Language of document : ECLI:EU:C:2012:388

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fis-26 ta’ Ġunju 2012 (1)

Kawża C-199/11

Europese Gemeenschap, optredend via de Europese Commissie

vs

Otis NV,


General Technic‑Otis Sàrl (GTO),


Kone Belgium NV,


Kone Luxembourg Sàrl,


Schindler NV,


Schindler Sàrl,


ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV u


ThyssenKrupp Ascenseurs Luxembourg Sàrl

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van koophandel te Brussel (il-Belġju)]

“Rappreżentanza tal-Unjoni Ewropea quddiem il-qrati nazzjonali – Kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni – Artikolu 282 KE – Aġir antikompetittiv formalment ikkonstatat mill-Kummissjoni – Azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għad-danni mressqa mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni – Setgħat ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni – Artikolu 47 tal-Karta – Indipendenza tal-qrati – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-qrati tal-Unjoni u tal-qrati nazzjonali – Opportunitajiet ugwali għall-partijiet”






1.        Wara li l-Kummissjoni ressqet quddiemha azzjoni għad-danni, f’isem l-Unjoni, kontra diversi manifatturi ta’ liftijiet, ir-Rechtbank van koophandel te Brussel ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar żewġ kwistjonijiet li jirrigwardaw, min-naħa l-waħda, ir-rappreżentanza legali tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali u, mill-oħra, l-indipendenza tal-qrati u l-opportunitajiet ugwali bejn il-partijiet għal proċedura ċivili fejn l-Unjoni tkun applikanta f’azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali.

2.        Fuq il-kwistjoni tar-rappreżentanza legali, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hijiex il-Kummissjoni li għandha tirrappreżenta lill-Unjoni, minkejja li d-danni subiti jirriżultaw minn kuntratti ffirmati minn istituzzjonijiet u minn korpi differenti tal-Unjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni dwar il-portata ratione temporis u dwar il-kontenut tal-Artikolu 282 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u tal-Artikolu 335 TFUE, fir-rigward tal-proċeduri mressqa quddiem il-qrati nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

3.        Iktar partikolari u relattivament iktar kumplessa tidher il-kwistjoni tal-indipendenza tal-qrati u tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, u b’hekk tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab issolvi l-kwistjoni jekk l-Unjoni, b’ċertu mod, tistax tressaq talba għall-kumpens għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali meta d-danni subiti jkunu r-riżultat ta’ aġir antikompetittiv ikkonstatat minn waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Kummissjoni, bħala awtur ta’ deċiżjoni vinkolanti li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81(1) KE [attwalment l-Artikolu 101(1) TFUE], taġixxi bħala rikorrenti privileġġjata li jiżnatura s-setgħa ġudizzjarja tal-qorti nazzjonali, kif ukoll ir-relazzjoni bbilanċjata tal-forzi li għandu jkun hemm bejn il-partijiet għall-proċedura.

I –    Il-kuntest ġuridiku

4.        L-Artikolu 282 tat-Trattat KE jipprovdi:

“F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Komunità għandha tippossjedi il-kapaċità ġuridika l-iktar wiesa’ mogħtija lil persuni ġuridiċi bil-liġijiet nazzjonali; b’mod partikolari, hija tkun tista’ tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali. Għal dan il-għan, il-Komunita’ għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni.”

5.        Fl-1 ta’ Diċembru 2009, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 282 KE ġie ssostitwit bl-Artikolu 335 TFUE attwali, li jipprovdi:

“F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Unjoni għandha tippossjedi l-kapaċità ġuridika l-aktar wiesa’ mogħtija lil persuni ġuridiċi bil-liġijiet nazzjonali; b’mod partikolari, hija tkun tista’ tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali. Għal dan il-għan, l-Unjoni għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni. Madankollu, l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa ta’ l-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom.”

6.        L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jipprovdi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”

7.        Ir-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (2), fl-Artikolu 16 tiegħu, intitolat “L-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-Komunità” jipprovdi dan li ġej:

“1. Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat [mressqa minnha]. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu [jissospendu] dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l-Artikolu 234 tat-Trattat.

2. Meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra għad-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni.”

II – Il-fatti u l-proċedura

8.        Wara li rċeviet diversi lmenti, fl-2004 l-Kummissjoni fetħet investigazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi min-naħa ta’ erba’ manifatturi prinċipali Ewropej ta’ liftijiet u ta’ eskalejters, Kone, Otis, Schindler u ThyssenKrupp. L-investigazzjoni wasslet għad-deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2007, fejn l-erba’ impriżi msemmija ġew issanzjonati talli għal erba’ darbiet kisru b’mod serju l-Artikolu 81(1) KE (attwalment l-Artikolu 101 TFUE) (3).

9.        Il-kumpanniji affettwati ppreżentaw rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, li ta lok għas-sentenzi ta’ ċaħda tat-13 ta’ Lulju 2011 (4). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi għal annullament kollha invokati mir-rikorrenti, ħlief għal dak imressaq minn ThyssenKrupp dwar l-ammont tal-multa, li ntlaqa’ parzjalment u wassal għal tnaqqis tas-sanzjoni (5).

10.      Fl-20 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni, li dak iż-żmien kienet tirrappreżenta lill-Komunità Ewropea, ressqet quddiem il-qrati Belġjani talba li permezz tagħha hija talbet mingħand il-kumpanniji kkonċernati, bħala kumpens, l-ammont ta’ EUR 7 061 688. Il-Kummissjoni sostniet li l-Komunità Ewropea kienet ġarrbet dannu finanzjarju fil-Belġju u fil-Lussemburgu minħabba prattiki antikompetittivi illegalment miftiehma bejn il-kumpanniji konvenuti. Il-Komunità Ewropea fil-fatt kienet ikkonkludiet diversi kuntratti ta’ installazzjoni, ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters f’bini differenti tal-istituzzjonijiet Ewropej li għandhom is-sede tagħhom f’dawn iż-żewġ pajjiżi, li l-prezz tagħhom kien ogħla minn dak tas-suq minħabba l-akkordju ddikjarat illegali mill-Kummissjoni.

11.      Il-kumpanniji involuti wieġbu għat-talba billi kkontestaw il-kapaċità tal-Kummissjoni li taġixxi bħala rappreżentanta tal-Komunità Ewropea. Il-konvenuti invokaw ukoll in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-qorti Belġjana u l-ksur tal-prinċipju ta’ opportunijiet ugwali għall-partijiet minħabba l-pożizzjoni partikolari li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE [attwalment l-Artikolu 101(1) TFUE].

12.      Fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-konvenuti, ir-Rechtbank van koophandel te Brussel iddeċidiet li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Fit-28 ta’ April 2011 fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet irreġistrata t-talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank van koophandel te Brussel, li tagħmel id-domandi li ġejjin:

“(1) (a) Skont l-Artikolu 282 KE, li sar l-Artikolu 335 TFUE, l-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni; l-Artikolu 335 TFUE, minn naħa, u l-Artikoli 103 u 104 tar-Regolament Finanzjarju, min-naħa l-oħra, jipprovdu li, f’dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet amministrattivi marbuta mal-operat tagħhom, l-istituzzjonijiet ikkonċernati jirrappreżentaw l-Unjoni, li jista’ jimplika li l-istituzzjonijiet stess huma awtorizzati, kemm jekk esklużivament jew le, li jkunu parti minn proċeduri legali; ma hemmx dubju li, għall-imprendituri b’mod partikolari, il-fatt li jiksbu prezzijiet għoljin wisq wara li jitfassal kartell jaqa’ taħt il-kunċett ta’ frodi; fid-dritt Belġjan jipprevali l-prinċipju ‘lex specialis generalibus derogat’; sa fejn dan il-prinċipju japplika wkoll fid-dritt Ewropew, għandu jiġi kkunsidrat li l-inizjattiva li jinbdew proċeduri (ħlief meta l-Kummissjoni stess hija l-awtorità kontraenti) tappartjeni lill-istituzzjonijiet ikkonċernati?

(b) (domanda sussidjarja): Il-Kummissjoni għandha jkollha, tal-inqas, mandat ta’ rappreżentazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet sabiex tiddefendi l-interessi ġuridiċi tagħhom?

(2) (a) L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem jiggarantixxu d-dritt ta’ kull persuna għal smigħ xieraq kif ukoll il-prinċipju korollarju li ħadd ma jista’ jagħti deċiżjoni dwar il-kawża tiegħu stess; — huwa konformi ma’ dan il-prinċipju li l-Kummissjoni taġixxi fl-ewwel lok bħala awtorità tal-kompetizzjoni u tissanzjona l-aġir akkużat, jiġifieri t-tfassil ta’ kartell, f’dak li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE, li sar l-Artikolu 101 TFUE, ukoll wara li tkun mexxiet hija stess l-investigazzjoni, u fit-tieni lok tipprepara l-proċeduri għad-danni quddiem qorti nazzjonali u tiddeċiedi li tibda dawn il-proċeduri, filwaqt li l-istess membru tal-Kummissjoni huwa responsabbli miż-żewġ kwistjonijiet, li huma marbuta flimkien, u dan iktar minħabba li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża ma tistax tevita li tieħu d-deċiżjoni ta’ sanzjoni?

(b) (domanda sussidjarja): Jekk tingħata risposta (negattiva) għal 2(a) (fis-sens li hemm inkompatibbiltà), kif il-vittma (il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet, jew l-Unjoni) ta’ att illeċitu (it-tfassil ta’ kartell) għandha ssostni skont id-dritt tal-Unjoni d-dritt tagħha għad-danni, li huwa dritt fundamentali?

14.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali (Schindler NV, Otis NV, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV u Kone Belgium NV), kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

15.      Il-partijiet kollha għall-proċedura fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Kunsill, kienu preżenti għas-seduta tal-14 ta’ Marzu 2012.

IV – L-ewwel domanda

16.      L-ewwel domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 282 KE, illum imħassar, u r-relazzjonijiet tiegħu mad-dispożizzjoni ekwivalenti, attwalment: l-Artikolu 335 TFUE.

17.      Id-domanda magħmula mir-Rechtbank fil-fatt tinkludi żewġ partijiet: waħda dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 282 KE, speċifikatament għall-proċeduri nazzjonali mibdija qabel l-1 ta’ Diċembru 2009, data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 335 TFUE l-ġdid; u l-oħra dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 282 KE. Biħsiebni nindirizza dawn iż-żewġ kwistjonijiet waħda wara l-oħra.

A –    Fuq l-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 282 KE

18.      L-ewwel punt li għandu jiġi kkunsidrat jirrigwarda l-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 282 KE, peress li l-Kummissjoni ressqet it-talba quddiem ir-Rechtbank fl-20 ta’ Ġunju 2008, jiġifieri sena u nofs qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 335 TFUE.

19.      Kif inhuwa magħruf, l-Artikolu 335 TFUE, filwaqt li jistabbilixxi prattika preeżistenti ta’ rappreżentanza tal-Unjoni mill-istituzzjonijiet differenti debitament awtorizzati biex jagħmlu dan fid-dritt primarju, bi kwalifiki li ma humiex rilevanti f’dan il-każ, fl-aħħar mill-aħħar qaleb ir-regola inkluża fl-Artikolu 282 KE. Jekk, fit-Trattat KE, ir-rappreżentanza tal-Komunità kienet tmiss lill-Kummissjoni, din ir-rappreżentanza issa ngħatat lil kull istituzzjoni tal-Unjoni. B’hekk dawn huma żewġ regoli tad-dritt tal-Unjoni li, a priori, jorganizzaw b’mod differenti r-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem il-qrati tal-Istati Membri (6). Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, f’din il-proċedura, mibdija qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, japplikax l-Artikolu 282 KE jew l-Artikolu 335 TFUE.

20.      Mill-bidu nett għandu jiġi osservat li la l-Artikolu 282 KE u lanqas l-Artikolu 335 TFUE ma huma regoli proċedurali, iżda huma regoli sostantivi tal-organizzazzjoni interna tal-Unjoni. B’dawn id-dispożizzjonijiet, l-Unjoni tiddetermina liema istituzzjoni tassumi r-rappreżentanza tagħha ad extra, inkluża r-rappreżentanza tagħha fil-proċeduri li jkunu għaddejjin quddiem il-qrati nazzjonali. Inċidentalment, it-Trattat ta’ Lisbona ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li tistabbilixxi l-effetti ratione temporis tal-Artikolu 335 TFUE. Fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjoni, l-artikolu inkwistjoni joħloq effetti biss għall-ġejjieni. Konsegwentement, kull effett retroattiv eventwali għandu jibqa’ eskluż, mingħajr ma r-relazzjonijiet ġuridiċi li kienu ġew ikkostitwiti qabel, inklużi r-relazzjonijiet tad-dritt proċedurali, jistgħu jiġu affettwati.

21.      Konsegwentement, id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ fid-data meta nbdiet il-proċedura quddiem ir-Rechtbank, li tippermetti li tiġi ddeterminata l-awtorità li tassumi r-rappreżentanza ad extra tal-Unjoni, kienet l-Artikolu 282 KE. Ladarba r-relazzjoni tad-dritt proċedurali kienet korrettament ikkostitwita, id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 335 TFUE l-ġdid, li l-effetti tiegħu jinħassu biss fir-rigward tar-relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti wara l-1 ta’ Diċembru 2009, ma mmodifika bl-ebda mod l-istatus proċedurali tal-applikanta fil-kawża prinċipali.

22.      Il-kwistjoni jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, u fid-dawl tal-Artikolu 282 KE, hijiex il-Kummissjoni li għandha taġixxi f’isem il-Komunità hija kwistjoni oħra.

B –    Fuq il-portata tal-Artikolu 282 KE

23.      Kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk il-Kummissjoni hijiex awtorizzata tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea fil-proċedura pendenti quddiemha. L-Artikolu 282 KE li, kif ingħad, huwa d-dispożizzjoni applikabbli f’din il-kawża, jipprovdi li l-Kummissjoni teżerċita, b’mod esklużiv, ir-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem il-qrati tal-Istati Membri.

24.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jesponu b’mod dettaljat li din id-dispożizzjoni hija biss regola ġenerali, li f’dan il-każ jidderogaw minnha l-Artikolu 274 KE u l-Artikolu 279 KE, li jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità, huma wkoll implementati mir-Regolament Nru 1605/2002 (7). Il-konvenuti jsostnu li l-Artikolu 59 u l-Artikolu 60 tal-imsemmi regolament jagħtu lil kull istituzzjoni tal-Komunità l-implementazzjoni tal-punti tal-baġit tagħha. Dawn id-dispożizzjonjiet jistabbilixxu li, jekk jiġu kkonstatati xi żbalji, xi irregolaritajiet jew frodi imputabbli lil imprenditur, kull istituzzjoni tkun tista’ tirkupra l-ammonti diġà mħallsa.

25.      Fl-aħħar mill-aħħar, dejjem skont il-konvenuti, mir-regola ġenerali tal-Artikolu 282 KE, li tagħti r-rappreżentanza legali tal-Komunità lill-Kummissjoni, tidderoga lex specialis prevista fir-Regolament Finanzjaru, li abbażi tagħha kull istituzzjoni għandha r-responsabbiltà li tiżgura hija stess id-difiża legali tal-interessi finanzjarji tagħha.

26.      Fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni tal-kriterju “lex specialis derogat legi generali” għar-relazzjonijiet bejn id-dispożizzjonijiet iċċitati ma hijiex kompletament konkludenti. Ir-regola inkwistjoni tapplika meta żewġ dispożizzjonijiet ikollhom għanijiet identiċi u l-kontenut tagħhom ikun kontradittorju (8). Issa, kif biħsiebni nuri iktar ’il quddiem, id-dispożizzjonijiet invokati mill-konvenuti għandhom għanijiet differenti u, barra minn hekk, il-kontenut tagħhom ma huwiex għal kollox inkonċiljabbli.

27.      Fil-fatt, l-Artikolu 274 KE u l-Artikolu 279 KE, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1605/2002, jistabbilixxu s-setgħat ta’ implementazzjoni tal-baġit ta’ kull istituzzjoni, fosthom dawk marbuta mal-adozzjoni ta’ “kwalunkwe miżuri meħtieġa, inkluża l-kanċellazzjoni tal-proċedura”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 282 KE jirreferi biss għall-kapaċità ġuridika tal-Komunità, u għas-setgħa ta’ rappreżentanza tagħha li għandha l-Kummissjoni. Ma hemmx kontradizzjoni bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet u lanqas ma għandhom għanijiet identiċi: waħda tipprovdi li kull istituzzjoni hija kompetenti sabiex tiddeċiedi l-miżuri ta’ garanzija tar-riżorsi finanzjarji li tkun intitolata għalihom, l-oħra tiddefinixxi l-funzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-Komunità fdati f’idejn il-Kummissjoni, fosthom quddiem il-qrati nazzjonali. Dawn huma żewġ aspetti distinti u awtonomi li jammettu interpretazzjoni armonizzata, billi d-deċiżjoni dwar il-miżuri ta’ implementazzjoni tal-baġit li tadotta istituzzjoni tal-Komunità bl-ebda mod ma hija l-istess ħaġa bħall-għoti tar-rappreżentanza tal-Komunità f’każ li hija tiddeċiedi li tirrikorri għall-qrati nazzjonali.

28.      Din l-interpretazzjoni tat-Trattat hija impliċitament ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Región de Bruxelles-Capitale (9), li kkonfermat il-legalità tad-delega tas-setgħat ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni favur istituzzjonijiet oħrajn tal-Komunità. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rrikonoxxiet prattika ġudizzjarja wiesgħa, “huwa […] fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba li l-Komunitajiet ikunu attwalment irrappreżentati, […] fi proċeduri legali mressqa quddiem il-qrati nazzjonali, mill-istituzzjoni kkonċernata permezz tal-att jew tal-proċeduri inkwistjoni” (10). Dan it-titjib fl-effikaċja sar permezz tad-delega tas-setgħat tal-Kummissjoni favur l-istituzzjoni kkonċernata (11).

29.      Ir-raġunament tas-sentenza jikkonferma l-eżistenza ta’ setgħa ta’ rappreżentanza esklużiva tal-Kummissjoni, li madanakollu tista’ tiġi ddelegata favur istituzzjonijiet oħrajn. Iżda fl-ebda każ ma rrikonoxxa applikazzjoni preferenzjali tar-Regolament Nru 1605/2002 li ċċaħħad lill-Kummissjoni mis-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 282 KE. Kien x’kien il-każ, fl-ipoteżi fejn istituzzjoni oħra għajr il-Kummissjoni tkun żgurat ir-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem il-qrati ta’ Stat Membru, din il-funzjoni kienet assunta minħabba d-delega mogħtija mill-Kummissjoni u mhux bħala konsegwenza tan-natura ta’ lex specialis tal-Artikolu 274 KE u tal-Artikolu 279 KE u tar-Regolament Nru 1605/2002, kif isostnu l-konvenuti fil-kawża prinċipali.

30.      Fl-aħħar nett, kieku t-teżi tal-lex specialis kienet korretta, ir-riforma tal-Artikolu 282 KE mwettqa mill-Artikolu 335 TFUE attwali kienet tkun żejda. Kif inhuwa magħruf, id-dispożizzjoni l-ġdida tagħti lil kull istituzzjoni tal-Unjoni s-setgħa li tirrappreżentaha, biex b’hekk iċċaħħad lill-Kummissjoni mill-esklużività tradizzjonali tagħha f’dan il-qasam. Kif diġà kelli l-okkażjoni li nesponi fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Bruxelles-Capitale, iċċitata iktar ’il fuq, l-Artikolu 335 TFUE attwali huwa r-rikonoxximent formali ta’ prattika kkonsolidata msejsa fuq id-delega tas-setgħat (12). Prattika li kienet, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq, għal kollox leċita, għalkemm setgħet tittejjeb mil-lat tal-effikaċja.

31.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament tikkunsidra, u l-Kunsill jifhimha wkoll bl-istess mod, li qed taġixxi f’konformità mal-Artikolu 282 KE. Ma hijiex il-Kummissjoni, iżda hija l-Komunità Ewropea li kienet parti għall-kawża pendenti quddiem ir-Rechtbank. Il-Kummissjoni, bħala rappreżentanta tal-Komunità abbażi tal-Artikolu 282 KE, kellha l-leġittimità meħtieġa sabiex tirrinunzja li tiddelega l-funzjonijiet ta’ rappreżentanza lil istituzzjonijiet oħrajn, u b’hekk tiżgura d-difiża tal-Komunità kollha. Ma hemm xejn x’wieħed joġġezzjona, mil-lat tal-Artikolu 282 KE, għal din id-deċiżjoni.

C –    Rikapitulazzjoni

32.      Fi ftit kliem, nikkunsidra li l-Artikolu 282 KE huwa applikabbli għall-proċeduri nazzjonali li kienu għadhom għaddejjin fl-1 ta’ Diċembru 2009, mingħajr ma hemm għalfejn jinħtieġ a posteriori li l-Unjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ rappreżentanza meħtieġa mill-Artikolu 335 TFUE.

33.      B’hekk, nikkunsidra li l-Artikolu 282 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-Kummissjoni, bħala rappreżentanta tal-Komunità, tressaq talba għall-kumpens għad-danni subiti minn din tal-aħħar u li tkun attribwibbli lil diversi istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità.

V –    It-tieni domanda

34.      Fit-tieni domanda preliminari tagħha, ir-Rechtbank tesponi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-dubji li għandha dwar jekk l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jippermettix li l-Kummissjoni, li tirrappreżenta lill-Unjoni, tressaq azzjoni għar-responsabbiltà minħabba d-dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 81(1) KE [attwalment l-Artikolu 101(1) TFUE], meta kienet il-Kummissjoni stess li preċedentement kienet ħadet id-deċiżjoni li tikkonstata dan il-ksur u li torbot lill-qorti kompetenti. Minħabba n-natura vinkolanti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk hija għandhiex il-fakultà li ssolvi l-kawża b’mod indipendenti. Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi wkoll dwar il-konformità ta’ din is-sitwazzjoni mal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-proċedura ċivili.

35.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li l-fatt li l-qorti nazzjonali hija marbuta bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni jikser il-prinċipju tal-indipendenza tal-qrati, sottostanti l-Artikolu 47 tal-Karta u stabbilit espressament fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Il-konvenuti jikkunsidraw ukoll li nkiser il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, huwa wkoll iggarantit miż-żewġ dispożizzjonijiet iċċitati. Il-konvenuti jsostnu li l-Kummissjoni, fil-funzjoni u fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tal-kompetizzjoni, għandha informazzjoni privileġġjata dwar l-impriżi affettwati li ma hijiex aċċessibbli għall-konvenuti kollha. Minbarra dawn l-argumenti, il-konvenuti jinvokaw argumenti oħrajn li ma għandhomx x’jaqsmu mad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, b’tali mod li ma hemmx lok li jiġu indirizzati f’dawn il-konklużjonijiet (13).

36.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni, bl-appoġġ tal-Kunsill, li hija aġixxiet b’mod għal kollox legali, u tosserva li ma hemm l-ebda inkompatibbiltà bejn il-pożizzjoni tagħha bħala rikorrenti fil-proċedura fil-kawża prinċipali, l-azzjoni preċedenti tagħha bħala awtorità tal-kompetizzjoni, u r-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Hija ssostni li s-servizzi legali responsabbli mid-difiża tal-Unjoni fil-proċedura fil-kawża prinċipali aġixxew mingħajr ma kien hemm kuntatt mal-membri tas-servizz legali responsabbli mill-proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li hija ma użat l-ebda informazzjoni kunfidenzjali, la fir-rikors u lanqas f’xi dokument ieħor prodott fil-kawża ċivili. Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tipprekludix il-fatt li d-deċiżjoni tagħha, minkejja li ttieħdet minn waħda mill-partijiet, torbot lill-qorti nazzjonali, peress li d-deċiżjoni inkwistjoni hija suġġetta għal stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li seħħ f’dan il-każ, u li seħħ tabilħaqq.

37.      Biex tingħata risposta għad-domandi magħmula mir-Rechtbank, l-ewwel nett, biħsiebni nindirizza l-kwistjoni marbuta mal-indipendenza tal-qorti kompetenti, kwistjoni li, kif se nsostni iktar ’il quddiem, tirrigwarda iktar il-portata tal-kompetenza milli l-imparzjalità tal-qorti. Sussegwentement, biħsiebni nindirizza b’mod iktar preċiż il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-proċedura ċivili nazzjonali.

A –    Il-limitazzjoni tal-portata tal-kompetenza tal-qorti tar-rinviju sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għad-danni

38.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju li jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej: bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata akkordju li jmur kontra l-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE), il-Kummissjoni torbot lill-awtoritajiet pubbliċi kollha, inklużi dawk nazzjonali. Jekk, sussegwentement, il-Kummissjoni tressaq quddiem qorti nazzjonali azzjoni għar-responsabbiltà għad-danni subiti mill-Unjoni minħabba aġir antikompetittiv, ikun hemm leġittimament lok li tiġi ddubitata l-konformità tal-proċedura inkwistjoni mad-dritt ta’ kull persuna li tkun iġġudikata minn qorti imparzjali. Sa fejn il-qorti nazzjonali kompetenti, f’dan il-każ ir-Rechtbank van koophandel te Brussel, għandha tiddikjara l-eżistenza ta’ dannu abbażi ta’ illegalità li l-konstatazzjoni tagħha tiġi prattikament imposta fuqha minn waħda mill-partijiet, it-tnaqqis fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-qorti li jirriżulta minħabba dan jidher li jikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata tal-indipendenza tagħha.

39.      Dan l-argument, kif ġie espost u lil hinn mid-dehra tiegħu, fil-fehma tiegħi huwa infondat.

40.      Qabel xejn, għandu jiġi enfasizzat li ma hijiex il-Kummissjoni li ressqet l-azzjoni għar-responsabbiltà quddiem il-qorti Belġjana, iżda l-Komunità u, attwalment, l-Unjoni. Dan ma huwiex każ fejn il-Kummissjoni tieħu att u, sussegwentement, tfittex hija stess individwu sabiex titlob kumpens għad-dannu subit. Anzi, il-Kummissjoni tintervjeni fil-proċedura nazzjonali, mhux bħala parti iżda bħala rappreżentanta tal-Unjoni, possibbilment bħala vittma, għal parti partikolari ta’ dannu li jista’ jiġi identifikat u li jista’ jiġi attribwit lil diversi istituzzjonijiet u korpi tagħha.

41.      Din il-konstatazzjoni diġà ddgħajjef l-argument tal-konvenuti fil-kawża prinċipali peress li d-duwalità tal-funzjonijiet li qed jallegaw ma hijiex ħlief il-konsegwenza ta’ tqassim normali tas-setgħat fi ħdan organizzazzjoni politika u amministrattiva kumplessa, li l-funzjonjiet tagħha jinkludu l-ħolqien u l-implementazzjoni tal-politika pubblika, iżda anki d-difiża tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tagħha quddiem kwalunkwe qorti. Dan huwa l-każ tal-Unjoni, li t-tqassim intern tas-setgħat tagħha jafda responsabbiltajiet importanti f’idejn il-Kummissjoni. Tabilħaqq, il-fatt li hija l-Kummissjoni li teżerċita s-setgħat mogħtija lilha fil-qasam tal-kompetizzjoni u li, fl-istess ħin, tiżgura r-rappreżentanza legali tal-Unjoni ma huwiex ir-rifless ta’ kostruzzjoni distorta u arbitrarja tat-tqassim tas-setgħat, kif isostnu l-konvenuti. Anzi, l-organizzazzjonijiet politiċi kollha, inklużi l-Istati Membri, għandhom rimedji legali sabiex isostnu b’mod legali d-drittijiet u l-interessi tagħhom (14). Barra minn hekk, id-dritt tal-amministrazzjonijiet pubbliċi li jkollhom aċċess għall-qrati ordinarji jikkostitwixxi pass ’il quddiem sinjifikattiv fil-konsolidament tal-istat tad-dritt, li abbażi tiegħu l-awtoritajiet pubbliċi gradwalment jitilfu s-setgħat ta’ awtokontroll tagħhom u jafdaw id-difiża tad-drittijiet tagħhom f’idejn il-qrati tad-dritt komuni. Dan huwa l-każ, f’din il-kawża, tal-Unjoni li, billi ma għandhiex mekkaniżmi awtonomi ta’ rkupru forzat tal-kumpens għad-danni subiti, ikollha tirrikorri għal azzjoni legali, f’dan il-każ nazzjonali, sabiex tikseb kumpens għad-danni li jkunu ġew ikkawżati lilha b’mod illegali. F’każ bħal dan, ir-rappreżentanza legali tal-Unjoni tiġi fdata, abbażi tal-Artikolu 282 KE, u irrispettivament mill-qasam ikkonċernat, f’idejn il-Kummissjoni.

42.      Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi enfasizzat li l-Unjoni (u mhux il-Kummissjoni) ma tagħtix bidu għall-proċedura fil-kawża prinċipali bħala istituzzjoni detentriċi ta’ setgħa pubblika, li għandha r-responsabbiltà li tiggarantixxi l-kompetizzjoni fis-suq intern, iżda fil-kwalità tagħha ta’ klijenta, bħala konsumatriċi, ta’ impriżi li huwa preżunt li huma responsabbli li illegalment ikkawżaw dannu. Ċertament, għalkemm l-Unjoni timplementa l-politika tal-kompetizzjoni tagħha permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda abbażi tat-Trattat, dan huwa l-eżerċizzju ta’ azzjoni ċivili li ma tagħmilx parti minn din il-politika, iżda huwa mezz ta’ kumpens patrimonjali intiż sabiex jistabbilixxi mill-ġdid sitwazzjoni ġuridika fuq il-livell privat. Fil-proċedura pendenti quddiem ir-Rechtbank, u kif sostnew kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill waqt is-seduta, l-Unjoni taġixxi bħala individwu, vittma ta’ dannu patrimonjali. Konsegwentement, u bil-kontra tal-argumenti tal-konvenuti, ma hemmx sovrappożizzjoni tal-funzjonijiet iżda żewġ azzjonijiet manifestament differenzjati, mhux biss mil-lat taż-żmien iżda fuq kollox fil-mezzi u fl-għanijiet (15).

43.      Wara li saret din l-ewwel osservazzjoni, issa għandu jiġi analizzat jekk deċiżjoni adottata minn istituzzjoni tal-Unjoni, f’dan il-każ il-Kummissjoni, li l-kontenut tagħha jorbot lill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali kollha, inkluża l-awtorità ġudizzjarja, iċċaħħadx bla ġustifikazzjoni lil din tal-aħħar mill-indipendenza tagħha meta tintalab tagħti deċiżjoni dwar talba għal kumpens ibbażata fuq dik id-deċiżjoni. Madankollu, nikkunsidra li din l-analiżi tas-sitwazzjoni, iffokata fuq l-indipendenza tal-korp ġudizzjarju u proposta kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-partijiet għall-proċedura fil-kawża prinċipali, ma hijiex dik xierqa. L-ebda waħda mill-partijiet għal din il-proċedura ma tiddubita l-imparzjalità tal-qorti tar-rinviju, u lanqas ma jista’ jingħad li din hija interferenza abbużiva u illeġitima fl-iżvolġiment tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Id-dubji jirrigwardaw, b’mod iktar preċiż, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-portata tas-setgħa ġudizzjarja tal-qorti tar-rinviju, li hija ristretta minħabba deċiżjoni tal-Kummissjoni li torbotha u tiddetermina minn qabel waħda mill-kundizzjonijiet preliminari tal-kawża: l-eżistenza ta’ reat ikkonstatat mill-korp kompetenti f’dan ir-rigward. Huwa wkoll b’dan il-mod li qed tifhimha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem meta tittratta kawżi fejn qorti jkollha l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha mnaqqas. F’każ bħal dan, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li ma hijiex l-indipendenza tal-korp li tkun ikkonċernata iżda l-istatus tiegħu ta’ “qorti” (16).

44.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li l-oġġezzjoni mqajma mir-Rechtbank ma tirrigwardax l-“indipendenza” tagħha bħala qorti, iżda l-kapaċità tagħha li ssolvi b’diskrezzjoni assoluta kawża ċivili li tressqet quddiemha.

45.      Sabiex jinteħħa dan id-dubju, nissuġġerixxi l-ewwel nett li tiġi eżaminata n-natura tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni u l-effetti legali tagħha quddiem il-qrati nazzjonali. Sussegwentement, se nfakkar kif l-imsemmija deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal rikors ta’ ġurisdizzjoni sħiħa quddiem il-qrati tal-Unjoni, billi l-qrati nazzjonali huma dawk li, jekk ikun il-każ, fil-proċedura ċivili għal kumpens, jintalbu jiddeterminaw id-dannu u r-rabta kawżali. Fl-aħħar mill-aħħar, nikkunsidra li s-setgħa ġudizzjarja tar-Rechtbank ma ġietx limitata, iżda li r-Rechtbank teżerċitaha fil-kuntest ta’ tqassim normali tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u dik tal-Unjoni.

46.      Fis-sentenza Masterfoods u HB tagħha (17), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddefinixxi l-portata tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 81(1) KE [Artikolu 101(1) TFUE]. Il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni ġie sussegwentement irrepetut fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fi ftit kliem, is-sentenza ċċitata u r-Regolament jistabbilixxu l-obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali kollha, inklużi l-qrati nazzjonali, li joqogħdu lura milli jagħtu deċiżjonijiet inkompatibbli ma’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE attwali) (18). Fi kliem ieħor, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq dawn id-dispożizzjonijiet jorbtu lill-qrati nazzjonali (19).

47.      Ċertament, is-sentenza Masterfoods u HB ħalliet mingħajr soluzzjoni kwistjonijiet importanti li kienu jgħinu ħafna sabiex tiġi ddefinita l-portata tan-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. B’hekk, għad irid jiġi ddeterminat jekk dawn l-effetti jkoprux id-dispożittiv tad-deċiżjoni jew il-kontenut kollu tagħha, inklużi l-evalwazzjonijiet ta’ fatt. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkunsidrat, bi tweġiba għal xi mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-deċiżjonijiet tagħha ma jorbtux lill-awtoritajiet pubbliċi fl-elementi kollha tagħhom, iżda naqset milli tispeċifika liema. Kien x’kien il-każ, u sa fejn huwa rilevanti f’din il-kawża, jidher li ma kienx hemm dubju li l-konstatazzjoni ta’ aġir illegali inkluża fid-deċiżjoni tapplika fil-każijiet kollha għall-qrati nazzjonali. Din il-konstatazzjoni hija l-bażi għal kull azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali fid-dritt nazzjonali, fejn l-eżistenza ta’ dannu illegali hija waħda mir-rekwiżiti.

48.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju jista’ jkollha xi raġunijiet sabiex tkun kawta, a priori, fir-rigward ta’ rikors ippreżentat minn awtorità pubblika li qabel hija stess tkun iddeterminat, bl-effetti li jirriżultaw minn dan, ir-reat li fuqu jkun imsejjes ir-rikors tagħha. Madankollu, u kif ġustament osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din iċ-ċirkustanza ma tibqax iktar problematika mill-mument li jkun hemm rimedju effettiv quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni li tikkonstata r-reat. Fil-fatt, il-kompetenza ġudizzjarja ta’ qorti nazzjonali tista’ tkun limitata mingħajr ġustifikazzjoni jekk hija titlef il-kapaċità li tikkonstata jew li tikkontesta l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ reat fil-kuntest ta’ sentenza għal kumpens. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, għar-raġunijiet li se nesponi issa.

49.      L-ewwel nett, il-qorti nazzjonali ma hijiex awtorizzata tinjora jew tevalwa l-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u dan mhux biss għaliex is-sentenza Masterfoods u HB ddeċidiet hekk, iżda anki għaliex ġurisprudenza stabbilita, minn żmien il-kawża Foto-Frost (20), tipprojbixxi li l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jevalwaw il-validità tal-atti tal-Unjoni. Il-monopolju tal-evalwazzjoni tal-validità li għandhom il-qrati tal-Unjoni, u huma biss, ikun mhedded jekk qorti nazzjonali tkun tista’ tqiegħed f’dubju, matul kawża għad-danni, il-konstatazzjoni ta’ reat preċedentement stabbilit b’deċiżjoni tal-Kummissjoni. F’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni jawtorizza lill-qorti nazzjonali sabiex tagħmel domanda preliminari dwar il-validità lill-Qorti tal-Ġustizzja, biex b’hekk ikunu protetti l-indipendenza tal-qorti nazzjonali u, fl-istess ħin, l-unità u l-koerenza tas-sistema ta’ sorsi tad-dritt tal-Unjoni (21).

50.      Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati mid-deċiżjoni li, f’dan il-każ, intervjenew bħala konvenuti fil-kawża prinċipali, dejjem kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali u, fl-aħħar istanza, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rikors għal annullament, kif inhuwa magħruf, jikkostitwixxi mezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju li jippermetti verifika sħiħa tal-att ikkontestat. Il-motivi stabbiliti fl-Artikolu 230(2) KE [li sar l-Artikolu 263(2) TFUE] huma suffiċjentement wisgħin sabiex ikun jista’ jsir stħarriġ ġuridiku tal-elementi kollha li jikkostitwixxu l-att (22). Il-fatt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni teknika ma jfissirx li l-istħarriġ ġudizzjarju jkun stħarriġ a minima, kif sostnew il-kumpanniji konvenuti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Ir-rikonoxximent ta’ dan il-marġni ta’ deċiżjoni għandu l-ekwivalenti tiegħu fil-ġustizzja amministrattiva ta’ sistemi ġuridiċi differenti rrappreżentati fl-Unjoni, fejn l-istħarriġ dwar l-amministrazzjoni jirrigwarda punti ta’ liġi u li tissuġġetta l-aspetti tekniċi għal eżami bbażat fuq l-iżball manifest (23). Barra minn hekk, il-portata u l-intensità ta’ dan it-tip ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-Istati Membri huma kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (24). L-istħarriġ magħmul mill-qrati tal-Unjoni dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati abbażi tal-Artikolu 81(1) KE [attwalment l-Artikolu 101(1) TFUE] jikkostitwixxi, b’mod ġenerali, stħarriġ ġudizzjarju komplut li, fil-każ li d-deċiżjoni tkun infondata, jiggarantixxi lill-individwu protezzjoni effettiva tad-drittijiet tiegħu.

51.      Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, għaldaqstant għandu jiġi osservat li l-qrati nazzjonali għandhom diversi possibbiltajiet meta huma jkunu ffaċċjati b’deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ċivili għad-danni.

52.      Qabel xejn, u kif ġie osservat fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti nazzjonali, jekk ikollha xi dubji dwar il-legalità tad-deċiżjoni, għandha l-possibbiltà li tagħmel domanda preliminari dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, jekk id-deċiżjoni jkollha destinatarju distint, huwa imperattiv li dan ikun ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali rikors li jikkontesta l-validità tagħha (25). F’dan il-każ, kif seħħ f’din il-kawża, il-qorti nazzjonali jkollha l-possibbiltà li tissospendi l-proċedura filwaqt li tistenna li l-qorti tal-Unjoni tagħti sentenza definittiva. Dan huwa dak li jissuġġerixxi l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 meta jiddikjara li għandha tkun il-qorti nazzjonali li “[tagħmel] stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu [tissospendi] dawn il-proċeduri” meta hija tista’ “[tieħu] deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat [mressqa minnha]”. Għaldaqstant, jekk ir-Rechtbank kellha xi dubji dwar il-validità tad-deċiżjoni u jekk hija osservat li din kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni, is-sospensjoni tal-proċedura nazzjonali għandha tevita kull riskju ta’ kontradizzjoni bejn is-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Unjoni u l-ġurisprudenza Belġjana.

53.      Din il-konklużjoni hija rekwiżit, mhux biss taċ-ċertezza legali, iżda wkoll tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Fis-sentenza Masterfoods u HB, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[m]eta s-soluzzjoni tal-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali tiddependi mill-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha, sabiex tevita li tieħu deċiżjoni li tmur kontra dik tal-Kummissjoni, tissospendi l-proċedura sakemm il-qrati Komunitarji jagħtu deċiżjoni definittiva dwar ir-rikors għal annullament, ħlief jekk hija tikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ikun iġġustifikat li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni” (26). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-obbligu li tkun sospiża l-proċedura jirriżulta mill-fatt li “l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji hija msejsa fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, min-naħa l-waħda, il-qrati nazzjonali u, mill-oħra, rispettivament, il-Kummissjoni u l-qrati Komunitarji, fejn fil-kuntest tagħha kull waħda taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat” (27).

54.      Fi ftit kliem, minkejja li r-Rechtbank hija marbuta bil-konstatazzjoni tar-reat stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, dan bl-ebda mod ma jimplika li l-istħarriġ ġudizzjarju jkun ristrett u li l-partijiet ma jkollhomx aċċess għal “qorti”. Anzi, hija r-Rechtbank li għandha tikkonstata u tikkwantifika d-dannu subit f’dan il-każ mill-Unjoni wara li tkun stabbilixxiet ir-rabta kawżali, funzjoni li tippreżumi analiżi ta’ natura ġudizzjarja dettaljata u kumplessa. U jekk ikollha xi dubji dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, minkejja li ma tkunx tista’ tikkontesta l-kontenut tagħha minħabba l-monopolju tal-istħarriġ li għandhom il-qrati tal-Unjoni, hija dejjem tkun tista’, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, tissospendi l-proċedura filwaqt li tistenna li l-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja jikkonfermaw il-validità ta’ dik id-deċiżjoni. Konsegwentement, minn dan jista’ jiġi konkluż li r-Rechtbank ma kinitx suġġetta għal restrizzjoni tas-setgħat ġudizzjarji tagħha u li l-konvenuti lanqas ma ċċaħħdu mid-dritt ta’ aċċess tagħhom għal qorti b’ġurisdizzjoni sħiħa. Anzi, minħabba l-eżistenza ta’ żewġ sistemi ta’ liġi li jinteraġixxu u li huma suġġetti rispettivament għall-katini ta’ validità tagħhom, il-proċedura tirrifletti t-tqassim funzjonali li jeżisti bejn żewġ qrati, waħda, dik tal-Unjoni, u l-oħra, il-qorti nazzjonali, kull waħda responsabbli mill-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni rispettiva tagħha.

55.      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-argumenti esposti, nikkunsidra li l-Artikolu 47 tal-Karta, mil-lat tad-dritt għal qorti, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni dwar talba għall-kumpens għad-danni subiti mill-Unjoni, meta r-reat li jkun ikkawża d-danni jkun ġie kkonstatat b’deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 81(1) KE [attwalment l-Artikolu 101(1) TFUE].

B –    Opportunitajiet ugwali bejn il-partijiet għall-proċedura ċivili

56.      Il-qorti tar-rinviju, fl-aħħar nett, qed tistaqsi jekk il-fatt li l-Kummissjoni jkollha informazzjoni miġbura waqt l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ ksur, informazzjoni li, inċidentalment, mhux il-konvenuti kollha jkollhom, peress li din tista’ tkun informazzjoni suġġetta għas-sigriet professjonali, jiksirx il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif jirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

57.      Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, bħala parti integrali mid-dritt fundamentali għal rikors effettiv quddiem qorti ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, ilu jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju jista’ jiġi invokat mhux biss quddiem il-qrati tal-Unjoni (28), iżda anki fil-proċeduri ta’ sanzjoni mressqa mill-Kummissjoni (29), kif ukoll fil-proċeduri nazzjonali ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (30). Huwa fuq dan l-aspett tal-aħħar li għandna niffokaw issa u li fir-rigward tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment tispira ruħha mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

58.      Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet għandu l-għan li jiżgura bilanċ bejn il-partijiet għall-proċedura billi jiggarantixxi li kull dokument prodott quddiem il-qorti jista’ jiġi evalwat u kkontestat minn kull parti għall-proċedura. Min-naħa l-oħra, id-dannu maħluq minn żbilanċ fil-prinċipju għandu jiġi pprovat minn dak li ġarrbu (31). It-teorija msejħa “tal-apparenzi”, applikata għall-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet minn żmien is-sentenza Kress vs Franza (32) wasslet lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tiddikjara li żbilanċ oġġettiv u astratt jista’ wkoll ikun suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet (33). Dik il-ġurisprudenza tiġi applikata prinċipalment għall-proċeduri nazzjonali fl-ordni kriminali, iżda wkoll, għalkemm inqas ta’ spiss, għal dawk tal-ordni ċivili, tal-ordni soċjali u tal-ordni amministrattiv (34).

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat din il-ġurisprudenza, u applikat diversi drabi l-garanziji mfassla mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem esposti iktar ’il fuq (35). Minkejja li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirx li laqgħet it-“teorija tal-apparenzi” b’entużjażmu kbir, u li fil-parti l-kbira tal-każijiet hija teżiġi l-prova ta’ dannu effettiv li jirriżulta minn żbilanċ bejn il-partijiet, il-livell ta’ protezzjoni huwa, essenzjalment, ekwivalenti għal dak tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (36).

60.      Jekk wieħed japplika l-ġurisprudenza ċċitata għal dan il-każ, id-domanda magħmula issa tirrigwarda aspetti ddefiniti sew. Min-naħa l-waħda, hija tirrigwarda l-aċċess tal-Kummissjoni, bħala rappreżentanta tal-Unjoni quddiem il-qrati Belġjani, għall-informazzjoni inkluża fil-fajl li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81(1) KE [attwalment l-Artikolu 101(1) TFUE]. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Kummissjoni setgħet tiggwida t-tfassil tad-deċiżjoni tagħha bil-għan li toħloq kundizzjonijiet favorevoli għas-suċċess ta’ talba għad-danni sussegwenti fi proċedura ċivili. Min-naħa l-oħra, il-konvenuti jikkontestaw il-pożizzjoni privileġġjata li l-Kummissjoni tislet mill-fatt li hija l-awtriċi tad-deċiżjoni li tiddetermina l-eżistenza tar-reat fil-proċedura nazzjonali. Fl-aħħar nett, il-konvenuti jenfasizzaw li l-informazzjoni inkluża fil-fajl, inkluża dik koperta bis-sigriet professjonali, ma tqegħditx għad-dispożizzjoni tal-konvenuti kollha, li jqiegħed lill-Kummissjoni f’sitwazzjoni vantaġġuża mil-lat tal-informazzjoni, biex b’hekk ġie ppreġudikat il-bilanċ li għandu jkun hemm bejn il-partijiet għall-proċedura.

61.      Biex tingħata tweġiba għall-ewwel oġġezzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, qabel xejn għandu jiġi osservat li l-informazzjoni li kellha f’idejha l-Kummissjoni msemmija mill-konvenuti ma ġietx prodotta quddiem il-qorti nazzjonali. Dan jirriżulta mid-digriet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-informazzjoni kkontestata b’hekk tagħmel parti minn fajl li qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, li l-kontenut tiegħu ma ntbagħatx lill-qorti nazzjonali minn wara dahar il-konvenuti.

62.      Dan il-fatt jinfluwenza ferm l-analiżi ta’ dan il-każ fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, peress li għandu jitfakkar li, abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-konstatazzjoni ta’ żbilanċ għandha tkun riflessa b’mod jew b’ieħor fl-intervent tal-qorti. Fi kliem ieħor, in-nuqqas ta’ ugwaljanza tiġi żvelata mill-fatt li l-qorti jkollha elementi effettivi jew oġġettivi li jiffavorixxu parti għad-detriment tal-oħra, mingħajr ma din tal-aħħar ikollha mezzi effettivi sabiex tiddefendi ruħha minn dan.

63.      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ma ġiex ipprovat li hemm informazzjoni ad extra għad-deċiżjoni pubblika, li kienet f’idejn il-Kummissjoni minħabba proċeduri preċedenti, li ġiet inkluża fil-proċedura fil-kawża prinċipali. Iktar ’il quddiem biħsiebni nanalizza l-użu speċifiku tal-informazzjoni kunfidenzjali fil-proċedura fil-kawża prinċipali, iżda huwa suffiċjenti li għalissa jingħad ukoll li, jekk dan il-punt jiġi kkonfermat, is-suċċess tal-istrateġija difensiva tal-Kummissjoni jkun jiddependi mill-validità tal-argumenti invokati fir-rikors tagħha kif ukoll mir-rilevanza tal-fatti li hija ssemmi tul il-proċedura ċivili relatata miegħu. Jekk jidher li l-informazzjoni li qed tinkwieta lill-konvenuti ġiet inkluża fir-rikors jew li din ġiet prodotta f’dokumenti ta’ prova annessi, huma għandhom dejjem il-possibbiltà li jiffaċċjawha u li jikkontestawha (bla ħsara għall-oġġezzjonijiet li din l-attitudni tal-Kummissjoni tqajjem mil-lat tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità, li se nindirizza iktar ’il quddiem). Jekk, anzi, din l-informazzjoni ma tiġix prodotta fil-proċedura ċivili, ikun diffiċli biex il-qorti tiffavorixxi waħda mill-partijiet għad-detriment tal-oħra. Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Kummissjoni ma tinsabx a priori f’pożizzjoni vantaġġuża li tikser il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet sempliċement minħabba li hija ġabret informazzjoni partikolari fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ stħarriġ preċedenti.

64.      Bit-tieni oġġezzjoni tagħhom ibbażata fuq il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, il-konvenuti jikkunsidraw li s-setgħa tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjonijiet vinkolanti li jiddeterminaw minn qabel l-eżistenza tar-reat fil-proċedura fil-kawża prinċipali twassal għal żbilanċ fil-proċedura li jmur kontra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. B’mod partikolari, il-partijiet għall-kawża prinċipali enfasizzaw l-importanza tas-sentenza Yvon vs Franza (37), fejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-intervent tal-Kummissarju tal-Gvern Franċiż fi proċedura ta’ appell kontra l-iffissar tal-kumpens għal esproprjazzjoni ma kienx kompatibbli mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. F’dik il-kawża, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ħadet speċjalment inkunsiderazzjoni l-fatt li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissarju tal-Gvern kienet tinfluwenza l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-qorti. Anki jekk l-ammont li talab il-Kummissarju tal-Gvern ma kienx jorbot lill-qorti, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzat li d-dritt Franċiż kien jobbliga lill-qorti, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’sede ta’ appell, li tindika “b’mod speċjali” il-motivi tad-deċiżjoni tagħha jekk hija tinjora l-proposta tal-Kummissarju tal-Gvern (38).

65.      Apparti din iċ-ċirkustanza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-individwu, f’dan il-każ il-persuna esproprjata, kien iffaċċjat kemm bl-amministrazzjoni esproprjatriċi kif ukoll bil-Kummissarju tal-Gvern. Dwar dan tal-aħħar, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem osservat li huwa kellu informazzjoni prezzjuża li ma kellhiex il-persuna esproprjata (39).

66.      Huma dawn it-tliet ċirkustanzi (influwenza fuq il-korp ġudizzjarju, difiża doppja tal-amministrazzjoni u aċċess għall-informazzjoni) flimkien u mhux kull ċirkustanza meqjusa individwalment li jikkostitwixxu, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

67.      Huwa suffiċjenti li jitfakkru ċ-ċirkustanzi li fuqhom hija msejsa l-kawża Yvon vs Franza sabiex tinġibed il-konklużjoni li din is-sentenza ma twassalx biex jiġi kkontestat ir-rwol tal-Kummissjoni f’din il-kawża. Barra minn hekk, kif diġà ġie espost iktar ’il fuq, il-fatt li d-diskrezzjoni tal-qorti kienet influwenzata mill-intervent tal-Kummissarju tal-Gvern ma kienx l-uniku element li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tikkonstata l-ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Anzi, huma ċ-ċirkustanzi flimkien, u mhux kull waħda minnhom, li wasslu għal ksur tad-dritt. Barra minn hekk, kif diġà ġie espost fil-punti 50 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li l-qorti nazzjonali tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni jirriżulta mit-tqassim normali tal-funzjonijiet bejn il-qrati tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri, u l-limitazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk għal din il-qorti nazzjonali jissolvew b’reviżjoni tad-deċiżjoni permezz ta’ rimedji previsti fit-trattati.

68.      It-tielet u l-aħħar nett, dwar il-fatt li l-korpi tal-Kummissjoni li jkollhom il-kompetenza li jittrattaw il-proċedura għal ksur ikunu l-istess bħal dawk li jkollhom ir-responsabbiltà sabiex iressqu t-talba għall-kumpens għad-danni, nikkunsidra li dan huwa argument faċilment konfutabbli. Il-kumpanniji konvenuti jsostnu li l-Kummissjoni dejjem ikollha aċċess privileġġjat għall-proċedura għal ksur, inkluża d-data suġġetta għas-sigriet professjonali, sabiex titressaq talba għad-danni peress li fl-aħħar mill-aħħar dan huwa korp kulleġġjali li jieħu d-deċiżjonijiet b’maġġoranza fejn jipparteċipaw il-membri kollha tiegħu. Konsegwentement, dejjem skont il-konvenuti, ir-responsabbli aħħari mit-teħid tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur ikun ukoll ir-responsabbli mid-deċiżjoni li titressaq it-talba għad-danni f’isem l-Unjoni. Minn dan għandu jiġi dedott li l-azzjoni għar-responsabbiltà tiġi eżerċitata abbażi ta’ pożizzjoni bla ebda dubju vantaġġuża meta pparagunata ma’ dik tal-konvenuti.

69.      Lanqas dan l-argument ma huwa konvinċenti, għaliex jimponi fuq il-Kummissjoni probatio diabolica li diffiċilment tista’ tingħeleb. Il-Kummissjoni spjegat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li s-servizzi legali responsabbli mill-preparazzjoni tat-talba għad-danni ħadmu apparti mis-servizzi li f’dak iż-żmien kienu ttrattaw il-proċedura għal ksur. Dan huwa dak li kkonfermat waqt is-seduta, fejn skont l-aġent tagħha, din hija prattika abitwali li tikkonċerna mhux biss il-każijiet fejn il-Kummissjoni tipparteċipa fil-proċedura nazzjonali iżda anki, b’mod iktar ġenerali, kwalunkwe proċedura fejn l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tintuża għal finijiet oħrajn għajr dawk għaliex tkun ġiet prodotta (40). Fuq il-livell leġiżlattiv, din il-prattika hija riflessa fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprovdi li l-informazzjoni miksuba matul proċedura ta’ ksur “ser [tintuża] biss għall-għan li għalih ġie[t] akwistat[a]” (41).

70.      Kieku l-Kummissjoni kellha tipprova f’kull kawża liema miżuri tkun adottat sabiex tiggarantixxi użu xieraq tal-informazzjoni miksuba waqt il-fażi tat-tħejjija ta’ fajl, tkun qed tintalab il-prova ta’ aġir li, kif ġie osservat, huwa previst fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġuni trid li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-konvenuti fil-kawża prinċipali, li jkollhom jipproduċu provi effettivi li l-Kummissjoni illegalment inqdiet b’informazzjoni kunfidenzjali sabiex tipprepara d-difiża tagħha fi proċedura ċivili bħal dik f’dan il-każ. Kif jiġri fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni, l-oneru tal-prova ta’ ksur tad-dritt jaqa’, b’mod ġenerali fuq il-parti li tallega l-ksur (42). F’dan il-każ, din il-prova taqa’ fuq il-konvenuti fil-kawża prinċipali, li ma taw l-ebda indikazzjoni li l-Kummissjoni għamlet użu illeċitu mill-informazzjoni inkluża fil-proċeduri għal ksur miftuħa qabel ma tressqet it-talba quddiem ir-Rechtbank.

71.      Fl-aħħar mill-aħħar, u fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nikkunsidra li l-Artikolu 47 tal-Karta, mil-lat tad-dritt għal opportunitajiet ugwali għall-partijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-Kummissjoni tressaq azzjoni għall-kumpens għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali, anki jekk qabel hija tkun ittrattat proċedura għal ksur li d-deċiżjoni fir-rigward tagħha għamlitha ta’ bażi għat-talba.

VI – Konklużjoni

72.      Fid-dawl tal-motivi esposti iktar ’il fuq, għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula kif ġej:

“(1)      L-Artikolu 282 KE huwa applikabbli għall-proċeduri nazzjonali li kienu għadhom għaddejjin fl-1 ta’ Diċembru 2009, mingħajr ma hemm għalfejn jinħtieġ a posteriori li l-Unjoni Ewropea tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ rappreżentanza meħtieġa mill-Artikolu 335 TFUE.

L-Artikolu 282 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-Kummissjoni Ewropea, bħala rappreżentanta tal-Komunità Ewropea, tressaq talba għall-kumpens għad-danni subiti minn din tal-aħħar u li tkun attribwibbli lil diversi istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità.

(2)      L-Artikolu 47 tal-Karta, mil-lat tad-dritt għal qorti, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni dwar talba għall-kumpens għad-danni subiti mill-Unjoni Ewropea, meta r-reat li kkawża d-danni jkun ġie kkonstatat b’deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata abbażi tal-Artikolu 81(1) KE [attwalment l-Artikolu 101(1) TFUE].

L-Artikolu 47 tal-Karta, mil-lat tad-dritt għal opportunitajiet ugwali għall-partijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-Kummissjoni Ewropea, bħala rappreżentanta tal-Unjoni Ewropea, tressaq azzjoni għall-kumpens għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali, anki jekk qabel hija tkun ittrattat proċedura għal ksur li d-deċiżjoni fir-rigward tagħha għamlitha ta’ bażi għat-talba”.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2–      Regolament (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


3 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 512 finali, tal-21 ta’ Frar 2007, dwar provvediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Każ COMP/E-1/38.823 — Liftijiet u Eskalejters) (ĠU C 75 p. 19).


4 – Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, Schindler et vs Il-Kummissjoni (T-138/07, Ġabra p. II‑4819); General Technic‑Otis et vs Il-Kummissjoni (T-141/07, T-142/07, T-145/07 u T-146/07, Ġabra p. II‑4977); ThyssenKrupp et (T-144/07, T-147/07, T-148/07, T-149/07, T-150/07 u T-154/07, Ġabra p. II‑5129), u Kone et vs Il-Kummissjoni (T-151/07, Ġabra p. II‑5313).


5 – Sentenza ThyssenKrupp et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punti 303 sa 323.


6 – Ikkunsidrajt id-differenzi bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-13 ta’ Jannar 2011 fil-kawża Región de Bruxelles-Capitale (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, C-137/10, Ġabra p. I‑3515).


7–      Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).


8–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 3); tal-15 ta’ Diċembru 2004, Siig (C-272/03, Ġabra p. I-11941, punt 16), u tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin (C-325/05, Ġabra p. I-6495, punt 55).


9–      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 6).


10–      Ibid, punt 20.


11–      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1973, Werhahn Hansamühle vs Il-Kunsill (63/72 sa 69/72, Ġabra p. 1229, punt 7).


12–      Konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, punt 46.


13 – Il-kumpanniji konvenuti invokaw il-possibbiltà ta’ ksur tad-dritt fundamentali għall-privatezza, mil-lat tal-protezzjoni kemm tal-intimità tal-persuni ġuridiċi kif ukoll mil-lat tas-sigriet professjonali.


14 – Dan ir-rimedju ġuridiku tal-protezzjoni tas-setgħat pubbliċi huwa protett, f’ċerti każijiet, mid-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet. Dan huwa l-każ, inter alia, tal-Awstrija (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tagħha 11.828/1988); tal-Ġermanja [ara, inter alia, is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tagħha 6, 45 (49); 21, 362 (373) u 61, 82 (104)] jew ta’ Spanja (ara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tagħha 175/2001). Dwar dan is-suġġett, ara F. Velasco Caballero, Tutela Judicial Efectiva a las Administraciones Públicas. La Administración como titular de los derechos fundamentales del art. 24.1 de la Constitución, Bosch, Barcelona, 2003.


15 – Dwar il-bażijiet u l-għanijiet differenti tal-politika pubblika tal-kompetizzjoni u tal-azzjonijiet ċivili għad-danni, ara W.P.J Wils, “The Relationship between Public Antitrust Enforcement and Private Actions for Damages”, World Competition, 32, nru 1, 2009, p. 5 sa 11, u A.P. Komninos, ECPrivate Antitrust Enforcement. Decentralised Application of EC Competition Law by National Courts, Hart Publishing, Oxford-Portland, 2008, p. 7 sa 12.


16 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tad-19 ta’ April 1994, Van de Hurk vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, Serje A nru 288, punti 45 sa 55; tas-17 ta’ Diċembru 1996, Terra Woningen B.V. vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 1996-VI, faxxikolu 25, punti 51 sa 55, u tal-21 ta’ Lulju 2011, Sigma Radio Television Ltd vs Ċipru, nri 32181/04 u 35122/05 (Sect. 5) (Eng), punti 147 sa 169.


17–      Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000 (C-344/98, Ġabra p. I-11369).


18 – Skont dak li qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, li ġie ripetut sussegwentement fl-Artikolu 16, iċċitat iktar ’il fuq, tar-Regolament Nru 1/2003, “meta l-qrati nazzjonali jagħtu deċiżjonijiet dwar ftehim jew prattiki li diġà jkunu suġġetti għal deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, anki jekk din tal-aħħar tikkontradixxi d-deċiżjoni mogħtija minn qorti nazzjonali tal-prim’istanza” (sentenza Masterfoods u HB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). Preċedentement, il-kwistjoni kienet solvuta bl-istess mod, inkluż f’każijiet fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet għadha ma ttiħditx (sentenza tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C-234/89, Ġabra p. I-935 punt 47).


19 – Din is-soluzzjoni ġiet adottata wkoll fuq il-livell nazzjonali f’diversi Stati Membri, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni. Pereżempju, fil-każ tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kollha tal-Istati Membri għandhom l-istess effetti vinkolanti bħad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 33(4) tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen, tas-26 ta’ Lulju 1998. Il-prinċipju huwa rifless ukoll fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, speċifikatament fl-Artikoli 47A(9), 47B(5), 58 u 58A tal-Competition Act tal-1998.


20–      Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987 (C-314/85, Ġabra p. 4199, punti 12 sa 20).


21 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, punt 17); tal-21 ta’ Marzu 2000, Greenpeace France et (C-6/99, Ġabra p. I-1651, punt 54); tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 27); tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 54), u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C-366/10, Ġabra p. I‑13755, punt 47).


22–      F’dan ir-rigward, il-kriterju applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa fformulat, b’mod ġenerali, bil-mod li ġej: “meta awtorità Komunitarja tkun meħtieġa twettaq evalwazzjonijiet kumplessi fil-kuntest tal-missjoni tagħha, hija għaldaqstant għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju limitat, li ma jimplikax li l-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt li tkun saret mill-imsemmija awtorità bl-evalwazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-qorti Komunitarja għandha biss, f’każijiet bħal dawn, teżamina l-materjalità tal-fatti u l-klassifikazzjonijiet legali li dik l-awtorità tkun iddeduċiet minnhom u, b’mod partikolari, tivverifika jekk l-azzjoni ta’ din tal-aħħar tkunx ivvizzjata bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter, jew jekk dik l-awtorità tkunx marret manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha” (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429; tat-22 ta’ Jannar 1976, Balkan-Import-Export, 55/75, Ġabra p. 19, punt 8; tal-14 ta’ Lulju 1983, Øhrgaard u Delvaux vs Il-Kummissjoni, 9/82, Ġabra p. 2379, punt 14; tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 34; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punti 24 u 25, u tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 39).


23–      Għal sinteżi, ara M. Fromont, Droit administratif des États européens, PUF, Paris, 2006, p. 200 et seq.


24 – Ara s-sentenzi tal-QEDB tat-23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il-Finlandja, 73053/01, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2006-XIV, punt 57; tat-22 ta’ Novembru 1995, Bryan vs Ir-Renju Unit, Serje A nru 335-A, punti 44 sa 47, u tal-14 ta’ Novembru 2006, Tsfayo vs Ir-Renju Unit, 60860/00, punt 46.


25 – Fil-fatt, l-individwu direttament u individwalment affettwat mid-deċiżjoni, li jirrinunzja li jikkontestaha quddiem il-qrati tal-Unjoni, jiċċaħħad mill-possibbiltà li jitlob ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun evalwata l-validità tagħha, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C-188/92, Ġabra p. I-833, punt 23, u tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, Ġabra p. I-5363, punti 60 et seq).


26–      Sentenza Masterfoods u HB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57.


27–      Ibid., punt 56.


28 – Ara, fost deċiżjonijiet oħrajn, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar (C-17/98, Ġabra p. I-665, punti 8, 9 u 18), u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Post (C-270/97 u C-271/97, Ġabra p. I-929, punt 30).


29–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni (T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 171).


30–      Ara, inter alia, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2008, Katz (C-404/07, Ġabra p. I-7607, punt 49), u tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC (C-341/04, Ġabra p. I-3813, punt 66).


31 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-QEDB tas-27 ta’ Ġunju 1968, Neumeister vs L-Awstrija, Serje A nru 8; tas-17 ta’ Jannar 1970, Delcourt vs Il-Belġju, Serje A nru 11; tat-30 ta’ Ottubru 1991, Borgers vs Il-Belġju, 214-B, u tas-27 ta’ Ottubru 1993, Dombo Beheer B.V. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, Serje A nru 274.


32 – Sentenza tal-QEDB tas-7 ta’ Ġunju 2001, Kress vs Franza, 39594/98, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2001-VI. Dwar it-teorija tal-apparenzi u l-applikazzjoni tagħha għall-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ara R. Alonso García, “El enjuiciamiento por el Tribunal Europeo de Derechos Humanos del funcionamiento contencioso del Conseil d'État y del Tribunal de Justicia de las Comunidades Europeas (en concreto, del papel desempeñado, respectivamente, por el Comisario del Gobierno y por el Abogado General)”, Revista Española de Derecho Europeo, 2002, nru 1, p. 1, u A. Santamaría Dacal, “El Tribunal de Estrasburgo, el commissaire du gouvernement y la tiranía de las apariencias”, Revista de Administración Pública, nru 157, 2002.


33 – Sentenza Kress, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 32), punt 85.


34 – Ara inter alia, is-sentenzi tal-QEDB tad-29 ta’ Mejju 1986, Feldbrugge vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, Serje A nru 99; tal-24 ta’ Frar 1994, Bendenoun vs Franza, Serje A nru 284; tat-22 ta’ Settembru 1994, Hentrich vs Franza, 296-A, u tas-26 ta’ Settembru 1996, Miailhe vs Franza (nru 2), Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 1996-IV, faxxikolu 16.


35 – Ara, inter alia, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 31); tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C-89/08 P, Ġabra p. I-11245, punti 52 et seq), u tas-17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M/EMEA, (C-197/09 RX-II, Ġabra p. I-12033, punti 39 u 40).


36 – Dan il-kuntrast huwa kkonfermat jekk wieħed jipparaguna r-raġunament tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża Kress vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, ma’ dak tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet Emesa Sugar, iċċitat iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja ffokat fuq id-dannu li sar tabilħaqq lir-rikorrenti, minħabba d-diffikultà li tingħata tweġiba lill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, mingħajr ma saret l-iċken allużjoni għat-teorija tal-apparenzi. Dan ma jfissirx li l-livell ta’ protezzjoni kien iktar baxx minn dak tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem peress li xi snin wara, din tal-aħħar ikkonfermat il-konklużjoni li kienet waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Emesa Sugar (ara d-deċiżjoni tal-QEDB tal-20 ta’ Jannar 2009, Cooperatieve Producentenorganisatie van de Nederlandse Kokkelvisserij U.A. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 13645/05, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2009).


37 – Sentenza tal-QEDB tal-24 ta’ April 2003, Yvon vs Franza, nru 44962/98, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2003-V.


38–      Ibid., punt 36.


39–      Ibid., punt 37.


40–      Ara l-White paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust adottata mill-Kummissjoni [COM(2008) 165, tat-2 ta’ April 2008, punt 2.9]. Ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jakkumpanja l-White Paper iċċitata iktar ’il fuq, p. 84 et seq. Dwar dan is-suġġett, ara M. Siracusa, u C. Rizza, EU Competition Law, vol. III, Claeys et Casteels, Deventer-Lovain, 2012, p. 490 et seq.


41 – Madankollu, fid-dawl tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 12 u 15 tar-Regolament.


42 – Ara l-Artikolu 2 tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq.