Language of document : ECLI:EU:C:2016:644

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Settembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 3(1) – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Internet – Hyperlinks li jagħtu aċċess għal xogħlijiet protetti, magħmula aċċessibbli fuq sit tal-internet ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur – Xogħlijiet li għadhom ma ġewx ippubblikati mid-detentur – Tqegħid ta’ tali hyperlinks għal skopijiet ta’ lukru”

Fil-Kawża C‑160/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2015, fil-proċedura

GS Media BV

vs

Sanoma Media Netherlands BV,

Playboy Enterprises International Inc.,

Britt Geertruida Dekker,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal, u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Frar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal GS Media BV, minn R. Chavannes u D. Verhulst, avukati,

–        għal Sanoma Media Netherlands BV, Playboy Enterprises International Inc. u Britt Geertruida Dekker, minn C. Alberdingk Thijm u C. de Vries, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Kuon, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Segoin, D. Colas u G. de Bergues, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u T. Rendas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u T. Scharf kif ukoll minn J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn GS Media BV u Sanoma Media Netherlands BV (iktar 'il quddiem “Sanoma”), Playboy Enterprises International Inc. u Britt Geertruida Dekker (iktar 'il quddiem, flimkien, “Sanoma et”), dwar b’mod partikolari t-tqegħid, fuq is-sit tal-internet GeenStijl.nl (iktar 'il quddiem is-“sit GeenStijl”), operat minn GS Media, hyperlinks lejn siti oħra li jippermettu li jiġu kkonsultati ritratti li jirrappreżentaw lil B. G. Dekker, li ttieħdu għar-rivista Playboy (iktar 'il quddiem ir-“ritratti inkwistjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 3, 4, 9, 10, 23 u 31 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdu:

“(3)      L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà, inkluża proprjetà intellettwali, u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.

(4)      Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. [...]

[...]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali [...]

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. [...] Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[...]

(23)      Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. [...]

[…]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. [...]”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[...]

3.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

5        Skont l-Artikolu 5(3) u (5) tal-imsemmija direttiva:

“3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[...]

ċ)      riproduzzjoni mill-istampa, komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmlu disponibbli artikli publikati dwar temi kurrenti ekonomiċi, politiċi jew reliġjużi jew ta’ xogħolijiet imxandra jew suġġett ieħor ta’ l-istess tip, fil-każi fejn dan l-użu ma jkunx riservat espliċitament, u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, jew l-użu tax-xogħolijiet jew suġġett ieħor rigward konness mar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli;

[…]

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Fuq ordni ta’ Sanoma, li hija l-editur tar-rivista Playboy, il-fotografu C. Hermès, fit-13 u l-14 ta’ Ottubru 2011, ħa r-ritratti inkwistjoni, li kellhom jidhru fl-edizzjoni tax-xahar ta’ Diċembru 2011 ta’ din ir-rivista. F’dan il-kuntest, C. Hermès ta lil Sanoma l-awtorizzazzjoni, esklużiva, sabiex tippubblika dawn ir-ritratti. Huwa ta wkoll lil Sanoma l-awtorizzazzjoni li teżerċita d-drittijiet u s-setgħat li jirriżultaw mid-drittijiet tal-awtur tiegħu.

7        GS Media topera s-sit GeenStijl, fejn jidhru, skont l-informazzjoni mogħtija minn dan is-sit, “novitajiet, rivelazzjonijiet skandalużi u investigazzjonijiet ġurnalistiċi dwar suġġetti leġġeri u fuq ton divertenti” u li huwa kkonsultat kuljum minn iktar minn 230 000 viżitatur, li jrendi dan is-sit wieħed mill-għaxar siti l-iktar iffrekwentati fil-qasam tal-attwalità fil-Pajjiżi l-Baxxi.

8        Fis-26 ta’ Ottubru 2011, ir-redazzjoni tas-sit GeenStijl irċeviet messaġġ minn persuna li tuża psewdonimu, li kien jinkludi hyperlink li tibgħat għal fajl elettroniku hosted fuq is-sit tal-internet Filefactory.com (iktar 'il quddiem is-“sit Filefactory”), li jinsab fl-Awstralja u huwa ddedikat għall-ħażna ta’ data. Dan il-fajl elettroniku kien jinkludi r-ritratti inkwistjoni.

9        Sanoma ordnat, fl-istess ġurnata, lill-kumpannija omm ta’ GS Media li tipprojbixxi li r-ritratti inkwistjoni jiġu mxandra fuq is-sit GeenStijl.

10      Fis-27 ta’ Ottubru 2011, artiklu dwar dawn ir-ritratti ta’ B. G. Dekker, intitolat “[...]! Ritratti ta’ [...] Dekker għarwiena”, ġie ppubblikat fuq is-sit GeenStijl, fejn fir-rokna kienet tidher parti minn wieħed mir-ritratti inkwistjoni u li kien jintemm bit-test: “U issa l-link għar-ritratti li qed tistenna”. Permezz ta’ klikk fuq hyperlink li kien jakkumpanja dan it-test, l-utenti tal-internet kienu diretti lejn is-sit Filefactory, fejn hyperlink ieħor kien jippermettilhom li jniżżlu ħdax-il fajl elettroniku kull wieħed minnhom jinkludi wieħed mill-imsemmija ritratti.

11      Fl-istess ġurnata, Sanoma bagħtet ittra lill-kumpannija omm ta’ GS Media fejn talbitha tikkonferma li l-hyperlink lejn ir-ritratti inkwistjoni kien tneħħa mis-sit GeenStijl. GS Media ma tat l-ebda segwitu għal din it-talba.

12      Min-naħa l-oħra, fuq talba ta’ Sanoma, ir-ritratti inkwistjoni li kienu jinsabu fuq is-sit Filefactory tħassru.

13      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2011, il-bord tad-diretturi ta’ Sanoma et bagħat ittra ta’ intimazzjoni lil GS Media sabiex tirtira mis-sit ta’ GeenStijl l-artiklu tas-27 ta’ Ottubru 2011, li kien jinkludi l-hyperlink, ir-ritratti li dan kien jinkludi kif ukoll ir-reazzjonijiet tal-utenti tal-internet ippubblikati fuq l-istess paġna ta’ dan is-sit.

14      Fl-istess ġurnata, artiklu dwar it-tilwima bejn GS Media u Sanoma et rigward ir-ritratti inkwistjoni ġie ppubblikat fuq is-sit GeenStijl. Dan l-artiklu kien jintemm bis-sentenza: “Aġġornament: għadek ma rajtx ir-ritratti ta’ [Dekker] għarwiena? Qegħdin HAWNHEKK”. Dan l-avviż, għal darb’oħra, kien jinkludi hyperlink li kien jippermetti l-aċċess għas-sit tal-internet Imageshack.us, li fuqu kienu jidhru wieħed jew iktar mir-ritratti inkwistjoni. L-amministratur ta’ dan is-sit tal-internet madankollu wkoll laqa’ t-talba ta’ Sanoma li tneħħi dawn ir-ritratti.

15      It-tielet artiklu, intitolat “Bye Bye, adieu Playboy”, li kien għal darb’oħra jinkludi hyperlink lejn ir-ritratti inkwistjoni, deher fis-17 ta’ Novembru 2011 fuq is-sit GeenStijl. L-utenti tal-internet li kienu jżuru l-forum ta’ dan is-sit tal-Internet sussegwentement poġġew links ġodda li jirreferu għal siti oħra fejn ir-ritratti inkwistjoni kienu viżibbli.

16      F’Diċembru 2011, ir-ritratti inkwistjoni ġew ippubblikati fir-rivista Playboy.

17      Sanoma et ippreżentaw rikors quddiem ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn osservaw b’mod partikolari, li billi poġġiet hyperlinks u dehra parzjali ta’ wieħed mir-ritratti inkwistjoni fuq is-sit GeenStijl, GS Media ppreġudikat id-drittijiet tal-awtur ta’ C. Hermès u aġixxiet b’mod illegali fir-rigward ta’ Sanoma et. Ir-rechtbank Amsterdam, fil-parti l-kbira, laqgħet dan ir-rikors.

18      Il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) annullat din id-deċiżjoni, billi qieset li, billi poġġiet il-hyperlinks fuq is-sit GeenStijl, GS Media ma kinitx ippreġudikat id-drittijiet tal-awtur ta’ C. Hermès, peress li r-ritratti inkwistjoni kienu diġà ġew ippubblikati meta tqiegħdu online fuq is-sit Filefactory. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li, billi qiegħdet dawn il-hyperlinks, GS Media aġixxiet b’mod illegali fil-konfront ta’ Sanoma et, peress li l-viżitaturi ta’ dan is-sit tħeġġew jaraw ir-ritratti inkwistjoni, li kienu tqiegħdu illegalment fuq is-sit Filefactory. Issa, fl-assenza tal-imsemmija links, dawn ir-ritratti ma kinux jinstabu faċilment. Barra minn hekk, il-Gerechtshof Amsterdam ikkunsidrat li, billi ppubblikat dehra parzjali ta’ wieħed mir-ritratti inkwistjoni fuq is-sit GeenStijl, GS Media kienet ippreġudikat id-drittijiet tal-awtur ta’ C. Hermès.

19      GS Media ppreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) minn din is-sentenza.

20      Sanoma et ippreżentaw appell inċidentali, li fil-kuntest tiegħu jirreferu b’mod partikolari għas-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014 Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), u sostnew li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-internet ta’ hyperlink lejn sit tal-internet fejn kien tqiegħed xogħol mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur tiegħu jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku. Sanoma et isostnu, barra minn hekk, li l-aċċess għar-ritratti inkwistjoni fuq is-sit Filefactory kien ġie protett permezz ta’ miżuri ta’ restrizzjoni, fis-sens tal-imsemmija sentenza, li l-utenti tal-internet setgħu jevitaw minħabba l-intervent ta’ GS Media u tas-sit tagħha GeenStijl, b’mod li dawn ir-ritratti tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku usa’ minn dak li normalment kien jaċċedi għall-imsemmija ritratti fuq is-sit Filefactory.

21      Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-appell inċidentali, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ma huwa possibbli li jiġi dedott b’ċertezza suffiċjenti la mis-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) u lanqas mid-digriet tal-21 ta’ Ottubru 2014, BestWater (C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315), jekk hemmx “komunikazzjoni lill-pubbliku” meta x-xogħol ikun ġie effettivament ippubblikat preċedentement, iżda mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

22      Minn naħa, minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jiġi vverifikat jekk l-intervent inkwistjoni jippermettix li jintlaħaq pubbliku li ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa inkluż fil-pubbliku li għalih id-detentur kien ta l-kunsens tiegħu, li huwa kompatibbli mad-dritt esklużiv tiegħu li jibbenefika mix-xogħol tiegħu. Min-naħa l-oħra, meta x-xogħol huwa diġà disponibbli fuq l-internet għall-utenti, it-tqegħid ta’ hyperlink li jirreferi għal sit fejn dan diġà jinsab ma jippermettix, fil-verità, li jintlaħaq pubbliku ġdid. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-internet hija mimlija b’xogħlijiet ippubblikati mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Għall-operatur ta’ sit internet, ma huwiex dejjem sempliċi li jivverifika, meta jkollu l-intenzjoni li jpoġġi fuq dan is-sit hyperlink li jirreferi għal sit fejn jinsab xogħol, jekk l-awtur tax il-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni preċedenti tiegħu.

23      Il-qorti tar-rinviju tosserva, fil-fatt, li l-appell inċidentali jqajjem ukoll il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet li għandhom jkunu sodisfatti sabiex dawn ikunu “miżuri ta’ restrizzjoni”, fis-sens tas-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76). Din il-qorti tosserva, f’dan ir-rigward, li r-ritratti inkwistjoni setgħu jinstabu fuq l-internet qabel ma GS Media qiegħdet il-hyperlink fuq is-sit GeenStijl, mingħajr madankollu ma kien faċili li jinstabu, b’mod li l-fatt li din qiegħdet il-hyperlink fuq is-sit tagħha ffaċilita ħafna iktar l-aċċess għal dawn ir-ritratti.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)      a)      Il-fatt li persuna li ma hijiex id-detentur tad-drittijiet tal-awtur tirreferi, billi tqiegħed hyperlink f’sit tal-internet li hija topera, għal sit tal-internet ieħor li huwa operat minn terz u li huwa aċċessibbli għall-utenti tal-internet kollha li fuqu x-xogħol ikun disponibbli għall-pubbliku mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur huwa ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29

b)      Il-kwistjoni dwar jekk ix-xogħol ma kienx preċedentement b’xi mod ieħor ikkomunikat lill-pubbliku bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur hija rilevanti għar-risposta għad-domanda preċedenti?

ċ)      Il-kwistjoni dwar jekk il-persuna li tqiegħed hyperlink taf jew għandha tkun taf li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma tax il-kunsens għat-tqegħid tax-xogħol fis-sit tal-internet tat-terz indikat fid-domanda 1.a. u, skont il-każ, li barra minn hekk ix-xogħol ma kienx preċedentement b’xi mod ieħor ikkomunikat lill-pubbliku bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur hija rilevanti?

2)      a)     F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda 1.a: f’dan il-każ, hemm, jew jista’ jingħad li hemm, komunikazzjoni lill-pubbliku meta s-sit tal-internet li għalih jirreferi l-hyperlink u, għaldaqstant, ix-xogħol tassew jista’ jinstab mill-pubbliku ġenerali tal-internet, iżda mhux b’mod sempliċi, b’mod li l-fatt li jitqiegħed il-hyperlink jiffaċilita bil-kbir is-sejba tax-xogħol?

b)      Il-kwistjoni dwar jekk il-persuna li tqiegħed il-hyperlink taf jew għandha tkun taf li l-pubbliku ġenerali tal-internet ma jistax faċilment isib is-sit tal-internet li għalih il-hyperlink jirreferi hija rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għad-domanda 2.a.?

3)      Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku meta permezz ta’ hyperlink jingħata aċċess għal xogħol li ma kienx preċedentement ikkomunikat lill-pubbliku bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur?”

 Fuq id-domandi preliminari

25      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, u f’liema ċirkustanzi eventwali, il-fatt li jitqiegħed fuq l-internet, hyperlink lejn xogħol protett, liberament disponibbli fuq sit tal-internet ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

26      F’dan il-kuntest, hija tistaqsi lilha nfisha b’mod partikolari dwar ir-rilevanza tal-fatt li x-xogħol inkwistjoni għadu ma ġiex ippubblikat mod ieħor bl-awtorizzazzjoni ta’ dan id-detentur, li l-provvista ta’ dawn il-hyperlinks li jista’ jsir klikk fuqhom tiffaċilita ħafna l-iskoperta ta’ dan ix-xogħol peress li s-sit tal-internet fuq liema dan huwa aċċessibbli għall-utenti tal-internet ma jinstabx faċilment, u li dak li poġġa l-imsemmija hyperlinks li jista’ jsir klikk fuqhom kien jaf jew kellu jkun jaf dawn il-fatti kif ukoll il-fatt li l-imsemmi detentur ma awtorizzax il-pubblikazzjoni tal-imsemmija xogħlijiet inkwistjoni fuq dan l-aħħar sit.

27      Mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-awturi jibbenefikaw mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument li persuna tagħżel li tagħmel dan b’mod individwali.

28      Skont din id-dispożizzjoni, l-awturi għandhom dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom li jindaħlu bejn l-utenti potenzjali tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jikkunsidraw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li dan isir (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 75, u tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 30).

29      Peress li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jippreċiżax il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, għandu jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tiegħu fid-dawl tal-għanijiet intiżi minn din id-direttiva u fid-dawl tal-kuntest li taqa’ taħtu d-dispożizzjoni interpretata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punti 33 u 34, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 184 u 185).

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li mill-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li din għandha l-għan prinċipali li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni adegwata għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari f’każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” għandu jinftiehem fis-sens wiesa’ tiegħu kif fil-fatt tipprovdi espliċitament ukoll il-premessa 23 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 186, kif ukoll tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 20).

31      Fl-istess ħin, mill-premessi 3 u 31 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-armonizzazzjoni magħmula minn din hija intiża sabiex iżżomm, u dan b’mod partikolari fl-ambjent elettroniku, bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati għall-protezzjoni tad-dritt tagħhom ta’ proprjetà intellettwali, iggarantit mill-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”), u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti tal-oġġetti protetti, b’mod partikolari tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta, kif ukoll tal-interess ġenerali.

32      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil “pubbliku” (sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C-466/12, EU:C:2014:76, punt 16; tad-19 ta’ Novembru 2015, SBS Belgium, C‑325/14, EU:C:2015:764, punt 15, kif ukoll tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 37).

33      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jimplika evalwazzjoni individwali [ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, dwar il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28), li f’din id-direttiva għandha l-istess portata bħad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 33)].

34      Peress li f’sitwazzjonijiet konkreti differenti, dawn il-kriterji jistgħu jkunu preżenti b’intensità varjabbli, għandhom jiġu applikati kemm b’mod awtonomu kif ukoll interdipendenti ma’ xulxin [sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 79; tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 30, u tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 35].

35      Fost dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat ir-rwol indispensabbli tal-utent u n-natura volontarja tal-intervent tiegħu. Fil-fatt, dan l-utent iwettaq att ta’ komunikazzjoni meta jintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari meta, fin-nuqqas ta’ tali intervent, dawn il-klijenti ma jistgħux, fil-prinċipju, igawdu mix-xogħol imxandar [ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 31].

36      Fit-tieni lok, hija ppreċiżat li l-kunċett ta’ “pubbliku” ikopri numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, numru pjuttost kbir ta’ persuni [ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 33].

37      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex ikun ikkwalifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, xogħol protett għandu jkun ikkomunikat skont mod tekniku speċifiku, differenti minn dawk użati sa dak il-mument jew, inkella, għandu jkun ikkomunikat lil “pubbliku ġdid”, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur meta jkun awtorizza l-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol lill-pubbliku (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C-466/12, EU:C:2014:76, punt 24, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International, C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura lukrativa ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ma hijiex irrilevanti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 204; tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 88, kif ukoll tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 36].

39      Huwa fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ dawn il-kriterji li għandu jiġi evalwat jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li jitqiegħed fuq sit tal-internet, hyperlink lejn xogħol protett, liberament disponibbli fuq sit tal-Internet ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fis-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C-466/12, EU:C:2014:76), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 fis-sens li ma jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku”, kif intiża f’din id-dispożizzjoni, it-tqegħid fuq sit tal-internet hyperlinks lejn xogħol liberament disponibbli fuq sit ieħor tal-internet. Din l-interpretazzjoni ngħatat ukoll fid-digriet tal-21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International (C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315), fir-rigward ta’ tali links li jużaw it-teknika msejħa tal-“framing”).

41      Madankollu, mill-motivazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet jirriżulta li, b’dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tesprimi ruħha unikament fuq it-tqegħid ta’ hyperlinks lejn xogħlijiet li saru liberament disponibbli fuq sit ieħor tal-internet bil-kunsens tad-detentur, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet għall-assenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku minħabba li l-att ta’ komunikazzjoni inkwistjoni ma kienx seħħ fil-konfront ta’ pubbliku ġdid.

42      F’dan il-kuntest, hija rrilevat li, peress li l-hyperlink u s-sit tal-internet li jirreferi għalih jagħtu aċċess għax-xogħol protett skont l-istess mezz tekniku, jiġifieri l-internet, tali link għandu jkun indirizzat lil pubbliku ġdid. Meta dan ma jkunx il-każ, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li x-xogħol ikun diġà liberament disponibbli għall-utenti tal-internet fuq sit tal-internet ieħor bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, l-imsemmi att ma jistax ikun ikkwalifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, peress li u sakemm dan ix-xogħol huwa liberament disponibbli fuq is-sit tal-internet li l-hyperlink jippermetti li jsir aċċess għalih, għandu jiġi kkunsidrat li, meta d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan ix-xogħol jkunu awtorizzaw tali komunikazzjoni, dawn ħadu inkunsiderazzjoni l-utenti tal-internet bħala pubbliku (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, EU:C:2014:76, punti 24 sa 28, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International, C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315, punti 15, 16 u 18).

43      Għaldaqstant, ma jista’ jiġi dedott la mis-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C-466/12, EU:C:2014:76), u lanqas mid-digriet tal-21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International (C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315) li t-tqegħid, fuq sit tal-internet, ta’ hyperlinks lejn xogħlijiet protetti li saru liberament disponibbli fuq sit tal-internet ieħor, iżda mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn ix-xogħlijiet, huwa eskluż, fil-prinċipju, mill-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 2001/29. Għall-kuntrarju, dawn id-deċiżjonijiet jikkonfermaw l-importanza ta’ tali awtorizzazzjoni fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din tal-aħħar tipprovdi preċiżament li kull att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku għandu jkun awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

44      GS Media, il-Gvern Ġermaniż, dak Portugiż u dak Slovakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu madankollu li l-fatt li kwalunkwe tqegħid ta’ tali links lejn xogħol ippubblikat fuq siti tal-internet oħra jiġi kkwalifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, meta d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn ix-xogħlijiet ma awtorizzawx din il-pubblikazzjoni fuq l-internet, għandu konsegwenzi restrittivi ħafna għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni u ma josservax il-bilanċ ġust li d-Direttiva 2001/29 tfittex li tistabbilixxi bejn din il-libertà u l-interess ġenerali, minn naħa, kif ukoll, l-interess tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur għal protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali tagħhom, min-naħa l-oħra.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-internet għandha effettivament importanza partikolari għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta, u li l-hyperlinks jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tagħha kif ukoll għall-iskambju ta’ opinjonijiet u ta’ informazzjoni f’dan in-network ikkaratterizzat mid-disponibbiltà ta’ kwantitajiet immensi ta’ informazzjoni.

46      Barra minn hekk, jista’ jkun diffiċli, b’mod partikolari għal individwi li jixtiequ jpoġġu tali links, li jivverifikaw jekk sit tal-internet, lejn liema dawn tal-aħħar suppost iwasslu, jagħtix aċċess għal xogħlijiet li huma protetti u, skont il-każ, jekk id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn ix-xogħlijiet awtorizzawx il-pubblikazzjoni tagħhom fuq l-internet. Tali verifika ssir iktar diffiċli meta dawn id-drittijiet ikunu suġġett ta’ sottoliċenzji. Barra minn hekk, il-kontenut ta’ sit tal-internet, li l-hyperlink jippermetti li jsir l-aċċess għalih, jista’ jiġi mmodifikat wara l-ħolqien ta’ dan il-link, inkluż xogħol protett, mingħajr ma l-persuna li tkun ħolqot l-imsemmi link ma tkun neċessarjament taf b’dan.

47      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni individwali tal-eżistenza ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu għalhekk, meta t-tqegħid ta’ hyperlink lejn xogħol liberament disponibbli fuq sit ieħor tal-internet isir minn persuna li, billi tagħmel dan, ma jkollhiex skop ta’ lukru, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-persuna ma tafx, u ma tistax raġonevolment tkun taf, li dan ix-xogħol kien ġie ppubblikat fuq l-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

48      Fil-fatt, tali persuna, filwaqt li tpoġġi l-imsemmi xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku billi toffri lill-utenti tal-internet l-oħra aċċess dirett għal dan (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 18 sa 23), ma tintervjenix, bħala regola ġenerali, b’kuxjenza sħiħa tal-konsegwenzi tal-aġir tagħha sabiex tagħti lil klijenti aċċess għal xogħol illegalment ippubblikat fuq l-internet. Barra minn hekk, meta x-xogħol inkwistjoni kien diġà disponibbli mingħajr ebda restrizzjoni ta’ aċċess fuq is-sit tal-internet li għalih il-hyperlink jippermetti li jsir aċċess, l-utenti tal-internet kollha seta’, bħala regola, jkollhom aċċess għalih anki fl-assenza ta’ tali intervent.

49      Min-naħa l-oħra, ladarba jiġi stabbilit li tali persuna kienet taf jew kellha tkun taf li l-hyperlink li hija qiegħdet jagħti aċċess għal xogħol illegalment ippubblikat fuq l-internet, pereżempju minħabba l-fatt li kienet informata mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, għandu jiġi kkunsidrat li l-provvista ta’ dan il-link tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva2001/29.

50      L-istess japplika fl-ipoteżi fejn dan il-link jippermetti lill-utenti tas-sit tal-internet fuq liema dan jinsab li jevitaw miżuri ta’ restrizzjoni meħuda mis-sit fejn jinsab ix-xogħol protett sabiex jiġi llimitat l-aċċess mill-pubbliku għal abbonati biss, peress li t-tqegħid ta’ tali link jikkostitwixxi għalhekk intervent volontarju li mingħajru l-imsemmija utenti ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mix-xogħlijiet imxandra (ara, b’analoġija, sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 27 u 31).

51      Barra minn hekk, meta t-tqegħid ta’ hyperlinks isir bi skop ta’ lukru, jista’ jkun mistenni mill-awtur ta’ tali tqegħid li jwettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiżgura li x-xogħol ikkonċernat ma huwiex ippubblikat illegalment fuq is-sit li jwasslu għalih l-imsemmija hyperlinks, b’mod li hemm lok li jiġi preżunt li dan it-tqegħid ikun sar b’kuxjenza sħiħa tan-natura protetta tal-imsemmi xogħol u tal-assenza eventwali ta’ awtorizzazzjoni ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur. F’tali ċirkustanzi, u sakemm din il-preżunzjoni konfutabbli ma tiġix ikkonfutata, l-att li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ link li jsir klikk fuqu lejn xogħol illegalment ippubblikat fuq l-internet jikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

52      Madankollu, fin-nuqqas ta’ pubbliku ġdid, ma jkunx hemm “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni fl-ipoteżi, imfakkra fil-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza, fejn ix-xogħlijiet li dawn il-hyperlinks jippermettu li jsir aċċess għalihom jkunu saru liberament disponibbli fuq sit tal-internet ieħor bil-kunsens tad-detentur.

53      Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 tiżgura l-livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, intiż minn din id-direttiva. Fil-fatt, abbażi tagħha u fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva, id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jistgħu jaġixxu mhux biss kontra l-pubblikazzjoni inizjali tax-xogħol tagħhom fuq sit tal-internet, iżda wkoll kontra kull persuna li tpoġġi għal skopijiet ta’ lukru hyperlink lejn ix-xogħol illegalment ippubblikat fuq dan is-sit kif ukoll, fil-kundizzjonijiet esposti fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, kontra persuni li jkunu poġġew tali link mingħajr ma jkollhom skopijiet ta’ lukru. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari li dawn id-detenturi għandhom fi kwalunkwe każ il-possibbiltà li jinformaw tali persuni bin-natura illegali tal-pubblikazzjoni tax-xogħol tagħhom fuq l-internet u li jieħdu azzjoni kontrihom fil-każ li jirrifjutaw li jneħħu dan il-link mingħajr ma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati f’dan l-Artikolu 5(3).

54      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, huwa paċifiku li GS Media topera s-sit GeenStijl u li pprovdiet il-hyperlinks lejn il-fajls li jinkludu r-ritratti inkwistjoni, hosted fuq is-sit Filefactory, għal skopijiet ta’ lukru. Huwa wkoll paċifiku li Sanoma ma kinitx awtorizzat il-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-ritratti fuq l-internet. Barra minn hekk, mill-preżentazzjoni tal-fatti kif toħroġ mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li GS Media kienet taf b’dan l-aħħar fatt u li għalhekk ma tistax tirribatti l-preżunzjoni li t-tqegħid ta’ dawn il-links sar b’kuxjenza sħiħa tan-natura illegali ta’ din il-pubblikazzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, jidher li, taħt riżerva ta’ verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, billi qiegħdet dawn il-links, GS Media wettqet “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu evalwati f’dan il-kuntest iċ-ċirkustanzi l-oħra invokati minn din il-qorti, iċċitati fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-fatt li jitqiegħdu fuq l-internet, hyperlinks lejn xogħlijiet protetti, liberament disponibbli fuq sit ieħor tal-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddeterminat il-punt dwar jekk dawn il-links humiex ipprovduti għal skop ta’ lukru minn persuna li ma kinitx taf jew ma setgħetx raġonevolment tkun taf bin-natura illegali tal-pubblikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet fuq dan is-sit tal-internet l-ieħor jew, jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmija links humiex ipprovduti b’tali għan, ipoteżi fejn din il-konoxxenza għandha tiġi preżunta.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-fatt li jitqiegħdu fuq l‑internet, hyperlinks lejn xogħlijiet protetti, liberament disponibbli fuq sit ieħor tal-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddeterminat il-punt dwar jekk dawn il-links humiex ipprovduti għal skop ta’ lukru minn persuna li ma kinitx taf jew ma setgħetx raġonevolment tkun taf bin-natura illegali tal-pubblikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet fuq dan is-sit tal-internet l-ieħor jew, jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmija links humiex ipprovduti b’tali għan, ipoteżi fejn din il-konoxxenza għandha tiġi preżunta.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.