liġi tal-2000 dwar l-immigrazzjoni klandestina, l-applikanti għal ażil jistgħu jikkontestaw ukoll il-validità tar-rakkomandazzjonijiet tar-Refugee Applications Commissioner u d-deċiżjonijiet tar-Refugee Appeals Tribunal quddiem il-High Court, li d-deċiżjoni tagħha tista’ tiġi appellata quddiem is-Supreme Court. Barra minn hekk, dan huwa tabilħaqq dak li ġara f’dan il-każ, fejn ir-rikorrenti ressqu rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra rakkomandazzjoni tar-Refugee Applications Commissioner u deċiżjoni tar-Refugee Appeals Tribunal.

91.      Għaldaqstant, jidhirli li huwa għal kollox impossibbli li l-High Court jew is-Supreme Court jistgħu jikkonfermaw deċiżjonijiet li ngħataw taħt il-pressjoni tal-Gvern Irlandiż. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ dawn ir-rikorsi hija, fiha nfisha, ta’ natura li tipprevjeni kwalunkwe tentazzjoni ta’ pressjoni fil-livell tar-Refugee Appeals Tribunal.

92.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-premessa 27 tad-Direttiva 2005/85 tindika li l-effettività tar-rimedju, f’dak li jirrigwarda wkoll l-eżami tal-fatti rilevanti, tiddependi mis-sistema amministrattiva u ġudizzjarja ta’ kull Stat Membru kkunsidrata fit-totalità tagħha. L-Istati Membri għalhekk igawdu, fil-fehma tiegħi, minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-organizzazzjoni proċedurali tagħhom, dejjem sakemm il-qorti nazzjonali tista’ tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet li wasslu lill-awtorità amministrattiva kompetenti biex tikkunsidra l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala infondata jew abbużiva, mingħajr ma jibbenefikaw minn preżunzjoni inkonfutabbli ta’ legalità (43).

93.      Dan l-istess approċċ ġie espress, f’diversi okkażjonijiet, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u dan l-aħħar, fis-sentenza tagħha I. M. vs Franza (44). F’din is-sentenza hija indikat li l-kompitu essenzjali tagħha huwa li tistabbilixxi jekk jeżistux garanziji effettivi li jipproteġu lir-rikorrent kontra refoulment arbitrarja lejn il-pajjiż minn fejn ikun ħarab (45). Hija ppreċiżat ukoll li r-rimedji kollha offruti mid-dritt domestiku jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, dwar id-dritt għal rimedju effettiv, anki jekk ebda wieħed minnhom ma jissodisfa dawn ir-rekwiżiti kompletament waħdu (46). Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fakkret li din id-dispożizzjoni sempliċement teżiġi forma partikolari ta’ rimedju u li l-organizzazzjoni tar-rimedji interni taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-Istati (47).

94.      Ikkunsidrata fit-totalità tagħha, jidhirli li s-sistema Irlandiża tal-għoti u tal-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat tabilħaqq tirrispetta d-dritt għal rimedju effettiv.

95.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi kollha esposti iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti jista’ jitressaq quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal u quddiem il-High Court.

V –    Konklużjoni

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jien nipproponi li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-High Court għandhom ikunu s-segwenti:

1)      L-Artikolu 23(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jissuġġetta għal proċedura aċċellerata jew prijoritarja l-eżami ta’ ċerti kategoriji ta’ applikazzjonijiet għal ażil iddefiniti fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant.

2)      L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi li rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti jista’ jiġi ppreżentat quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal u quddiem il-High Court.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Direttiva tal-Kunsill, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M , 29.6.2006, p. 168).


3 – Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).


4 – Ara l-Artikolu 1 kif ukoll il-premessi 4 u 5 tal-imsemmija direttiva.


5 –      Ara l-premessa 2 tal-imsemmija direttiva.


6 –      Ara l-Artikolu 2(e) ta’ dik id-direttiva.


7 –      Ara l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva.


8 –      Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva.


9 –      Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).


10 –      Ara l-Artikolu 39(2) ta’ din id-direttiva.


11 –      Ara l-Artikolu 39(4) tal-imsemmija direttiva.


12 – HID & BA v Refugee Applications Commissioner & Ors [2008] IEHC 1261 u [2009] IEHC 56.


13 –      Artikolu 13 tal-imsemmija liġi.


14 – Dawn il-konklużjonijiet huma disponibbli fuq dan l-indirizz tal-Internet: http://www.europarl.europa.eu/summits/tam_fr.htm.


15 –      Ara l-punti 2 u 3 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċedura għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri [COM(2000) 578 finali]. Ara wkoll ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat [COM(2010) 465 finali, p. 3].


16 –      Ara, b’mod partikolari, il-premessa 8 tal-imsemmija direttiva.


17 – Ara l-punt 2 tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta. Ara wkoll il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew “Lejn proċedura komuni tal-asil u status uniformi, validu mal-Unjoni kollha, għall-persuni li ngħatalhom l-asil” [COM(2000) 755 finali, p. 8].


18 – Ara, f’dan ir-rigward, ir-rapport ta-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 (p. 13).


19 –      C‑69/10, Ġabra p. I‑7151.


20 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, Ġabra p. I‑13905, punt 65).


21 – Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 (p. 8), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Pjan ta’ azzjoni fil-qasam tal-ażil – Approċċ integrat lejn il-protezzjoni fil-livell tal-Unjoni” [COM(2008) 360 finali, p. 2].


22 – Ara C. Joyce, Annual Policy Report on Migration and Asylum 2009: Ireland, ESRI Survey and Statistical Report Series 32, Dublin, 30 ta’ Lulju 2010, p. 13. Ara wkoll E. Quinn, J. Stanley, C. Joyce, u P.J. O’Connell, Handbook on Immigration and Asylum in Ireland 2007, ESRI Research Series 5, Dublin, 28 ta’ Awwissu 2007, p. 13.


23 – Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 39(2) u (4) ta’ din id-direttiva jħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiffissaw t-termini sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal ażil.


24 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C‑172/11, punt 40).


25 –      Ara l-premessa 17 ta’ din id-direttiva.


26 –      Ara l-Artikolu 8(2)(b) tal-imsemmija direttiva.


27 –      Ara wkoll il-premessa 17 tad-Direttiva 2005/85.


28 –      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva.


29 –      Ara l-premessa 19 tal-imsemmija direttiva.


30 –      Ara l-Artikolu 23(4)(c) tal-imsemmija direttiva.


31 –      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(1)(a) tal-imsemmija direttiva.


32 – Ara HID & BA v Refugee Applications Commissioner & Ors, iċċitata iktar ’il fuq (punti 36 u 37).


33 – Ara s-sentenza Samba Diouf, iċċitata iktar ’il fuq (punti 48 u 49).


34 –      Ara s-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C‑53/03, Ġabra p. I‑4609, punt 29), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, RTL Belgium (C‑517/09, Ġabra p. I‑14093, punt 36).


35 – Ara l-punt C.11 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti; il-punt 7.13 tal-osservazzjonijiet tal-Irlanda, u l-punt 47 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.


36 –      Ara l-Anness I tad-Direttiva 2005/85.


37 –      Ara s-sentenza tat-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, Ġabra p. I‑4961, punt 31).


38 – Ara l-Artikolu 16(10) u (11)(a) u (c) tal-liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati.


39 –      Ara s-sentenza RTL Belgium, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40 –      Ibidem (punti 39 u 40).


41 –      Ara d-digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Pilato (C‑109/07, Ġabra p. I‑3503, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42 –      Idem.


43 – Ara s-sentenza Samba Diouf, iċċitata iktar ’il fuq (punt 61).


44 – Ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 2012.


45 – § 127.


46 – § 129.


47 – § 138.