Language of document : ECLI:EU:C:2013:289

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Mejju 2013 (*)

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji – Suq tal-gomma butadiene u gomma styrene-butadiene prodotti bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarji fuq il-kumpanniji parent tagħhom — Preżunzjoni tal-eżistenza effettiva ta’ influwenza determinanti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Gravità tal-ksur — Fattur ta’ multiplikazzjoni bħala effett dissważiv — Impatt konkret fuq is-suq — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva”

Fil-Kawża C‑508/11 P,

Li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2011,

Eni SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn G. M. Roberti u I. Perego, avukati,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, G. Conte u M. L Malferrari, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Jannar 2013,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Eni SpA (iktar ’il quddiem “Eni”) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-13 ta’ Lulju 2011, Eni vs Il‑Kummissjoni (T‑39/07, Ġabra p. II‑4457, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha intiż għall-annullament, sa fejn tikkonċernaha, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikoli 81 [KE] u 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni), (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), jew, sussidjarjament, għall-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqha.

2        Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat appell inċidentali fejn titlob l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn din annullat id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-imputazzjoni ta’ ċirkustanza aggravanti minħabba reċidiva, u, konsegwentement, naqqset l-ammont tal-multa.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

3        Fis-7 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni fetħet proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) dwar is-suq tal-gomma butadiene (iktar ’il quddiem il-“GB”) u tal-gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni (iktar ’il quddiem il-“GSB”, gommom sintetiċi essenzjalment użati fil-produzzjoni ta’ tajers. Hija bagħtet l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem l-ewwel Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”, b’mod partikolari, lil Eni, lil Polimeri Europa SpA (li saret Versalis SpA, iktar ’il quddiem “Versalis”), sussidjarja li hija 100 % proprjetà tagħha, u lil Syndial SpA (li qabel kienet EniChem SpA, iktar ’il quddiem “Syndial”), kumpannija oħra tal-grupp Eni.

4        Fis-6 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Wara li żammet seduta fit-22 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura fir-rigward b’mod partikolari ta’ Syndial.

5        Fid-29 ta’ Novembru 2006, il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, Eni, Versalis u l-impriżi l-oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri Bayer AG, The Dow Chemical Company, Dow Deutschland Inc., Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH, Dow Europe, Shell Petroleum NV, Shell Nederland BV, Shell Nederland Chemie BV, Unipetrol a.s., Kaučuk a.s. kif ukoll Trade‑Stomil sp. z o.o., kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE billi pparteċipaw fi ftehim uniku u kontinwu li fil-kuntest tiegħu huma kienu ftehmu li jiffissaw il-miri ta’ prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar prezzijiet, kompetituri u klijenti fis-setturi tal-GB u tal-GSB, matul il-perijodu, f’dak li jirrigward l-Eni, ta’ bejn l-20 ta’ Mejju 1996 u t-28 ta’ Novembru 2002.

6        Matul dan il-perijodu, skont il-premessi 26 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, l-attività relatata mal-prodotti kkonċernati fi ħdan il-grupp Eni kienet inizjalment iggarantita minn EniChem Elastomeri srl (iktar ’il quddiem “EniChem Elastomeri”), kumpannija kkontrollata indirettament minn Eni permezz tas-sussidjarja tagħha EniChem SpA. Fl-1 ta’ Novembru 1997, EniChem Elastomeri ġiet amalgamata ma’ EniChem SpA li l-kapital tagħha kien ikkontrollat sa 99.97 % minn Eni. Fl-1 ta’ Jannar 2002, EniChem SpA ttrasferiet l-attività kimika strateġika tagħha, inkluża l-attività marbuta mal-GB u mal-GSB, lil Versalis. Mill-21 ta’ Ottubru 2002, Versalis hija kkontrollata direttament u kompletament minn Eni.

7        Fir-rigward tal-multa imposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, din ġiet iffissata skont il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem, il-“linji gwida”).

8        Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat il-ksur bħala “serju ħafna” u l-ewwel nett iffissat l-ammont inizjali għall-kalkolu tal-multa billi għamlet differenzjazzjoni skont il-bejgħ ta’ GB u ta’ GSB magħmul minn kull waħda mill-impriżi kkonċernati fl-2001. Fir-rigward ta’ kull impriża proprjetà ta’ Eni, fis-sens tal-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem “EniChem”), l-ammont ta’ bejgħ ta’ GB u ta’ GSB kien ta’ EUR 164.902 miljuni fl-2001. Dan ir-riżultat ta’ bejgħ qiegħed lil EniChem fl-ewwel pożizzjoni fost l-impriżi li jikkummerċjalizzaw il-GB u l-GSB u li kienu involuti fil-ksur inkwistjoni. Abbażi ta’ dan il-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali tal-multa ta’ Eni għal EUR 55 miljun.

9        Wara dan, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan ta’ dissważjoni, imqassmin fi skali skont id-dħul mill-bejgħ dinji magħmul mill-impriżi kkonċernati matul is-sena 2005. Filwaqt li qieset li ma kellu jiġi applikat l-ebda koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni fir-rigward ta’ Trade-Stomil sp. z o.o. (dħul mill-bejgħ ta’ EUR 38 miljuni) u ta’ Kaučuk a.s. (dħul mill-bejgħ ta’ EUR 2.718 biljuni), hija applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5 fil-konfront ta’ Bayer AG (dħul mill-bejgħ ta’ EUR 27.383 biljuni), ta’ 1.75 fil-konfront ta’ The Dow Chemical Company, ta’ Dow Deutschland Inc., ta’ Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH, u ta’ Dow Europe (EUR 37.221 biljuni), ta’ 2 fil-konfront ta’ Eni u ta’ Versalis (EUR 73.738 biljuni) kif ukoll ta’ 3 fil-konfront ta’ Shell Petroleum NV, ta’ Shell Nederland BV u ta’ Shell Nederland Chemie BV (Eur 246.549 biljuni).

10      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda Eni u Versalis, dan l-ammont żdied b’65 % minħabba li dawn il-kumpanniji kienu pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni għal sitt snin u sitt xhur.

11      Fl-aħħar nett, peress li qieset li Eni diġà kienet id-destinatarja ta’ żewġ deċiżjonijiet preċedenti li jikkonstataw ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jiġifieri d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.149 – Polypropilene) (ĠU L 230, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Polypropilene”), u 94/599/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni PVC”), il-Kummissjoni żiedet l-ammont bażiku tal-multa deċiż fil-konfront ta’ Eni b’50 % minħabba r-reċidiva.

12      Konsegwentement, fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq Eni, in solidum mas-sussidjarja tagħha Versalis, multa ta’ EUR 272.25 miljuni.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) fis-16 ta’ Frar 2007, Eni ppreżentat kawża intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha. Hija invokat żewġ motivi insostenn tat-talbiet tagħha.

14      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Eni kkontestat il-fatt li l-Kummissjoni imputatilha r-responsabbiltà għall-ksur. Dan l-ewwel motiv kien kompost minn erba’ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Eni sostniet li l-Kummissjoni kienet applikat kriterju żbaljat ta’ evalwazzjoni tar-responsabbiltà ta’ kumpannija parent. Fil-kuntest tat-tieni parti, Eni sostniet li l-Kummissjoni kienet kkonstatat b’mod żbaljat “responsabbiltà oġġettiva” għal dak li jikkonċernaha. Fil-kuntest tat-tielet parti, Eni indikat li hija kienet ipprovdiet, waqt il-proċedura amministrattiva, elementi li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li hija ma kinitx influwenzat il-politika kummerċjali ta’ Syndial u ta’ Versalis. Fil-kuntest tar-raba’ parti, Eni affermat li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ responsabbiltà limitata tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju u l-prinċipji “komuni” fil-qasam tar-responsabbiltà.

15      Permezz tat-tieni motiv tagħha Eni sostniet li l-Kummissjoni kienet iffissat l-ammont tal-multa b’mod żbaljat. Dan il-motiv kien kompost minn tliet partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Eni kkontestat l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv. Fil-kuntest tat-tieni parti, hija sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta kkonstatat iċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidiva. Fil-kuntest tat-tielet parti, hija sostniet li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-esklużjoni ta’ Syndial meta kkalkulat il-multa.

16      Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali essenzjalment fakkret, f’dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-ewwel motiv, li “teżisti preżunzjoni konfutabbli li kumpannija parent li tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tagħha” u li “l-imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent hija fakultà li titħalla għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni”, li ma hijiex marbuta mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha f’dan ir-rigward (punti 63 u 64 tas-sentenza appellata).

17      Fir-rigward ta’ din il-prassi deċiżjonali preċedenti, il-Kummissjoni “pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet li għalihom hija kienet iddeċidiet li timputa lil Eni l-aġir tas-sussidjarji tagħha” (punt 65 tas-sentenza appellata). Peress li l-prassi tal-Kummissjoni, kif tirriżulta mill-każ ineżami, hija “bbażata fuq interpretazzjoni preċiża tal-Artikolu 81(1) KE”, il-prinċipju ta’ ċertezza legali “ma jistax, għaldaqstant, jostakola l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-[prassi] deċiżjonali tal-Kummissjoni” (punt 66 tas-sentenza appellata). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet din il-parti tal-ewwel motiv.

18      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ “responsabbiltà oġġettiva”, il-Qorti Ġenerali osservat, b’mod partikolari, li l-fatt li l-Kummissjoni “ċaħdet l-argumenti mressqa minn Eni biex tirribatti l-preżunzjoni li toħroġ mill-kontroll li hija għandha ta’ 100 % fis-sussidjarji tagħha ma jwassalx biex irendi l-preżunzjoni msemmija bħala inkonfutabbli” (punt 78 tas-sentenza appellata) u li “[m]inn dan jirriżulta [...] li l-argument dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni mressaq minn Eni f’dan ir-rigward huwa infondat” (punt 79 tas-sentenza appellata).

19      F’dak li jirrigwarda t-tielet parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod partikolari, li “l-imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha ma teħtieġx il-prova li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tal-kumpannija sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur [...]. B’mod partikolari, il-fatt li Eni għandha rwol ta’ sempliċi koordinatriċi teknika u finanzjarja, u li hija tipprovdi lis-sussidjarji tagħha l-assistenza finanzjarja meħtieġa, ma huwiex biżżejjed biex jeskludi li hija teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji msemmija billi tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp” (punt 97 tas-sentenza appellata).

20      Fir-rigward tal-allegat fatt li l-attivitajiet marbuta mal-kimika għandhom importanza żgħira fil-politika industrijali tal-grupp Eni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “dan ma huwiex prova li Eni ħalliet lis-sussidjarji tagħha awtonomija totali biex jistabbilixxu l-aġir tagħhom fis-suq” (punt 98 tas-sentenza appellata). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat li, skont il-Kummissjoni, ir-rabtiet ġerarkiċi jwasslu direttament għall-President-Direttu Ġenerali ta’ EniChem SpA (li saret Syndial) u għal dak ta’ Versalis u li l-Presidenti-Diretturi Ġenerali ta’ EniChem SpA u ta’ Versalis huma responsabbli quddiem il-bord tad-diretturi tagħhom, fatt li ma ġiex ikkontestat minn Eni. Issa, dawn il-bordijiet tad-diretturi kienu direttament jew indirettament maħtura minn Eni (punt 99 tas-sentenza appellata).

21      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fatt li Eni kellha biss indirettament 100 % tal-kapital tal-impriżi attivi fil-produzzjoni tal-GB u tal-GSB, “ma huwiex tali, minnu nnifsu, li juri li Eni u l-impriżi inkwistjoni ma kinux jifformaw entità ekonomika waħda” (punt 102 tas-sentenza appellata). Eni ma stabbilixxietx ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba mwettaq mill-Kummissjoni (punt 103 tas-sentenza appellata).

22      Fir-rigward tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li “l-Kummissjoni ma użatx preżunzjoni inkonfutabbli f’dan il-każ” (punt 114 tas-sentenza appellata). F’dak li jirrigwarda l-argument ta’ Eni dwar ir-regoli applikabbli waqt is-suċċessjonijiet ta’ impriżi, dawn huma ineffettivi, peress li “r-responsabbiltà ta’ Eni, li ġiet ikkonstatata f’dan il-każ mill-Kummissjoni, ma tirriżultax minn sitwazzjoni bħal din” (punt 117 tas-sentenza appellata).

23      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-partijiet kollha tal-ewwel motiv kif ukoll, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, l-ewwel motiv fit-totalità tiegħu.

24      F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari kkonstatat li “ftehim jew prattiki miftehma li jirrigwardaw b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet jew it-tqassim ta’ ishma [tas]-suq jistgħu, abbażi biss tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala [‘]serji ħafna[’], mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Kummissjoni turi effett konkret tal-ksur fis-suq” (punt 140 tas-sentenza appellata).

25      Barra minn hekk, fil-punt 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, “fir-rigward [...] [tad-]daqs tas-suq inkwistjoni, fit-territorju taż-ŻEE, għas-sena 2001 (jiġifieri EUR 550 miljun), jew [tas]-sehem tas-suq li kellhom l-impriżi kkonċernati” għandhom “jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi rilevanti oħra tal-każ inkwistjoni” jiġifieri l-fatt li l-ksur inkwistjoni huwa “intrinsikament serju ħafna u li [kien ikopri] t-territorju kollu taż-ŻEE”.

26      Barra minn hekk, fil-punt 143 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, “skont il-punt 1 A tal-linji gwida, l-ammont tal-multa maħsub għal ksur serju ħafna huwa ogħla minn EUR 20 miljun”. Peress li l-bejgħ tal-kumpanniji kollha miżmuma direttament jew indirettament minn Eni “għall-prodotti inkwistjoni, fl-2001, jitla’ għal ammont ta’ iktar minn EUR 164 miljun [u li] l-ammont tal-multa li tikkonċernaha ma jaqbiżx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha mwettaq fis-sena kummerċjali preċedenti, kif previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)”, l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa għal EUR 55 miljuni ma jidhirx li huwa sproporzjonat.

27      Fl-aħħar nettt, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument ta’ Eni li jgħid li l-impriżi kkonċernati kellhom biss sehem limitat tas-suq globali tal-GB u tal-GSB, peress li dan l-argument kien “[ibbażat] fuq suq li jinkludi dawn iż-żewġ prodotti kif ukoll il-gomma naturali, fejn dan l-aħħar prodott ma huwiex imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata” (punt 144 tas-sentenza appellata).

28      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett fakkret, fil-punt 164 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li EniChem diġà kienet id-destinatarja ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ akkordji, jiġifieri d-deċiżjonijiet Polypropilene u PVC II.

29      Skont il-Qorti Ġenerali, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, il-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, għall-finijiet tal-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidiva. Il-Qorti Ġenerali tenfasizza, madankollu, li meta l-Kummissjoni “trid tinvoka l-kunċett ta’ [‘]impriża[’] [...], hija għandha tipproduċi provi dettaljati u preċiżi li jikkorroboraw l-asserzjoni tagħha” (punt 166 tas-sentenza appellata).

30      Issa, il-Kummissjoni tagħmel “riferiment, fil-premessa 487 tad-deċiżjoni kkontestata, għal [‘]EniChem[’], b’mod ġenerali, fejn din il-kelma tinsab iddefinita, fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala [‘]kull kumpannija proprjetà ta’ Eni SpA[’]”, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kelma użata kienet “relattivament impreċiża”. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, “[i]l-kumpannija li hija destinatarja tad-deċiżjoni Polypropylene, jiġifieri [Anic SpA], ma hijiex waħda mill-persuni ġuridiċi msemmija” fil-premessi 26 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienu intiżi “essenzjalment biex jiddeskrivu l-evoluzzjoni tal-kumpanniji proprjetà ta’ Eni matul il-ksur, li seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II” (punt 167 tas-sentenza appellata).

31      Il-Kummissjoni tirreferi għad-deċiżjonijiet Polypropilene u PVC II “fejn indikat li [‘]Eni[’] kienet involuta fid-deċiżjonijiet imsemmija”. Madankollu, din il-kelma ma hijiex iddefinita bil-miktub fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, “mill-premessi 26 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tirreferi għall-kumpannija Eni, bħala l-kumpannija parent tal-kumpanniji l-[oħra], hija tuża l-kelma [‘]Eni SpA[’]” (punt 168 tas-sentenza appellata).

32      Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, “anki jekk wieħed jippreżumi li bl-użu tal-kelma [‘]Eni[’] [...], il-Kummissjoni tirreferi għall-kumpanniji li jagħmlu parti mill-[‘]impriża[’] [...], kif ikkostitwita mill-persuni ġuridiċi kkontrollati minn Eni, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova ddettaljata u preċiża f’dan ir-rigward fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata” (punt 169 tas-sentenza appellata). Madankollu, peress li fil-kawża preżenti l-iżvilupp tal-istruttura u tal-kontroll tal-kumpanniji kkonċernati huwa partikolarment kumpless “[f]’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kellha tkun partikolarment preċiża u tipproduċi l-provi kollha meħtieġa biex tqis lill-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u l-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II bħala li kienu jifformaw l-istess [‘]impriża[’] fis-sens tal-Artikolu 81 KE” (punt 170 tas-sentenza appellata). Peress li qieset li l-Kummissjoni ma kinitx issodisfat dan l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkunsidrat li din it-tieni parti tat-tieni motiv kienet fondata.

33      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda t-tielet parti tat-tieni motiv dwar l-applikazzjoni tal-limitu previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “l-limitu ta’ 10 %, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika waħda li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE” (punt 177 tas-sentenza appellata). Għalhekk, l-argumenti ta’ Eni intiżi li juru li l-ammont tal-multa, li l-ħlas tagħha ġie impost fuqha in solidum, kellu jiġi limitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Syndial, huma ineffettivi (punt 178 tas-sentenza appellata).

34      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, peress li laqgħet it-tieni parti tat-tieni motiv, annullat l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq Eni għal EUR 272.25 miljuni, u ffissat dan l-ammont għal EUR 181.5 miljuni. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet

35      Permezz tal-appell tagħha, Eni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla, totalment jew parzjalment, is-sentenza appellata sa fejn din tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Eni fil-Kawża T‑39/07 u, konsegwentement,

–        tannulla, totalment jew parzjalment, id-deċiżjoni kkontestata,

–        u/jew tannulla, jew minn tal-inqas tnaqqas, il-multa imposta fuq Eni bid-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla, totalment jew parzjalment, is-sentenza appellata sa fejn din ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Eni fil-Kawża T‑39/07 u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ kawżi;

–        tiċħad l-appell inċidentali tal-Kummissjoni sa fejn dan huwa parzjalment inammissibbli u f’kull każ infondat, u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjaż.

36      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni f’dak li jirrigwarda l-imputazzjoni ta’ ċirkustanza aggravanti minħabba r-reċidiva, u konsegwentement naqqset l-ammont tal-multa;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appelli prinċipali u inċidentali

 Fuq l-appell prinċipali

37      Eni tressaq żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel aggravju huwa essenzjalment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, skont Eni, kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din timputalha r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Syndial u/jew minn Versalis. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq allegati żbalji ta’ liġi dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikoli 41, 47 sa 49 u 52 tal-Karta u 6 u 7 tal-KEDB, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

38      L-ewwel aggravju invokat minn Eni huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikoli 6 u 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), fuq ksur tal-prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ legalità, ta’ individwalità tal-pieni, u ta’ responsabbiltà personali, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

39      Dan l-ewwel aggravju huwa essenzjalment maqsum f’erba’ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq allegati żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti tal-imputabbiltà tal-ksur u l-modalitajiet ta’ prova. It-tieni u t-tielet parti huma bbażati fuq evalwazzjoni allegatament żbaljata, imwettqa mill-Qorti Ġenerali, f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tiġi kkonfutata, bil-konsegwenza li r-responsabbiltà imputata fuq Eni hija ta’ natura oġġettiva u li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà hija ta’ natura inkonfutabbli. Ir-raba’ parti hija bbażata fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà limitata tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, tal-prinċipji komuni fil-qasam tar-responsabbiltà u tal-prinċipji fil-qasam tas-suċċessjoni tal-impriżi.

–       Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti lmenti

40      F’dak li jirrigwarda l-ilmenti dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB, li ma jistgħux jiġu kklassifikati mingħajr dubji f’parti preċiża tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni issostni, l-ewwel nett, li dawn ma tqajmux fl-ewwel istanza u għalhekk huma inammissibbli. Dan jgħodd ukoll f’dak li jirrigwarda l-ilment ta’ Eni li jgħid li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà bbażata fuq il-kontroll 100 % twassal għal differenza mhux iġġustifikata fit-trattament bejn il-każijiet ġenerali ta’ kontroll mhux totali tal-kumpannija parent u sitwazzjonijiet fejn il-kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif osservat il-Kummissjoni, dawn l-ilmenti effettivament ma tqajmux quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, dan il-fatt fih innifsu ma huwiex biżżejjed sabiex jagħmel l-imsemmija lmenti inammissibbli sa fejn dawn ma humiex intiżi li jippreżentaw aggravju ġdid sabiex jiġġustifikaw ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda sabiex jikkontestaw il-fondatezza tas-sentenza appellata. Fil-kawża preżenti, l-ilmenti msemmija fil-punt preċedenti jistgħu effettivament jiġu interpretati f’dan l-aħħar sens.

42      Konsegwentement, l-ilmenti mressqa minn Eni bbażati fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB kif ukoll fuq allegata differenza mhux iġġustifikata fit-trattament ibbażata biss fuq id-daqs tas-sehem li kumpannija parent għandha fis-sussidjarja tagħha, għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-imputabbiltà tal-ksur u l-modalitajiet ta’ prova

i)     L-argumenti tal-partijiet

43      Eni ssostni li l-Qorti Ġenerali, bil-kontra ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet mill-Kummissjoni fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, Ġabra p. I‑1, punt 78), ma assumietx pożizzjoni konkreta dwar l-argumenti li hija ressqet fir-rigward ta’ allegat obbligu tal-Kummissjoni li tipproduċi l-prova tal-eżistenza effettiva ta’ influwenza determinanti min-naħa ta’ Eni fuq is-sussidjarja tagħha Versalis.

44      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tirripproduċi kelma b’kelma s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237), u dan ivvizzja s-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Iktar minn hekk, preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn kumpannija fuq is-sussidjarja li hija 100 % tagħha ma hijiex fondata u tmur kontra, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ legalità, ta’ individwalità tal-pieni, ta’ responsabbiltà personali, kif ukoll ta’ ċertezza legali.

45      Il-Kummissjoni essenzjalment tikkunsidra li għandha d-dritt, skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, li tqis li kumpannija parent effettivament tikkontrolla sussidjarja biss abbażi tal-fatt li din tal-ewwel għandha 100 % tal-kapital ta’ din tal-aħħar.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46      Għandu l-ewwel nett jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, fuq il-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm din ikollha personalità ġuridika separata, l-imsemmija sussidjarja ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, peress li f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent mingħajr ma jkun meħtieġ li tistabbilixxi l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-13 ta’ Diċembru 2012, Transcatab vs Il‑Kummissjoni, C‑654/11 P, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha l-kapital jew kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li din il-kumpannija parent effettivament teżerċità influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. F’sitwazzjoni bħall din, ikun biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital jew kważi l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum minn kumpannija parent sabiex jiġi kkunsidrat li l-imsemmija preżunzjoni hija ssodisfatta (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Legris Industries vs Il-Kummissjoni, C‑289/11 P, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minn hekk, fil-każ partikolari fejn kumpannija holding għandha 100 % tal-kapital ta’ kumpannija intermedjarja li, min-naħa tagħha, jkollha l-kapital kollu ta’ sussidjarja fil-grupp tagħha u li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, teżisti wkoll preżunzjoni konfutabbli li tgħid li din il-kumpannija holding teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija intermedjarja u, b’mod indirett permezz ta’ din tal-aħħar, teżerċita l-istess influwenza fuq l-aġir tal-imsemmija sussidjarja (sentenza General Química et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88).

49      Fil-kawża preżenti, matul it-tul kollu tal-ksur inkwistjoni, Eni kellha direttament jew indirettament minn tal-inqas 99.97 % tal-kapital tal-kumpanniji li kienu direttament attivi fi ħdan il-grupp tagħha fis-setturi tal-GB u tal-GSB, jiġifieri EniChem Elastomeri, EniChem SpA u Versalis, fatt li ma huwiex ikkontestat minn Eni. Konsegwentement, il-preżunzjoni, imsemmija fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza u li tirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, hija applikabbli għal Eni.

50      Fir-rigward tal-argument ta’ Eni li jgħid li l-imsemmija preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija f’kuntradizzjoni mal-prinċipji ta’ legalita, ta’ individwalità tal-pieni, ta’ responsabbiltà personali, kif ukoll ta’ ċertezza legali, huwa biżżejjed li jitfakkar li din il-preżunzjoni speċifikatament tfittex li jintlaħaq bilanċ bejn l-importanza, minn naħa, tal-għan li jitrażżan aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE, u sabiex dan l-aġir ma jerġax iseħħ, u, min-naħa l-oħra, tar-rekwiżiti ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħal, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ individwalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Huwa b’mod partikolari għal din ir-raġuni li hija konfutabbli, (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 59). Peress li l-argument ta’ Eni ma huwiex fondat, għalhekk is-sentenza appellata ma hijiex ivvizzjata bi żball f’dan ir-rigward.

51      Wara dan, f’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, fil-punti 56 sa 67 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali spjegat fid-dettall ir-raġuni li għaliha hija kkunsidrat, skont il-ġurisprudenza stabbilita, li meta l-Kummissjoni żammet lill-Eni responsabbli għall-ksur imwettaq, b’mod partikolari, minn Versalis, hija setgħet validament tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni inkwistjoni. Dawn l-ispjegazzjonijiet ma jħallu ebda dubju dwar il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat is-sentenza appellata fuq dan il-punt, u dawn jippermettu li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha. Għalhekk, is-sentenza appellata lanqas f’dan il-kuntest ma hija vvizzjata bi żball ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li donnha ssostni Eni, f’dan ir-rigward ma huwiex importanti li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex timmotiva s-sentenza tagħha.

52      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażati fuq evalwazzjoni allegatament żbaljata mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-possibbiltà li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tiġi kkonfutata, bil-konsegwenza li r-responsabbiltà imputata fuq Eni hija ta’ natura oġġettiva u li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà hija ta’ natura inkonfutabbli

iii)  L-argumenti tal-partijiet

53      Permezz tat-tieni u tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Eni ssostni li l-provi li hija kienet ipproduċiet quddiem il-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva kellhom jiġu kkunsidrati bħala suffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà. Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx eżami sħiħ, imparzjali u konkret tal-elementi kollha tal-proċess. B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Eni qatt ma kienet operat direttament fis-settur inkwistjoni, li ma kien hemm ebda sovvrapożizzjoni tal-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-kumpannija parent u dawk tas-sussidjarji, li Eni ma kellhiex informazzjoni dwar il-pjanijiet strateġiċi u kummerċjali, u lanqas dwar l-implementazzjoni tagħhom, kif dawn kienu ġew stabbiliti mill-kumpanniji operattivi, u li Eni bl-ebda mod ma kienet involuta fil-proċess deċiżjonali ta’ definizzjoni tal-pjanijiet strateġiċi u kummerċjali kif ukoll, b’mod partikolari, tal-volumi ta’ bejgħ fis-sena u tal-prezzijiet.

54      Il-Qorti Ġenerali, madankollu, tillimita ruħha li tinsisti fuq żewġ aspetti, jiġifieri, minn naħa, fuq ir-rwol li Eni kellha bħala koordinatur tekniku u finanzjarju u, min-naħa l-oħra, fuq l-importanza relattiva tas-settur kimiku fi ħdan il-grupp. L-argument ta’ Eni li jgħid li s-sussidjarja tagħha kienet teżerċità attività separata u mbiegħdha ħafna mill-attivitajiet l-oħra inċaħad mill-Qorti Ġenerali abbażi ta’ sempliċi riferiment għall-ġurisprudenza tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkundannat tali metodu fil-punti 76 et seq tas-sentenza tagħha General Química et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

55      Barrra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrepetiet l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li, fi ħdan is-sussidjarji, relazzjonijiet ġerarkiċi kienu jwasslu għall amministraturi delegati tas-sussidjarji, fejn dawn tal-aħħar kienu, min-naħa tagħhom, responsabbli quddiem il-Bordijiet tad-Diretturi maħtura, indirettament, minn Eni. Madankollu, il-ħatra tal-Bord tad-Diretturi kienet sempliċement prerogattiva tipika ta’ azzjonist prinċipali u ma kinitx tikkostitwixxi, fiha nnifisha, l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja. Il-Qorti Ġenerali, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, tagħmel riferiment biss għall-eżami li l-Kummissjoni wettqet f’dan ir-rigward billi tikkonkludi li ma jidhirx li dan l-eżami huwa manifestament żbaljat, mingħajr ma tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti magħmula minn Eni. Għalhekk, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija manifestament insuffiċjenti.

56      Barra minn hekk, skont Eni, il-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali tagħmel fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-fatt li r-rikorrenti kienet biss indirettament proprjetarja ta’ 100 % tal-kapital tal-impriżi attivi fil-produzzjoni tal-GB u tal-GSB ma kienx tali li juri li Eni u l-impriżi inkwistjoni ma kinux jiffurmaw entità ekonomika unika, ma hijiex suffiċjentement sostnuta u tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali.

57      Barra minn hekk, Eni tallega li r-raġunament tagħha dwar il-karattru oġġettiv tar-responsabbiltà imputata fuqha ma huwiex ibbażat, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, in-natura konfutabbli tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti effettiva għandu jkollha portata reali waqt l-applikazzjoni tagħha. Issa l-Kummissjoni ssostni t-teżi li, essenzjalment, l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti jikkoinċidi maż-żamma ta’ setgħa ta’ kontroll. Il-Qorti Ġenerali tikkonferma din it-teżi, billi tiċħad a priori r-rilevanza tal-elementi oġġettivi invokati minn Eni. Dan il-metodu jmur kontra d-drittijiet tad-difiża, il-prinċipji fundamentali tad-dritt li huma wkoll imsemmija fil-Karta, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ legalità, u jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ individwalità tal-pieni ta’ responsabbiltà personali.

58      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ Eni, il-Qorti Ġenerali żbaljatament ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

59      Skont il-Kummissjoni, l-ilmenti invokati minn Eni huma inammissibbli sa fejn dawn huma fil-verità intiżi għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti. F’kull każ dawn ma humiex fondati. Il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt invokati minn Eni sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni bbażata fuq il-kontroll 100 % u spjegat ir-raġunijiet għalfejn dawn kienu ineffettivi u infondati. Eni messha wriet li s-sussidjarja tagħha kellha tiġi amministrata bħala impriża separata għal raġunijiet ġuridiċi jew li jirriżultaw minn regolament, jew inkella li s-sehem ta’ 100 % kien biss temporanju u tranżitorju, sabiex b’hekk turi li hija u s-sussidjarja tagħha ma kinux iffurmaw impriża unika li wettqet il-ksur inkwistjoni. Il-motivazzjoni tas-sentenza f’dak li jirrigwarda din il-kwistjoni hija korretta, suffiċjenti u konvinċenti.

iv)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      L-ewwel nett, għandha tingħata risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-allegata inammissibbiltà tat-tieni parti tal-ewwel aggravju sa fejn din hija intiża li tikkonfuta l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li Eni, fl-appell tagħha, tinvoka ċerti punti ta’ fatt, imsemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li hija kkonfutat il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà fir-rigward tagħha inkwantu kumpannija parent li għandha 100 % jew kważi 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha.

62      Madankollu, kif Eni kkonfermat matul it-trattazzjoni, f’dan il-kuntest hija ma tikkontestax l-evalwazzjoni ta’ dawn il-punti ta’ fatt iżda l-evalwazzjoni ġuridika tagħhom magħmula mill-Qorti Ġenerali sabiex tasal għall-konklużjoni li dawn il-punti, anki jekk jitqies li l-materjalita tagħhom ġiet ipprovata, ma jippermettux li jiġi konkluż li Eni u, b’mod partikolari, Versalis ma kinux iffurmaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Konsegwentement, dan l-ilment, sa fejn huwa intiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ din l-evalwazzjoni ġuridika, huwa ammissibbli.

63      F’dak li jirrigwarda l-fondatezza ta’ dan l-ilment, għandha l-ewwel nett titfakkar il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 47 et seq ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-Kummissjoni tista’, f’sitwazzjoni ta’ kontroll ta’ 100 % jew ta’ kważi 100 %, tindirizza deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent mingħajr ma jkun meħtieġ li tistabbilixxi l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur, peress li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet Transcatab vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), u dan anki fil-każijiet, imsemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, ta’ kontroll indirett bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti.

64      Issa, f’dak li jirrigwarda l-elementi li Eni invokat sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni, għandu bilfors jiġi kkonstatat li dawn, anki jekk jitqies li ġew effettivament stabbiliti quddiem il-Qorti Ġenerali, huma tali li juru li Versalis kellha ċerta awtonomija f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet kimiċi tagħha. Madankollu, fiha nnifisha din iċ-ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li Eni u, b’mod partikolari, Versalis ma kinux jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Barra minn hekk, il-fatt li Eni kellha biss ir-rwol ta’ “sempliċi” koordinatur tekniku u finanzjarju jew li hija pprovdiet lil dawn il-kumpanniji assistenza finanzjarja u patrimonjali, kif hija sostniet, juri li hija ma astjenietx ruħha milli teżerċità influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha. Kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 97 tas-sentenza appellata, “fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, kumpannija li tikkoordina b’mod partikolari l-investimenti finanzjarji fi ħdan il-grupp hija intiża li tikkonsolida l-ishma f’diversi kumpanniji u għandha l-funzjoni li tiżgura l-uniformità fit-tmexxija tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ dan il-kontroll finanzjarju”.

65      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mil-fatt li Eni qatt ma kienet operat direttament fis-settur kimiku jew li ma kien hemm ebda sovrappożizzjoni tal-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-kumpannija parent u dawk tas-sussidjarji. Fil-fatt, il-fatt li l-kumpannija parent ma kinitx ipparteċipat direttament f’dan il-ksur u lanqas ma kienet instigat it-twettieq tiegħu ma huwiex tali li juri li dawn iż-żewġ kumpanniji ma kinux jikkostitwixxu l-istess unità ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi General Química et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103, kif ukoll tad-29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il-Kummissjoni, C‑520/09 P, Ġabra p. I‑8901, punti 48 sa 50). Barra minn hekk, Eni setgħet tiżgura l-koordinazzjoni tal-investimenti fi ħdan il-grupp anki fin-nuqqas ta’ tali sovrappożizzjoni jew tal-involviment dirett tagħha fl-amministrazzjoni operattiva tas-sussidjarji tagħha, fatt li hija ma tikkontestax.

66      F’dan il-kuntest, lanqas ma jistgħu jiġu milqugħa l-argumenti l-oħra invokati minn Eni, li jgħidu li hija ma kellhiex informazzjoni dwar il-pjanijiet strateġiċi u kummerċjali, u lanqas dwar l-implementazzjoni tagħhom, u li hija bl-ebda mod ma kienet involuta fil-proċess deċiżjonali ta’ definizzjoni tal-pjanijiet strateġiċi u kummerċjali kif ukoll tal-volumi ta’ bejgħ fis-sena u tal-prezzijiet, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw biss l-attivitajiet operattivi fis-settur kimiku.

67      F’dak li jirrigwarda, wara dan, l-argument ta’ Eni li jgħid li, essenzjalment hija kellha biss prerogattiva tipika ta’ azzjonist prinċipali u li l-fatt li hija kellha dawn is-setgħat ma jikkostitwixxix, fih innifsu, l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja, għandu jitfakkar li l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti effettiva hija msejsa fuq il-fatt li huma speċifikatament dawn il-prerogattivi ta’ kumpannija parent li jkollha 100 % jew kważi 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li jippermettu li din il-kumpannija parent, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60), u li għalhekk hija l-kumpannija parent innifisha, u mhux il-Kummissjoni, li għandha tipproduċi l-prova tal-assenza ta’ tali influwenza effettiva.

68      Lanqas din l-interpretazzjoni tal-portata tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti effettiva, mwettqa mill-Kummissjoni u kkonfermata mill-Qorti Ġenerali, ma tagħmel din il-preżunzjoni waħda inkonfutabbli. Fil-fatt, il-fatt li jkun diffiċli li tiġi prodotta l-prova kuntrarja neċessarja sabiex tiġi kkonfutata preżunzjoni ma jimplikax, fih innifsu, li din hija effettivament inkonfutabbli (ara s-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70). B’mod iktar konkret, sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni, Eni kellha turi li Versalis setgħet taġixxi b’mod kompletament awtonomu mhux biss fuq il-livell operattiv iżda wkoll fuq il-livell finanzjarju, ħaġa li hija ma għamlitx.

69      Għalhekk, peress li t-teżi ta’ Eni, li tgħid li l-Qorti Ġenerali kienet tat lill-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti effettiva natura oġġettiva u inkonfutabbli, ma hijiex fondata, lanqas ma jistgħu jiġu milqugħa l-ilmenti bbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, billi tat tali natura lill-imsemmija preżunzjoni, kisret il-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ta’ individwalità tal-pieni, ta’ responsabbiltà personali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ legalità fis-sens tal-Artikolu 52 tal-Karta kif ukoll tal-Artikoli 47 tal-Karta u 6 u 7 tal-KEDB.

70      Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkonfermat, fis-sentenza appellata, ir-raġunament tal-Kummissjoni li jgħid li la l-argumenti ta’ Eni kkunsidrati espliċitament fil-premessi 382 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas l-argumenti l-oħra li Eni qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali ma huma suffiċjenti sabiex il-preżunzjoni inkwistjoni tiġi kkonfutata. Konsegwentement, l-ilment imqajjem f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

71      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni u, sussegwentement, mill-Qorti Ġenerali, għandha l-ewwel nett titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-għan tal-obbligu li deċiżjoni individwali tiġi mmotivata huwa, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata b’xi żball li jippermetti li l-validità tagħha tiġi kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Issa, fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni ċċirkostanzjata dwar ir-responsabbiltà ta’ Eni għall-ksur inkwistjoni, ipprovduta mill-Kummissjoni fil-premessi 382 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata, hija konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti. Għalkemm il-Kummissjoni ma ttrattatx wieħed wieħed l-elementi kollha invokati minn Eni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti effettiva, madankollu hija pprovdiet indikazzjoni suffiċjenti sabiex ikun magħruf jekk id-deċiżjoni hijiex effettivament ivvizzjata b’tali mod li l-validità tagħha tista’ tiġi kkontestata. Fuq kollox, fil-premessa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li l-prerogattivi ta’ Eni, kif jirriżultaw b’mod partikolari mir-regoli tat-tmexxija tal-impriża tal-grupp, ippermettew lil Eni tikkontrolla aspetti essenzjali tal-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha.

73      Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat li f’dan il-kuntest il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti.

74      F’dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tas-sentenza appellata huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħudha u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Fil-kawża preżenti, ma hemm xejn li jindika li r-raġunament iddettaljat li jinsab fil-punti 93 sa 105 tas-sentenza appellata, dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan il-kuntest, ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Konsegwentement, anki l-argument li jgħid li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti, sa fejn tapprova dik tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti effettiva, huwa infondat.

76      Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kienet ukoll iġġustifikata meta kkunsidrat, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni lanqas ma wettqet ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Għaldaqstant, anki l-argument ta’ Eni f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat.

77      Peress li ebda wieħed mill-argumenti mqajma minn Eni insostenn tat-tieni u tat-tielet parti tal-ewwel aggravju ma ġew milqugħa, hemm lok li dawn jiġu miċħuda bħala infondati.

–       Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà limitata tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, tal-prinċipji komuni fil-qasam ta’ responsabbiltà u tal-prinċipji fil-qasam ta’ suċċessjoni ta’ impriżi

v)     L-argumenti tal-partijiet

78      Skont Eni, mill-prinċipju ta’ responsabbiltà limitata tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, mill-prinċipji komuni fil-qasam ta’ responsabbiltà u mill-prinċipji fil-qasam ta’ suċċessjoni ta’ impriżi jirriżulta li eventwali esklużjoni tal-personalità ġuridika separata tal-kumpanniji favur kunċett unitarju tal-grupp tista’ tiġi ammessa biss b’mod eċċezzjonali, jekk ikunu ġew ikkonstatati u pprovati abbużi tal-prinċipju ta’ responsabbiltà limitata. Il-Qorti Ġenerali, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, ma wettqet ebda analiżi speċifika ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kif ukoll taż-żewġ opinjonijiet annessi mar-rikors li jirrigwardaw, l-ewwel wieħed, id-dritt Amerikan tal-kumpanniji u t-tieni d-dritt Amerikan tal-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali fl-aħħar mill-aħħar illimitat ruħha li tirripeti l-osservazzjoni magħmula fil-premessa 396 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “huwa inutli li jsir riferiment għal oqsma ġuridiċi oħra [...]”. Is-sentenza appellata hija għalhekk ivvizzjata b’illegalità fuq dan il-punt.

79      Iktar minn hekk, ir-rikorrenti ssostni l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ Eni dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-suċċessjoni ta’ impriżi. Eni tenfasizza li l-possibbiltà li entità differenti minn dik li wettqet il-ksur tiġi kkunsidrata responsabbli hija limitata għal każijiet partikolari u eċċezzjonali peress li din tidderoga mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali. Issa, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx ir-rabtiet li jorbtu lil Syndial u lil Versalis fuq il-livell ġuridiku u organizzattiv u jekk dawn il-kumpanniji applikawx, essenzjalment, l-istess direttivi kummerċjali, iżda llimitat ruħha li tfakkar li ż-żewġ sussidjarji kienu miżmuma kompletamnet, direttament jew indirettament, minn Eni.

80      F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tosserva li f’dak li jirrigwarda d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ma tista’ tinsilet l-ebda tagħlima mill-prinċipji ġeneralment applikabbli fil-kuntest tad-dritt tal-kumpanniji. Ir-regoli previsti mid-dritt Amerikan fil-qasam ta’ akkordji ma jorbtux id-dritt tal-Unjoni. L-opinjonijiet dwar dan id-dritt, annessi mar-rikors fl-ewwel istanza u riproposti bħala annessi mal-appell, huma għalhekk manifestament irrilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża u, barra minn hekk, huma inammissibbli sa fejn dawn jinkludu argumenti li ma jinsabux fit-test tar-rikors. Fl-aħħar nett, l-argument ibbażat fuq il-ġurisprudenza dwar is-suċċessjoni ekonomika tal-impriżi huwa manifestament irrilevanti, peress li l-ksur inkwistjoni ma ġiex imputat lil Eni abbażi tas-suċċessjoni, kif spjegat b’mod suffiċjenti l-Qorti Ġenerali fil-punt 117 tas-sentenza appellata. L-iktar l-iktar, din il-ġurisprudenza tikonferma l-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

vi)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      F’dak li jirrigwarda, minn naħa, ir-riferiment magħmula minn Eni għal prinċipji ġenerali tad-dritt, jiġifieri dawk ta’ responsabbiltà limitata tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju u tal-personalità ġuridika separata tal-kumpanniji, li jipprekludu r-responsabbiltà ta’ Eni għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħha, kif ukoll għaż-żewġ opinjonijiet insostenn tat-teżi tagħha annessi mar-rikors, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa manifestament infondat.

82      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jsir riferiment għal ġurisprudenza stabbilita li tgħid li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrigwarda l-attivitajiet tal-impriżi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 59), li l-kunċett ta’ impriża għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 40), u li, meta entità ekonomika bħal din tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tiċħad, fil-punti 113 et seq tas-sentenza appellata, l-ilmenti analogi mqajma minn Eni fl-ewwel istanza, mingħajr ma tipprovdi motivazzjoni ddettaljata f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, sa fejn fil-verità Eni riedet tikkontesta l-validità tal-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti effettiva ta’ kumpannija parent fuq sussidjarja li hija 100 % jew kważi 100 % tagħha, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball meta għamlet riferiment għall-kunsiderazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ din il-kwistjoni u meta kkonstatat li l-argumenti ta’ Eni f’dan ir-rigward kienu msejsa fuq premessa żbaljata.

84      F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-ilment ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ suċċessjoni ta’ impriżi, dan huwa infondat.

85      Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, il-fatt li f’dan il-każ Eni nżammet responsabbli ma jirriżultax minn sitwazzjoni ta’ suċċessjoni ta’ impriżi, peress li, fil-mument tal-ksur, Eni kellha l-kontroll totali jew kważi l-kontroll totali tas-sussidjarji tagħha, fatt li ma ġiex ikkontestat. Il-Kummissjoni setgħet għalhekk, abbażi tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, tippreżumi li Eni, bla ħsara għal prova kuntrarja, dejjem baqgħet tagħmel parti, matul il-ksur inkwistjoni, mill-“impriża”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, li hija l-awtur tal-ksur li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, kif ġustament ikkonkludiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, il-prova kuntrarja ma ġietx prodotta. Il-Qorti Ġenerali għalhekk immotivat is-sentenza appellata suffiċjentement skont il-liġi.

86      Konsegwentement, anki r-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

87      Peress li ebda waħda mill-erba’ partijiet tal-ewwel aggravju ma ġew milqugħa, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE

88      It-tieni aggravju insostenn tal-appell ta’ Eni huwa essenzjalment maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur u l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni, u t-tieni parti hija bbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-esklużjoni ta’ Syndial fuq il-kalkolu tal-multa.

–       Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju bbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur u l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni

vii)  L-argumenti tal-partijiet

89      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, Eni ssostni li l-Qorti Ġenerali, biex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa skont il-gravità tal-ksur, ħadet inkunsiderazzjoni biss in-natura tiegħu, iddefinita biss fid-dawl tal-għan illegali tal-akkordju, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni serje ta’ fatturi oħra rilevanti.

90      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-effetti tal-aġir antikompetittivi kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata setgħu “jitkejjlu” fis-sens tal-punt 1 A tal-Linji Gwida u li dawn kienu effettivament tkejlu mill-Kummissjoni fl-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Konsegwentement, skont Eni, il-Kummissjoni kienet obbligata li teżamina dawn l-effetti.

91      Wara dan, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax, permezz tal-argumenti tagħha stess, liema huma l-kriterji li wasslu għal ammont inizjali ta’ EUR 55 miljuni minflok il-minimu ta’ EUR 20 miljuni.

92      Fl-aħħar nett, Eni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet l-argument tagħha li jgħid li hija ma kinitx taf dwar in-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni billi kkonstatat, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, li EniChem SpA kellha neċessarjament tkun taf b’tali aġir. Skont Eni, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kontradittorja peress li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li Eni kienet responsabbli biss minħabba r-rwol tagħha ta’ kumpannija parent u mhux minħabba l-fatt li hija kienet taf bl-aġir inkwistjoni.

93      F’dak li jirrigwarda l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan ta’ dissważjoni, Eni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kimika qatt ma kienet tifforma parti mill-attività prinċipali tar-rikorrenti u kellha biss importanza relattiva fil-politika industrijali tal-grupp. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma evalwat korrettament l-applikazzjoni żbaljata ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 2 minn-naħa tal-Kummissjoni li, min-naħa tagħha, ma evalwatx korrettament id-dħul mill-bejgħ magħmul mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma pprovdiet motivazzjoni xierqa fuq dan il-punt.

94      Il-Kummissjoni b’mod partikolari tosserva li skont ġurisprudenza stabbilita l-akkordji orizzontali fil-qasam ta’ prezzijiet jistgħu jiġu kklassifikati, fihom innifishom, bħala “serji ħafna”. L-identifikazzjoni ta’ effetti partikolari setgħet tikkostitwixxi, l-iktar l-iktar, element addizzjonali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiżdied l-ammont inizjali tal-multa. Il-fatt li l-Kummissjoni qieset li ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq din l-evalważżjoni biss war li ppruvat, mingħajr suċċess, tagħmel dan fl-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma jbiddel xejn.

95      L-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-akkordju kien jikkonċerna biss parti limitata tas-suq rilevanti tirrigwarda punti ta’ fatt u għalhekk hija inammissibbli. F’dak li jirrigwarda l-ammont ta’ EUR 55 miljun bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa, il-Qorti Ġenerali spjegat b’mod eżawrjenti r-raġunijiet għall-dan l-ammont fil-punt 143 tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni, filwaqt li tikkunsidra li l-element soġġettiv ma huwiex rilevanti, tqis li Eni, peress li kienet fil-quċċata tal-impriża li pparteċipat fl-akkordju inkwistjoni, kienet ukoll taf dwar l-aġir antikompetittivi inkwistjoni.

viii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, ir-rilevanza tal-effetti tal-ksur inkwistjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita skont numru kbir ta’ elementi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista li torbot jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Bavaria vs Il-Kummissjoni, C‑445/11 P, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dak li jirrigwarda b’mod iktar konkret l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, dan ma huwiex kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni tal-livell tal-multi (ara s-sentenzi, tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789, punt 34, kif ukoll C‑389/10 P, Ġabra p. I‑13125, punt 44).

97      Barra minn hekk, l-akkordji orizzontali fuq il-prezz jew fuq it-tqassim tas-swieq jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur serju ħafna biss abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr l-obbligu tal-Kummissjoni li turi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq (ara, b’mod partikolari, id-digriet Transcatab vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 42). F’dan il-każ ipotetiku, l-impatt konkret tal-ksur huwa biss element fost elementi oħra, li, jekk jista’ jitkejjel, jista’ jippermetti li l-Kummissjoni żżid l-ammont inizjali tal-multa iktar mill-ammont minimu previst ta’ EUR 20 miljuni (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 75).

98      Konsegwentement, jekk il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti tal-impatt konkret tal-ksur inkwistjoni fuq is-suq, jekk jitqies li dawn l-effetti setgħu effettivament jitkejlu, hija għamlet dan għall-kompletezza. Barra minn hekk, peress li l-ksur inkwistjoni huwa intrinsikament serju ħafna, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt konkret tiegħu seta’ jwassal biss għal żieda tal-multa. Għalhekk, dan l-ilment huwa ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75, u d-digriet Transcatab vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punti 43 u 44).

99      It-tieni nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma spjegatx, bl-argumenti tagħha stess, liema huma l-kriterji li wasslu għal ammont inizjali ta’ EUR 55 miljuni minflok il-minimu ta’ EUR 20 miljuni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li fil-punt 143 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali pprovdiet espożizzjoni ddettaljata tal-fatturi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur. Għalhekk, dan l-ilment huwa manifestament infondat. Is-sempliċi fatt li f’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali kkonfermat, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, diversi elementi tal-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex tali li jikkonfuta din il-konklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, punt 133).

100    F’dak li jirrigwarda, it-tielet nett, il-fatt li Eni ma kinitx taf dwar in-natura antikompetittiva tal-aġir li jikkostitwixxi ksur, huwa biżżejjed li jitfakkar li din il-kumpannija nżammet responsabbli għall-ksur minħabba l-fatt li din, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet ta’ din is-sentenza dwar l-ewwel aggravju tal-appell, iffurmat impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE ma EniChem SpA, li saret Syndial. Dan migħud, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 145 tas-sentenza appellata, li tgħid li EniChem SpA kienet neċessarjament taf bil-ksur imwettaq, hija biżżejjed sabiex l-argument magħmul fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ddeterminat b’mod żbaljat l-ammont inizjali tal-multa mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-element suġġettiv fi ħdan Eni, jitwarrab. Għalhekk, dan l-ilment huwa manifestament infondat, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar jekk l-għarfien tan-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni huwiex jew le rilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

101    Ir-raba’ nett, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-importanza, allegatament relattiva, tas-settur kimiku fil-politika industrijali tal-grupp huwa ineffettiv. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza, waħedha, anki li kieku ġiet ippruvata, hija irrilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku għall-kalkolu tal-multa. Din lanqas ma tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti fis-sens tal-punt 2 tal-Linji Gwida.

102    F’dak li jirrigwarda, il-ħames nett, l-ilment ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata, mill-Qorti Ġenerali, tal-applikazzjoni allegatament żbaljata ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 2 mill-Kummissjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Arkema vs Il-Kummissjoni, C‑520/09 P, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Issa, għandu jiġi kkonstatat li f’dan il-kuntest Eni ma tindikax b’mod preċiż l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku t-talba tagħha għall-annullament tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punt 72 tal-appell tagħha hija tillimita ruħha li tiddikjara li l-Kummissjoni ma kinitx evalwat “korrettament” il-fatturi ta’ kalkolu “rilevanti”, fosthom id-dħul mill-bejgħ, u li l-Qorti Ġenerali ma kinitx evalwat “korrettament” din l-applikazzjoni allegatament żbaljata. Bl-istess mod, Eni ma spjegatx b’liema mod is-sentenza appellata ma kinitx immotivata korrettament f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li teżerċità l-istħarriġ tagħha tal-legalità, bir-riskju li tiddeċiedi ultra petita (ara, b’analoġija, is-sentenza Arkema vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, dawn l-ilmenti huma inammissibbli.

104    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi kkonstatat li Eni ma tipproponix argumenti differenti minn dawk li fuqhom huma msejsa l-ilmenti l-oħra mqajma fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti invokat essenzjalment l-istess argumenti quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tnaqqas, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti, u li l-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat dawn l-argumenti, ikkonkludiet li dawn ma jiġġustifikawx tali tnaqqis (ara d-digriet tat-2 ta’ Frar 2012, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑404/11 P, punt 89), minkejja l-fatt li hija naqqset il-multa għal raġunijiet oħra.

105    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur li dawn wettqu tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara d-digriet Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, lanqas dan l-ilment ma jista’ jiġi milqugħ.

106    Peress li ebda wieħed mill-ilmenti magħmula fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju ma huwa fondat, hemm lok li din il-parti tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-esklużjoni ta’ Syndial fuq il-kalkolu tal-multa

ix)  L-argumenti tal-partijiet

107    Skont Eni, l-esklużjoni ta’ Syndial bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata ġabet magħha konsegwenzi gravi fuq l-applikazzjoni tal-livell massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Eni tirrepeti l-argument tagħha bbażat fuq ġurisprudenza li tgħid li responsabbiltà, fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ impriżi, tippresupponi neċessarjament li l-kumpannija li wettqet il-ksur ma baqgħetx teżisti fuq il-livell ekonomiku u/jew ġuridiku, li ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

108    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-Qorti Ġenerali, li ttrattat l-argumenti relatati ma din il-kwistjoni fil-punti 177 sa 179 tas-sentenza appellata, ma wettqet l-ebda żball. Matul il-perijodu kollu tal-ksur, Eni eżerċitat il-kontroll tagħha fuq il-kumpannija li pparteċipat direttament fil-ksur, b’tali mod li l-fatt li ebda multa ma ġiet imposta fuq Syndial ma jinfluwenzax ir-responsabbiltà tagħha. Barra minn hekk, il-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jirreferi għall-grupp, kif spjegat il-Qorti Ġenerali fil-punti 177 sa 179 tas-sentenza appellata.

x)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

109    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali, li fil-punti 177 sa 179 tas-sentenza appellata kienet diġà ċaħdet l-argument ta’ Eni li jgħid li l-esklużjoni ta’ Syndial bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata kellha ġġib magħha “konsegwenzi serji” fuq l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fakkret, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tagħha li tgħid li dan il-limitu għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika unika li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li din il-ġurisprudenza ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi (ara d-digriet tat-3 ta’ Mejju 2012, World Wide Tobacco España vs Il-Kummissjoni, C‑240/11 P, punti 45 u 46).

110    Konsegwentement, l-ilment ta’ Eni f’dan ir-rigward huwa ineffettiv, peress li, anki li kieku Syndial kienet destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multa li għall-ħlas tiegħu Eni kienet tkun responsabbli in solidum ma kienx ikun limitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Syndial.

111    Wara dan, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, lanqas ma huwa rilevanti l-argument li jgħid li responsabbiltà fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ impriżi tippresupponi li l-kumpannija li wettqet il-ksur ma baqgħetx teżisti fuq il-livell ekonomiku u/jew ġuridiku, li ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti. Li huwa determinanti, f’dan il-kuntest, huwa l-fatt li Syndial kienet direttament involuta fil-ksur inkwistjoni, minn tal-inqas sat-trasferiment tal-attività kimika tagħha lil Versali, u li Syndial, meta din kienet direttament involuta fil-ksur, kienet ikkontrollata minn Eni, u dan kollu ma huwiex ikkontestat minn Eni.

112    Fl-aħħar nett, Eni ma ddikjaratx li Syndial, wara t-trasferiment tal-attività kimika tagħha lil Versalis, ma baqgħetx, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tifforma parti mill-grupp ikkontrollat minn Eni. Għalhekk, ir-rikorrenti dejjem baqgħet, matul il-ksur inkwistjoni u sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kumpannija parent tal-impriża li wettqet il-ksur inkwistjoni, tant li l-argumenti ta’ Eni dwar is-suċċessjoni ta’ impriżi huma irrilevanti f’dan il-kuntest.

113    Minn dan isegwi li anki t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda, u, għaldaqstant it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

114    Peress li ebda aggravju ta’ dan l-appell ma ġie milqugħ, l-appell għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-appell inċidentali

 L-argumenti tal-partijiet

115    Insostenn tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE, fuq vizzji proċedurali li jippreġudikaw l-interessi tal-Kummissjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Is-sentenza appellata ma kinitx iġġustifikata sa fejn fiha ġie deċiż li l-elementi pprovduti fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva, fir-rigward ta’ Eni u ta’ Versalis, ma kinux suffiċjenti

116    Il-Kummissjoni tfakkar, l-ewwel nett, li fil-punt 430 tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija kienet indikat li kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza aggravanti, ksur preċedenti li kienu diġà ġew ikkonstatati, u kienet espliċitament semmiet il-parteċipazzjoni ta’ Eni fil-ksur evidenzjat fid-deċiżjonijiet Polypropilene u PVC II. Eni ma ħaditx pożizzjoni f’dan ir-rigward matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni. Kien biss fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza li Eni sostniet, għall-ewwel darba, minn naħa, li l-awtur tal-ksur preċedenti u l-persuna attwalment involuta fil-ksur ma kinux l-istess persuna, peress li s-setturi inkwistjoni kienu jikkonċernaw prodotti u swieq differenti u kienu diġà ġew ittrasferiti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet Polypropilene u PVC II, u, min-naħa l-oħra, li l-impriża tal-grupp involuta f’każijiet ta’ kompetizzjoni preċedenti kienet EniChem SpA.

117    Madankollu Eni qatt ma ddikjarat li l-kumpanniji ssanzjonati fid-deċiżjonijiet Polypropilene u PVC II ma kinux taħt it-tmexxija tal-“grupp ENI”. Il-Kummissjoni tqis li hija setgħet, li kieku hija riedet tagħmel dan, timponi l-multa fuq l-istess kumpannija parent f’dawn id-deċiżjonijiet, jiġifieri Eni, li kienet tikkontrolla kompletament il-kumpanniji destinatarji tal-imsemmija deċiżjonijiet, EniChem SpA u Anic SpA. Il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, Ġabra p. II‑4071), ikkonfermat li f’tali ċirkustanzi l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-istess impriża kienet diġà ġiet ikkundannata għall-istess tip ta’ ksur.

118    Il-Qorti Ġenerali ma għamlitx mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet fir-rigward tar-reċidiva, u ma talbitx li l-fatti jiġu ċċarati matul is-seduta. Għalhekk, kien b’mod totalment mhux mistenni li s-sentenza appellata annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ allegat nuqqas ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE. Il-Qorti Ġenerali ddeterminat b’mod żbaljat l-għan u l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-metodu użat mill-Qorti Ġenerali jinvolvi ksur gravi tal-prinċipju ta’ kontradittorju u, konsegwentement, vizzju proċedurali li jippreġudika l-interessi tal-Kummissjoni.

119    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑42/01, Ġabra p. I‑6079, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata), iddeċidiet li motivazzjoni sommarja li tinsab f’deċiżjoni adottata f’kuntest magħruf sewwa mid-destinatarju hija suffiċjenti. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kella tagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tiċċara u tippreċiża l-motivazzjoni tagħha, kif hija għamlet fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2012, Versalis u Eni vs Il-Kummissjoni (T‑103/08).

120    Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, il-premessi 366 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxu b’mod nett il-kontinwità bejn l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni PVC II u dik involuta fil-ksur inkwistjoni fil-kawża preżenti. Konsegwentement, il-Kummissjoni titlob l-annullament tas-sentenza appellata fil-parti fejn il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tar-reċidiva kemm b’relazzjoni mad-deċiżjoni Polypropilene kif ukoll b’relazzjoni mad-deċiżjoni PVC II, u, f’kull każ, sa fejn l-annullament ta’ din id-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali tirrigwarda l-konstatazzjoni tar-reċidiva fir-rigward tad-deċiżjoni PVC II.

121    Skont Eni, fl-appell inċidentali tagħha l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata u tas-sentenza appellata kif ukoll fuq espożizzjoni qarrieqa tal-oġġezzjonijiet li Eni qajmet matul il-proċedura amministrattiva u fl-ewwel istanza.

122    Eni ssostni li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix li d-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandu jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fiha matul il-proċedura amministrattiva u tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2011, Koninklijke Grolsch vs Il-Kummissjoni (T‑234/07, Ġabra p. II‑6169, punt 37). Il-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta kkonstatat li l-Kummissjoni ma setgħetx timputa r-reċidiva fuq Eni billi tatribwixxilha ex post ir-responsabbiltà tal-ksur li dak iż-żmien kien ġie imputat fuq Enichem SpA u fuq Anic SpA, minħabba l-kontroll tal-kapital ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji, teżi li barra minn hekk il-Qoti Ġenerali kkunsidrat bħala mhux ipprovata.

123    Eni tenfasizza li fid-deċiżjonijiet Polypropilene u PVC II, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma involviet il-kumpannija parent Eni, għalkemm il-Kummissjoni kienet effettivament iltaqgħet ma problema ta’ imputabbiltà tal-ksur ikkonstatati. Din ma tistax tinvoka retroattivament il-preżunzjoni bbażata fuq il-kontroll mill-kumpannija parent ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarji tagħha mingħajr ma tikser, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u mingħajr ma twassal għal tnaqqis mhux iġġustifikat tad-drittijiet tad-difiża ta’ Eni.

124    Barra minn hekk, matul il-proċedura amministrattiva Eni kienet diġà ċaħdet li hija tista’ tinżamm responsabbli biss fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha fil-quċċata tal-grupp u permezz ta’ preżunzjoni. Eni tqis li l-Kummissjoni kellha turi li hija kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha fis-settur tal-PVC u tal-Polypropilene, u li dawn tal-aħħar ma kinux jaġixxu b’mod awtonomu fis-suq.

125    F’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll ta’ regoli proċedurali oħra, Eni tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tidentifikax dawn ir-regoli fin-nota tagħha u li dan l-ilment, inkwantu huwa effettivament vag, huwa inammissibbli. F’dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, Eni ssostni li dan jista’ jiġi invokat validament biss fil-każ ta’ aggravji mqajma ex officio mill-Qorti Ġenerali. Issa, l-aggravju milqugħ mill-Qorti Ġenerali tqajjem fl-appell ta’ Eni. Barra minn hekk, ir-“regolarizzazjoni” tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet possibbli biss li kieku din kienet tirrigwarda l-motivazzjoni ta’ punt preċiż ta’ fatt jew ta’ liġi. F’dan il-każ ma hemmx tali motivazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

126    Għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, għandu jinftiehem b’mod ċar u inekwivoku, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    Għalhekk, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet individwali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-għan tal-obbligu li deċiżjoni bħal din tiġi mmotivata huwa, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata bi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tagħha (sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Għaldaqstant il-motivazzjoni, bħala prinċipju, għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li takkużaha. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rrimedjat bil-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Minn dan jirriżulta li, meta timponi multa fuq kumpannija għal ksur tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, u meta fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa tapplika koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-istess kumpannija kienet diġà preċedentement involuta fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata li tipprovdi, flimkien mad-deċiżjoni li timponi l-imsemmija multa, espożizzjoni li tista’ tippermetti li kemm il-qrati tal-Unjoni kif ukoll din il-kumpannija jifhmu f’liema kwalità u sa fejn hija kienet implikata fil-ksur preċedenti. B’mod partikolari, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-imsemmija kumpannija kienet tifforma parti mill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni dwar il-ksur preċedenti, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li timmotiva din id-dikjarazzjoni suffiċjentement skont il-liġi.

130    F’din il-kawża, għandu jitfakkar li fil-premessa 430 tat-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-Kummissjoni kienet indikat li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet preċedenti ta’ ksur simili, billi għamlet riferiment f’dan ir-rigward għad-deċiżjonijiet Polypropilene u PVC II u billi indikat li “ENI” kienet “involuta” f’dawn id-deċiżjonijiet. L-istess konstatazzjoni qasira tinsab, essenzjalment, fil-premessa 487 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni barra minn hekk tosserva li “Enichem” kienet diġà destinatarja tal-imsemmija deċiżjonijiet. Fl-aħħar nett, il-premessa 488 tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tinftiehem fis-sens li, skont il-Kummissjoni, l-istess impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE hija l-awtur tal-ksur li huwa s-suġġett tad-deċiżjonijiet Polypropilene u PVC II u tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

131    Issa, peress li d-deċiżjoni Polypropilene kienet indirizzata, b’mod partikolari, lil Anic SpA, u peress li d-deċiżjoni PVC II kienet indirizzata, b’mod partikolari, lil Enichem SpA, għandu bilfors jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt preċedenti bl-ebda mod ma jippermettu li jinftiehem f’liema kwalità u sa fejn Eni, li la hija fost id-destinatarji tad-deċiżjoni Polypropilene u lanqas fost dawk tad-deċiżjoni PVC II, kienet involuta f’dawn id-deċiżjonijiet.

132    Għalkemm il-Kummissjoni ssostni li l-premessi 366 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu deskrizzjoni preċiża tal-ġrajjiet kollha li jikkonċernaw lil EniChem, madankollu, dawn l-ispjegazzjonijiet jikkonċernaw biss il-bidliet li seħħew fi ħdan il-grupp Eni mill-20 ta’ Mejju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002, kif il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat fil-punt 167 tas-sentenza appellata. Madankollu, l-imsemmija premessi ma jinkludu ebda preċiżazzjoni dwar il-kumpanniji li jiffurmaw l-impriżi destinatarji tad-deċiżjonijiet Polypropilene u PVC II, ma jsemmux jekk dawn il-kumpanniji humiex identiċi għal dik ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, fatt li Eni tikkontesta, u lanqas ma jsemmu eventwali bdil f’dan il-kuntest li seħħ bejn id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni Polypropilene, jiġifieri t-23 ta’ April 1986, kif ukoll bejn dik tad-deċiżjoni PVC II, jiġifieri s-27 ta’ Lulju 1994, u l-bidu tal-ksur ikkonstatat bid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-20 ta’ Mejju 1996.

133    Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti f’dan ir-rigward.

134    Wara dan, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju li jġib miegħu ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li Eni, kif hija ġustament tosserva, qajmet l-ilment ta’ motivazzjoni insuffiċjenti diġà fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza. Konsegwentement, peress li l-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni sħiħa fuq dan l-ilment kemm fir-risposta tagħha kif ukoll matul it-trattazzjoni fl-ewwel istanza, ma jista jiġi kkonstatat l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju li jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni.

135    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 128 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni kienet obbligata li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, ma jidhirx li l-informazzjoni addizzjonali li, fl-assenza tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, il-Kummissjoni kienet tipprovdi lill-Qorti Ġenerali, seta’ jkollha xi effett fuq ir-riżultat tas-sentenza appellata.

136    F’dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li Eni, matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, kienet għadha ma invokatx li d-destinatarji tad-deċiżjonijiet Polypropilene u PVC II, minn naħa, u tad-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra, ma humiex l-istess, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġustament osservat Eni, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuq id-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-obbligu li jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fiha matul il-proċedura amministrattiva.

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma pproduċietx biżżejjed elementi ċirkostanzjati u preċiżi sabiex tippermetti li jiġi ġġustifikat li l-istess “impriża” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE kienet irrepetiet aġir li jikkostitwixxi ksur u meta annullat, b’konsegwenza ta’ dan, l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq Eni għal EUR 272.25 miljuni.

138    Għaldaqstant, peress li l-aggravju mqajjem mill-Kummissjoni insostenn tal-appell inċidentali tagħha ma huwiex fondat, dan għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

139    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

140    F’dak li jirrigwarda tal-appell prinċiplai, peress li Eni tilfet fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

141    F’dak li jirrigwarda tal-appell inċidentali, peress li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward tal-motiv tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn Eni

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli prinċipali u inċidentali huma miċħuda.

2)      Eni SpA hija kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-appell principal.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-appell inċidentali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.