Language of document : ECLI:EU:C:2007:132

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta' Marzu 2007 (*)

“Taxxa fuq id-dħul – Kreditu fiskali għad-dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti – Artikoli 56 KE u 58 KE – Limitazzjoni ta’ l-effetti tas-sentenza fiż-żmien”

Fil-kawża C-292/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-24 ta' Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta' Lulju 2004, fil-proċedura

Wienand Meilicke,

Heidi Christa Weyde,

Marina Stöffler

vs

Finanzamt Bonn-Innenstadt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, R. Schintgen u J. Klučka, Presidenti ta' Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano, imbagħad C. Stix-Hackl,

Reġistraturi: B. Fülöp et K. Sztranc-Stawiczek, Amministraturi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Settembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għas-Sinjuri Meilicke, Weyde u Stöffler, minn W. Meilicke u R. Portner, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Quassowski, A. Tiemann u R. Stotz, bħala aġenti, assistiti minn K.-T. Stopp, Rechtsanwält,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Ward, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Gross u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tizzano, ippreżentati fis-seduta ta' l-10 ta’ Novembru 2006,

wara li rat id-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tas-7 ta' April 2006 u wara s-seduta tat- 30 ta' Mejju 2006

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għas-Sinjuri Meilicke, Weyde u Stöffler, minn W. Meilicke u D. E. Rabback, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, R. Stotz u V. Rietmeyer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadi, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn J.‑C. Gracia, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn R. Somssich u A. Müller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn  M. de Grave, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent,

–        għall-Gvern Żvediż, minn K. Wistrand u A. Falk, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn P. Baker, QC,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Gross u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta' Ottubru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 56 KE u 58 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżeDin it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn W. Meilicke kif ukoll H. C. Weyde u M. Stöffler, fil-kwalita tagħhom ta' eredi ta' H. Meilicke, li miet fit-3 ta' Mejju 1997, u l-Finanzamt Bonn-Innenstadt (aktar 'il quddiem il-"Finanzamt") dwar it-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lill-mejjet matul is-snin 1995 sa 1997 minn kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka u fl-Olanda.

 Kuntest Ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        L-Artikolu 56(1) KE, li jinsab fil-Kapitolu 2 intitolat "Il-Kapital u l-Pagamenti" tat-Titolu III, li huwa stess hu intitolat "Il-moviment liberu ta’ persuni, servizzi u kapital" tat-Tielet Parti tat-Trattat KE, iddedikat għall-politika tal-Komunità, jipprovdi li:

"Fil-kwadru tad-disposizzjonijiet indikati f'dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita"

4        L-Artikolu 58(1) KE jipprovdi li:

"Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 56 KE m'għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta' l-Istati Membri:

a)      li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta' residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit;

[...]"

5        L-Artikolu 58(3) KE jipprovdi li:

"Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jikkostitwixxu mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta' kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56."

 Id-dritt Ġermaniż applikabbli matul iis-snin 1995 sa 1997

6        s Skond l-Artikoli 1, 2 u 20 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz) tas-7 ta' Settembru 1990 (BGBl. 1990 I, p. 1898) kif emendata mil-liġi tat-13 ta' Settembru 1993 (BGBl. 1993 I, p. 1569, aaktar 'il quddiem il-"EStG"), id-dividendi li tibbenefika minnhom persuna residenti u għaldaqstant suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul prinċipalment fil-Ġermanja huma taxxabbli bħala dħul mill-kapital.

7        SkSkond l-Artikolu 27(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz) tal-11 ta' Marzu 1991 (BGBl. 1991 I, p. 638) kif emendata mil-liġi tat-13 ta' Settembru 1993, id-dividendi mqassma minn kumpanniji ta' kapital suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji prinċipalment fil-Ġermanja huma taxxabbli skond din it-taxxa b'rata ta' 30%. Dan jirriżulta f'distribuzzjoni ta' 70% tal-profitti qabel it-taxxa u kreditu fiskali ta' 30/70, jiġifieri 3/7 tad-dividendi li jiġu rċevuti.

8        Skond l-Artikol Skond il-punt 3 ta' l-Artikolu 36(2) ta' l-EStG, dan il-kreditu fiskali japplika biss għad-dividendi rċevuti minn kumpanniji ta' kapital suġġetti prinċipalment għat-taxxa fil-Ġermanja. Konsegwentement, persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul prinċipalment fil-Ġermanja jibbenifikaw mill-imsemmi kreditu fiskali meta jirċievu dividendi mingħand kumpanniji Ġermaniżi iżda mhux meta jirċievu dividendi mingħand kumpanniji barranin.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Il-mejjet Il-Mejjet Il-H. Meilicke, li kien residenti fil-Ġermanja, kellu xi azzjonijiet f'kumpanniji stabbiliti fl-Olanda u fid-Danimarka. Matul is-snin 1995 sa 1997, huwa rċieva dividendi li kienu flimkien jammontaw għal DEM 39 631.32, jiġifieri EUR 20 263.17.

10      B'ittB'ittra tat-30 ta' Ottubru 2000, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-Finanzamt kreditu fiskali ta' 3/7 ta' dawn id-dividendi li kellhom jitnaqqsu mit-taxxa fuq id-dħul stmat f'isem H. Meilicke.

11      Il-Finanzamt ċaħdet din it-talba minħabba li jista' jkun hemm tpaċija mat-taxxa fuq id-dħulm mat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Ġermanja biss.

12      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Köln.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Köln iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"Il-punt 3 ta' l-Artikolu 36(2) ta' l-[EStG], li, bis-saħħa tiegħu it-taxxa fuq il-kumpanniji ta' kumpannija jew ta' assoċjazzjoni soġġetta prinċipalment għat-taxxa fuq il-kumpanniji hija suggete għal tpaċija mat-taxxa fuq id-dħul, għal 3/7 tad-dħul skond il-punti 1 u 2 ta' l-Artikolu 20(1), ta' l-EStG, huwa kompatibbli ma' l-Artikoli 56(1), KE u 58(1)(a) u (3) KE?"

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq il-mertu

14      Kif enfassizzaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Finanzgericht Köln ressqet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari qabel ma ngħatat is-sentenza tas-7 ta' Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477).

15      Fil-punt 54 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-kalkolu ta' kreditu fiskali mogħti lil azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fil-Finlandja, li jkun irċieva dividendi mingħand kumpannija stabbilita fl-Iżvezja, għandu jieħu in kunsiderazzjoni t-taxxa attwalment imħallsa mill-kumpannija stabbilita f'dan l-Istat Membru l-ieħor, kif tirriżulta mir-regoli ġenerali applikabbli għall-kalkolu tal-bażi ta' stima kif ukoll tar-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji f'dan l-aħħar Stat Membru.

16      Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta matul is-snin ikkonċernati, ir-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji kienet ta' 34% fid-Danimarka u ta' 35% fl-Olanda. Fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li t-talba mressqa quddieml-awtoritajiet tat-taxxa Ġermaniżi kellha tinftiehem bħala li kienet talba għal kreditu fiskali li ma kienx jammonta għal 3/7 tad-dħul fis-sens tal-punti 1 jew 2 ta' l-Artikolu 20(1) ta' l-EStG, iżda għal 34/66 ta' l-imsemmi dħul għad-dividendi ta' oriġini Daniża u għal 35/65 għal dawk ta' oriġini Olandiża.

17      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġermaniż, filwaqt li jallega li s-sentenża Manninen, iċċitata aktar 'il fuq, ma tapplikax għall-kawża prinċipali, jippreċiża li, fil-kuntest tas-sistema ta' tnaqqis sħiħ prevista mil-liġi Ġermaniża għad-distribuzzjoni ta' dividendi ta' oriġini nazzjonali, il-frazzjoni ta' 3/7 tad-dividendi prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix tnaqqis fiss iżda hija marbuta ma' l-ammont tar-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji ta' 30% fil-każ ta' distribuzzjoni ta' dividendi. Fil-każ ta' distribuzzjoni ta' dividendi ta' oriġini barranija, ma jistax għaldaqstant jingħata kreditu fiskali li jammonta għal 3/7 tad-dividendi rċevuti li ma jkunx marbut mar-rata tat-taxxa applikabbli għall-profitti mqassma skond il-leġiżlazzjini dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji ta' l-Istat membru li fih hija stabbilta l-kumpannija li ħallset dawn id-dividendi.

18      F;dawn F'dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkunsidrat li, bid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali li, bis-saħħa tagħha, f'distribuzzjoni ta' dividendi minn kumpannija ta' kapitali, azzjonist taxxabbli prinċipalment fi Stat Membru jibbenifika biss minn kreditu fiskali, ikkalkolat abbażi tar-rata tat-taxxa fuq il-profitti skond it-taxxa fuq il-kumpanniji, meta l-kumpannija li tkun qiegħda tqassam il-profitti tkun stabbilita f'dan l-istess Stat Membru iżda mhux meta l-imsemmija kumpannija tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor.

19      Skond ġurisprudenza stabbilita, filwaqt li t-tassazzjoni diretta taqa' fil-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza skond id-dritt Komunitarju (sentenzi tad-29 ta' April 1999, Royal Bank of Scotland, C 311/97, Ġabra. p. I-2651, punt 19, u Manninen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 19).

20      Issa, leġiżlazzjoni fiskali bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 56 KE.

21      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-għan tal-kreditu fiskali previst fil-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istess bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża deskritta fis-sentenza Manninen, huwa li tkun evitata t-tassazzjoni doppja fuq il-qligħ tal-kumpanniji mqassam lill-azzjonisti billi jsir tnaqqis tat-taxxa dovuta bħala tassazzjoni fuq il-kumpanniji mill-kumpannija li tqassam id-dividendi mat-taxxa dovuta mill-azzjonist bħala t-taxxa fuq id-dħul li tirrigwarda d-dħul mill-kapital. Ir-riżultat finali ta' sistema bħal din huwa li d-dividendi jibqgħu biss taxxabbli mil-lat ta' l-azzjonist safejn ma jkunux ġew diġà taxxati bħala profitti mqassma mil-lat tal-kumpannija (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Manninen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 20).

22      Peress li l-kreditu fiskali japplika biss fir-rigward tad-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja, l-imsemmija leġiżlazzjoni toħloq żvantaġġ għall-persuni suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul prinċipalment f'dan l-Istat Membru li jirċievu dividendi ta' kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, dawn il-persuma huma, minn naħa tagħhom, intaxxati mingħajr ma jibbenifikaw mit-tnaqqis fuq it-taxxa li tolqot id-dħul ta' kapital tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn dawn il-kumpanniji fl-Istat ta' stabbiliment tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Manninen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 20).

23      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tista' tiddisswadi lill-persuni prinċipalment suġġetti għat-taxxa fil-Ġermanja milli jinvestu l-kapital tagħhom f'kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra.

24      Kuntrarjament għal dan, din il-leġiżlazzjoni hija ta' natura tali li jkollha effett restrittiv fir-rigward ta' dawn l-kumpanniji fis-sens li, fil-konfront tagħhom, hija tammonta għal ostakolu għall-ġbir ta' kapital fil-Ġermanja. Fil-fatt, safejn id-dividendi ta' oriġini li ma tkunx Ġermaniżi huma, għal skopijiet fiskali, trattati b'mod anqas favorevoli mid-dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja, għall-investituri residenti fil-Ġermanja, l-azzjonijiet tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra huma anqas attraenti minn dawk ta' kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom f'dan l-Istat Membru (ara s-sentenzi tas-6 ta' Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 35; Manninen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 23, u tat-12 ta' Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64).

25      Filwaqt li jibbaża ruħu fuq is-sentenzi tat-28 ta' Jannar 1992, Bachmann (C-204/90, Ġabra p. I-249) u Il-Kummissjoni vs Il-Bejġju (C-300/90, Ġabra p. I-305), il-Gvern Ġermaniż isostni li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata min-neċessita li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali.

26      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, sabiex argument ibbażat fuq ġustifikazzjoni bħal din jista’ jirnexxi, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-benefiċċju fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dan il-benefiċċju permezz ta’ tnaqqis fiskali stabbilit (sentenza Manninen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 42).

27      Min-naħa l-oħra, argument ibbażat fuq il-ħtieġa li tkun imħarsa l-koerenza ta' sistema fiskali għandu jiġi eżaminat fid-dawl ta' l-għan tal-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni (sentenza Manninen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 43).

28      Anki jekk il-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża tkun ibbażata fuq rabta bejn il-vantaġġ fiskali u l-imposta fiskali kompensatorja, billi tipprovdi li l-kreditu fiskali mogħti lill-azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja huwa kkalkulat abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija stabbilita f'dan l-Istat Membru fir-rigward tal-profitti mqassma minnha, leġiżlazzjoni bħal din ma jidhirx li hija meħtieġa għall-ħarsien tal-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Manninen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 45).

29      Fil-fatt, l-għan tal-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża huwa li telimina t-tassazzjoni doppja fuq il-qligħ tal-kumpanniji distribwit bħala dividendi. Fid-dawl ta' dan l-għan, il-koerenza ta' l-imsemmija sistema fiskali tibqa' assigurata sakemm il-korrelazzjoni bejn il-vantaġġ fiskali mogħti favur l-azzjonist u t-taxxa dovuta bħala taxxa fuq il-kumpanniji tinżamm. Għaldaqstant, f'każ bħalma huwa dak fil-kawża prinċipali, l-għotja lil azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja u li jkollu azzjonijiet f'kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta' kreditu fiskali li jiġi kkalkulat b'referenza tat-taxxa dovut minnha bħala taxxa fuq il-kumpanniji ta' dan l-aħħar Stat Membru ma tippreġudikax il-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża u tikkostitwixxi miżura anqas restrittiva għall-moviment liberu tal-kapital minn dik prevista mil-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża (ara, b'analoġija, is-sentenza Manninen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 46).

30      Ċertament, l-għoti ta' kreditu fiskali taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta fi Stat Membru ieħor huwa ta' natura li jinvolvi, għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tnaqqis fid-dħul fiskali tagħha fir-rigward tad-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra. Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-tnaqqis fid-dħul fiskali m'għandux jitqies bħala raġuni imperattiva ta' interess ġenerali li tista' tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura li, fil-prinċipju, tmur kontra libertà fundamentali (sentenzi Verkooijen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 59 u Manninen, punt 49).

31      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi hawn fuq imsemmija, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali li, bis-saħħa tagħha, meta ssir distibuzzjoni ta' dividendi minn kumpannija ta' kapital, azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fi Stat Membru jibbenefika minn kreditu fiskali, ikkalkulat skond ir-rata ta' tassazzjoni tal-kumpanniji fuq il-profitti mqassma, meta l-kumpannija li tiddistribwixxi l-profitti tkun stabbilita f'dan l-istess Stat Membru iżda mhux meta l-kumpannija li tiddistribwixxi l-profitti tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor.

 Fuq l-effetti tas-sentenza preżenti fiż-żmien

32      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Ġermaniż invoka l-possibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija tqis li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali hija inkompatibbli ma' l-Artikoli 56 KE u 58 KE, li tillimita l-effetti ta' din is-sentenza fiż-żmien.

33      In sostenn tat-talba tiegħu, l-imsemmi Gvern, minn naħa, ġibed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-konsegwenzi finanzjarji serji li sentenza li tinkludi konstatazzjoni jkollha. Min-naħa l-oħra huwa sostna li, qabel ma ngħatat is-sentenza Verkooijen, iċċitata aktar 'il fuq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħat tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni kontenzjuża kienet tikkonforma mad-dritt Komunitarju.

34      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola ta' dritt Komunitarju, fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 234 KE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta' din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista' u għandha tiġi applikata mill-qorti anke għal relazzjonijiet legali mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, jekk, minbarra dan, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża dwar l-applikazzjoni ta' l-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jkunu sodisfatti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta' Ottubru 2002, Barreira Pérez, C-347/00, Ġabra p. I-8191, punt 44, u tas-17 ta' Frar 2005, Linneweber u Akritidis, C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I-1131, punt 41).

35      Huwa biss b'mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista', skond il-prinċipju ġenerali ta' ċertezza legali li huwa inerenti għas-sistema legali Komunitarja, tillimita l-possibbiltà għal kull min ikun ikkonċernat li jinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex jikkontesta relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fede (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta' Mejju 2000, Buchner et, C-104/98, Ġabra p. I-3625, punt 39, kif ukoll Linneweber u Akritidis, iċċitata aktar 'il fuq, punt 42)

36      BarraBarra minn hekk, limitazzjoni bħal din tista' biss tkun ammessa, skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza stess li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni mitluba (sentenzi tat-2 ta' Frar 1988, Barra, 309/85, Ġabra p. 355, punt 13, u Blaizot, 24/86, Ġabra p. 379, punt 28; tas-16 ta' Lulju 1992, Legros et, C-163/90, Ġabra p. I-4625, punt 30; tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman et, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 142, u tad-9 ta' Marzu 2000, EKW u Wein & Co., C-437/97, Ġabra p. I-1157, punt 57).

37      Fil-fatt, jeħtieġ li neċessarjament ikun hemm mument uniku ta' determinazzjoni ta' l-effetti fiż-żmien ta' l-interpretazzjoni mitluba li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju. F'dan ir-rigward, il-prinċipju li limitazzjoni tista' tiġi biss ammessa fis-sentenza stess li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba, jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament ta' l-Istati Membri u ta' l-individwi l-oħra quddiem dan id-dritt u jissodisfa fl-istess ħin il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-prinċipju taċ-ċertezza legali.

38      L-interpretazzjL-interpretazzjoni mitluba minn dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda t-trattament fiskali li għandu jagħti Stat Membru, fil-kuntest ta' sistema nazzjonali intiża għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tat-taxxa doppja ekonomika, fuq dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. F'dan ir-rigward, mill-punt 62 tas-sentenza Verkooijen, iċċitata iktar 'il fuq, jirriżulta li d-dritt Komunitarju jipprekludi dispożizzjoni leġiżlattiva ta' Stat Membru li tissuġġetta l-għotja ta' eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul li għaliha huma suġġetti d-dividendi mħallsa lil persuni fiżiċi azzjonisti għall-kundizzjoni li l-imsemmija dividendi jitħallsu minn kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-imsemmi Stat Membru.

39      Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx fiż-żmien l-effetti ta' l-imsemmija sentenzi.

40      Barra minn hekk, il-prinċipji adottati fis-sentenza Verkooijen, iċċitata aktar 'il fuq, li b'hekk ikkjarikaw il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-prinċipju tal-moviment ħieles tal-kapital fir-rigward ta' divendi rċevuti minn persuni residenti mingħand kumpanniji mhux residenti, ġew ikkonfermati mis-sentenzi tal-15 ta' Lilju 2004, Lenz (C-315/03, Ġabra p. I-7063), u Manninen, iċċitatata aktar 'il fuq (ara wkoll is-sentenza, Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata aktar 'il fuq, punt 215).

41      Għaldaqstant m'hemmx lok li l-effetti ta' din is-sentenza jiġu llimitati fiż-żmien.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali li, bis-saħħa tagħha, meta ssir distibuzzjoni ta' dividendi minn kumpannija ta' kapital, azzjonist prinċipalment suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fi Stat Membru jibbenefika minn kreditu fiskali, ikkalkulat skond ir-rata ta' tassazzjoni tal-kumpanniji fuq il-profitti mqassma, meta l-kumpannija li tiddistribwixxi l-profitti tkun stabbilita f'dan l-istess Stat Membru iżda mhux meta l-kumpannija li tiddistribwixxi l-profitti tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.