Language of document : ECLI:EU:C:2010:391

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Lulju 2010 (*)

“Politika soċjali – Direttiva 92/85/KEE − Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu − Artikoli 5(2) u 11(1) − Ħaddiema ttrasferita provviżorjament lejn post tax-xogħol ieħor matul it-tqala tagħha − Trasferiment minħabba riskju għas-sigurtà tagħha jew għal saħħitha u għal dik tat-tarbija tagħha − Ħlas inferjuri mill-ħlas medju rċevut qabel dan it-trasferiment − Ħlas preċedenti kompost minn salarju bażiku u minn varji allowances − Kalkolu tas-salarju li għalih għandha dritt il-ħaddiema tqila matul il-perijodu tat-trasferiment provviżorju tagħha”

Fil-Kawża C‑471/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa minn Helsingin käräjäoikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2008, fil-kawża

Sanna Maria Parviainen

vs

Finnair Oyj,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn J.-N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S.M. Parviainen, minn M. Penttinen, asianajaja,

–        għal Finnair Oyj, minn P. Verronen u A. Kujala, varatuomarit,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek, M. Huttunen u P. Aalto, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S.M. Parviainen, impjegata bħala kap tal-kabina minn Finnair Oyj (iktar ’il quddiem “Finnair”), kumpannija għat-trasport tal-arju, u din tal-aħħar dwar ir-remunerazzjoni li hija rceviet wara t-trasferiment provviżorju tagħha, matul it-tqala tagħha, lejn post tax-xogħol fuq l-art.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Id-disa’ u s-sittax-il premessa tad-Direttiva 92/85 jgħidu dan li ġej:

“Billi l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu m’għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa;

[…]

Billi l-miżuri għall-organizzazzjoni tax-xogħol li jikkonċerna[w] l-protezzjoni tas-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien ta’ drittijiet annessi mal-kuntratt ta’ l-impjieg, inkluż li jibqa’ jsir il-ħlas u/jew l-intitolament għal allowance adegwata.”

4        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ħaddiema tqila għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

b)      ħaddiema li welldet reċentement għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;

c)      ħaddiema li qiegħda tredda'tfisser ħaddiema li qiegħda tredda’ fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika.”

5        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Stima u Informazzjoni”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu li:

“Għall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta’ espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol li tagħhom lista mhux eżawrijenti hija mogħtija fl-Anness I, min iħaddem għandu jagħmel stima tan-natura, il-grad u t-tul ta’ l-espożizzjoni fl-impriża u/jew stabbiliment ikkonċernat, tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, jew direttament jew permezz tas-servizzi protettivi jew preventivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE [tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)], sabiex:

–        issir stima ta’ kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u kull effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2,

–        jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu.”

6        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85, intitolat “Azzjoni wara r-riżultati ta’ l-istima”, jipprovdi fl-ewwel tliet paragrafi tiegħu li:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE, jekk ir-riżultati ta’ l-istima msemmija fl-Artikolu 4(1) jirrivelaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa jew xi effett fuq it-tqala jew treddigħ ta’ ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, min iħaddem għandu jieħu l-azzjoni neċessarja biex jiżgura li, billi jiġu aġġustati temporanjament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata, l-espożizzjoni ta’ dik il-ħadddiema għal dawn ir-riskji jiġi evitat. 

2.      Jekk l-aġġustament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol tagħha ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, min iħaddem jrid jieħu l-passi neċessarji sabiex jagħti xogħol ieħor lill-ħaddiema konċernata.

3.      Jekk it-tibdil tal-post għal xogħol ieħor mhuwiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġġustifikati, il-ħaddiema kkonċernata għandha tingħata leave skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali għaż-żmien kollu li huwa neċessarju biex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha.”

7        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Leave tal-Maternità”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens tal-Atikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.”

8        L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg”, jgħid dan li ġej:

“Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f’dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:

1)      fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7, id-drittijiet ta’ impjieg relatati mal-kuntratt ta’ l-impjieg, inkluż il-ħarsien ta’ ħlas ta’, u/jew l-intitolament għal benefiċċju [allowance] adegwata għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, għandhom jiġu żgurati skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

2)      fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:

a)      id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta’ l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f’punt (b) hawn taħt;

b)      il-manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2;

3)      l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali;

4)      L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-punti 1 u 2(b) għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità għal dawn il-benefiċċji skond il-leġislazzjoni nazzjonali.

      Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jipprovdu għal perijodi ta’ impjieg preċedenti iktar minn12-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.”

9        L-Anness I tad-Direttiva 92/85, li jirreferi għalih l-Artikolu 4 tagħha, isemmi, bħala aġenti fiżiċi li jistgħu jikkawżaw leżjonijiet fil-fetu u/jew li x’aktarx jiddisturbaw l-attakkament tal-plaċenta, b’mod partikolari, ir-radjazzjonijiet jonizzanti u non-jonizzanti.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10      B’mod konformi mal-Artikolu 7(1) tal-liġi fuq it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa [naisten ja miesten välisestä tasa-arvosta annettu laki (609/1986)], kif emendata bil-liġi (232/2005) (iktar ’il quddiem il-“liġi 609/1986”), hija pprojbita kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess. Skont il-paragrafu (2) tal-istess artikolu, b’diskriminazzjoni diretta huwa mifhum ukoll il-fatt li persuna titpoġġa f’sitwazzjoni differenti minħabba raġuni marbuta mal-istat ta’ tqala jew mal-ħlas ta’ tarbija.

11      B’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tal-liġi 609/1986, l-aġir ta’ min iħaddem għandu jitqies li jikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mil-liġi jekk, meta dan jadotta deċiżjonijiet relattivi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol, jaġixxi b’mod li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’sitwazzjoni inqas vantaġġjuża minħabba raġuni marbuta mal-istat ta’ tqala, mal-ħlas ta’ tarbija jew ma kull raġuni oħra marbuta mas-sess.

12      L-Artikolu 3 tat-Titolu 2 tal-liġi dwar il-kuntratt tax-xogħol [työsopimuslaki (55/2001), iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-kuntratt tax-xogħol”] jipprovdi li, jekk l-impenji professjonali jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tqila jpoġġu fil-periklu saħħitha jew saħħet il-fetu, mingħajr ma jkun possibbli li jiġi eliminat il-fattur ta’ riskju li jirriżulta mix-xogħol jew mill-kundizzjonijiet tax-xogħol, għandu jsir sforz sabiex il-ħaddiema kkonċernata tiġi ttrasferita, matul it-tqala tagħha, sabiex din twettaq inkarigi adegwati oħra skont il-kapaċità tagħha li taħdem u l-kompetenzi professjonali tagħha.

13      Teżisti dispożizzjoni simili fl-Artikolu 11(2) tat-Titolu 2 tal-liġi dwar is-sigurtà fuq ix-xogħol [työturvallisuuslaki (738/2002)].

14      L-Artikolu 4 tat-Titolu 9 tal-liġi dwar l-assigurazzjoni għall-mard [sairausvakuutuslaki (1224/2004)] jiddisponi li ħaddiema tqila li twettaq xogħol imħallas għandha d-dritt li tirċievi allowances speċjali tal-maternità (“erityisäitiysraha”) jekk sustanza kimika, radjazzjoni, marda infettiva marbuta mal-impenji professjonali tagħha jew mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha, jew element paragunabbli ieħor ipoġġi fil-periklu saħħitha jew dik tal-fetu. Il-ħlas ta’ dawn l-allowances speċjali tal-maternità huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-affiljata tkun tista’ taħdem u għall-fatt li ma jkunx possibbli li jiġi organizzat xogħol differenti għaliha skont l-Artikolu 3(2) li jinsab fit-Titolu 2 tal-liġi dwar il-kuntratt tax-xogħol, u li l-affiljata tkun, għal din ir-raġuni, marbuta li tkun assenti minn fuq il-post tax-xogħol tagħha.

15      Mill-informazzjoni disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Finlandiża ma fihiex dispożizzjonijiet espliċiti dwar id-determinazzjoni tas-salarju fil-każ fejn ħaddiema tqila tiġi ttrasferita provviżorjament lejn post tax-xogħol ieħor sabiex twettaq inkarigi differenti minn dawk li hija twettaq normalment.

16      Il-ftehim kollettiv tal-ekwipaġġ tal-kabina (matkustamohenkilökunnan työehtosopimus, iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv”) ġie konkluż bejn is-sindakat tal-air hostesses u tal-istewards Finlandiż u l-unjoni ta’ min iħaddem tas-settur tas-servizzi. Dan il-ftehim kien fis-seħħ bejn l-1 ta’ April 2005 u t-30 ta’ Settembru 2007.

17      Il-ħlas tal-leave tal-maternità u tal-leave speċjali tal-maternità huwa rregolat mill-Artikolu 16(B) tal-ftehim kollettiv. Skont l-Artikolu 16(B)(2), air hostess tista’ tieqaf milli twettaq attività fl-ajru immedjatament wara l-konstatazzjoni tal-istat ta’ tqala. Mingħajr preġudizzju għal raġunijiet relatati mas-saħħa, ix-xogħol fl-ajru huwa awtorizzat sa mhux iktar mit-tmintax-il ġimgħa ta’ tqala.

18      Skont l-Artikolu 16(B)(3), air hostess tista’, fuq talba tagħha, tiġi ttrasferita, matul il-perijodu ta’ tqala, sabiex twettaq xogħol ieħor li jallokalha min jimpjegaha. Fuq talba tal-persuna kkonċernata, min jimpjegaha għandu jew jallokalha xogħol ieħor sad-data tal-bidu tal-allowances tal-maternità (“äitiyspäiväraha”) stabbilita mil-liġi fuq l-assigurazzjoni tal-mard, jew iħallasha s-salarju għall-perijodu kkonċernat.

19      Skont l-Artikolu 16(B)(4), is-salarju msemmi fil-punt 3 tal-Artikolu 16(B) jitħallas sal-ammont imħallas għal-leave annwali tal-ħaddiema kkonċernata. L-air hostess li tirrifjuta x-xogħol allokat lilha titlef id-dritt għal dan il-ħlas.

20      Fl-20 ta’ Ġunju 1989, Finnair adottat deċiżjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1989, dwar id-determinazzjoni tal-ħlas għax-xogħol fuq l-art li kellu jingħata lill-air hostesses fil-perijodu ta’ tqala tagħhom (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 1989”). Skont din id-deċiżjoni, u skont il-ftehim kollettiv, air hostess li tiġi ttrasferita għal xogħol fuq l-art minħabba l-istat ta’ tqala tagħha għandha titħallas salarju ugwali għall-ammont li jikkorrispondi għal-leave annwali bil-ħlas. Is-salarju mensili li għandu jitħallas matul il-perijodu ta’ xogħol fuq l-art jikkonsisti fil-paga bażika mensili u fil-paga addizzjonali mmoltiplikata b’25 imsejħa “lisäpäiväpalkka”. Din tal-aħħar hija kkalkulata abbażi tal-valur medju tal-pagi addizzjonali tal-air hostesses u tal-istewards kollha li jaqgħu taħt l-istess skala ta’ salarju. L-appartenenza għal skala ta’ salarju hija riżultat tat-tul taż-żmien tas-servizzi mwettqa mill-ħaddiem ikkonċernat. Il-koeffiċjent moltiplikatur ta’ 25 jirriżulta mill-fatt li hemm 25 jum ta’ salarju mħallsa fix-xahar.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħadmet fis-servizz ta’ Finnair bħala air hostess mit-8 ta’ April 1998. Hija assumiet il-funzjoni ta’ kap tal-kabina matul ix-xahar ta’ Ottubru 2005.

22      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħarġet tqila fil-bidu tal-2007. Id-data prevista għall-ħlas tat-tarbija kienet is-16 ta’ Ottubru 2007. Minħabba l-istat ta’ tqala tagħha ġiet ittrasferita provviżorjament, mit-30 ta’ April 2007, lejn post tax-xogħol fuq l-art. Hija okkupat dan il-post sal-15 ta’ Settembru 2007, meta beda l-leave tal-maternità tagħha.

23      Dan it-trasferiment seħħ skont l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 92/85 u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar il-kuntratt tax-xogħol u tal-liġi dwar is-sigurtà fuq ix-xogħol, kif ukoll skont il-ftehim kollettiv. Mill-proċess jirriżulta li dan kien immotivat mill-fatt li x-xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien jesponiha għal aġenti fiżiċi, bħal radjazzjonijiet jonizzanti u mhux jonizzanti, li setgħu jikkawżaw leżjonijiet fil-fetu.

24      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija kap tal-kabina, il-parti l-kbira mill-paga globali hija komposta minn allowances. L-allowances imħallsa lill-ħaddiema jistgħu jvarjaw b’mod kunsiderevoli skont jekk il-persuna għandhiex il-kwalità ta’ superjur ġerarkiku, bħal kap tal-kabina, jew ta’ air hostess jew steward. L-imsemmija ħaddiema jistgħu jirċievu allowances differenti, bħal, b’mod partikolari, dawk għal xogħol ta’ bil-lejl, għax-xogħol ta’ nhar ta’ Ħadd, għall-ġranet ta’ leave, għall-overtime jekk il-ġurnata tax-xogħol teċċedi t-8 sigħat, għat-titjiriet fit-tul jew ukoll għat-titjiriet li jinvolvu bdil fil-ħin. Barra minn hekk, persuni li għandhom l-istess grad jistgħu jwettqu numru ta’ sigħat tax-xogħol varjabbli ħafna, liema ħaġa tinfluwenza l-ammont tal-allowances.

25      L-allowances irrappreżentaw madwar 40 % mill-paga totali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali qabel it-trasferiment provviżorju tagħha lejn il-post tax-xogħol fuq l-art. Is-salarju bażiku mensili ta’ din tal-aħħar jammonta għal EUR 1 821.76, u s-salarju medju mensili għal EUR 3 383.04. Wara l-imsemmi trasferiment, il-paga totali mensili tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali naqset b’EUR 834.56.

26      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Finnair ma kellhiex id-dritt li tnaqqas is-salarju tagħha b’riżultat tat-trasferiment provviżorju tagħha, b’mod partikolari billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kwalità tagħha ta’ superjur ġerarkiku. Tali tnaqqis jikkostitwixxi aġir diskriminatorju u jikser id-Direttiva 92/85 kif ukoll il-liġi 609/1986. Fir-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti talbet il-ħlas, għall-perijodu kkontestat fil-kawża prinċipali, ta’ salarju għall-inqas ekwivalenti għal dik li kienet tirċievi bħala kap tal-kabina.

27      Finnair talbet li r-rikors jiġi miċħud. Skont din tal-aħħar, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċeviet, matul it-tqala tagħha, paga ogħla minn dik li titħallas lil persuna li b’mod regolari twettaq xogħol ekwivalenti fuq l-art. Barra minn hekk, fl-attività tagħha bħala kap tal-kabina, hija ma setgħetx tippretendi ammont iggarantit ta’ allowances. Fil-fatt, l-ammont ta’ allowances li jitħallsu lilha jiddependi dejjem mill-kwantità u mit-tip ta’ titjiriet imwettqa.

28      Billi qieset li, sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 u li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija rilevanti ħafna għall-eżitu tal-kawża quddiemha, il-Helsingin Käräjäoikeus (il-qorti tal-prim’istanza ta’ Ħelsinki) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva [92/85] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fuq il-bażi ta’ din id-direttiva, ħaddiema li, minħabba tqala, ġiet trasferita f’pożizzjoni fejn tagħmel xogħol li jitħallas inqas, għandha titħallas l-istess kif kienet titħallas bħala medja qabel it-trasferiment tagħha? Barra minn hekk, f’dan ir-rigward huwa rilevanti x’tip ta’ allowances kienet tirċievi u fuq liema bażi l-ħaddiema kienet tirċievi dawn l-allowances b’żieda mal-paga bażika ta’ kull xahar tagħha?”

 Fuq id-domanda preliminari

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li ħaddiema tqila li, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, ġiet ittrasferita provviżorjament minħabba t-tqala tagħha lejn post tax-xogħol fejn tagħmel xogħol differenti minn dak li kienet twettaq qabel dan it-trasferiment, għandhiex dritt għal paga li hija ekwivalenti għall-paga medja li kienet tirċievi qabel l-imsemmi trasferiment. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk it-tip ta’ allowances irċevuti minn din il-ħaddiema u l-motivi għall-ħlas tagħhom, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet preċedenti tagħha, humiex rilevanti f’dan ir-rigward.

30      Għandu jiġi mfakkar qabelxejn li, minħabba l-fatt li ċerti attivatijiet jistgħu jippreżentaw riskju speċifiku minħabba l-espożizzjoni tal-ħaddiema tqila, li tkun welldet reċentement jew li qed tredda’, għal aġenti, proċeduri jew kundizzjonijiet ta’ xogħol perikolużi, bħal dawk elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 92/85, li jipperikolaw is-sigurtà jew is-saħħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni implementa, meta ġiet adottata d-Direttiva 92/85, dispożittiv ta’ stima u ta’ komunikazzjoni tar-riskji, kif ukoll il-projbizzjoni għal tali ħaddiema li teżerċita ċerti attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03, Ġabra p. I‑935, punt 44).

31      Meta r-riżultati tal-istima tar-riskju mwettqa skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85 juru riskju għas-sigurtà jew is-saħħa kif ukoll konsegwenzi fuq it-tqala jew it-treddigħ ta’ ħaddiema, l-Artikolu 5 (1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li min iħaddimha għandu jipproċedi għall-aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol jew, jekk dan ma jkunx teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, għall-bdil fil-post tax-xogħol.

32      Huwa biss fil-każ li tali bidla hija wkoll impossibbli li l-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-ħaddiema kkonċernata għandha, skont il-liġi u/jew prattika nazzjonali, tingħata leave mix-xogħol għaż-żmien kollu li huwa neċessarju sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha (sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Høj Pedersen et, C‑66/96, Ġabra p. I‑7327, punt 57).

33      Mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 jirriżulta li, fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5 sa 7 tagħha, id-drittijiet marbuta mal-kuntratt tax-xogħol, inkluż iż-żamma ta’ ħlas u/jew l-intitolament għal allowance adegwata għal ħaddiema tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu għandhom jiġu żgurati skont il-liġi u/jew prattika nazzjonali.

34      Għandu jiġi mfakkar li, għal dak li jirrigwarda l-ħaddiema bil-leave tal-maternità, l-Artikolu 11(2)(b) tad-Direttiva 92/85 jipprovdi li għandha tiġi ġġarantita lilhom “il-manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew [l-]intitolament, għal allowance xierqa”.

35      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ ħlas fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva tinkludi, bħad-definizzjoni fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 141(2) KE, il-benefiċċji li min iħaddem iħallas direttament jew indirettament matul il-leave tal-maternità fir-rigward tal-impjieg tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ allowance li għalih tirreferi din id-dispożizzjoni tinkludi kull dħul li tirċievi l-ħaddiema matul il-leave tal-maternità tagħha u li ma jitħallasx lilha minn min iħaddimha abbażi tar-relazzjoni tax-xogħol (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C‑411/96, Ġabra p. I‑6401, punt 31).

36      Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ allowance xierqa li l-ħaddiema bil-leave tal-maternità huma intitolati għaliha skont l-Artikolu 11(2)(b) tad-Direttiva 92/85, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-definizzjoni ta’ din l-allowance xierqa, li toħroġ mill-Artikolu 3 tal-istess artikolu, hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-ħaddiema tibbenefika, matul il-leave tal-maternità tagħha, minn dħul li huwa mill-inqas ekwivalenti għal dak mill-allowance prevista fil-liġijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali f’każ ta’ interruzzjoni tal-attivitajiet tagħha minħabba raġunijiet ta’ saħħa (sentenza Boyle et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

37      Skont din il-ġurisprudenza, ir-riċezzjoni ta’ dħul ta’ tali livell għandha tiġi ggarantita lill-ħaddiema matul il-leave tal-maternità tagħhom, kemm jekk dan jitħallas, skont l-Artikolu 11(2)(b) tad-Direttiva 92/85, taħt il-forma ta’ allowance, paga jew kombinazzjoni tat-tnejn (sentenza Boyle et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

38      Madankollu, anki jekk kemm l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 kif ukoll il-paragrafi 2(b) u 3 ta’ dan l-artikolu jirreferu “[għall-]manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew [għall-]intitolament, għal allowance xierqa għal ħaddiema [tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu]”, jirriżulta mill-għanijiet ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imsemmija dispożizzjonijiet li, għal dak li jirrigwarda r-riċezzjoni ta’ dħul, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema tqal koperta mill-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva u dik tal-ħaddiema bil-leave tal-maternità rregolata mill-Artikolu 8 tagħha ma jistgħux, għal kull bon fini, jiġu ekwiparati.

39      L-ewwel nett, il-ħaddiema tqal li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 92/85, li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom tbiddlu b’mod provviżorju jew li ġew ittrasferiti lejn postijiet tax-xogħol oħrajn minn min iħaddimhom, ikomplu jaħdmu u jwettqu l-funzjonijiet mitluba minnhom minn dan tal-aħħar.

40      Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema li jibbenefikaw mil-leave tal-maternità previst fl-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jinsabu f’sitwazzjoni speċifika li teżiġi li jingħataw protezzjoni speċjali, iżda li ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik ta’ raġel jew ta’ mara li jokkupaw effettivament il-post tax-xogħol tagħhom (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C‑342/93, Ġabra p. I‑475, punt 17, kif ukoll tat-30 ta’ Marzu 2004, Alabaster, C‑147/02, Ġabra p. I‑3101, punt 46).

41      It-tieni nett, jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/85 li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ allowance xierqa li tinsab fih tapplika biss għall-paragrafu 2(b) tal-istess artikolu u għalhekk biss għall-ħaddiema bil-leave tal-maternità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Høj Pedersen et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

42      Fid-dawl tad-differenzi msemmija iktar ’il fuq bejn il-każijiet koperti, minn naħa, mill-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 92/85 u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, ma huwiex possibbli għaldaqstant li tiġi trasposta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-definizzjoni tal-kunċetti ta’ ħlas u ta’ allowance xierqa li jinsabu fl-Artikolu 11(2)(b) u (3) ta’ din id-direttiva li jirrigwarda l-ħaddiema bil-leave tal-maternità għad-dritt għal paga tal-ħaddiema li kienu suġġetti, matul it-tqala tagħhom, għal aġġustament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jew għal bidla provviżorja tal-post tax-xogħol skont l-imsemmi Artikolu 5(1) u (2).

43      Fil-fatt, it-traspożizzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-leave tal-maternità għal ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjonijiet bħal dawk koperti mill-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 92/85 tista’ twassal għas-sitwazzjoni irraġonevoli fejn ħaddiema, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li hija ttrasferita provviżorjament, tista’ titnaqqsilha l-paga, matul il-perijodu ta’ dan it-trasferiment provviżorju, għal ammont ekwivalenti għal dak tal-allowance previst fil-liġi nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali f’każ ta’ interruzzjoni tal-attivitajiet ta’ din il-ħaddiema għal raġunijiet ta’ saħħa.

44      Issa, tali tnaqqis tal-paga ta’ ħaddiema li effettivament tkompli taħdem mhux biss tmur kontra l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa ta’ ħaddiema tqal previst fid-Direttiva 92/85, iżda tikser ukoll, kuntrarjament għal dak li tipprovdi d-disa’ premessa ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa.

45      Fil-kawża prinċipali, Finnair u l-Gvern Finlandiż isostnu li, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85, id-determinazzjoni tal-ammont tad-dħul li għandu jitħallas lil ħaddiema ttrasferita provviżorjament lejn post tax-xogħol ieħor minħabba t-tqala tagħha hija fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Skont dan il-Gvern, il-livell tal-paga għandu jkun tali li l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa ta’ ħaddiema tqal previst f’din id-direttiva ma jkunx mhedded.

46      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li ħaddiema tqila li tinstab f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti għandha a priori, matul il-perijodu ta’ trasferiment provviżorju tagħha, tkun tista’ tibbenefika miż-żamma tas-salarju sħiħ tagħha.

47      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Taljan jikkonstata li, skont id-dritt intern tiegħu, ħaddiema tqila li tiġi ttrasferita sabiex twettaq funzjonijiet li jikkorrispondu għal livell ġerarkiku inferjuri għal dak tal-funzjonijiet regolari tagħha żżomm il-paga li tikkorrispondi għall-funzjonijiet eżerċitati preċedentement. Madankollu, għal dak li jirrigwarda l-benefiċċji u l-allowances li jiżdiedu mas-salarju bażiku, hemm lok li titwettaq distinzjoni bejn, minn naħa, dawk imħallsa b’kunsiderazzjoni tal-kwalitajiet professjonali intrinsiċi tal-ħaddiema kkonċernata, li ma għandhomx jitneħħew jew jitnaqqsu minn min iħaddem fil-każ ta’ bidla provviżorja fil-post tax-xogħol ta’ din tal-aħħar għall-protezzjoni ta’ saħħitha, u, min-naħa l-oħra, dawk imħallsa minħabba l-modalitajiet partikolari għat-twettiq tal-funzjonijiet tax-xogħol, li jiġu attribwiti biss sabiex jingħata kumpens għall-inkonvenjenti jew għad-diffikultajiet partikolari li tiltaqa’ magħhom il-ħaddiema u li jistgħu jitneħħew f’każ li s-sitwazzjonijiet speċifiċi li jkunu mmotivawhom jisparixxu.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, matul il-perijodu li ta lok għall-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kompliet taħdem u twettaq il-funzjonijiet tax-xogħol mitluba minn min iħaddimha. Barra minn hekk, it-trasferiment provviżorju seħħ mhux fuq it-talba tal-persuna kkonċernata, iżda b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern Finlandiż u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85 u kien intiż sabiex jiġi evitat kull riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-persuna kkonċernata jew tat-tarbija tagħha.

49      Għalkemm dan huwa l-każ, eżami tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 kif ukoll tal-għan ta’ protezzjoni ta’ ħaddiema tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu previst f’din id-direttiva jindika li, kuntrarjament għal dak li jsostnu kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ħaddiema tqila bħal din tal-aħħar, li tiġi ttrasferita provviżorjament lejn post tax-xogħol ieħor u fejn il-paga qabel dan it-trasferiment hija komposta minn salarju bażiku u varji allowances li l-għoti tagħhom jiddependi, għal numru minnhom, mill-eżerċizzju ta’ funzjonijiet speċifiċi, ma tistax, abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, tippretendi ż-żamma tal-paga kollha li kienet tirċievi qabel it-trasferiment provviżorju.

50      Qabelxejn, anki jekk, ibbażata fuq ir-relazzjoni ta’ xogħol u mħallsa lil ħaddiema tqila koperta mill-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 92/85 li effettivament tkompli taħdem, ir-remunerazzjoni li min iħaddem iħallas lil din il-ħaddiema tikkostitwixxi paga fis-sens tal-Artikolu 141 KE, il-fatt jibqa’ li l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tagħha, jirreferi għall-ħarsien “ta’” ħlas u mhux “tal-” ħlas tal-ħaddiema kkonċernata.

51      Barra minn hekk, l-Artikolu 11(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità għal dawn il-benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

52      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-elementi fattwali relatati man-natura tax-xogħol imwettaq u mal-kundizzjonijiet li fihom jitwettaq dan ix-xogħol jistgħu, skont il-każ, jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu fatturi oġġettivi u nieqsa minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess li jistgħu jiġġustifikaw differenzi eventwali ta’ ħlas bejn gruppi differenti ta’ ħaddiema (ara, f’dan is-sens, fil-kuntest tal-Artikolu 141 KE, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, JämO, C‑236/98, Ġabra p. I‑2189, punt 52).

53      Issa, fil-każ inkwistjoni, huwa paċifiku li l-ħlas ta’ ċerti allowances li għalihom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha dritt qabel it-trasferiment provviżorju tagħha kien jiddependi mill-eżerċizzju ta’ funzjonijiet speċifiċi f’kundizzjonijiet speċifiċi u li, għall-perijodu tat-trasferiment provviżorju tagħha lejn post tax-xogħol ieħor, din tal-aħħar ma eżerċitatx tali funzjonijiet.

54      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 tirreferi espliċitament għal-liġijiet u/jew għall-prattiki nazzjonali.

55      L-imsemmija dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri u, skont il-każ, lill-imsieħba soċjali, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt għall-ħlas tal-ħaddiema tqal koperti mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85. Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi dritt mingħajr ma jistgħu, madankollu, jissuġġettaw għal xi kundizzjoni l-eżistenza stess ta’ dan id-dritt li jirriżulta direttament minn din id-direttiva u mir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-ħaddiema tqila u min iħaddimha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, Ġabra p. I‑4881, punt 53).

56      L-eżerċizzju mill-Istati Membri u, skont il-każ, mill-imsieħba soċjali, ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-paga li għaliha għandha dritt ħaddiema tqila ttrasferita provviżorjament lejn post tax-xogħol ieħor u minħabba t-tqala tagħha ma jistax, minn naħa, jippreġudika l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa ta’ ħaddiema tqal previst fid-Direttiva 92/85 u lanqas, min-naħa l-oħra, ma jagħtix każ il-fatt li tali ħaddiema effettivament tkompli taħdem u twettaq il-funzjonijiet tax-xogħol mitluba minn min iħaddimha.

57      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mis-sittax-il premessa tad-Direttiva 92/85, il-miżuri għall-organizzazzjoni tax-xogħol li jikkonċernaw il-protezzjoni tas-saħħa ta’ ħaddiema tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien ta’ drittijiet annessi mal-kuntratt tax-xogħol, inkluż li jibqa’ jsir il-ħlas u/jew l-intitolament għal allowance adegwata.

58      Il-paga li għandha tinżamm fir-rigward ta’ ħaddiema tqila, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85, wara t-trasferiment provviżorju tagħha lejn post tax-xogħol differenti minn dak li hija kienet tokkupa qabel it-tqala tagħha ma tistax f’kull każ tkun inqas għal dik imħallsa lill-ħaddiema li jokkupaw il-post tax-xogħol lejn liema hija ġiet ittrasferita provviżorjament. Fil-fatt, għall-perijodu ta’ dan it-trasferiment provviżorju, il-ħaddiema tqila għandha wkoll dritt għall-elementi tal-paga u għall-allowances li jappartjenu għall-imsemmi post tax-xogħol, bil-kundizzjoni li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għalihom skont l-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva.

59      Barra minn hekk, hekk kif jikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 u 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-għażla tal-elementi tal-paga ta’ tali ħaddiema li għandha tinżamm matul il-perijodu ta’ trasferiment provviżorju skont l-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri u, skont il-każ, l-imsieħba soċjali huma marbuta min-natura tal-allowances differenti mħallsa minn min iħaddem u li, f’ċerti każijiet, bħal dak fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu parti importanti tal-paga globali tal-ħaddiema tqila kkonċernata.

60      Minn dan jirriżulta li, minbarra s-salarju bażiku relatat mal-kuntratt tagħha jew mar-relazzjoni tax-xogħol tagħha, ħaddiema tqila ttrasferita provviżorjament lejn post tax-xogħol ieħor, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85, iżżomm, f’dan it-trasferiment, id-dritt għall-elementi tal-paga jew għall-allowances relatati mal-istatus professjonali tagħha bħal, b’mod partikolari, l-allowances relatati mal-kwalità tagħha ta’ superjur ġerarkiku, mal-anzjanità tagħha u mal-kwalifiki professjonali tagħha.

61      Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri u, skont il-każ, l-imsieħba soċjali ma humiex obbligati, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85, li jżommu, f’dan it-trasferiment provviżorji, l-elementi tal-paga jew l-allowances li, hekk kif jirriżulta mill-punt 53 tas-sentenza preżenti, jiddependu mill-eżerċizzju, mill-ħaddiema kkonċernata, ta’ funzjonijiet speċifiċi f’kundizzjonijiet partikolari u li huma intiżi essenzjalment sabiex jingħata kumpens għall-inkonvenjenti marbuta ma’ dan l-eżerċizzju.

62      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, wara t-trasferiment provviżorju tagħha lejn post tax-xogħol differenti minn dak li kienet tokkupa qabel it-tqala tagħha, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85, ħaddiema tqila ma għandhiex dritt, skont l-Artikolu 11(1) ta’ din id-Direttiva, għall-paga medja li kienet tirċievi qabel l-imsemmi trasferiment.

63      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 jipprovdi biss għal protezzjoni minima fir-rigward tad-dritt għal dħul ta’ ħaddiema tqal koperti mill-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. L-ebda dispożizzjoni tagħha ma twaqqaf lill-Istati Membri, jew, skont il-każ, l-imsieħba soċjali li jipprovdu għaż-żamma tal-elementi kollha tal-paga u tal-allowances kollha li għalihom kellha dritt il-ħaddiema tqila qabel it-tqala tagħha u t-trasferiment provviżorju tagħha lejn post tax-xogħol ieħor.

64      Fil-fatt, id-Direttiva 92/85, li ġiet adottata skont l-Artikolu 118A tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti bl-Artikoli 136 KE sa 143 KE), ma twaqqafx lil Stat Membru, kif jirriżulta mill-Artikolu 137(4) KE, milli jżomm jew jistabbilixxi miżuri ta’ protezzjoni iktar stretti, bil-kundizzjoni li dawn ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Jiménez Melgar, C‑438/99, Ġabra p. I‑6915, punt 37).

65      Fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-punti 19 u 20 tas-sentenza preżenti li, skont il-ftehim kollettiv u d-deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 1989, air hostess tqila għandha titħallas, wara t-trasferiment tagħha lejn post tax-xogħol fuq l-art minħabba t-tqala tagħha, paga ekwivalenti għal dik irċevuta għal-leave annwali bil-ħlas.

66      Il-paga mħallsa minn Finnair lil ħaddiema tqila matul il-perijodu tat-trasferiment provviżorju tagħha hija komposta mis-salarju bażiku mensili tagħha u minn paga addizzjonali msejħa “lisäpäiväpalkka”. Hekk kif jirriżulta mill-punt 20 ta’ din is-sentenza, din il-paga addizzjonali hija kkalkulata f’żewġ stadji. L-ewwel nett, il-medja tal-allowances irċevuti minn air hostess jew minn steward hija kkalkulata matul perijodu determinat ta’ riferiment. Din hija l-paga addizzjonali personali, imsejħa “lisäpäiväpalkka”, imħallsa lill-persuna kkonċernata matul dan il-perijodu. It-tieni nett, jiġi kkalkulat il-valur medju tal-pagi addizzjonali personali tal-air hostesses u tal-istewards kollha li jaqgħu taħt l-istess skala ta’ salarju.

67      Għandu jiġi osservat li, minħabba l-fatt li l-paga mħallsa lill-ħaddiema tqal, wara it-trasferiment provviżorju tagħhom lejn post tax-xogħol differenti minn dak li kienu jokkupaw qabel, hija kkalkolata abbażi tal-valur medju, matul perijodu determinat ta’ riferiment, tal-allowances irċevuti mill-air hostesses u mill-istewards kollha li jaqgħu taħt l-istess skala ta’ salarju, tali sistema tista’ twassal għal tnaqqis jew għal żieda tad-dħul irċevut mill-ħaddiema tqila meta mqabbel ma’ dak li rċeviet matul il-perijodu determinat ta’ riferiment. Issa, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ekwipaġġ tal-kabina jista’ jirċievi diversi allowances differenti, fejn il-ħlas tagħhom hija marbuta mal-modalitajiet partikolari li skonthom jitwettqu il-funzjonijiet tax-xogħol. F’dawn il-kundizzjonijiet, kemm l-ammont kif ukoll it-tip ta’ allowances li jkunu bbenefikaw minnhom l-air hostesses u l-istewards ikklassifikati taħt l-istess skala ta’ salarju matul l-imsemmi perijodu ta’ riferiment jistgħu jvarjaw b’mod kunsiderevoli.

68      L-għażla minn Stat Membru jew, skont il-każ, mill-imsieħba soċjali, ta’ sistema ta’ ħlas li skontha d-dħul tal-ħaddiema tqal, wara trasferiment provviżorju, huwa kompost mill-imsemmi salarju bażiku mensili u mill-valur medju tal-allowances li minnhom jibbenefikaw l-ekwipaġġ tal-kabina matul perijodu determinat ta’ riferiment ma tistax, bħala prinċipju, tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85.

69      Madankollu, sa fejn tali sistema ta’ ħlas ma tiħux inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-paga mensili li għandha titħallas lill-air hostesses tqal li kienu s-suġġett ta’ trasferiment provviżorju, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85, l-elementi tal-paga jew l-allowances li huma relatati mal-istatus professjonali tal-ħaddiema tqila – liema status bl-ebda mod ma tiġi kkontestata permezz ta’ dan it-trasferiment provviżorju – bħall-allowances relatati mal-kwalità tagħha ta’ superjur ġerarkiku, mal-anzjanità tagħha u mal-kwalifiki professjonali tagħha, din is-sistema ma tistax tiġi kkunsidrati bħala konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85.

70      Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, jekk, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85, id-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-paga li għaliha għandha dritt ħaddiema tqila koperta mill-Artikolu 5(2) tal-istess direttiva hija fdata lill-Istati Membri, dawn tal-aħħar ma għandhomx jiffissaw modalitajiet li ma humiex konformi mal-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa ta’ ħaddiema tqal previst f’din id-direttiva. Huma ma għandhomx ukoll, meta jiġu sabiex jiddeterminaw l-imsemmija paga, jinjoraw il-fatt li tali ħaddiema effettivament tkompli taħdem.

71      F’dan il-każ, hekk kif issostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, filwaqt li l-paga addizzjonali personali tagħha msejħa “lisäpäiväpalkka” tammonta għal EUR 74.35 għal kull ġurnata matul il-perijodu ta’ riferiment, il-valur medju tal-istess paga addizzjonali mħallsa lill-air hostesses u lill-istewards kollha li jaqgħu taħt l-istess skala ta’ salarju kien, għall-istess perijodu, ta’ EUR 39.74 għal kull ġurnata. Wara t-trasferiment provviżorju tal-persuna kkonċernata lejn post tax-xogħol fuq l-art, il-paga totali mensili tagħha tnaqqset b’EUR 834.56 meta mqabbla ma’ dik li kienet tirċievi qabel dan it-trasferiment provviżorju.

72      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, skont il-metodu ta’ kalkolu tal-paga previst fil-ftehim kollettiv u/jew fid-deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 1989 għal dak li jirrigwarda l-air hostesses matul il-perijodi ta’ tqala, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġietx imċaħħda, wara t-trasferiment provviżorju tagħha lejn post tax-xogħol differenti minn dak li kienet tokkupa normalment, milli tibbenefika mill-elementi tal-paga jew mill-allowances relatati mal-istatus professjonali tagħha. Jekk dan huwa il-każ, is-sistema ta’ ħlas li tipprovdi għal tali tnaqqis fil-paga tagħha għall-perijodu ta’ dan it-trasferiment provviżorju, skont l-Aritkolu 5(2) tad-Direttiva 92/85, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva.

73      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiema tqila li, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, ġiet ittrasferita provviżorjament minħabba t-tqala tagħha lejn post tax-xogħol fejn tagħmel xogħol differenti minn dak li kienet twettaq qabel dan it-trasferiment, ma għandhiex dritt għal paga li hija ekwivalenti għall-paga medja li kienet tirċievi qabel l-imsemmi trasferiment. Minbarra ż-żamma tas-salarju bażiku tagħha, tali ħaddiema għandha d-dritt, skont l-imsemmi Artikolu 11(1), għall-elementi tal-paga jew għall-allowances relatati mal-istatus professjonali tagħha, bħall-allowances relatati mal-kwalità tagħha ta’ superjur ġerarkiku, mal-anzjanità tagħha u mal-kwalifiki professjonali tagħha. Għalkemm l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 ma jipprekludix l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu tal-paga li għandha titħallas lil tali ħaddiema bbażata fuq il-valur medju tal-allowances marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ekwipaġġ tal-kabina kollu li jaqa’ taħt l-istess skala ta’ salarju matul perijodu determinat ta’ riferiment, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija elementi tal-paga jew tal-imsemmija allowances għandu jiġi kkunsidrat bħala li jmur kontra din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiema tqila li, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85, ġiet ittrasferita provviżorjament minħabba t-tqala tagħha lejn post tax-xogħol fejn tagħmel xogħol differenti minn dak li kienet twettaq qabel dan it-trasferiment, ma għandhiex dritt għal paga li hija ekwivalenti għall-paga medja li kienet tirċievi qabel l-imsemmi trasferiment. Minbarra ż-żamma tas-salarju bażiku tagħha, tali ħaddiema għandha d-dritt, skont l-imsemmi Artikolu 11(1), għall-elementi tal-paga jew għall-allowances relatati mal-istatus professjonali tagħha, bħall-allowances relatati mal-kwalità tagħha ta’ superjur ġerarkiku, mal-anzjanità tagħha u mal-kwalifiki professjonali tagħha. Għalkemm l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 ma jipprekludix l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu tal-paga li għandha titħallas lil tali ħaddiema bbażat fuq il-valur medju tal-allowances marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ekwipaġġ tal-kabina kollu li jaqa’ taħt l-istess skala ta’ salarju matul perijodu determinat ta’ riferiment, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija elementi tal-paga jew tal-imsemmija allowances għandu jiġi kkunsidrat bħala li jmur kontra din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.