Language of document : ECLI:EU:C:2012:339

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) — Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE — Xogħol temporanju fi Stat Membru li ma huwiex dak li fit-territorju tiegħu l-attività hija normalment eżerċitata — Benefiċċji tal-familja — Leġiżlazzjoni applikabbli — Possibbiltà li jingħataw benefiċċji għall-ulied mill-Istat Membru fejn isir ix-xogħol temporanju iżda li ma huwiex l-Istat kompetenti — Applikazzjoni ta’ regola antikumulu tad-dritt nazzjonali li teskludi dan il-benefiċċju fil-każ ta’ riċezzjoni ta’ benefiċċju komparabbli fi Stat Membru ieħor”

Fil-Kawżi magħquda C‑611/10 u C‑612/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-21 ta’ Ottubru 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Diċembru 2010, fil-proċeduri

Waldemar Hudzinski

vs

Agentur für Arbeit Wesel — Familienkasse (C‑611/10),

u

Jaroslaw Wawrzyniak

vs

Agentur für Arbeit Mönchengladbach — Familienkasse (C‑612/10),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal (Relatur), Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J.‑J. Kasel u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal W. Hudzinski u J. Wawrzyniak, minn N. Lamprecht, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér kif ukoll minn K. Szíjjártó u K. Veres, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni [applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tagħha kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn W. Hudzinski u l-Agentur für Arbeit Wesel — Familienkasse (agenzija tal-impjieg ta’ Wesel — fond tal-allowances tal-familja) kif ukoll bejn J. Wawrzyniak u l-Agentur für Arbeit Mönchengladbach — Familienkasse (agenzija tal-impjieg ta’ Mönchengladbach — fond tal-allowances tal-familja) dwar ir-rifjut li jingħataw benefiċċji għall-ulied fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-ewwel u l-ħames premessa tar-Regolament Nru 1408/71 huma fformulati kif ġej:

“Billi d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ l-Istati Membri u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg;

[...]

Billi huwa meħtieġ, fl-ambitu ta’ dak il-koordinament, li tkun iggarantita fl-ugwaljanza tat-trattament tal-Komunità taħt il-leġislazzjonijiet varji nazzjonali lill-ħaddiema li jgħixu fl-Istati Membri u d-dipendenti tagħhom u dawk li jkomplu jgħixu warajhom”.

4        It-tmien sal-għaxar premessa ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu:

“Billi l-persuni impjegati u dawk impjegati għal rashom li qegħdin jiċċaqilqu fil-Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss biex ikun evitat t-taħwid fil-leġislazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk;

Billi l-okkażjonijiet li fihom persuna tkun suġġetta simultanjament għal-leġislazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali għandhom ikunu limitati kemm jista’ jkun fin-numru u fl-iskop;

Billi minħabba l-garanzija ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha okkupati fit-territorju ta’ l-Istat Membru jkun effettiv kemm jista’ jkun, huwa sewwa li tkun determinata bħala l-leġislazzjoni applikabbli, bħala regola ġenerali, dik ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tfittex impjieg jew impjieg għal rasha”.

5        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.      Soġġetta [Bla ħsara] għall-Artikoli 14 sa 17:

a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed għandha tkun soġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat ukoll jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tan-negozju ta’ l-intrapriża jew ta’ l-individwu li jimpjegaha jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[...]”

6        L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, għajr għall-baħħara, ingaġġati f’impjieg bi ħlas”, jistipula:

“L-Artikolu 13(2)(a) għandu jgħodd soġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkostanzi segwenti:

1)      a)     Persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru minn impriża li s-soltu tkun marbuta magħha li tkun kollokata minn dik l-impriża fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex twettaq xogħol hemmhekk għal dik l-impriża, għandha tkompli tkun soġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, sakemm it-tul ta’ żmien mistenni ta’ dak ix-xogħol ma jaqbiżx it-12-il xahar u sakemm ma tintbagħatx biex tieħu post persuna oħra li tkun temmet it-terminu tal-kollokazzjoni tagħha;

      [...]”

7        Skont l-Artikolu 14a tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, għajr għal baħħara, li jaħdmu għal rashom”:

“L-Artikolu 13(2)(b) għandu jgħodd soġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkostanzi li ġejjin:

1)      a)     Persuna li normalment taħdem għal rasha fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru u li twettaq xogħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandha tkompli tkun soġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, sakemm it-tul ta’ żmien tax-xogħol ma jaqbiżx it-12-il xahar;

[...]”

8        Taħt it-Titolu III, Kapitolu 7 tar-Regolament Nru 1408/71, l-Artikolu 73 ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti”, jipprovdi:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI.”

9        Barra minn hekk, fl-imsemmi Kapitolu 7, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli jew [ta’] prijorità fil-każijiet ta’ intitolamenti sovrapposti (overlapping) [kumulu ta’ drittijiet] għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja”, jipprovdi:

“1.      Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l-intitolament tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.

2.      Jekk applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabitaw il-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru l-ieħor tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 bħallikieku l-benefiċċji jkunu ngħataw fl-ewwel Stat Membru.”

10      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”), intitolat “Regoli applikabbli fil-każ ta’ dħul fuq xulxin (overlapping) tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja jew ta’ l-allowances tal-familja għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom”, jipprovdi:

“1      (a)   L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg għar-ras, ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament, sas-somma ta’ dawk il-benefiċċji.

      (b)      Madanakollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:

(i)      fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

11      L-Artikolu 62(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EStG”), li għandu t-titolu “Persuni intitolati”, jistipula fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Fir-rigward ta’ wlied fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 63, persuna tkun intitolata għall-allowances tal-familja skont din il-liġi:

1)      jekk ikollha r-residenza permanenti jew abitwali tagħha fit-territorju nazzjonali, jew

2)      jekk, billi ma jkollhiex la residenza permanenti u lanqas dik abitwali fit-territorju nazzjonali, hija

a)      suġġetta għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul skont il-paragrafu 1(2), jew

b)      ikkunsidrata bħala suġġetta għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul skont il-paragrafu 1(3).”

12      L-Artikolu 65(1) tal-EStG, intitolat “Benefiċċji oħra għall-ulied”, jipprovdi li:

“1.      Ma għandhomx jitħallsu allowances tal-familja għal wild li jibbenefika minn xi wieħed mill-benefiċċji li ġejjin jew li kien jirċievi tali benefiċċju jekk applikazzjoni f’dan is-sens tkun ġiet ippreżentata:

1)      allowances għall-ulied previsti fil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-inċidenti jew għajnuna finanzjarja mogħtija mil-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għall-irtirar;

2)      benefiċċji għall-ulied mogħtija fl-esteru u komparabbli għall-allowances tal-familja jew għal xi wieħed mill-benefiċċji msemmija fil-punt 1;

[...]

2.      Jekk, fil-każijiet imsemmija fil-punt 1 tas-subparagrafu 1, l-ammont gross tal-benefiċċju l-ieħor ikun inqas mill-ammont tal-allowance tal-familja pagabbli skont l-Artikolu 66 [tal-EStG], u d-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti hija ugwali jew teċċedi EUR 5, dik id-differenza fl-ammont għandha titħallas bħala allowance tal-familja.”

13      L-Artikolu 66 tal-EStG jipprovdi regoli dwar il-livell tal-benefiċċji għall-ulied u l-modalitajiet għall-ħlas tagħhom.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

14      W. Hudzinski, ċittadin Pollakk, jirrisjedi fil-Polonja u jaħdem hemmhekk bħala bidwi għal rasu. Huwa kopert taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru.

15      Mill-20 ta’ Awwissu sas-7 ta’ Diċembru 2007, W. Hudzinski ħadem bħala ħaddiem staġjonali ma’ impriża ortikulturali fil-Ġermanja. Għas-sena 2007, huwa ġie kkunsidrat, wara li għamel talba f’dan is-sens, bħala li kien suġġett għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja.

16      Għall-perijodu li matulu huwa ħadem fil-Ġermanja, W. Hudzinski talab, għaż-żewġt itfal tiegħu li jgħixu wkoll fil-Polonja, il-ħlas tal-benefiċċji għall-ulied skont l-Artikoli 62 et seq tal-EStG fl-ammont ta’ EUR 154 kull xahar u għal kull wild.

17      L-Agentur für Arbeit Wesel — Familienkasse ċaħdet din it-talba kif ukoll l-ilment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda. Billi r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiegħu ġie miċħud ukoll, W. Hudzinski ppreżenta sussegwentement rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza.

18      J. Wawrzyniak, ċittadin Pollakk, jgħix flimkien ma’ martu u bintu fil-Polonja. Hemmhekk huwa affiljat mal-iskema ta’ sigurtà soċjali.

19      Minn Frar sa Diċembru 2006, J. Wawrzyniak ħadem fil-Ġermanja bħala ħaddiem ikkollokat. Għas-sena 2006, huwa kien suġġett għal kollox, flimkien ma’ martu, għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja.

20      Fir-rigward tal-perijodu li matulu ħadem fil-Ġermanja, J. Wawrzyniak talab il-ħlas għal bintu tal-benefiċċji għall-ulied skont l-Artikoli 62 et seq tal-EStG fl-ammont ta’ EUR 154 fix-xahar. Il-konjuġi tiegħu kienet, matul dan il-perijodu, affiljata biss mal-iskema tal-assigurazzjoni għall-mard fil-Polonja. Hija rċeviet għat-tifla tagħha, b’mod partikolari matul dan il-perijodu, benefiċċju fl-ammont ta’ madwar PLN 48 fix-xahar, jiġifieri madwar EUR 12.

21      L-Agentur für Arbeit Mönchengladbach — Familienkasse ċaħdet it-talba ta’ J. Wawrzyniak kif ukoll l-ilment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda. Billi r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiegħu ġie miċħud ukoll, huwa ppreżenta sussegwentement rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza.

22      Fiż-żewġ rikorsi tagħhom quddiem il-Bundesfinanzhof, W. Hudzinski u J. Wawrzyniak isostnu li mis-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Bosmann (C‑352/06, Ġabra p. I‑3827) jirriżulta li l-Artikoli 62 et seq tal-EStG jibqgħu applikabbli anki meta, permezz tar-Regolament Nru 1408/71, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex l-Istat Membru kompetenti skont l-Artikolu 14a(1)(a) ta’ dan ir-Regolament Nru 1408/71, fil-każ ta’ W. Hudzinski, u skont l-Artikolu 14(1)(a) tal-imsemmi regolament, fil-każ ta’ J. Wawrzyniak.

23      Barra minn hekk, J. Wawrzyniak isostni li d-dritt tiegħu għal benefiċċju għall-ulied fil-Ġermanja lanqas ma huwa eskluż mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-punt 2 tal-Artikolu 65(1) flimkien mal-Artikolu 65(2) tal-EStG peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni u, f’kull każ, ma japplikawx fil-qasam kopert mir-Regolament Nru 1408/71.

24      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, l-ewwel nett, li t-tagħlim tas-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jinftiehem fis-sens li Stat Membru, anki jekk ma huwiex kompetenti skont l-Artikoli 13 et seq tar-Regolament Nru 1408/71, għandu madankollu l-possibbiltà li jagħti benefiċċji tal-familja lil ħaddiem migrant skont id-dritt nazzjonali tiegħu.

25      Madankollu, skont din l-istess qorti, minn din is-sentenza jirriżulta li tali possibbiltà tista’ tiġi ammessa biss f’ċerti każijiet.

26      L-ewwel nett, Stat Membru li ma huwiex kompetenti skont l-Artikoli 13 et seq tar-Regolament Nru 1408/71 ma għandux din il-possibbiltà ħlief jekk, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, benefiċċju tal-familja għandu jingħata minn dan l-Istat sabiex jevita li ħaddiem isofri żvantaġġ fuq il-livell ġuridiku mill-fatt li huwa eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu.

27      Issa, il-kawżi prinċipali ma jikkonċernawx tali każ għaliex W. Hudzinski u J. Wawrzyniak ma sofrew ebda żvantaġġ fuq il-livell ġuridiku mill-fatt li ħadmu temporanjament fil-Ġermanja.

28      Fil-fatt, skont l-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali li hija applikabbli fil-konfront tagħhom baqgħet l-istess b’tali mod li, għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ xogħol temporanju fil-Ġermanja, huma baqgħu suġġetti għal-leġiżlazzjoni Pollakka.

29      Għalhekk, huma ma setgħux jitilfu d-dritt li jingħataw il-benefiċċji għall-ulied iktar vantaġġjużi previsti fid-dritt Ġermaniż għaliex huma fl-ebda mument ma kellhom dritt għal dawn il-benefiċċji.

30      Il-qorti tar-rinviju ssostni, it-tieni nett, li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jvarjaw għal raġuni importanti oħra minn dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni f’din l-aħħar kawża, fil-kawżi prinċipali preżenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex l-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-element jikkostitwixxix kundizzjoni oħra li tillimita l-possibblità tal-Istat Membru li ma huwiex kompetenti li jagħti benefiċċji tal-familja lil ħaddiem migrant.

31      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija possibbiltà għandhiex tkun limitata għall-każijiet fejn ma jeżistix dritt għal benefiċċji tal-familja komparabbli permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti, bħal fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, iżda kuntrarjament għall-każijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali preżenti li fihom il-ħaddiema jibbenefikaw minn tali benefiċċji fl-Istat Membru kompetenti.

32      Sussegwentement, anki jekk jiġi ppresuppost li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-qorti tar-rinviju, l-Istat Membru li ma huwiex kompetenti għandu f’każijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali l-possibbiltà li jagħti benefiċċji tal-familja minkejja li huma fundamentalment differenti minn dak inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema jew il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, jipprekludix regola bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 65 tal-EStG li tipprovdi li benefiċċji għall-ulied għandhom jingħataw biss jekk il-persuna kkoċernata ma għandux dritt għal benefiċċji komparabbli fl-Istat Membru kompetenti.

33      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li jekk, kuntrarjament għal dak li sostniet, din l-aħħar domanda għandha tingħata wkoll risposta fl-affermattiv, tqum ukoll il-kwistjoni dwar kif għandu jiġi riżolt il-kumulu ta’ drittijiet li jirriżulta.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-Kawża C‑611/10, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li ma għandux kompetenza skont l-imsemmi artikolu huwa fi kwalunkwe każ imċaħħad mill-awtorità li jalloka benefiċċji tal-familja, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, lil ħaddiem li għandu biss impjieg temporanju fit-territorju tiegħu, jekk la l-ħaddiem stess u lanqas it-tfal tiegħu ma għandhom ir-residenza tagħhom jew il-post abitwali ta’ residenza f’dan l-Istat?”

35      Fil-Kawża C‑612/10, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi kwalunkwe każ, iċaħħad lill-Istat Membru, li ma huwiex kompetenti skont l-imsemmija dispożizzjoni, li fih ħaddiem ġie ikkollokat u li lanqas huwa l-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal, mill-awtorità li jalloka benefiċċji tal-familja lill-ħaddiem ikkollokat meta dan tal-aħħar ma soffriex minn żvantaġġ legali minħabba l-kollokament tiegħu f’dan l-Istat Membru?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi kwalunkwe każ, l-Istat Membru li ma huwiex kompetenti li fih ħaddiem ġie ikkollokat għandu l-awtorità li jalloka benefiċċji tal-familja biss meta jkun stabbilit li fl-Istat Membru l-ieħor ma jeżistix dritt għal allowances tal-familja paragunabbli?

3)      Jekk tingħata risposta negattiva wkoll għal din id-domanda:

F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-dritt […] tal-Unjoni jipprekludu regola ta’ liġi nazzjonali bħal dik li tirriżulta [mill-Artikolu 65] tal-EStG li [jeskludi] dritt għall-benefiċċji tal-familja meta benefiċċju paragunabbli għandu jitħallas barra mill-pajjiż jew għandu jkun dovut jekk applikazzjoni ssir f’dan is-sens?

4)      Fil-każ li tingħata resposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

Kif għandha tissolva l-akkumulazzjoni li tirriżulta bejn id-dritt li jeżisti fl-Istat kompetenti li huwa fl-istess waqt l-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal u d-dritt li jeżisti fl-Istat li la huwa kompetenti u lanqas l-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal?”

36      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 2010, il-Kawżi C‑611/10 u C‑612/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq id-domanda unika fil-Kawża C‑611/10 u l-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑612/10

37      Permezz tad-domanda unika fil-Kawża C‑611/10 u tal-ewwel żewġ domandi tagħha fil-Kawża C‑612/10, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu Stat Membru li ma huwiex, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istat kompetenti milli jagħti benefiċċji għall-ulied skont id-dritt nazzjonali tiegħu lil ħaddiem migrant li jkun qed iwettaq xogħol temporanju fit-territorju tiegħu f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, inkluż meta jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-ħaddiem ma sofra l-ebda żvantaġġ fuq il-livell ġuridiku mill-fatt li eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu peress li żamm id-dritt tiegħu għal benefiċċji tal-familja tal-istess natura fl-Istat Membru kompetenti, u, it-tieni nett, li la l-ħaddiem u lanqas il-wild li għalih qed jintalab l-imsemmi benefiċċju ma jirrisjedu abitwalment fit-territorju tal-Istat Membru fejn twettaq ix-xogħol temporanju.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif tosserva korrettament il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali għal dak li jirrigwarda d-dritt tagħhom għal benefiċċji tal-familja hija ddeterminata, rispettivament, mill-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

39      Fil-fatt, huwa paċifiku li, skont l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, J. Wawrzyniak, matul il-peijodu ta’ inqas minn tnax-il xahar li matulu huwa ġie kkollokat fil-Ġermanja, baqa’ suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-kumpannija li għaliha huwa normalment kien jaħdem kellha s-sede tagħha, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Pollakka.

40      Bl-istess mod, ma huwiex ikkontestat li, skont l-Artikolu 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, W. Hudzinski, għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ inqas minn tnax-il xahar li matulu huwa eżerċita attività professjonali fil-Ġermanja, baqa’ suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa normalment jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Pollakka.

41      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni Ewropea huma intiżi b’mod partikolari sabiex il-persuni kkonċernati jkunu, bħala prinċipju, suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, b’mod li jiġu evitati l-kumulu ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minħabba f’hekk. Dan il-prinċipju jinsab stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1986, Schwemmer, C‑16/09, Ġabra p. I‑9717, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn hekk, billi l-Artikolu 48 TFUE jipprevedi koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, u mhux l-armonizzazzjoni tagħhom, id-differenzi ta’ mertu u ta’ proċedura bejn is-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ kull Stat Membru u, għaldaqstant, fid-drittijiet tal-persuni assigurati magħha, ma humiex milquta minn din id-dispożizzjoni u kull Stat Membru jibqa’ kompetenti sabiex jiddetermina fil-leġiżlazzjoni tiegħu, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C‑388/09, Ġabra p. I‑5737, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-kuntest, id-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil persuna assigurata li tibdil ta’ residenza għal Stat Membru ieħor huwa newtrali fir-rigward tas-sigurtà soċjali. B’hekk, l-applikazzjoni, jekk ikun il-każ, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li hija inqas favorevoli fuq il-pjan ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali jista’, bħala regola, ikun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt primarju tal-Unjoni fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni (ara, b’analoġija, is-sentenza da Silva Martins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

44      Minn dawn il-prinċipji jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali li ċċaqilqu minn Stat Membru wieħed lejn ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, biex iwettqu hemmhekk xogħol għandhom biss, bħala prinċipju, dritt għall-benefiċċji tal-familja previsti fil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, li hija l-unika leġiżlazzjoni applikabbli skont ir-Regolament Nru 1408/71, anki jekk, kif huwa l-każ fil-kawżi prinċipali, dawn huma inqas favorevoli mill-benefiċċji tal-istess natura previsti fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

45      Għalkemm l-awtoritajiet Ġermaniżi ma humiex għalhekk obbligati, skont id-dritt tal-Unjoni, jagħtu l-benefiċċju tal-familja inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tqum madankollu l-kwistjoni dwar jekk dan id-dritt jipprekludix il-possibbiltà ta’ tali għoti, iktar u iktar peress li, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jistgħu jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju abbażi biss tal-fatt li kienu suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul jew ikkunsidrati bħala tali, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

46      F’dan ir-rigward, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 29 tas-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 42 KE li huwa intiż li jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema u b’mod partikolari jimplika li l-ħaddiema migranti la għandhom jitilfu d-drittijiet għall-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u lanqas isostnu tnaqqis tal-ammont tagħhom minħabba li dawn eżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu mogħti lilhom mit-Trattat.

47      Bl-istess mod, fil-punt 30 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1408/71 tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġiżlazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali li dan ir-regolament jinvolvi, jaqgħu fl-ambitu tal-moviment liberu tal-persuni u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet tal-impjieg tagħhom.

48      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 31 tas-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-Istat Membru ta’ residenza ma għandux jitneħħilu l-fakultà li jagħti benefiċċji tal-familja lill-persuni residenti fit-territorju tiegħu. Fil-fatt, jekk, skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, jekk, skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, anke jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-regolament ma huwiex intiż li jwaqqaf l-Istat Membru ta’ residenza milli jagħti, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu, benefiċċji tal-familja lil din il-persuna.

49      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid, fil-punt 32 ta’ din l-istess sentenza, li l-prinċipju tal-applikabbiltà esklużiva tal-leġiżlazzjoni applikabbli skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, imfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, ma jistax iservi ta’ bażi sabiex jeskludi Stat Membru, li ma huwiex l-Istat kompetenti, u li ma jissuġġettax id-dritt għal benefiċċju tal-familja għal kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ assigurazzjoni, milli jagħti benefiċċju bħal dan lil persuna residenti fit-territorju tiegħu, meta l-possibbiltà ta’ dan l-għoti effettivament jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tiegħu.

50      F’dawn il-kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-possibbiltà mogħtija, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, lil Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 li jagħti benefiċċju tal-familja lil persuna li tirrisjedi fit-territorju tiegħu għandhiex tiġi ammessa wkoll f’sitwazzjonijet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali minkejja l-fatt li dawn huma differenti f’diversi aspetti għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza Bosmann.

51      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda r-rilevanza taċ-ċirkustanza li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma tilfux drittijiet għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u lanqas ma sofrew tnaqqis tal-ammont tagħhom minħabba l-fatt li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu peress li żammew id-dritt tagħhom għal benefiċċji tal-familja fl-Istat Membru kompetenti, din iċ-ċirkustanza ma tistax waħedha teskludi li Stat Membru li ma huwiex kompetenti jżomm il-possibbiltà li jagħti tali benefiċċji.

52      Fil-fatt, għalkemm, fil-punt 29 tas-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-ħaddiema migranti ma għandhomx jitilfu drittijiet għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u lanqas isostnu tnaqqis tal-ammont tagħhom minħabba l-fatt li eżerċitaw id-dritt għal moviment liberu mogħti lilhom mit-Trattat, din l-osservazzjoni saret espressament bħala eżempju tal-implikazzjonijiet possibbli tal-Artikolu 48 TFUE u tal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.

53      Barra minn hekk, din l-osservazzjoni, li għandha tinftiehem fid-dawl tal-ispeċifiċità tal-kawża prinċipali li tat lok għall-imsemmija sentenza, hija ta’ importanza sekondarja fir-rigward tal-prinċipju, imfakkar l-ewwel fl-imsemmi punt ta’ din l-istess sentenza u li jifforma parti minn ġurisprudenza kostanti, skont liema d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 42 KE, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ liberta’ ta’ moviment tal-ħaddiema migranti bl-iktar mod sħiħ possibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza da Silva Martins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li mill-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jikkontribwixxi għat-titjib tal-livell tal-għixien u tal-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema migranti.

55      Issa, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 bħala li jipprojbixxi lil Stat Membru milli jagħti lill-ħaddiema u lill-membri tal-familja tagħhom protezzjoni soċjali iktar wiesgħa minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, tmur lil hinn mill-għan ta’ dan ir-regolament u fl-istess ħin toħroġ mill-portata u mill-kuntest tal-Artikolu 42 KE (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier‑Glisczinski, C‑208/07, Ġabra p. I‑6095, punt 56).

56      Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ koordinazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali, fid-dawl partikolarment tal-għanijiet li fuqhom hija bbażata, ma tistax, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni espliċita skont dawn l-għanijiet, tiġi applikata b’mod li ċċaħħad il-ħaddiem migrant jew lill-aventi kawża tiegħu mill-benefiċċji mogħtija biss skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed (ara, b’mod partikolari, is-sentenza da Silva Martins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

57      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 li tippermetti lil Stat Membru jagħti benefiċċji tal-familja f’sitwazzjoni, bħal dik fil-kawżi prinċipali, li fiha l-ħaddiem migrant ma tilifx drittijiet għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u lanqas ma sofra tnaqqis tal-ammont tagħhom minħabba l-fatt li eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu peress li żamm id-dritt tiegħu għal benefiċċji tal-familja tal-istess natura fl-Istat Membru kompetenti, ma tistax tiġi eskluża għaliex hija ta’ natura li tikkontribwixxi għat-titjib tal-livell tal-għixien u tal-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema migranti billi tagħtihom protezzjoni soċjali iktar wiesgħa minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmi regolament u tgħin sabiex jintlaħaq l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-ħaddiema.

58      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda r-referenzi fis-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, għar-residenza tal-ħaddiem migrant fit-territorju tal-Istat Membru li ma huwiex kompetenti fejn il-benfiċċju tal-familju qed jiġi mitlub, dawn huma spjegati bil-fatt li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha d-dritt għal dan il-benefiċċju biss minħabba l-fatt tar-residenza tagħha f’dak l-Istat skont l-Artikolu 62(1) tal-EStG, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tissuġġetta dan id-dritt għal kundizzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni.

59      Għaldaqstant, dawn huma referenzi għall-bażi tad-dritt għall-benefiċċju tal-familja inkwistjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u, b’mod partikolari, għall-fattur ta’ konnessjoni relatat mar-residenza hemmhekk.

60      Madankollu, l-Artikolu 62(1) tal-EStG jipprovdi li persuna tkun intitolata wkoll għall-benefiċċju għall-ulied jekk, billi ma jkollhiex residenza abitwali fit-territorju nazzjonali, hija suġġetta għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul jew ikkunsidrata bħala tali.

61      Huwa dan it-tieni fattur ta’ konnessjoni li huwa inkwistjoni fil-kawżi prinċipali preżenti.

62      Issa, sakemm, skont id-dritt nazzjonali, iż-żewġ fatturi ta’ konnessjoni fl-Artikolu 62(1) tal-EStG jagħtu lok bħala tali għad-dritt għall-benefiċċju għall-ulied, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ir-referenza fis-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, għall-fattur ta’ konnessjoni relatat mar-residenza tal-ħaddiem migrant ma jistax jimplika li Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru kompetenti skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jagħti benefiċċju tal-familja ħlief meta dan id-dritt jintalab abbażi ta’ dan il-fattur ta’ konnessjoni, u li din il-possibbiltà hija, min-naħa l-oħra, eskluża f’sitwazzjoni fejn huwa applikabbli l-fattur l-ieħor ta’ konnessjoni.

63      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lilha nnifisha dwar ir-rilevanza taċ-ċirkustanza li, fis-sitwazzjonijiet fil-kawżi prinċipali, kuntrarjament għal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, il-wild ma jirrisjedix fit-territorju tal-Istat Membru li ma huwiex kompetenti li fih qed jintalab benefiċċju għal dan il-wild.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tirreferix għall-eżistenza, fis-sitwazzjoni inkwistjoni, ta’ dan l-element ta’ konnessjoni mat-territorju tal-Istat Membru li ma huwiex kompetenti sabiex tasal għall-konklużjoni li dan l-Istat għandu l-possibbiltà li jagħti benefiċċji tal-familja.

65      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, ir-residenza tal-ħaddiem migrant u dik tal-wild fit-territorju tal-Istat Membru li ma huwiex kompetenti jikkostitwixxu elementi ta’ konnessjoni preċiżi u patikolarment stretti, b’mod partikori meta tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-benefiċċju inkwistjoni.

66      Fil-kawżi prinċipali preżenti, il-konnessjoni tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni mat-territorju tal-Istat Membru li ma huwiex kompetenti li fih qed jintalbu l-benefiċċji tal-familja tikkonsisti fl-issuġġettar b’mod sħiħ għat-taxxa għal dak li jirrigwarda d-dħul mix-xogħol temporanju mwettaq f’dan l-Istat Membru. Tali konnessjoni hija bbażata fuq kriterju preċiż u tista’ titqies bħala suffiċjentement stretta, fid-dawl ukoll tal-fatt li l-benefiċċju tal-familja mitlub huwa ffinanzjat minn dħul fiskali.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-għoti, fis-sitwazzjonijiet fil-kawżi prinċipali, ta’ dan il-benefiċċju, li ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni, huwa ta’ natura li jaffettwa b’mod sproporzjonat il-prevedibbiltà u l-effettività tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ koordinazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, rekwiżiti relatati maċ-ċertezza legali li jipproteġu wkoll l-interessi tal-ħaddiema migranti u li fih għandu rwol ukoll il-prinċipju, imfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti fl-applikabbiltà ġeneralment esklużiva tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li ma huwiex, skont dawn ir-regoli, l-Istat kompetenti.

68      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda unika fil-Kawża C‑611/10 u għall-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑612/10, hija li l-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux Stat Membru li ma huwiex, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istat kompetenti milli jagħti benefiċċji għall-ulied skont id-dritt nazzjonali tiegħu lil ħaddiem migrant li jkun qed iwettaq xogħol temporanju fit-territorju tiegħu f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, inkluż meta jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-ħaddiem ma sofra l-ebda żvantaġġ fuq il-livell ġuridiku mill-fatt li eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu peress li żamm id-dritt tiegħu għal benefiċċji tal-familja tal-istess natura fl-Istat Membru kompetenti, u, it-tieni nett, li la l-ħaddiem u lanqas il-wild li għalih qed jintalab l-imsemmi benefiċċju ma jirrisjedu abitwalment fit-territorju tal-Istat Membru fejn twettaq ix-xogħol temporanju.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi fil-Kawża C‑612/10

69      Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi fil-Kawża C‑612/10, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari r-regoli antikumulu stabbiliti fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 547/72, ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ta’ regola tad-dritt nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 65 tal-EStG li teskludi id-dritt għall-benefiċċji għall-ulied meta benefiċċju komparabbli ser jitħallas fi Stat ieħor jew għandu jitħallas jekk tkun saret talba f’dan is-sens.

70      F’dan ir-rigward, peress li jirriżulta mill-eżami tal-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C‑612/10 li l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma hijiex l-Istat kompetenti skont din id-dispożizzjoni għandha l-possibbiltà, iżda mhux l-obbligu, li tagħti benefiċċji għall-ulied skont id-dritt nazzjonali tagħha lil ħaddiem ikkollokat li jkun qed iwettaq xogħol temporanju fit-territorju tagħha, dan l-Istat għandu jkun jista’ wkoll, bħala prinċipju, jiddeċiedi, kif semmiet il-qorti tar-rinviju, jekk u, skont il-każ, kif hija għandha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li jeżisti fl-Istat Membru kompetenti skont l-imsemmija dispożizzjoni, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Polonja, dritt għal benefiċċju komparabbli.

71      Madankollu, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma huwiex kompetenti tipprovdi dritt għal benefiċċju tal-familja li jagħti protezzjoni soċjali addizzjonali lill-ħaddiem migrant minħabba l-fatt li huwa kien suġġett għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul f’dan l-Istat jew ġie kkunsidrat bħal tali għall-perijodu li matulu huwa wettaq hemmhekk xogħol, eventwali regoli antikumulu previsti f’din il-leġiżlazzjoni, bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 65 tal-EStG, ma jistgħux jiġu applikati meta jiġi kkonstatat li din l-applikazzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

72      Għaldaqstant, fis-sentenza Schwemmer, iċċitata iktar ’il fuq, li għaliha jirreferu ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-regola antikumulu stabbilita fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 għandha tiġi applikata fis-sens li d-dritt għall-benefiċċju għall-ulied dovut skont id-dritt Ġermaniż ma setax jiġi sospiż parzjalment bl-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) tal-EStG sal-ammont li seta’ jingħata fl-Isvizzera.

73      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt din ir-regola antikumulu u lanqas taħt dik prevista fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 peress li ma tirrigwardax każ fejn hemm kumulu ta’ drittijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tal-wild ikkonċernat ma’ dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg li huwa l-Istat Membru kompetenti skont l-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bosmann, punt 24, kif ukoll Schwemmer, punti 43 u 51).

74      Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika tal-Polonja hija kemm l-Istat Membru ta’ residenza tal-wild ikkonċernat kif ukoll l-Istat Membru ta’ impjieg tal-ħaddiem ikkollokat li huwa l-Istat kompetenti skont l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-kumpannija li għaliha huwa normalment jaħdem għandha s-sede tagħha.

75      Minn dan jirriżulta li r-regoli antikumulu stabbiliti fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 ma jistgħux jipprekludu l-esklużjoni, f’dan il-każ, tad-dritt għal benefiċċju għall-ulied skont regola antikumulu nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 65 tal-EStG.

76      Madankollu, l-applikazzjoni ta’ tali regola antikumulu tad-dritt nazzjonali f’kawża bħal dik prinċipali, sakemm ma tidhirx li timplika, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċju sal-ammont ta’ benefiċċju komparabbli riċevut fi Stat Membru ieħor iżda l-esklużjoni ta’ dan il-benefiċċju, hija ta’ natura li tikkostitwixxi żvantaġġ sinjifikattiv li jaffettwa effettivament numru ikbar ta’ ħaddiema migranti milli ħaddiema li jibqgħu f’pajjiżhom u li jkunu eżerċitaw it-totalità tal-attivitajiet tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

77      Fil-fatt, huma iktar il-ħaddiema migranti li x’aktarx jibbenefikaw, minkejja għal ammonti li jistgħu jvarjaw ħafna, minn benefiċċji komparabbli fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.

78      Tali żvantaġġ jidher li huwa inqas iġġustifikat fid-dawl tal-fatt li l-benefiċċju inkwistjoni huwa ffinanzjat minn dħul fiskali u li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu d-dritt għal dan il-benefiċċju minħabba l-fatt li huwa kien suġġett għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE ma kienx jintlaħaq jekk, minħabba l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu, il-ħaddiema migranti kellhom jitilfu l-vantaġġi tas-sigurtà soċjali li tiżguralhom biss il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza da Silva Martins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE, kif ukoll ir-Regolament Nru 1408/71, adottat għall-implementazzjoni tagħhom, għandhom b’mod partikolari bħala għan li jiġi evitat illi ħaddiem li, billi juża d-dritt tiegħu għal moviment liberu, jiġi, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, żvantaġġjat meta mqabbel ma’ wieħed li jkun għamel il-karriera kollha tiegħu fi Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza da Silva Martins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Għaldaqstant, l-iżvantaġġ imsemmi fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, anki jekk jista’ jiġi spjegat permezz tad-diskrepanzi fil-leġiżlazzjonijiet ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri li jibqgħu minkejja l-eżistenza ta’ regoli ta’ koordinazzjoni previsti fid-dritt tal-Unjoni, huwa kuntrarju għar-rekwiżiti tad-dritt primarju tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara b’mod partikolari, b’anaolġija, is-sentenza da Silva Martins, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

82      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-għan tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u kif fakkret ukoll il-qorti tar-rinviju, huwa li jippromwovi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi jiġi evitat li impriża stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ma tiġix obbligata tirreġistra l-ħaddiema tagħha, li normalment huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat, fl-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor fejn ser jintbagħtu sabiex iwettqu xogħol għal żmien determinat, liema fatt kieku jrendi l-eżerċizzju minn tali impriża ta’ din il-libertà fundamentali iktar ikkumplikat (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, FTS, C‑202/97, Ġabra p. I‑883, punti 28 u 29).

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-esklużjoni tal-benefiċċju għall-ulied li tirriżulta mill-applikazzjoni, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ regola antikumulu nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 65 tal-EStG ma hijiex intiża sabiex jiġu evitati l-ispejjeż u l-kumplikazzjonijiet amministrattivi li jistgħu jirriżultaw, għall-impriżi ta’ Stati Membri oħrajn li jikkollokaw ħaddiema lejn il-Ġermanja, minn bidla tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

84      Fil-fatt, huwa minnu li l-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jingħata mingħajr l-obbligu għall-impriżi li jimpjegaw dawn il-ħaddiema li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ dan il-benefiċċju u mingħajr ma jiġu imposti fuqhom formalitajiet amministrattivi f’dan il-kuntest.

85      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑612/10 hija li r-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ta’ regola tad-dritt nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 65 tal-EStG, sa fejn din ma timplikax tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċju sal-ammont ta’ benefiċċju komparabbli riċevut fi Stat Membru ieħor, iżda l-esklużjoni ta’ dan il-benefiċċju.

 Fuq l-ispejjeż

86      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni [applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux Stat Membru li ma huwiex, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istat kompetenti milli jagħti benefiċċji għall-ulied skont id-dritt nazzjonali tiegħu lil ħaddiem migrant li jkun qed iwettaq xogħol temporanju fit-territorju tiegħu f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, inkluż meta jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-ħaddiem ma sofra l-ebda żvantaġġ fuq il-livell ġuridiku mill-fatt li eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu peress li żamm id-dritt tiegħu għal benefiċċji tal-familja tal-istess natura fl-Istat Membru kompetenti, u, it-tieni nett, li la l-ħaddiem u lanqas il-wild li għalih qed jintalab l-imsemmi benefiċċju ma jirrisjedu abitwalment fit-territorju tal-Istat Membru fejn twettaq ix-xogħol temporanju.

2)      Ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema għandhom jiġu interpretat fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ta’ regola tad-dritt nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 65 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz), sa fejn din ma timplikax tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċju sal-ammont ta’ benefiċċju komparabbli riċevut fi Stat Membru ieħor, iżda l-esklużjoni ta’ dan il-benefiċċju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.