Language of document : ECLI:EU:T:2012:491

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Settembru 2012 *(1)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Olandiż tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Drittijiet tad-difiża – Effetti ta’ sentenza ta’ annullament fir-rigward ta’ terzi”

Fil-Kawża T‑361/06,

Ballast Nedam NV, stabbilita f’Nieuwegein (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata inizjalment minn A. Bosman u J. van de Hel, sussegwentement minn A. Bosman u E. Oude Elferink, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, A. Nijenhuis u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn F. Wijckmans, F. Tuytschaever u L. Gyselen, sussegwentement minn F. Wijckmans u F. Tuytschaever, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)], sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, minn naħa, talba għall-annullament parzjali tal-imsemmija deċiżjoni inkwantu din tiffissa t-tul tal-ksur li jikkonċernaha u, min-naħa l-oħra, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Ballast Nedam NV, tmexxi l-grupp Ballast Nedam, li jopera fis-settur tal-kostruzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-1995, il-grupp xtara l-kumpanniji ta’ kostruzzjoni tat-toroq Eemsmond Wegenbouw BV u Bruil Infrastructuur BV, u b’hekk sar attur ewlieni fis-settur tal-kostruzzjoni tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’dawn l-attivitajiet jiġu ċċentralizzati fil-kumpannija Ballast Nedam Grond en Wegen (iktar ’il quddiem “BNGW”), sussidjarja proprjetà 100 % ta’ Ballast Nedam Infra BV (iktar ’il quddiem “BN Infra”), hija stess proprjetà 100 % tar-rikorrenti. Mill-1 ta’ Ottubru 2000, l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni tat-toroq tal-grupp ġew eżerċitati direttament minn BN Infra. Mill-14 ta’ Frar 2003, Ballast Nedam Nederland BV hija l-kumpannija intermedjarja bejn ir-rikorrenti u BN Infra.

2        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2002, British Petroleum informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-eżistenza allegata ta’ akkordju li jikkonċerna s-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi u ressqet talba intiża għall-kisba ta’ immunità minn multi skont id-dispożizzjonijiet tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

3        Fl-1 u fit-2 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni wettqet verifiki sorpriża, b’mod partikolari fl-uffiċċji ta’ ċerti kumpanniji. Il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil numru ta’ kumpanniji, fosthom BN Infra, fl-4 ta’ Lulju 2003, li rrispondiet fit-12 ta’ Settembru 2003. Fl-10 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni indirizzat talba għal informazzjoni lir-rikorrenti, li għaliha din irrispondiet fid-9 ta’ Marzu 2004.

4        Fit-18 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ressqet proċedura amministrattiva u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, indirizzata l-għada lil numru ta’ kumpanniji, fosthom ir-rikorrenti u BN Infra, li għaliha r-rikorrenti rrispondiet fl-20 ta’ Mejju 2005.

5        Fit-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 4090 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fejn sunt tagħha hija ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 196, p. 40) u li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fil-25 ta’ Settembru 2006.

6        Il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kumpanniji destinatarji tagħha kienu pparteċipaw fi ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 81(1) KE, li jikkonsisti f’li jiffissaw flimkien u b’mod regolari, matul il-perijodi kkonċernati, għall-bejgħ u x-xiri ta’ bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-prezz gross, tnaqqis uniformi fuq il-prezz gross għall-kostrutturi tat-toroq li jipparteċipaw fl-akkordju u tnaqqis massimu mnaqqas fuq il-prezz gross għall-kostrutturi l-oħra tat-toroq.

7        Ir-rikorrenti ġiet rikonoxxuta ħatja għal dan il-ksur, għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sal-15 ta’ April 2002, bħal fil-każ tas-sussidjarja tagħha BN Infra. Fil-fatt il-Kummissjoni assumiet li hija kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha BN Infra u BNGW matul dan il-perijodu. Multa ta’ EUR 4.65 miljun ġiet imposta fuq ir-rikorrenti u BN Infra in solidum.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

9        Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

10      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2011.

11      Minħabba l-impediment ta’ membru tas-Sitt Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lilu nnifsu, bis-saħħa tal-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jikkompleta l-Awla.

12      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, fetħet il-proċedura orali mill-ġdid u l-partijiet ġew informati li kienu ser jinstemgħu waqt seduta ġdida.

13      Permezz ta’ ittri, rispettivament, tal-25 u t-28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni u r-rikorrenti informaw lill-Qorti Ġenerali li huma kienu qed jirrinunzjaw għal smigħ mill-ġdid.

14      B’konsegwenza, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jagħlaq il-proċedura orali.

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tapplika fil-konfront tagħha;

–        sussidjarjament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha u tiffissa t-tul tal-ksur u tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż,

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fl-imputazzjoni lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn BN Infra u BNGW u, it-tieni huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u tad-drittijiet tad-difiża, fejn il-Kummissjoni ma indikatx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija ppreżumiet ir-responsabbiltà tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn BN Infra u BNGW lir-rikorrenti

 Fuq l-iżball ta’ liġi bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sempliċi relazzjoni finanzjarja sabiex jiġi preżunt l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha

–       L-argumenti tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE billi imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn BN Infra u BNGW billi bbażat ruħha fuq is-sempliċi fatt li hija kienet proprjetarja 100 % tagħhom. Il-qorti tal-Unjoni għalhekk kellha tikkunsidra ċarament li s-sempliċi proprjetà tal-kapital kollu tas-sussidjarja ma tistax tkun biżżejjed sabiex waħedha turi l-eżistenza ta’ kontroll mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha. (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Berglags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 28, u tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il‑Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punti 218 u 219).

19      F’dan il-każ, hija ma kinitx ħadet sehem fil-ftehimiet kollużivi la direttament lanqas indirettament, qatt ma ppreżentat ruħha bħala l-interlokutur ta’ BN Infra jew ta’ BNGW matul il-proċeduri amministrattivi u b’mod espliċitu argumentat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li BN Infra kellha awtonomija ġenwina. BN Infra u BNGW kienu għalhekk iddefinew il-politika kummerċjali tagħhom mingħajr l-intervent tagħha u mingħajr ma dawn kellhom ikunu responsabbli lejha, fejn ir-rwol tagħha kien, fil-waqt tal-ksur, limitat għal aspetti ta’ natura essenzjalment finanzjarja. Għalhekk, kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi li hija kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ BN Infra u BNGW fis-suq inkwistjoni u li kienet teżisti rabta bejn din l-influwenza u l-aġir li jikkostitwixxi ksur.

20      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma setgħetx, min-naħa l-oħra, tibbaża ruħha fuq punti ġenerali ħafna, bħall-konsolidazzjoni tar-riżultati finanzjarji, id-deċiżjonijiet fil-qasam ta’ amalgamazzjonijiet, l-użu tal-qligħ tas-sussidjarji, il-politika ta’ investimenti, ta’ xiri u ta’ bejgħ jew il-ħatra tad-diretturi tagħhom, sabiex tistabbilixxi li hija kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ BN Infra u BNGW. Fil-fatt, dawn il-kriterji kienu jikkorrispondu mal-obbligi li jaqgħu fuq kumpanniji parent kollha skont il-Kodiċi Ċivili Olandiż, u r-rikonoxximent tar-rilevanza ta’ dawn il-punti joħloq preżunzjoni inkonfutabbli ta’ responsabbiltà għal negliġenza kontra l-kumpanniji parent. Skont il-ġurisprudenza, il-kriterju xieraq huwa dak tal-possibbiltà għall-kumpannija parent li tiddefinixxi l-kondotta kummerċjali tas-sussidjarja tagħha, fis-sens tal-politika tagħha tad-distribuzzjoni u tal-prezz (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151).

21      Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-kriterji kkunsidrati mill-Kummissjoni dwar l-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn sussidjarja lejn kumpannija parent tikser il-preżunzjoni ta’ innoċenza rikonoxxuta mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

22      Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

23      Il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipazzjoni fil-ftehimiet kollużivi kienet saret mill-21 ta’ Ġunju 1996 sat-30 ta’ Settembru 2000, permezz tal-impjegati ta’ BNGW imbagħad, mill-1 ta’ Ottubru 2000 sal-15 ta’ April 2002, permezz tad-direttur ta’ BN Infra. Hija għażlet li żżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur għall-perijodu kollu li jikkostitwixxi ksur billi hija kienet proprjetarja tal-kapital azzjonarju kollu ta’ BN Infra u ta’ BNGW u għalhekk kienet preżunta li kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuqhom (premessi 293 sa 297 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Preliminarjament għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jiġbor fih l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 59) u li l-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE jinkludi entitajiet ekonomiċi fejn kull waħda minnhom tikkostitwixxi organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, materjali u immaterjali li fit-tul għandhom skop ekonomiku speċifiku, organizzazzjoni li tista’ tikkontribwixxi għat-twettieq ta’ ksur previst minn din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 40).

25      L-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat lil oħra meta din ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda tkun essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet mogħtija minn din tal-aħħar, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 117, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 58). Għalhekk, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent meta l-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-linja ta’ aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jkunu ngħataw mill-kumpannija parent, peress li dawn iż-żewġ impriżi jikkostitwixxu entità ekonomika waħda (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 133 u 134).

26      Għalhekk ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u wisq inqas ma huwa involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens espost iktar ’il fuq li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni tagħha li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrikonoxxi l-fatt li diversi kumpanniji li jkunu jiffurmaw parti mill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003 Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 290).

27      Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha awtur ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita effettivament tali influwenza (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ sempliċement li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Sussegwentement il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenzi Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punt 29, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 61).

29      Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, ċirkustanzi oħra minbarra ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li tali ċirkustanzi ġew osservati mill-Qorti tal-Ġustizzja biss bil-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha f’din il-kawża, u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq għall-produzzjoni ta’ provi supplimentari relatati mal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 62, u tal‑20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni, C‑90/09 P, Ġabra p. I‑1, punt 41).

30      Ir-rikorrenti tqis li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni huwa kuntrarju għall-preżunzjoni ta’ innoċenza rrikonoxxuta mill-Artikolu 6 tal-KEDB. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 li jirriflettu l-preżunzjoni ta’ innoċenza affermata fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB, l-oneru tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE huwa r-responsabbiltà tal-awtorità li tallegah. Kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha għas-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq (Ġabra p. I‑8241), ir-rikors għal tali preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent 100 % proprjetarja tas-sussidjarja tagħha, ma jagħtix lok għal qlib tal-oneru tal-prova li kien ikun problematiku fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda jiffissa l-grad tal-prova li għandu jiġi osservat meta tiġi imputata responsabbiltà bejn kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha. Sa fejn il-fatt li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha, jippermetti li jiġi preżunt li qed tiġi eżerċitata influwenza, din il-preżunzjoni hija reputata li tissodisfa r-rekwiżiti fil-qasam tal-oneru tal-prova jekk il-kumpannija parent ma tikkonfutahiex billi tipproduċi provi konklużivi li juru l-kontra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, punt 79). Għalhekk, fil-qalba tal-kwistjoni tat-tqassim tal-oneru tal-prova, il-partijiet kollha huma mitluba jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jesponu t-teżijiet tagħhom (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, I‑8730, punt 73, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 74).

31      Ir-rikorrenti tqis, barra minn hekk, li l-interpretazzjoni li żammet il-Kummissjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent 100 % proprjetarja tas-sussidjarja tagħha tagħmilha impossibbli li din tiġi kkonfutata.

32      Madankollu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni li kumpannija parent 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha teżerċita effettivament influwenza determinanti fuqha, huwa l-oneru ta’ din il-kumpannija parent li tissottometti għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, u sussegwentement, jekk ikun il-każ, tal-qorti tal-Unjoni, kull prova li hija tqis li hija tali li turi li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda, fir-rigward tar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi, bejn is-sussidjarja tagħha u hija stess, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux ikunu suġġett ta’ lista eżawrjenti (sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 65, u General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punti 51 u 52). Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għalhekk din il-kwistjoni tikkonċerna preżunzjoni konfutabbli li kien jappartjeni lilha li tikkonfuta.

33      F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-obbligi li għalihom kumpannija parent hija obbligata taħt id-dritt Olandiż jagħmlu kull konfutazzjoni ta’ dik il-preżunzjoni impossibbli, għandu jitfakkar li kumpannija ma tistax tinvoka regolamenti nazzjonali sabiex jiġu evitati r-regoli tad-dritt tal-Unjoni, fejn il-kunċetti ġuridiċi użati minn dan tal-aħħar għandhom ikunu, bħala prinċipju, interpretati u applikati b’mod uniformi fil-Komunità kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 1972, Hagen, 49/71, Ġabra p. 23, punt 6). Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-prinċipji kollha mfakkra preċedentement li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ tali preżunzjoni u l-kriterji li jippermettu li din tiġi kkonfutata, jidher li l-elementi dwar l-obbligi imposti fuq il-kumpanniji parent mid-dritt Olandiż fir-rigward tas-sussidjarji tagħhom isaħħu l-preżunzjoni applikata mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-kontroll eżerċitat mir-rikorrenti fuq BN Infra u BNGW.

34      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tat importanza kbira wisq lil xi elementi formali ħafna u ġenerali sabiex tistabbilixxi li hija kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq BN Infra u BNGW.

35      Qabel kollox hemm lok li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-indikazzjonijiet supplimentari tal-eżerċizzju effettiv tal-influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha pprovduti mill-Kummissjoni jikkostitwixxu provi addizzjonali, li, lilhinn mill-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma mir-rikorrenti tal-kapital kollu tas-sussidjarji tagħha, ikkonfermaw mhux il-parteċipazzjoni materjali effettiva tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, iżda l-influwenza determinanti ta’ din fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha u l-użu effettiv ta’ din is-setgħa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il‑Kummissjoni, C‑176/99 P, Ġabra p. I‑10687, punt 20; ara wkoll is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 25 fuq, punt 62).

36      Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 32 iktar ’il fuq, il-qorti tal-Unjoni tqis li, meta tevalwa l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, għandu jittieħed kont tal-elementi kollha li ġew sottomessi lilha mill-partijiet, dwar ir-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejn iż-żewġ kumpanniji, li n-natura u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi proprji f’kull każ (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 25 fuq, punt 65). Għalkemm ċerti ċirkustanzi, bħall-konsolidazzjoni tal-kontijiet fil-livell tal-grupp, huma rrilevanti (sentenza General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punt 108), elementi oħra, bħal rabtiet personali mill-qrib bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jew il-kapaċità tal-kumpannija parent li torganizza mill-ġdid il-kompiti assenjati lis-sussidjarji differenti tagħha, għalkemm ma jistgħux, waħedhom, jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, jistgħu mill-inqas jikkostitwixxu kollha flimkien korp ta’ indikazzjonijiet suffiċjenti li jikkorroboraw.

37      Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li peress li r-rikorrenti, kumpannija parent 100 % proprjetarja ta’ BN Infra u ta’ BNGW, kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq dawn tal-aħħar, hija kienet responsabbli għall-ksur li huma kienu wettqu.

 Fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar l-imputazzjoni lir-rikorrenti tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn BN Infra u BNGW

–       L-argumenti tal-partijiet

38      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li fuqhom kellha l-intenzjoni tibbaża ruħha fid-deċiżjoni kkontestata sabiex timputalha r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn BN Infra u BNGW.

39      Preliminarjament, hija tenfasizza li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma kinitx tikkonċerna lil BNGW matul il-proċedura amministrattiva u li l-Kummissjoni llimitat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ din tal-aħħar, li ssemmi r-riorganizzazzjoni interna tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni tat-toroq fl-2000. Għalhekk, hija tqis li l-elementi l-oħra li ressqet il-Kummissjoni fl-istadju tal-proċedimenti ġudizzjarji huma inammissibbli.

40      Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni għalhekk żammet kont, b’mod żbaljat, tal-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi tagħha, limitat għal żewġ persuni, fejn dan l-element kien jippermetti biss li jiġi stabbilit li hija ma kinitx kapaċi tikkontrolla l-aġir ta’ BN Infra u ta’ BNGW fis-suq, fid-dawl tal-attivitajiet numerużi ħafna tal-grupp. Bl-istess mod, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-funzjonijiet tal-“concern council”, li jinkludi l-Bord tad-Diretturi tagħha u d-diretturi ġenerali tad-dipartimenti ewlenin tal-grupp u li jiddiskuti biss is-suġġetti strateġiċi li jikkonċernaw il-grupp kollu. Il-preżenza ta’ rappreżentanti ta’ BN Infra u ta’ BNGW f’dan il-każ tikkostitwixxi barra minn hekk indikazzjoni tal-pożizzjonament indipendenti tagħhom fi ħdan il-grupp, li għalhekk jinsabu f’pożizzjoni li jiddefendu l-awtonomija tagħhom minnu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt billi kkunsidrat li l-impjegat ta’ BN Infra li pparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju mix-xahar ta’ Ottubru 2000 kien jagħmel parti mill-“concern council” matul il-perijodu tal-ksur, peress li dan issieħeb fih biss fi Frar 2004, fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu fil-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali ta’ BN Infra. Bl-istess mod, il-fatt li hija stabbilita fl-istess indirizz bħal BN Infra ma huwiex rilevanti, billi ż-żewġ kumpanniji huma residenti f’binjiet differenti. Fl-aħħar nett, ir-riorganizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni tat-toroq tal-grupp f’Ottubru 2000 ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni fir-rigward tal-assenza ta’ awtonomija kummerċjali ta’ BN Infra, fejn kull kumpannija parent kellha l-possibbiltà li torganizza mill-ġdid il-grupp tagħha.

41      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar kif hija kienet enfasizzat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija sempliċement holding finanzjarja u li BN Infra u BNGW huma individwalment responsabbli mill-aspetti kummerċjali, finanzjarji u ġuridiċi tal-operat tagħhom kif ukoll mill-politika tagħhom li tikkonċerna l-persunal. Dawn huma meħtieġa jissottomettu pjan tal-impriża lir-rikorrenti, li fih jiġu esposti biss il-punti importanti tad-direzzjoni tal-istrateġija tagħhom kif ukoll previżjonijiet finanzjarji. Uħud mid-deċiżjonijiet tagħhom huma barra minn hekk suġġetti għall-awtorizzazzjoni tagħha, iżda f’oqsma kompletament barranin għall-politika kummerċjali. Id-dritt tal-kumpanniji Olandiż jimponi wkoll fuq kull kumpannija parent iżżomm ċerti relazzjonijiet mas-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-ħatra tad-diretturi mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti, it-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-użu tal-profitti, il-preparazzjoni ta’ kontijiet konsolidati li jibdew bir-rapporti finanzjarji tas-sussidjarji jew ukoll id-deċiżjonijiet ta’ bdil tal-istruttura tal-grupp.

42      Sa mix-xahar ta’ Ottubru 2000, BN Infra hija wkoll kompletament libera li tiddetermina l-aġir kummerċjali tagħha, b’mod partikolari fil-qasam tax-xiri ta’ materja prima, fejn huma biss l-offerti li jikkonċernaw xogħlijiet ta’ ċertu valur jew li jippreżentaw profil tar-riskju speċifiku li huma suġġetti għal kumitat tal-kuntratti li għalih tipparteċipa r-rikorrenti. Barra minn hekk BN Infra għandha l-obbligu li titlob l-awtorizzazzjoni tal-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti biss f’każ ta’ konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni barra mill-kuntest tal-operat normali tiegħu.

43      Bl-istess mod, sa Ottubru 2000, BNGW kienet iddeċidiet liberament dwar il-konklużjoni tal-kuntratti ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tat-toroq, bl-eċċezzjoni tax-xogħlijiet li l-valur tagħhom qabeż ċertu limitu, li kienu suġġetti għall-kumitat tal-kuntratti, iżda li kienu jirrapreżentaw biss parti żgħira tad-dħul mill-bejgħ tagħha. Barra minn hekk BNGW kellha biss l-obbligu li titrażmetti r-riżultati finanzjarji tagħha kull tliet xhur lill-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti, u hija ma kienet qatt semmiet proġetti individwali. Fl-aħħar nett, id-direzzjoni ta’ BNGW kienet meliet funzjonijiet f’kumpanniji oħra tal-grupp, fosthom BN Infra, biss matul perijodu limitat ħafna, matul is-sena 2000, u l-fatt li l-impjegat ta’ BNGW li kien ipparteċipa għal-laqgħat tal-akkordju kien sar direttur kummerċjali ta’ BN Infra mix-xahar ta’ Ottubru 2000 huwa mingħajr effett fuq il-grad ta’ awtonomija li minnu gawdiet BNGW sa dik id-data.

44      Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq l-aġir kummerċjali ta’ BN Infra u ta’ BNGW u li, fi kwalunkwe każ, numru ta’ elementi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata juru, sussidjarament, li r-rikorrenti effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika ta’ BN Infra u ta’ BNGW.

45      Barra minn hekk, fir-replika, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet ippreżentat ċerti elementi sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq l-aġir kummerċjali ta’ BN Infra u ta’ BNGW għall-ewwel darba fir-rikors, liema fatt huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punt 89). Madankollu, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni (C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punti 89 sa 92), il-Kummissjoni ddikjarat li ma topponix iktar l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni.

46      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li, kieku l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-elementi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha mir-rikorrenti u intiżi sabiex tiġi kkonfutata din l-istess preżunzjoni huma ammissibbli, hija jkollha tippermetti lill-Kummissjoni tirrispondi għal dawn l-argumenti matul il-proċeduri ġudizzjarji.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

47      Fl-eżami tal-ilmenti intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta imputat lir-rikorrenti r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn BN Infra u BNGW, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti pproduċietx elementi li jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li dawn it-tliet kumpanniji kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda.

48      Preliminarjament għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuq id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-obbligu li jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt jew ta’ liġi matul il-proċedura amministrattiva, taħt piena li ma jkunx jista’ jikkontestahom ulterjorment fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja, peress li din il-limitazzjoni tikser il-prinċipji fundamentali ta’ legalità u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punti 89 sa 92).

49      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx ukoll tipprovdi indikazzjonijiet kumplimentari dwar l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda bejn ir-rikorrenti u BNGW fl-istadju kontenzjuż, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax, insostenn tad-deċiżjoni kkontestata, tipproduċi provi ġodda inkriminanti li ma jkunux ġew ikkonstatati fl-istess deċiżjoni, hija madankollu għandha dritt tirrispondi għall-argumenti tar-rikorrenti meta din tipprova tistabbilixxi abbażi ta’ dokumenti oħra li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li t-teżi tal-Kummissjoni hija fattwalment żbaljata (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punti 175 u 176). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-awtur ta’ deċiżjoni kkontestata seta’ jipprovdi preċiżazzjonijiet fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża sabiex jikkompleta motivazzjoni diġà suffiċjenti fiha innifisha, peress li dawn jistgħu jkunu utli għall-istħarriġ intern tal-motivi tad-deċiżjoni eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, sa fejn dawn jippermettu lill-istituzzjoni tispjega r-raġunijiet li huma l-bażi tad-deċiżjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä‑Serla Sales Oy vs Il‑Kummissjoni, C‑298/98 P, Ġabra p. I‑10157, punt 46).

50      Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, kellha d-dritt li tirrispondi għall-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fl-istadju tal-proċedimenti ġudizzjarji, intiżi sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti min-naħa tagħha fuq l-aġir kummerċjali ta’ BNGW.

51      Prinċipalment, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 293 sa 297 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet, mill-bidu, li hija setgħet tapplika l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq BNGW għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sat-30 ta’ Settembru 2000, imbagħad fuq BN Infra għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2000 sal-15 ta’ April 2002. Sussegwentement hija qieset li numru ta’ elementi relatati mal-istruttura tal-grupp issostanzjaw din il-preżunzjoni. Għalhekk, il-Bord tad-Diretturi tar-rikorrenti jinkludi biss żewġ persuni, li jiffurmaw, flimkien mad-diretturi ġenerali tad-dipartimenti ewlenin, il-“concern council”, li tiegħu kien membru l-impjegat ta’ BN Infra li pparteċipa direttament fl-akkordju sa mill-2000. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li r-rikorrenti u BN Infra kienu stabbiliti fl-istess indirizz. Fl-aħħar nett, hija enfasizzat il-kompetenzi istituzzjonali ta’ organizzazzjoni tal-grupp tar-rikorrenti, li din eżerċitat b’mod partikolari fl-2000 meta organizzat mill-ġdid l-attività ta’ kostruzzjoni tat-toroq.

52      Fl-ewwel lok, għalkemm ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni jmissha bbażat ruħha fuq elementi li jippermettu li jiġi evalwat ir-rwol tagħha fl-aġir antikompetittiv inkwistjoni sabiex tikkunsidra li hija setgħet tkun responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħha, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kontroll eżerċitat mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji tagħha ma għandux neċessarjament ikollu rabta mal-aġir li jikkostitwixxi ksur (ara l-punt 26 iktar ’il fuq u s-sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, punt 59, u General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iktar ’il fuq, punti 38, 102 u 103). Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti effettivament eżerċitatx influwenza fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ BN Infra u ta’ BNGW.

53      Fit-tieni lok, l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti sabiex jiġi stabbilit li hija ma kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ BN Infra u ta’ BNGW ma jippermettux li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ tali influwenza. Fil-fatt, l-argument li l-Bord tad-Diretturi tagħha huwa kompost biss minn żewġ persuni, liema fatt jagħmel is-sorveljanza tal-attivitajiet numerużi tal-grupp iktar diffiċli, ma huwiex biżżejjed waħdu sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni, ġaladarba ma jippermettix li jiġi stabbilit li r-rikorrenti kienet irrinunzjat għall-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ kontroll fuq BN Infra u BNGW. Bl-istess mod, id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti li l-preżenza tad-diretturi ta’ BN Infra u ta’ BNGW fil-“concern council” kienet tikkostitwixxi indikazzjoni tal-qagħda indipendenti tagħhom fl-organizzazzjoni tal-grupp ma humiex biżżejjed sabiex jiġi pprovat li hija ħallitilhom awtonomija totali sabiex jiġi ddefinit l-aġir tagħhom fis-suq, tant li l-eżistenza tal-“concern council” tindika, fiha nnifisha, li r-rikorrenti kienet tipparteċipa mill-qrib fid-determinazzjoni tal-għanijiet strateġiċi tas-sussidjarji tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li BN Infra u BNGW mexxew politika kummerċjali relattivament awtonoma, taħt ċertu limitu, ma jippermettix, fih innifsu, li tiġi invalidata l-konstatazzjoni li, bħala azzjonista b’sehem ta’ 100 %, ir-rikorrenti kienet teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir kummerċjali ta’ BN Infra u ta’ BNGW. Fil-fatt, dan l-argument ma huwiex determinanti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li hija eżerċitat effettivament influwenza determinanti lilhinn minn dan l-istess limitu. Fl-aħħar nett, il-fatt li d-direzzjoni ta’ BNGW kellha karigi f’kumpanniji oħra tal-grupp, fosthom BN Infra, biss matul perijodu limitat ħafna, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-awtonomija ta’ BNGW fir-rigward tar-rikorrenti. Fil-fatt, dan l-argument ma jżidx elementi li jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni skont il-perijodu li matulu d-direzzjoni ta’ BNGW meliet dawn il-karigi.

54      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet biss holding finanzjarja li ma tinvolvix ruħha fl-attivitajiet operattivi ta’ BN Infra u ta’ BNGW. Il-kunċett ta’ holding ikopri sitwazzjonijiet differenti, iżda b’mod ġenerali, holding tista’ tiġi ddefinita bħala kumpannija li għandha ishma f’kumpannija jew f’numru ta’ kumpanniji bil-għan li tikkontrollahom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff‑Technik vs Il‑Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 60). Għalkemm il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tista’, bħala prinċipju, titqiegħed inkwistjoni meta kumpannija parent taġixxi bħala holding finanzjarja pura, mill-proċess jirriżulta li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma kinitx qed taġixxi b’dan il-mod. Għalhekk, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti kienet inkarigata milli taħtar id-diretturi tas-sussidjarji u li tapprova ċertu numru ta’ deċiżjonijiet strateġiċi importanti tagħhom, bħall-użu tal-profitti, il-litigazzjonijiet, il-krediti bankarji, l-investimenti jew ukoll il-kooperazzjoni ma’ impriżi oħra. Bl-istess mod, l-eżistenza tal-“concern council” tindika li r-rikorrenti kienet tipparteċipa mill-qrib fid-determinazzjoni tal-għanijiet strateġiċi tas-sussidjarji tagħha u tal-istruttura tal-grupp, kif wara kollox wera r-ristrutturar tal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni tat-toroq fl-2000. Fl-aħħar nett, is-sussidjarji kellhom l-obbligu li kull tliet xhur jissottomettu bosta informazzjoni lir-rikorrenti, bħall-pjanijiet tal-impriża, l-offerti ta’ xogħol ogħla minn ċertu ammont u r-rapporti finanzjarji tagħhom. Dawn il-punti kollha juru li r-rwol tar-rikorrenti kien imur lilhinn minn dak ta’ sempliċi holding finanzjarja.

55      Fi kwalunkwe każ, minn dawn il-punti kollha, u b’mod iktar partikolari mill-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi u organizzattivi importanti bejn ir-rikorrenti u s-sussidjarji tagħha jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkonkludi li kien hemm assenza ta’ awtonomija ta’ dawn tal-aħħar u, għalhekk, li kienet teżisti entità ekonomika waħda.

56      Il-fatt li r-rikorrenti u BN Infra huma stabbiliti fl-istess indirizz, minkejja f’binjiet distinti, u jippreżentaw ruħhom taħt l-istess isem fir-rigward tat-terzi jista’ wkoll jikkostitwixxi indikazzjoni li, ikkoroborata minn oħrajn, tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-impjegat ta’ BN Infra li kien ipparteċipa direttament fil-laqgħat tal-akkordju mix-xahar ta’ Ottubru 2000 issieħeb fil-“concern council” fl-2004, jiġifieri wara tmiem il-perijodu li jikkostitwixxi ksur, jikkostitwixxi indikazzjoni supplimentari tal-eżistenza ta’ rabtiet ġerarkiċi u ta’ relazzjonijiet mill-qrib bejn BN Infra u r-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma semmiet imkien, fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-impjegat kien jagħmel parti mill-“concern council” matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur.

57      Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li l-punti ppreżentati mir-rikorrenti, matul il-fażi amministrattiva u matul il-proċedimenti ġudizzjarji, ma kinux jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li, billi kellha sehem ta’ 100 % tal-kapital ta’ BN Infra u ta’ BNGW, hija effettivament eżerċitat fuqhom influwenza determinanti. Għalhekk, hemm lok li tiġi kkonfermata l-konklużjoni, li tidher fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet tikkostitwixxi flimkien ma’ BN Infra u BNGW impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk hija eżerċitatx influwenza fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ BN Infra u ta’ BNGW.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

58      Ir-rikorrenti ssostni li, billi naqset milli tindika fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija ppreżumiet r-responsabbiltà tar-rikorrenti billi bbażat ruħha fuq il-fatt li hija kienet teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq BNGW, matul il-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sal-1 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u d-drittijiet tad-difiża tagħha. Hija tqis, għalhekk, li l-ammont tal-multa għandu jitnaqqas proporzjonalment għat-tul tal-ksur u għalhekk jiġi ffissat għal EUR 1 213 650.

59      Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kinitx indikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija kienet tikkunsidra lil BNGW bħala sussidjarja ta’ BN Infra, u lanqas ma indikat li hija kienet qieset li r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq BNGW. L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-qorti tal-Unjoni jirrikjedu għaldaqstant li d-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jingħata opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, punt 66).

60      Ir-rikorrenti tqis li s-sempliċi riferiment għal BNGW darbtejn fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punt 342 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 518) ma huwiex suffiċjenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni, minn naħa, kienet innominat b’mod żbaljat lil BNGW bħala l-predeċessur fid-dritt ta’ BN Infra u, min-naħa l-oħra, f’ebda mument ma nnominat lil BNGW bħala entità ġuridika indipendenti li ħadet sehem fl-akkordju u li fuq il-politika kummerċjali tagħha r-rikorrenti kienet eżerċitat influwenza determinanti. Bl-istess mod, is-sempliċi tifkira mill-Kummissjoni tar-regoli ġenerali dwar l-imputabbiltà lill-kumpanniji parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom ma tistax tissostitwixxi l-identifikazzjoni tas-sussidjarji inkwistjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-fatt li hija kienet għamlet riferiment għal BNGW b’mod ġenerali fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kienx biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet issodisfat ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ARBED vs Il‑Kummissjoni, punt 35 fuq, punt 23, u tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, C‑65/02 P u C‑73/02 P, Ġabra p. I‑6773, punt 85).

61      Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li, fi kwalunkwe każ, hija ma tistax tiġi obbligata tħallas il-multa jekk il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi, fil-Kawża T‑362/06, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-imputabbiltà tal-aġir ta’ BNGW lil BN Infra, peress li r-responsabbiltà ta’ kumpannija parent ma tistax teċċedi r-responsabbiltà tas-sussidjarja tagħha.

62      Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti. Matul is-seduta, b’risposta għall-argumenti tar-rikorrenti dwar il-konsegwenzi li wieħed għandu jislet minn annullament parzjali possibbli tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑362/06, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti kellha tinżamm fi kwalunkwe każ, ġaladarba hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni li tikkonċerna l-kwistjoni dwar liema huma l-entitajiet ta’ impriża li hija tqis li huma responsabbli għal ksur.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

63      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa redatt kif ġej:

“Qabel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa tagħti l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti [minnha] l-opportunità li jiġu [msemmija] fuq matterji li [hija] kellha oġġezzjoni fuqhom. Il-Kummissjoni ħa tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom. L-ilmenti ħa jkunu assoċjati mil-viċin mal-proċeduri.”

64      Skont il-ġurisprudenza, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva li tesponi b’mod utli l-fehmiet tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10, u tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il‑Kummissjoni, C‑310/93 P, Ġabra p. I‑865, punt 67). Bl-istess mod, skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tal-importanza tagħha, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha turi b’mod ċar il-persuna ġuridika li fuqha x’aktarx jiġu imposti multi u tkun indirizzata lil din tal-aħħar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra p. I‑1365, punti 143 u 146, u ARBED vs Il‑Kummissjoni, punt 35 fuq, punt 21; sentenza Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 87). Huwa wkoll importanti li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tindika f’liema kwalità impriża tiġi kkritikata fir-rigward tal-fatti allegati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 39).

65      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja eżatta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 68). Għalhekk, huwa biss jekk id-deċiżjoni finali timponi fuq l-impriżi kkonċernati ksur differenti minn dak kopert mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew tikkunsidra fatti differenti li jkollu jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 26 u 94, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il‑Kummissjoni, T‑39/92 u T‑40/92, Ġabra p. II‑49, punti 49 sa 52). Dan ma huwiex il-każ meta d-differenzi allegati bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali ma jkollhomx x’jaqsmu ma’ aġir differenti minn dak li fuqu l-impriżi kkonċernati kienu diġà spjegaw ruħhom u li, għalhekk, ma kinux informati dwar kull oġġezzjoni ġdida (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 191).

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex jiġi invokat ksur tad-drittijiet tad-difiża li jikkonċerna l-oġġezzjonijiet elenkati fid-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi inkwistjoni ma jistgħux sempliċement jinvokaw is-sempliċi eżistenza ta’ differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jesponu b’mod preċiż u konkret f’hiex tikkonsisti kull waħda minn dawn id-differenzi, f’dan il-każ, oġġezzjoni ġdida li fir-rigward tagħha huma ma kellhomx l-okkażjoni li jinstemgħu (sentenza Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 192). Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi eżaminat skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, inkwantu dan jiddependi sostanzjalment fuq l-oġġezzjonijiet ikkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex jiġi stabbilit il-ksur li bih huma akkużati l-impriżi kkonċernati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑36/91, Ġabra p. II‑1847, punt 70).

67      Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligi tagħha billi naqset milli tindika fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija kienet tippreżumi r-responsabbiltà tagħha billi tibbaża ruħha fuq il-fatt li hija kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq BNGW, matul il-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sal-1 ta’ Ottubru 2000.

68      Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni qabel kollox fakkret li kull grupp ta’ impriżi kkonċernat kien jikkostitwixxi impriża waħda u li l-kumpannija parent tal-grupp kienet kapaċi teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha (punt 324). Sussegwentement, hija indikat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-akkordju permezz tad-direttur ta’ BNGW (punt 236 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet), imbagħad ta’ BN Infra (punt 339 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet) u li, peress li r-rikorrenti kienet tikkontrolla l-kapital kollu ta’ BN Infra (li qabel kienet Ballast Nedam Wegenbouw BV u BNGW) permezz tal-entità intermedjarja Ballast Nedam Nederland, hija kienet tippreżumi l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq l-aġir ta’ dawn iż-żewġ sussidjarji. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni pproduċiet punti addizzjonali għall-eżistenza ta’ impriża waħda bejn ir-rikorrenti u BN Infra (punt 340 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Fid-dawl ta’ dawn il-punti kollha, il-Kummissjoni ddeċidiet li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellha tintbagħat lil BN Infra għall-parteċipazzjoni diretta tagħha (u dik tal-predeċessuri tagħha) fil-ftehimiet u lir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħha permezz tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ BN Infra (punt 342 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet).

69      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li, għalkemm il-formulazzjoni użata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħet kienet iktar ċara, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-relazzjoni bejn BN Infra u BNGW, il-Kummissjoni pprovdiet lir-rikorrenti l-elementi suffiċjenti sabiex tifhem il-fatti u ċ-ċirkustanzi użati insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur u ppreċiżat ċarament il-persuni ġuridiċi li fuqhom x’aktarx jiġu imposti multi. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova supplimentari dwar l-eżistenza ta’ impriża waħda bejn ir-rikorrenti u BNGW ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li hija ma indikatx ċarament li hija kienet bi ħsiebha tapplika l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq l-aġir kummerjali ta’ BN Infra u ta’ BNGW. Il-Qorti Ġenerali tqis għalhekk li, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tidher fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora li hija x’aktarx kienet id-destinatarja ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni bħala kumpannija parent ta’ BNGW.

70      Jeħtieġ ukoll li jiġi kkonstatat li, b’risposta għal din l-allegazzjoni magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti sostniet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li BN Infra ma kinitx is-suċċessur ta’ BNGW, iżda l-kumpannija parent 100 % u ppreżentat argumenti intiżi sabiex tiġi stabbilita l-awtonomija ta’ BNGW fir-rigward tagħha.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti kienet tqiegħdet f’pożizzjoni, sa mill-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tifhem il-portata tal-oġġezzjoni magħmula mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur bħala kumpannija parent ta’ BNGW u li b’hekk tiżgura utilment id-difiża tagħha.

–       Fuq l-effetti tas-sentenza ta’ annullament fil-Kawża T‑362/06

72      Ir-rikorrenti sostniet matul is-seduta li, billi hija kienet ikkunsidrata li flimkien ma’ BN Infra tifforma l-istess impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq BN Infra kellu bħala konsegwenza li l-multa li ġiet imposta fuqha in solidum bħala kumpannija parent kellha wkoll titnaqqas.

73      Fi kwalunkwe każ, u mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn l-argumenti, għandu jitfakkar li l-annullament mill-Qorti Ġenerali, fil-Kawża T‑362/06, tal-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija imputat l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ BNGW lil BN Infra mill-21 ta’ Ġunju 1996 sal-1 ta’ Ottubru 2000 jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ BN Infra billi naqset milli tindikalha, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet qed iżżommha responsabbli għall-ksur imwettaq minn BNGW fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent ta’ BNGW, u mhux fil-kwalità tagħha ta’ suċċessur fid-dritt. Għalkemm il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet għalhekk marret kontra d-drittijiet tad-difiża ta’ BN Infra, min-naħa l-oħra, hija ma kkonkludietx li kien hemm nuqqas ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur min-naħa ta’ BNGW.

74      Issa, mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 295) jirriżulta li l-Kummissjoni ppreżumiet l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq BNGW minħabba ż-żamma indiretta tal-kapital kollu tagħha.

75      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma setgħetx issostni li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li timputalha l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ BNGW għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sal-1 ta’ Ottubru 2000 u lanqas li tikkundannaha in solidum għall-ħlas tal-multa. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha, fil-fatt, marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddiċiedi liema huma l-entitajiet f’impriża li hija tikkunsidra bħala responsabbli għal ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il‑Kummissjoni, T‑65/89, Ġabra p. II‑389, punt 154, u Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 290). Għalhekk, xejn ma jipprekludi li r-rikorrenti tinżamm bħala l-unika responsabbli għall-aġir ta’ BNGW.

76      Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma kkontestatx l-eżistenza tal-ksur imwettaq minn BNGW għall-perijodu mill-21 ta’ Ġunju 1996 sal-1 ta’ Ottubru 2000 u li, skont il-punt 57 hawn fuq, hija naqset milli tikkonfuta l-preżunzjoni li, billi kienet proprjetarja ta’ 100 % tal-kapital ta’ BNGW, hija effettivament eżerċitat fuqha influwenza determinanti.

77      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-konsegwenzi li wieħed għandu jislet mill-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑362/06 għandu jiġi miċħud.

78      Għalhekk għandu jiġi miċħud it-tieni motiv u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ballast Nedam NV hija kkundannata għall-ispejjeż.

Jaeger

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2012.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-imputazzjoni tar-responsabbiltŕ tal-ksur imwettaq minn BN Infra u BNGW lir-rikorrenti

Fuq l-iżball ta’ liġi bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sempliċi relazzjoni finanzjarja sabiex jiġi preżunt l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar l-imputazzjoni lir-rikorrenti tar-responsabbiltŕ għall-ksur imwettaq minn BN Infra u BNGW

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u tad-drittijiet tad-difiża

–  L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

–  Fuq l-effetti tas-sentenza ta’ annullament fil-Kawża T‑362/06

Fuq l-ispejjeż


1 Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.