Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-25 ta’ Awwissu 2017 – Spiegel Online GmbH vs Volker Beck

(Kawża C-516/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Spiegel Online GmbH

Konvenut: Volker Beck

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rigward l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet għad-drittijiet ikkonċernati stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29/KE 1 jħallu marġni ta’ diskrezzjoni għat-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali?

B’liema mod għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fid-determinazzjoni tal-portata tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet, previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29/CE, tad-dritt esklużiv tal-awturi għar-riproduzzjoni [Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE] u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku [Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE] tax-xogħlijiet tagħhom?

Id-drittijiet fundamentali għal-libertà ta’ informazzjoni [it-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE] jew għal-libertà tal-istampa [Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE] jistgħu jiġġustifikaw eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tal-awturi għar-riproduzzjoni [Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE] u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku [Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE] tax-xogħlijiet tagħhom, lil hinn mill-eċċezzjonijiet jew mil-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29/KE?

Għandu jitqies li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq il-portal tal-internet ta’ impriża tal-istampa ma jikkostitwixxix awtomatikament irrapportar ta’ ġrajjiet kurrenti li ma jeħtieġx awtorizzazzjoni fis-sens tat-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29/KE, peress li l-impriża tal-istampa kellha l-possibbiltà li titlob il-kunsens tal-awtur qabel it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u peress li hija setgħet raġonevolment tiġi mistennija tagħmel dan?

Pubblikazzjoni għal finijiet ta’ kwotazzjonijiet skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29/KE hija nieqsa jekk it-test tax-xogħlijiet ikkwotati jew partijiet minn dan ma jiġux inkorporati fit-test il-ġdid b’mod indiviżibbli, pereżempju permezz ta’ indentazzjonijiet jew permezz ta’ noti ta’ qiegħ il-paġna, iżda jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet, permezz ta’ links, fil-forma ta’ fajls PDF li jistgħu jiġu kkonsultati b’mod awtonomu maġenb it-test il-ġdid?

Sabiex jiġi stabbilit mil-liema mument xogħol diġà tqiegħed b’mod legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29/KE, għandu wieħed jibbaża ruħu fuq il-kwistjoni dwar jekk dan ix-xogħol, fil-forma konkreta tiegħu, ġiex ippubblikat qabel bil-kunsens tal-awtur?

____________

1     Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).