Language of document : ECLI:EU:C:2016:418

Kawża C‑470/14

Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (EGEDA) et

vs

Administración del Estado

u

Asociación Multisectorial de Empresas de la Electrónica, las Tecnologías de la Información y la Comunicación, de las Telecomunicaciones y de los contenidos Digitales (AMETIC)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati –Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 5(2)(b) – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Kopja privata – Kumpens ġust – Finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Istat – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjoni ta’ kopja privata – Kumpens ġust – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri – Għan – Protezzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, premessi 35 u 38 u Artikolu 5(2)(b))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjoni ta’ kopja privata – Kumpens ġust – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed l-oneru tal-finanzjament tal-kumpens fuq il-baġit ġenerali tal-Istat mingħajr possibbiltà ta’ eżenzjoni għall-persuni ġuridiċi – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, premessi 4 u 9 u Artikolu 5(2)(b))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjoni ta’ kopja privata – Kumpens ġust – Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(2)(b))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 19‑28)

2.        L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ kumpens ġust għal kopja privata li hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat, b’mod li ma huwiex possibbli li jiġi ggarantit li l-ispiża ta’ dan il-kumpens ġust tiġi sostnuta mill-utenti ta’ kopji privati.

Fil-fatt, minn naħa, mill-kliem ċar ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata hija maħsuba għall-benefiċċju esklużiv tal-persuni fiżiċi li jagħmlu jew għandhom il-kapaċità li jagħmlu riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet jew ta’ materjal ieħor protett għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali. Minn dan jirriżulta li, b’differenza mill-persuni fiżiċi, li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni ta’ kopja privata fil-kundizzjonijiet speċifikati mid-Direttiva 2001/29, il-persuni ġuridiċi huma fi kwalunkwe każ esklużi mill-benefiċċju ta’ din l-eċċezzjoni, b’mod li ma għandhomx dritt jagħmlu kopji privati mingħajr ma jiksbu l-awtorizzazzjoni minn qabel mingħand id-detenturi ta’ drittijiet fuq ix-xogħlijiet jew materjal ikkonċernati.

Min-naħa l-oħra, għalkemm, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, huwa tabilħaqq possibbli għall-Istati Membri li jistabbilixxu sistema li permezz tagħha persuni ġuridiċi jkunu responsabbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-ħlas tat-tariffa intiża li tiffinanzja l-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, tali persuni ġuridiċi, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux fl-aħħar mill-aħħar jibqgħu l-persuni effettivament responsabbli għall-ħlas tal-imsemmi oneru, u dan indipendentement minn jekk l-Istat Membru li introduċa l-eċċezzjoni ta’ kopja privata jkunx stabbilixxa sistema ta’ kumpens ġust iffinanzjat permezz ta’ tariffa jew permezz tal-baġit ġenerali tiegħu.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sistema ta’ finanzjament tal-kumpens ġust mill-baġit ġenerali ta’ Stat Membru li skontha, minn naħa, ma teżistix allokazzjoni ta’ dħul konkret għal infiq partikolari, b’mod li l-partita baġitarja intiża għall-ħlas tal-kumpens ġust għandha titqies li hija alimentata mir-riżorsi kollha inklużi fil-baġit ġenerali tal-Istat, u għalhekk ukoll mill-persuni taxxabbli kollha, inklużi l-persuni ġuridiċi u, min-naħa l-oħra, ma teżistix xi sistema li tippermetti lill-persuni ġuridiċi jitolbu li jiġu eżentati mill-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-imsemmi kumpens jew, tal-inqas, jitolbu r-rimbors tiegħu, ma tistax tiggarantixxi li l-ispiża ta’ dan il-kumpens jiġi sostnut biss, fl-aħħar mill-aħħar, mill-utenti ta’ kopji privati.

(ara l-punti 29, 30, 36, 37, 39‑42 u d-dispożittiv)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 38)