Language of document : ECLI:EU:C:2012:449

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Lulju 2012 (*)

“Kompetizzjoni — Artikolu 102 TFUE — Kunċett ta’ ‘impriża’ — Data tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji miżmuma f’database — Attività ta’ ġbir u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din id-data bi ħlas — Effett tar-rifjut tal-awtoritajiet pubbliċi li jawtorizzaw l-użu mill-ġdid tal-imsemmija data — Dritt ‘sui generis’ previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE”

Fil-Kawża C‑138/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

Compass‑Datenbank GmbH

vs

Republik Österreich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Compass‑Datenbank GmbH, minn F. Galla, avukat,

–        għar-Republik Österreich, minn C. Pesendorfer u G. Kunnert, bħala aġenti,

–        għall-Bundeskartellanwalt, minn A. Mair, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn P. Dillon Malone, BL,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer, R. Sauer u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Compass‑Datenbank GmbH (iktar ’il quddiem “Compass‑Datenbank”) u r-Republik Österreich dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji (iktar ’il quddiem il-“Firmenbuch”) miżmuma f’database.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, jeħtieġu mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3), kif emendata bid-Direttiva 2003/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 304), telenka d-dokumenti u d-dettalji li huma suġġetti għall-iżvelar obbligatorju minn kumpanniji.

4        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151, kif emendat bid-Direttiva 2003/58/KE, jipprovdi li:

“1.      F’kull Stat Membru, għandu jinfetaħ file fir-reġistru ċentrali, reġistru kummerċjali jew reġistru tal-kumpanniji, għal kull waħda minn dawk il-kumpanniji rreġistrati fih.

2.      Id-dokumenti u partikolaritajiet kollha li għandhom ikunu żvelati skond l-Artikolu 2 għandhom jinżammu fil-file, jew jiddaħħlu fir-reġistru; is-suġġett tan-notamenti fir-reġistru għandhom f’kull każ jidhru fil-file.

[...]

3.      Kopja tad-dokumenti jew partikolaritajiet kollha jew kull parti minnhom li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 ikollha tkun disponibbli meta japplikaw għaliha. Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007, applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lir-reġistru permezz ta’ stampat jew mezzi elettroniċi skond kif jagħżel l-applikant.

[...]

Il-prezz biex tinkiseb kopja ta’ dokumenti jew partikolaritajiet kollha jew uħud minnhom li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2, sew jekk permezz ta’ stampat u sew jekk permezz ta’ mezzi elettroniċi, mgħandux ikun aktar mill-prezz amministrattiv tagħhom.

[...]”

5        Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459), l-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt “sui generis” għal “min jagħmel database” biex “ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database”.

6        Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Novembru 2003, dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 701, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ISP”), tipprovdi, fil-premessa 5 tagħha:

“Waħda mill-miri prinċipali ta’ l-istabbiliment tas-suq intern hija l-ħolqien ta’ kondizzjonijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta’ servizzi mal-Komunità kollha. L-informazzjoni tas-settur pubbliku hija materjal primarju importanti għal prodotti u servizzi b’kontenut diġitali u għandha ssir riżors ta’ kontenut ukoll aktar importanti ma’ l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ kontenut mingħajr fil. Il-kopertura wiesa’ ġeografika bejn il-fruntieri għandha ukoll tkun essenzali f’dan il-kuntest. Possibbiltajiet aktar wiesa’ għall-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku għandha fost ħwejjeġ oħra tippermetti lil kumpaniji Ewropew li jutilizzaw il-potenzal tagħha u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ l-impiegi.”

7        Skont il-premessa 9 tad-Direttiva ISP:

“Din id-Direttiva ma fihiex l-obbligu li jiġi permess l-użu mill-ġdid ta’ dakoumenti. Id-deċiżjoni dwar jekk l-użu mill-ġdid jiġix awtorizzat jew le tibqa’ ta’ l-Istati Membri jew tal-korp tas-settur pubbliku konċernat. Din id-Direttiva għandha tgħod għal dokumenti li jingħamlu aċċessibbli għall-użu mill-ġdid fejn korpi tas-settur pubbliku jilliċenzaw, ibiegħu, ixxerdu, jiskambjaw jew jagħtu informazzjoni. [...]”.

8        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva ISP jipprovdi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi sett minimu ta’ regoli li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-mezzi prattiċi għall-iffaċilitar ta’ l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti eżistenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku ta’ l-Istati Membri.”

9        L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva ISP jiddefinixxi l-użu mill-ġdidta’ dokumenti tas-settur pubbliku bħala “l-użu minn persuni jew entitajiet ġuridiċi ta’ dokumenti miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku, għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali minbarra l-fini inizjali fi ħdan il-kompitu pubbliku li għalih kienu prodotti d-dokumenti”.

 Id-dritt Awstrijak

10      Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar ir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji (Firmenbuchgesetz, iktar ’il quddiem il-“FBG”), il-Firmenbuch huwa użat għar-reġistrazzjoni u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ fatti suġġetti għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni skont l-imsemmija liġi jew skont dispożizzjonijiet legali oħra. Għandhom jiġu skritti s-suġġetti għad-dritt imsemmija fl-Artikolu 2 tal-FBG, bħan-negozjanti individwali u l-forom differenti ta’ kumpanniji li huma elenkati fih.

11      Dawn is-suġġetti kollha għad-dritt għandhom jirreġistraw ċertu ammont ta’ informazzjoni elenkata fl-Artikolu 3 tal-FBG, bħall-ismijiet tal-impriżi, il-forma legali tagħhom, is-sede tagħhom, indikazzjoni mqassra tal-qasam tal-attività tagħhom, il-fergħat eventwali tagħhom, l-ismijiet u d-dati tat-twelid ta’ dawk li jaġixxu bħala rappreżentanti kif ukoll id-data meta bdew jeżerċitaw is-setgħa ta’ rappreżentanza u n-natura ta’ din tal-aħħar, kif ukoll kwalunkwe proċeduri ta’ stralċ jew il-bidu ta’ kwalunkwe proċeduri ta’ insolvenza.

12      L-Artikoli 4 sa 7 tal-FBG jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi ta’ reġistrazzjoni. Kull bidla fil-fatti rreġistrati għandha wkoll tiġi ddikjarata mingħajr dewmien, skont l-Artikolu 10 ta’ din il-liġi. Skont l-Artikolu 24 tal-imsemmija liġi, jistgħu jiġu imposti pagamenti ta’ penalità amministrattivi sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni li għandha tiġi ddikjarata hija kkomunikata kollha kemm hi u fi żmien xieraq.

13      Skont l-Artikolu 34 tal-FBG, kull persuna hija awtorizzata li jkollha aċċess rapidu sabiex tikkonsulta l-informazzjoni tal-Firmenbuch permezz ta’ trażmissjoni ta’ data elettronika, sa fejn jippermettu t-teknoloġija u d-disponibbiltà tal-persunal.

14      Mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea jirriżulta li, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar ir-responsabbiltà uffiċjali (Amtshaftungsgesetz), ir-Republik Österreich hija responsabbli għall-eżattezza tal-informazzjoni kkomunikata skont il-FBG.

15      Il-miżati dovuti għal konsultazzjonijiet b’aċċess rapidu u konsultazzjonijiet b’mod ġenerali huma stabbiliti skont ir-regolament dwar id-database tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji (il-Firmenbuchdatenbankverordnung, iktar ’il quddiem il-“FBDV”). Il-miżati miġbura mill-aġenziji intermedjarji u mogħtija lir-Republik Österreich huma kkalkolati, essenzjalment, b’riferiment għan-natura tal-informazzjoni kkonsultata.

16      L-Artikolu 4(2) tal-FBDV jipprovdi li l-awtorizzazzjoni sabiex jiġi kkonsultat il-Firmenbuch, skont l-Artikoli 34 et seq tal-FBG, ma tagħtix, minbarra l-konsultazzjoni tal-data, id-dritt għat-twettiq ta’ atti li jinvolvu l-użu tagħha. Dan id-dritt jibqa’ tar-Republik Österreich, fil-kapaċità tagħha bħala produttur tad-database, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 76c et seq tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur (Urheberrechtsgesetz, iktar ’il quddiem l-“UrhG”), adottati fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/9. Skont l-Artikolu 4(1) tal-FBDV, id-database tal-Firmenbuch hija database protetta, fis-sens tal-Artikolu 76c tal-UrhG. Il-proprjetarju tad-drittijiet relatati ma’ din id-database, fis-sens tal-Artikolu 76d tal-UrhG, hija r-Republik Österreich.

17      Il-liġi federali dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku (Bundesgesetz über die Weiterverwendung von Informationen öffentlicher Stellen, iktar ’il quddiem l-“IWG”) ġiet adottata għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva ISP. L-IWG tipprovdi l-possibbiltà li jiġi invokat, skont id-dritt privat, dritt għall-użu mill-ġdid ta’ dokumenti fil-konfront ta’ korpi tas-settur pubbliku, sa fejn dawn tal-aħħar iqiegħdu għad-dispożizzjoni dokumenti li jistgħu jintużaw mill-ġdid. Hija tistabbilixxi, barra minn hekk, kriterji applikabbli għad-determinazzjoni tar-remunerazzjonijiet li jistgħu jintalbu għal dan. Madankollu, l-aċċess għad-data tal-Firmenbuch ma huwiex kopert minn din il-liġi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Compass‑Datenbank hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Awstrijak li tuża database li fiha data ta’ natura ekonomika sabiex tipprovdi servizzi ta’ informazzjoni. Fl-1984, hija bdiet tibni verżjoni elettronika ta’ din id-database bbażata fuq fajl li l-kontenut tiegħu ġie vverifikat, korrett u kkompletat wara li ġie kkonsultat il-Firmenbuch. Fil-kapaċità tagħha bħala editur tal-Zentralblatt für Eintragungen in das Firmenbuch der Republik Österreich (Ġurnal Ċentrali għall-Iskrizzjonijiet fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpanniji tar-Repubblika tal-Awstrija), hija kisbet, sal-2001, id-data inkwistjoni miċ-ċentru federali għall-ipproċessar ta’ data mingħajr ebda restrizzjoni għal dak li jirrigwarda l-użu tagħha. Hija użat ukoll din id-data, b’mod partikolari, għad-database tagħha stess.

19      Sabiex tipprovdi s-servizzi tagħha ta’ informazzjoni, Compass‑Datenbank għandha bżonn li estratti aġġornati mill-Firmenbuch dwar l-impriżi li jwettqu operazzjonijiet ta’ skrizzjoni jew ta’ tħassir jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha kuljum. Is-servizzi ta’ informazzjoni hekk ipprovduti jiddependu fuq l-informazzjoni fil-Firmenbuch, li magħha tiżdied informazzjoni li tirriżulta mir-riċerki mwettqa mis-servizzi editorjali ta’ Compass‑Datenbank kif ukoll informazzjoni oħra, bħal dik li tirriżulta mill-kmamar tal-kummerċ.

20      Wara proċedura ta’ sejħa għal offerti, ir-Republik Österreich, li żżomm il-Firmenbuch, fdat lil diversi impriżi, matul is-sena 1999, l-istabbiliment ta’ aġenziji intermedjarji għat-trażmissjoni, bi ħlas, tad-data tal-Firmenbuch (iktar ’il quddiem l-“aġenziji intermedjarji”). Dawn l-impriżi jiżguraw il-konnessjoni bejn il-klijent finali u d-database tal-Firmenbuch u jiċievu l-ħlas tal-miżati, liema ammonti hija tagħti lir-Republik Österreich. Skont il-Kummissjoni, bħala remunerazzjoni għall-attivitajiet tagħhom, huma jistgħu jimponu fuq il-klijent finali, minbarra dawn il-miżati, suppliment ta’ ammont raġonevoli. L-aġenziji intermedjarji u l-klijenti tagħhom huma preklużi milli joħolqu ġabriet tagħhom stess li jirriproduċu d-data tal-Firmenbuch, milli joffru huma stess l-imsemmija data jew milli jżiedu xi tip ta’ reklamar għall-kontenut jew għall-preżentazzjoni tagħha.

21      Fl-2001, ir-Republik Österreich ippreżentat rikors quddiem il-Handelsgericht Wien (Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) intiż, b’mod partikolari, sabiex Compass‑Datenbank tkun prekluża milli tuża d-data tal-Firmenbuch, inkluż permezz tal-issejvjar, tar-riproduzzjoni jew tat-trażmissjoni ta’ din id-data lil terzi. Il-kawża bejn ir-Republik Österreich u Compass‑Datenbank fl-aħħar tat lok għal deċiżjoni tal-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema), tad-9 ta’ April 2002, li permezz tagħha hija ordnat lil din l-impriża sabiex tieqaf, provviżorjament, milli tuża d-database tal-Firmenbuch sabiex taġġorna d-database tagħha u, b’mod partikolari, milli tissejvja jew tirriproduċi b’xi mod ieħor id-data li tinsab fiha, sabiex tgħaddiha jew tagħmilha aċċessibbli lil terzi, jew milli tipprovdi informazzjoni mill-Firmenbuch intiża għal terzi, sakemm din id-data ma tkunx inkisbet inkambju għal remunerazzjoni mħallsa lir-Republik Österreich.

22      Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax jekk il-qrati Awstrijaki sussegwentement ħadux deċiżjoni definittiva f’dawn il-proċeduri.

23      Il-proċedura ġudizzjarja distinta, mibdija minn Compass‑Datenbank u li tat lok għall-kawża prinċipali mressqa quddiem l-Oberster Gerichtshof, ma hijiex deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju, iżda r-Republik Österreich tispjega d-diversi stadji ta’ din il-proċedura fl-osservazzjonijiet tagħha.

24      Għaldaqstant, fil-21 ta’ Diċembru 2006, Compass‑Datenbank ippreżentat rikors quddiem il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (Qorti reġjonali ta’ Vjenna għal kawżi ċivili), kontra r-Republik Österreich u li permezz tiegħu talbet li din tal-aħħar tiġi ordnata tpoġġi għad-dispożizzjoni tagħha, b’konformità mal-IWG u inkambju għal remunerazzjoni xierqa, ċerti dokumenti mill-Firmenbuch. B’mod iktar speċifiku, hija talbet aċċess għal estratti mill-Firmenbuch li fihom data aġġornata dwar suġġetti għad-dritt irreġistrati fih, li kienu s-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ skrizzjoni jew ta’ tħassir fil-ġurnata ta’ qabel il-konsultazzjoni, kif ukoll estratti mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji li fihom data storika.

25      Il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien ċaħdet it-talbiet ta’ Compass‑Datenbank permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Jannar 2008. Din iċ-ċaħda ġiet ikkonfermata mill-Oberlandesgericht Wien (Qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna) permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2008.

26      L-Oberster Gerichtshof, li quddiemha tressaq appell, sostniet ukoll, f’deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2009, li Compass‑Datenbank ma setgħet tikseb l-ebda dritt mill-IWG. Madankollu, hija sostniet li, fl-argumenti invokati minn din l-impriża, jeżistu xi elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li hija setgħet ibbażat ruħha fuq dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, billi tapplika, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet tal-IWG dwar ir-remunerazzjonijiet. Konsegwentement, hija annullat id-deċiżjonijiet preċedenti u inkarigat lil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien sabiex titlob lil Compass‑Datenbank tindika jekk, fil-proċedura inkwistjoni, hija invokatx drittijiet ibbażati fuq l-IWG jew inkella drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni.

27      Mistoqsija f’dan ir-rigward, Compass‑Datenbank iddikjarat, quddiem il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien, li hija kienet qed tevoka espressament dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, billi tapplika, b’analoġija, ir-regoli tal-IWG dwar ir-remunerazzjonijiet, u hija emendat it-talbiet tagħha f’dan is-sens. Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2009, din il-qorti ddikjarat ruħha bħala mhux kompetenti u rrinvijat il-kawża quddiem l-Oberlandesgericht Wien, li hija l-qorti kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni.

28      Quddiem l-Oberlandesgericht Wien, Compass‑Datenbank talbet, essenzjalment, li r-Republik Österreich tiġi ordnata tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha dokumenti aġġornati mill-Firmenbuch u li fihom l-estratti kollha minnu li jirrigwardaw l-impriżi li kienu s-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ skrizzjoni jew ta’ tħassir fil-ġurnata ta’ qabel dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, u dan inkambju għal “remunerazzjoni ġusta”. It-talba ta’ Compass‑Datenbank kienet ibbażata essenzjalment fuq l-argument li jgħid li r-Republik Österreich, bħala impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, kellha l-obbligu li tikkomunika d-data tal-Firmenbuch, skont id-duttrina msejħa “tal-faċilitajiet essenzjali”.

29      L-Oberlandesgericht Wien ċaħdet ir-rikors ta’ Compass‑Datenbank b’deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2010. Din l-impriża ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof. Din l-aħħar qorti tosserva, fid-deċiżjoni ta’ rinviju, li l-projbizzjoni tal-abbużi minn pożizzjoni dominanti, stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE, tkopri l-impriżi, inklużi l-impriżi pubbliċi, sakemm dawn jeżerċitaw attività ekonomika. Hija tosserva li, skont is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja (118/85, Ġabra p. 2599, punt 7), kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK‑Bundesverband et (C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, Ġabra p. I‑2493, punt 58), suġġett għad-dritt jista’ jiġi kkunsidrat bħala impriża biss fir-rigward ta’ parti mill-attività tiegħu, sakemm din tal-aħħar tista’ tiġi kklassifikata bħala ekonomika, iżda li, skont is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli (C‑343/95, Ġabra p. I‑1547), l-istatus ta’ impriża għandu madankollu jiġi eskluż għal dak li jirrigwarda l-korpi statali, peress li u sakemm huma jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi.

30      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-ewwel kwistjoni li tqum fil-kawża prinċipali hija dik dwar jekk, meta awtorità pubblika “timmonopolizza” data li għandha tiġi rreġistrata u ppubblikata skont il-liġi billi tinġabar f’database protetta minn lex specialis, din l-awtorità teżerċitax attività li taqa’ taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Il-fatt li r-Republik Österreich, billi tinvoka l-protezzjoni tad-database inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont id-dritt tal-proprjetà intellettwali, tinvoka dispożizzjonijiet li ma humiex tad-dritt pubbliku iżda tad-dritt privat imur kontra l-klassifikazzjoni tal-attività tagħha bħala attività li taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Din il-qorti tosserva li r-Republik Österreich lanqas ma taġixxi fl-interess ġenerali, li skontha jinsab fil-possibbiltà li tinkiseb, bis-saħħa tal-kompetizzjoni, provvista ta’ servizzi ta’ informazzjoni ddiversifikata u ekonomika.

31      Il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont il-premessi 5 u 9 tad-Direttiva ISP, id-data pubblika tikkostitwixxi qasam ewlieni importanti għall-prodotti u s-servizzi ta’ kontenut numeriku u li l-impriżi Ewropej għandhom jitħallew jiksbu l-potenzjal tagħhom, li jiffavorixxi l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tad-dritt tal-kompetizzjoni, minkejja l-fatt li l-imsemmija direttiva ma fiha ebda obbligu li jiġi awtorizzat l-użu mill-ġdid ta’ data, iżda tħalli din id-deċiżjoni f’idejn l-Istati Membri.

32      Din il-qorti tosserva li, għalkemm l-attività tar-Republik Österreich inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala ekonomika, tqum barra minn hekk il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipji stabbiliti fis-sentenzi tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il‑Kummissjoni (C‑241/91 P u C‑242/91 P, Ġabra p. I‑743), kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, IMS Health (C‑418/01, Ġabra p. I‑5039) (duttrina tal-faċilitajiet essenzjali), għandhomx jiġu applikati wkoll minkejja l-fatt li ma hemmx “suq upstream” peress li d-data kkonċernata tinġabar u tiġi rreġistrata fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ prerogattiva ta’ awtorità pubblika. L-imsemmija qorti tesponi argumenti favorevoli u argumenti kontra l-applikazzjoni ta’ din id-duttrina fil-kawża prinċipali.

33      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtsof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ awtorità pubblika li tissejvja f’database (Firmenbuch — reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji), data li l-impriżi għandhom jikkomunikaw abbażi tal-obbligi legali u li tippermetti li ssir konsultazzjoni ta’ din id-data u/jew li jiġu pprovduti kopji bi ħlas, filwaqt li tipprojbixxi kwalunkwe użu ieħor ta’ din id-data, hija attività kummerċjali?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

      Ikun hemm attività kummerċjali meta l-awtorità pubblika tinvoka l-protezzjoni sui generis li tingħatalha bħala produttur ta’ database, u tipprojbixxi kwalunkwe użu li jmur lil hinn mis-sempliċi konsultazzjoni u stampar tad-data?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

      L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipji kkonstatati bis-sentenzi [iċċitati iktar ’il fuq RTE u ITP vs Il‑Kummissjoni kif ukoll IMS Health] (‘duttrina tal-faċilitajiet essenzjali’) japplikaw ukoll meta ma hemmx ‘suq upstream’ peress li d-data protetta tinġabar u tiġi ssejvjata f’database (Firmenbuch — reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji) fil-kuntest ta’ eżerċizzju ta’ attività tal-poter pubbliku?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

34      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġi eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-attività ta’ awtorità pubblika li tikkonsisti fl-issejvjar, f’database, ta’ data li l-impriżi għandhom jikkomunikaw abbażi ta’ obbligi legali, li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jikkonsultaw din id-data u/jew li tipprovdilhom kopji stampati tagħha inkambju għal remunerazzjoni, filwaqt li tipprojbixxi kwalunkwe użu ieħor tal-imsemmija data, fejn l-awtorità pubblika tinvoka, b’mod partikolari, il-protezzjoni sui generis li tingħatalha bħala produttur ta’ database, hijiex attività ekonomika, b’tali mod li l-imsemmija awtorità pubblika għandha tiġi kkunsidrata, fil-kuntest ta’ din l-attività, bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

35      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoi fil-qasam tal-kompetizzjoni, kull entità li teżerċita attività ekonomika hija impriża, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u l-mod ta’ finanzjament tagħha (sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, Ġabra p. I‑1979, punt 21, kif ukoll tas-17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre, C‑159/91 u C‑160/91, Ġabra p. I‑637, punt 17). Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, kull attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, Ġabra p. I‑9297, punt 79; tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, Ġabra p. I‑4863, punt 22, u tat-3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, C‑437/09, Ġabra p. I-973), punt 42). Għaldaqstant, l-Istat fih innifsu jew entità statali jistgħu jaġixxu bħala impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1985, Italie vs Il-Kummissjoni, 41/83, Ġabra p. 873, punti 16 sa 20).

36      Min-naħa l-oħra, l-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika, liema natura tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 107/84, Ġabra p. 2655, punti 14 u 15; tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, Ġabra p. I‑43, punt 30, kif ukoll MOTOE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

37      Barra minn hekk, suġġett għad-dritt, u b’mod partikolari entità pubblika, jista’ jiġi kkunsidrat bħala impriża biss għal dak li jirrigwarda parti mill-attivitajiet tiegħu, jekk l-attivitajiet li jikkorrispondu għal dik il-parti għandhom jiġu kklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, punt 74, u MOTOE, punt 25).

38      Fil-fatt, sa fejn entità pubblika teżerċita attività ekonomika li tista’ tinfired mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika, din l-entità, għal dak li jirrigwarda din l-attività, taġixxi bħala impriża, filwaqt li jekk l-imsemmija attività ekonomika ma tistax tinfired mill-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika, l-attivitajiet kollha mwettqa mill-msemmija entità jibqgħu attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ dawn il-prerogattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑113/07 P, Ġabra p. I‑2207, punti 72 et seq).

39      Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza skont liema prodott jew servizz ipprovdut minn entità pubblika u marbut mal-eżerċizzju minn din l-entità ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika huwa pprovdut inkambju għal remunerazzjoni prevista mil-liġi, u mhux iddeterminata, direttament jew indirettament, minn din l-entità, ma hijiex biżżejjed sabiex tikklassifika l-attività mwettqa bħala attività ekonomika u l-entità li twettaqha bħala impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SAT Fluggesellschaft, punti 28 et seq, kif ukoll Diego Calì & Figli, punti 22 sa 25).

40      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza kollha, għandu jiġi osservat li attività ta’ ġbir ta’ data dwar impriżi, abbażi ta’ obbligu legali ta’ dikjarazzjoni imposta fuq dawn tal-aħħar u ta’ setgħat ta’ impożizzjoni relatati miegħu, taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Konsegwentement, tali attività ma tikkostitwixxix attività ekonomika.

41      Bl-istess mod, attività fejn id-data hekk miġbura tinżamm u ssir aċċessibbli lill-pubbliku, kemm permezz ta’ sempliċi konsultazzjoni jew permezz tal-provvista ta’ kopji stampati, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, lanqas ma tikkostitwixxi attività ekonomika, peress li ż-żamma ta’ database li fiha tali data u t-tqegħid tagħha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku huma attivitajiet li ma jistgħux jinfired mill-attività ta’ ġbir ta’ din id-data. Fil-fatt, il-ġbir tal-imsemmija data jiġi miċħud fil-parti l-kbira mill-utilità tiegħu fin-nuqqas ta’ żamma ta’ database li fiha din id-data tiġi rreġistrata sabiex tkun tista’ tiġi kkonsultata mill-pubbliku.

42      Għal dak li jirrigwarda l-fatt li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-persuni kkonċernati tad-data li tinsab f’tali database isir bi ħlas, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, sakemm il-miżati u t-tariffi dovuti għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-informazzjoni inkwistjoni ma humiex iddeterminati, direttament jew indirettament, mill-entità kkonċernata, iżda huma previsti fil-liġi, il-ġbir ta’ tali remunerazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala li ma tistax tinfired minn dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-ġbir mir-Republik Österreich ta’ miżati jew tariffi dovuti għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-imsemmija informazzjoni ma huwiex ta’ natura li jbiddel il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ din l-attività, b’tali mod li din ma tikkostitwixxix attività ekonomika.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, hija r-Republik Österreich li żżomm il-Firmenbuch kif ukoll id-database li jaqa’ taħt dan tal-aħħar, filwaqt li l-aġenziji intermedjarji, magħżula fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti, jiżguraw il-konnessjoni bejn il-klijent finali u l-imsemmija database u jirċievu l-miżati previsti fil-FBDV, liema ammont huma jagħtu lir-Republik Österreich. Bħala remunerazzjoni għall-attivitajiet tagħhom, l-aġenziji intermedjarji jistgħu, skont il-Kummissjoni, jimponu fuq il-klijent finali suppliment ta’ ammont raġonevoli minbarra dawn il-miżati.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-attivitajiet tar-Republik Österreich fihom infushom ma għandhomx jiġu konfużi ma’ dawk tal-aġenziji intermedjarji. Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, huma l-attivitajiet tar-Republik Österreich u mhux dawk tal-aġenziji intermedjarji li huma inkwistjoni.

45      Ir-Republik Österreich sostniet, waqt is-seduta, li l-aġenziji intermedjarji jintgħażlu esklużivament abbażi ta’ kriterji kwalitattivi, u mhux abbażi ta’ offerta finanzjarja, u li n-numru tagħhom ma huwiex limitat. Jekk dan huwa il-każ, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-unika remunerazzjoni li l-awtoritajiet pubbliċi jirċievu inkambju għaż-żamma u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, permezz ta’ aġenziji intermedjarji, tal-informazzjoni fid-database inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija kkostitwita mill-miżati previsti fil-FBDV.

46      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-attività ta’ awtorità pubblika li tipprekludi l-aġenziji intermedjarji u l-klijenti finali tagħhom milli jużaw mill-ġdid l-informazzjoni miġbura minn din l-awtorità u rreġistrata fid-database ta’ reġistru pubbliku bħall-Firmenbuch sabiex jipprovdu s-servizzi ta’ konsultazzjoni tagħhom stess. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk il-fatt li l-imsemmija awtorità pubblika tinvoka il-protezzjoni sui generis mogħtija lilha bħala produttur ta’ database, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, jimplika l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li entità pubblika li toħloq database u li tinvoka sussegwentement drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, u b’mod partikolari d-dritt sui generis imsemmi qabel, bl-għan li tipproteġi d-data rreġistrata fiha, ma taġixxix, minħabba dan il-fatt biss, bħala impriża. Tali entità ma hijiex obbligata li tawtorizza użu liberu tad-data li hija tiġbor u li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Hekk kif tosserva r-Republik Österreich, awtorità pubblika tista’ leġittimament tikkunsidra li huwa neċessarju, jekk mhux obbligatorju fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha, li tipprekludi l-użu mill-ġdid tad-data li tinsab f’database bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi osservat l-interess li għandhom l-kumpanniji u s-suġġetti l-oħra għad-dritt li jagħmlu dikjarazzjonijiet imposti mil-liġi li l-informazzjoni li tirrigwardahom ma tintużax mill-ġdid barra minn din id-database.

48      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li limitazzjoni legali tal-użu mill-ġdid tad-data tal-Firmenbuch teżisti fid-dritt Awstrijak, fejn l-Artikolu 4(2) tal-FBDV jipprovdi li l-awtorizzazzjoni li jiġi kkonsultat il-Firmenbuch, skont l-Artikoli 34 et seq tal-FBG, ma tagħtix, minbarra l-konsultazzjoni tad-data, id-dritt li jitwettqu atti li jużawha mill-ġdid.

49      Iċ-ċirkustanza li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data f’database isir bi ħlas ma għandha l-ebda effett fuq in-natura ekonomika jew le ta’ projbizzjoni ta’ użu mill-ġdid ta’ din id-data, bil-kundizzjoni li din ir-remunerazzjoni ma hijiex fiha infisha ta’ natura li tiġġustifika li l-attività kkonċernata tiġi kklassifikata bħala ekonomika, skont il-kunsiderazzjonijiet fil-punti 39 u 42 ta’ din is-sentenza. Sa fejn ir-remunerazzjoni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data hija limitata u kkunsidrata bħala li ma tistax tinfired minnu, l-invokazzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali bl-għan li tiġi protetta din id-data, u b’mod iktar partikolari sabiex tipprekludi l-użu mill-ġdid tagħha, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala attività ekonomika. Fil-fatt, tali invokazzjoni ma tistax, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tinfired mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmija data.

50      Fl-aħħar nett, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk id-Direttiva ISP tistax ikollha effett fuq ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, għandu jiġi kkonstatat li, skont dak li hemm imniżżel fil-premessa 9, din id-direttiva ma fiha ebda obbligu li l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti jiġi awtorizzat. Barra minn hekk, l-aċċess għad-data tal-Firmenbuch ma huwiex kopert mill-IWG, il-liġi li permezz tagħha r-Republik Österreich ittrasponiet id-Direttiva ISP. Minn dan jirriżulta li din id-direttiva hija mingħajr rilevanza sabiex tiġi ddeterminata n-natura ekonomika jew le ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ użu mill-ġdid ta’ data fil-kuntest tal-kawża prinċipali preżenti.

51      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-attività ta’ awtorità pubblika li tikkonsisti fl-issejvjar, f’database, ta’ data li l-impriżi għandhom jikkomunikaw abbażi ta’ obbligi legali, li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jikkonsultaw din id-data u/jew li tipprovdilhom kopji stampati tagħha ma tikkostitwixxix attività ekonomika, u din l-awtorità pubblika ma għandhiex, konsegwentement, tiġi kkunsidrata, fil-kuntest ta’ din l-attività, bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Il-fatt li din il-konsultazzjoni u/jew din il-provvista ta’ kopji jitwettqu inkambju għal remunerazzjoni prevista fil-liġi u mhux iddeterminata, direttament jew indirettament, mill-entità kkonċernata ma huwiex ta’ natura li jbiddel il-klassifikazzjoni ġuridika tal-imsemmija attività. Barra minn hekk, sa fejn tali awtorità pubblika tipprekludi kull użu ieħor tad-data hekk miġbura u mqegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, billi tinvoka l-protezzjoni sui generis mogħtija lilha bħala produttur tad-database inkwistjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, jew skont kull dritt ieħor ta’ proprjetà intellettwali, hija lanqas ma teżerċita attività ekonomika u ma għandhiex għalhekk tiġi kkunsidrata, fil-kuntest ta’ din l-attività, bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

 Fuq it-tielet domanda

52      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domandi u tan-natura sussidjarja tat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din tal-aħħar.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-attività ta’ awtorità pubblika li tikkonsisti fl-issejvjar, f’database, ta’ data li l-impriżi għandhom jikkomunikaw abbażi ta’ obbligi legali, li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jikkonsultaw din id-data u/jew li tipprovdilhom kopji stampati tagħha ma tikkostitwixxix attività ekonomika, u din l-awtorità pubblika ma għandhiex, konsegwentement, tiġi kkunsidrata, fil-kuntest ta’ din l-attività, bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Il-fatt li din il-konsultazzjoni u/jew din il-provvista ta’ kopji jitwettqu inkambju għal remunerazzjoni prevista fil-liġi u mhux iddeterminata, direttament jew indirettament, mill-entità kkonċernata ma huwiex ta’ natura li jbiddel il-klassifikazzjoni ġuridika tal-imsemmija attività. Barra minn hekk, sa fejn tali awtorità pubblika tipprekludi kull użu ieħor tad-data hekk miġbura u mqegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, billi tinvoka l-protezzjoni sui generis mogħtija lilha bħala produttur tad-database inkwistjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, jew skont kull dritt ieħor ta’ proprjetà intellettwali, hija lanqas ma teżerċita attività ekonomika u ma għandhiex għalhekk tiġi kkunsidrata, fil-kuntest ta’ din l-attività, bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.