Language of document : ECLI:EU:C:2016:897

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

24 ta’ Novembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-età – Skema ta’ rtirar nazzjonali – Ħlas ta’ benefiċċju tas-superstiti lis-sieħeb ċivili – Kundizzjoni – Konklużjoni tal-unjoni qabel ma l-affiljat mal-imsemmija skema jagħlaq is-60 sena – Unjoni ċivili – Impossibbiltà fl-Istat Membru kkonċernat qabel l-2010 – Relazzjoni fit-tul stabbilita – Artikolu 6(2) – Ġustifikazzjoni tad-differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età”

Fil-Kawża C‑443/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Labour Court (qorti tax-xogħol, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura

David L. Parris

vs

Trinity College Dublin,

Higher Education Authority,

Department of Public Expenditure and Reform,

Department of Education and Skills,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, E. Regan, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal D. L. Parris, minn M. Bolger, SC, E. Barry, BL, kif ukoll minn J. Tomkin, solicitor,

–        għal Trinity College Dublin, minn T. Mallon, barrister, fuq struzzjonijiet ta’ K. Langford, solicitor,

–        għal Higher Education Authority, Department of Public Expenditure and Reform u Department of Education and Skills, minn G. Hodge u E. Creedon, kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Kerr, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Simmons, bħala aġent, assistita minn J. Coppel, QC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Lewis u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn David L. Parris u t-Trinity College Dublin, il-Higher Education Authority (awtorità għall-edukazzjoni superjuri, l-Irlanda), id-Department of Public Expenditure and Reform (dipartiment għan-nefqa pubblika u r-riforma, l-Irlanda) u d-Department of Education and Skills (dipartiment għall-edukazzjoni u l-kompetenzi, l-Irlanda) dwar ir-rifjut min-naħa tat-Trinity College Dublin li jagħti lis-sieħeb ta’ D. L. Parris, wara l-mewt ta’ dan tal-aħħar, il-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti prevista mill-iskema ta’ pensjoni professjonali li magħha kien affiljat D. L. Parris.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 22 tad-Direttiva 2002/78 tipprovdi li:

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili u d-drittijiet li jiddependu minnhom.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]”

6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]

3.      Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.

[…]”

7        Taħt it-titolu “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li:

“Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

8        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri kellhom, fil-prinċipju, jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003, jew setgħu jafdaw lill-imsieħba soċjali l-kompitu tal-implementazzjoni ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ dispożizzjonijet dwar ftehim kollettivi, billi jiżguraw li dawn tal-aħħar jiġu implementati sal-istess data.

 Id-dritt Irlandiż

9        Il-Pensions Act 1990 (liġi dwar il-pensjonijiet, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1990”) ġie emendat bl-Artikolu 22 tas-Social Welfare (Miscellaneous Provisions) Act 2004 (Number 9 of 2004) [att dwar is-sigurtà soċjali (dispożizzjonijiet mixxellanji) tal-2004, (Nru 9 tal‑2004)], li permezz tiegħu ġie inkorporat Titolu VII ġdid fil-liġi tal‑1990 sabiex jagħti effett fid-dritt nazzjonali lid-dispożizzjonjiet tad-Direttiva 2000/78 għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-iskemi ta’ pensjonijiet professjonali.

10      L-Artikolu 66 tal-liġi tal-1990 jipprevedi projbizzjoni ġenerali ta’ kwalunkwe trattament inqas favorevoli għal dak li jikkonċerna l-iskemi ta’ pensjonijiet professjonali minħabba, b’mod partikolari, l-età u l-orjentazzjoni sesswali. B’differenza mid-Direttiva 2000/78, din il-liġi tipprojbixxi wkoll kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tal-istat ċivili.

11      L-Artikolu 72 tal-liġi tal-1990, li kien intiż sabiex jittrasponi l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, jipprevedi derogi u eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjonijiet fl-iskemi ta’ pensjonijiet professjonali fit-termini li ġejjin:

“(1)      Ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-pensjoni abbażi tal-età jekk l-iskema:

a)      tistabbilixxi limiti ta’ età jew perijodi ta’ servizz li jagħtu lok għall-għoti ta’ benefiċċji jew kombinazzjoni tat-tnejn bħala kundizzjoni jew kriterju għall-affiljazzjoni mal-iskema,

b)      tistabbilixxi diversi etajiet jew diversi perijodi ta’ servizz li jagħtu lok għall-għoti ta’ benefiċċji jew kombinazzjoni tat-tnejn bħala kundizzjonijiet jew kriterji sabiex ħaddiema jew gruppi jew kategoriji ta’ ħaddiema jkunu affiljati mal-iskema,

c)      tistabbilixxi limiti ta’ età jew perijodi ta’ servizz li jagħtu lok għall-għoti ta’ benefiċċji jew kombinazzjoni tat-tnejn, bħala kundizzjoni jew kriterju għall-intitolament ta’ benefiċċji taħt l-iskema,

d)      tistabbilixxi diversi etajiet jew diversi perijodi ta’ servizz li jagħtu lok għall-għoti ta’ benefiċċji jew kombinazzjoni tat-tnejn bħala kundizzjonijiet jew kriterji sabiex ħaddiema jew gruppi jew kategoriji ta’ ħaddiema jkollhom dritt għall-benefiċċji previsti mill-iskema,

e)      (i)   tistabbilixxi limiti ta’ età jew il-perijodu ta’ servizz li jagħti lok għall-għoti ta’ benefiċċji jew kombinazzjoni tat-tnejn bħala kundizzjoni jew kriterju relatati mal-kisba ta’ drittijiet fi skema ta’ benefiċċji definiti jew mal-livell ta’ kontribuzzjonijiet fi skema b’kontribuzzjonijiet definiti jew

(ii)      tistabbilixxi diversi etajiet jew diversi perijodi ta’ servizz li jagħtu lok għall-għoti ta’ benefiċċji jew kombinazzjoni tat-tnejn bħala kundizzjonijiet jew kriterji relatati mal-kisba ta’ drittijiet fi skema ta’ benefiċċji definiti jew mal-livell ta’ kontribuzzjonijiet fi skema b’kontribuzzjonijiet definiti għal ħaddiema jew gruppi jew kategoriji ta’ ħaddiema

      jekk, fil-kuntest tal-impjieg inkwistjoni, huwa xieraq u neċessarju fid-dawl ta’ oġġettiv leġittimu tal-persuna li timpjega, b’mod partikolari ta’ politika tal-impjieg, ta’ suq tal-impjieg u ta’ taħriġ professjonali,

f)      tuża kriterji ta’ età fil-kalkoli attwarjali,

sakemm dan ma jwassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasma tal-pensjoni minħabba raġuni ta’ sess.

(2)      Ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-pensjoni abbażi tal-istat ċivili jew familjari meta skema tagħti benefiċċju ta’ manteniment professjonali iktar favorevoli, jekk dawn il-benefiċċji japplikaw għal kull persuna li, skont ir-regoli tal-iskema, għandha tingħata l-benefiċċju wara l-mewt tal-affiljat, sakemm dan ma jwassalx sabiex l-imsemmi prinċipju jinkiser minħabba s-sess.

(3)      Ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-pensjoni abbażi tal-istat ċivili jew tal-orjentazzjoni sesswali, jekk l-armla jew l-armel ta’ membru deċedut jingħata benefiċċji ta’ manteniment professjonali iktar favorevoli, sakemm dan ma jwassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament abbażi tas-sess.

(4)      F’dan l-artikolu, kull referenza għall-iffissar tal-età jew tal-etajiet li jagħtu lok għall-għoti ta’ benefiċċji tinkludi referenza għall-iffissar tal-età jew etajiet tal-irtirar li jagħtu lok għall-għoti tal-benefiċċji.”

12      Fid-19 ta’ Lulju 2010 ġie adottat is-Civil Partnership and Certain Rights and Obligations of Cohabitants Act 2010 (Att tal-2010 dwar l-unjonijiet ċivili u ċerti drittijiet u obbligi tal-koabitanti) (iktar il-quddiem il-“liġi dwar l-unjonijiet ċivili”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011, bl-abbozzar tad-deċiżjoni ministerjali meħtieġa mid-Digriet Nru 648/2010. Din il-liġi kienet teskludi kwalunkwe rikonoxximent retroattiv tal-unjonijiet ċivili rreġistrati f’pajjiż ieħor.

13      Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li skont il-paragrafu 99 tal-liġi dwar l-unjonijiet ċivili “il-benefiċċji tal-iskema ta’ pensjoni previsti għall-konjuġi japplikaw fl-istess kundizzjonijiet għas-sieħeb ċivili tal-affiljat”.

14      Fiż-żmien tal-fatti tal-kawża preżenti, iż-żwieġ fl-Irlanda kien previst biss bejn persuni ta’ sess differenti. Ir-rikonoxximent taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess kien jeżiġi emenda kostituzzjonali wara referendum nazzjonali. Tali referendum seħħ fit-22 ta’ Mejju 2015 u l-proposta li jiġi permess iż-żwieġ bejn żewġ persuni mingħajr ebda distinzjoni ta’ sess ġiet approvata. Madankollu, kellhom jiġu adottati atti leġiżlattivi sabiex jagħtu effett għad-dispożizzjoni emendata tal-Kostituzzjoni. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet ippreżentati mit-Trinity College Dublin jirriżulta li d-dritt Irlandiż ilu jirrikonoxxi ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess mis-16 ta’ Novembru 2015.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      D. L. Parris, imwieled fil-21 ta’ April 1946, għandu nazzjonalità doppja Irlandiża u Ingliża. Huwa ilu jgħix għal iktar minn 30 sena mas-sieħeb tiegħu tal-istess sess f’relazzjoni stabbli.

16      Matul is-sena 1972, D. L. Parris kien ġie impjegat mat-Trinity College Dublin bħala lecturer. Bis-saħħa tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, huwa ġie ammess, matul Ottubru 1972, bħala membru mhux kontributorju fl-iskema ta’ pensjoni amministrata mit-Trinity College Dublin. Din l-iskema ma baqgħatx disponibbli għall-impjegati l-ġodda fil‑31 ta’ Jannar 2005.

17      Ir-Regola 5 tal-imsemmija skema ta’ pensjoni tipprevedi l-ħlas ta’ pensjoni tas-superstiti lill-konjuġi jew, sa mill-1 ta’ Jannar 2011, lis-sieħeb ċivili tal-affiljat jekk dan tal-aħħar imut qabel il-konjuġi tiegħu jew issa anki s-sieħeb ċivili. B’mod partikolari, skont l-iskema ta’ pensjoni, meta jirtira, l-affiljat jibbenefika mid-dritt għal pensjoni ekwivalenti għal żewġ terzi mill-aħħar salarju tiegħu. Meta l-affiljat imut wara l-irtirar tiegħu, il-konjuġi superstiti jew issa anki s-sieħeb ċivili għandu dritt għal pensjoni li tammonta għal żewġ terzi mill-ammont dovut lill-affiljat qabel mewtu. Madankollu, din il-pensjoni tas-superstiti tingħata biss jekk l-affiljat kien miżżewweġ jew kien ikkonkluda unjoni ċivili qabel ma għalaq is-60 sena.

18      Fil-21 ta’ Diċembru 2005, kien sar possibbli li wieħed jikkonkludi unjoni ċivili fir-Renju Unit bis-saħħa tas-Civil Partnership Act 2004 (liġi dwar l-unjoni ċivili). Fil-21 ta’ April 2009, meta huwa kellu 63 sena, D. L. Parris irreġistra unjoni ċivili f’dan l-Istat Membru. F’dak iż-żmien, ebda dispożizzjoni tad-dritt Irlandiż ma kienet tippermetti li l-unjoni ċivili ta’ D. L. Parris tiġi rrikonoxxuta fl-Irlanda.

19      Fit-3 ta’ Diċembru 2009, il-fond ta’ pensjoni ta’ Trinity College Dublin ġie ttrasferit lin-National Treasury Management Agency (NTMA, l-Irlanda). L-NTMA hija aġenzija statali inkarigata sabiex tipprovdi lill-Gvern servizzi ta’ ġestjoni ta’ attiv u ta’ passiv. Sa minn Jannar 2010, id-djun kollha tal-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni huma koperti mir-riżorsi tal-Istat.

20      Fil-25 ta’ Jannar 2010, D. L. Parris talab u kiseb il-possibbiltà li jibbenefika minn irtirar antiċipat, mingħajr ebda spiża addizzjonali għall-fornitur tal-benefiċċju, mill‑31 ta’ Diċembru 2010, filwaqt li kien intitolat skont il-kuntratt sabiex iżomm l-impjieg tiegħu li jagħti lok għall-pensjoni sat-30 ta’ Settembru 2013.

21      Fid-19 ta’ Lulju 2010, il-liġi dwar l-unjonijiet ċivili ġiet adottata fl-Irlanda.

22      Fis-17 ta’ Settembru 2010, D. L. Parris ippreżenta talba lit-Trinity College Dublin sabiex is-sieħeb ċivili tiegħu jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti, wara mewtu. Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2010. Fl-20 ta’ Diċembru 2010, huwa appella minn din id-deċiżjoni quddiem l-awtorità għall-edukazzjoni superjuri.

23      Fil-31 ta’ Diċembru 2010, D. L. Parris irtira.

24      Il-liġi dwar l-unjonijiet ċivili daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.

25      Fit-12 ta’ Jannar 2011, l-unjoni ċivili ta’ D. L. Parris irreġistrata fir-Renju Unit ġiet irrikonoxxuta fid-dritt Irlandiż, wara l-abbozzar tad-deċiżjoni ministerjali meħtieġa mid-Digriet Nru 649/2010.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2011, l-awtorità għall-edukazzjoni superjuri kkonfermat id-deċiżjoni tat-Trinity College Dublin. Din l-awtorità kkonstatat, b’mod partikolari, li D. L. Parris kien irtira qabel ma l-unjoni ċivili tiegħu ġiet irrikonoxxuta mill-Istat Irlandiż u li, għaldaqstant, ir-regoli applikabbli mit-Trinity College Dublin jeskludu l-għoti ta’ benefiċċju tas-superstiti meta l-affiljat iżżewweġ jew ikkonkluda unjoni ċivili wara l-età ta’ 60 sena.

27      Sussegwentement D. L. Parris beda azzjoni kontra t-Trinity College Dublin, l-awtorità għall-edukazzjoni superjuri, id-dipartiment għan-nefqa pubblika u r-riforma u d-dipartiment għall-edukazzjoni u l-kompetenzi, quddiem l-Equality Tribunal (qorti għall-ugwaljanza, l-Irlanda), filwaqt li sostna li kien subixxa diskriminazzjoni diretta jew indiretta mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, bi ksur tal-liġi tal-1990, minħabba l-età tiegħu u l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Peress li din l-azzjoni ġiet miċħuda mill-Equality Tribunal (qorti għall-ugwaljanza), D. L. Parris appella quddiem il-Labour Court (qorti tax-xogħol, l-Irlanda).

28      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula età qabel ma affiljat fi skema ta’ pensjoni professjonali għandu jiżżewweġ, jew jikkonkludi unjoni ċivili, sabiex il-konjuġi tiegħu jew is-sieħeb tiegħu jkollu dritt għal pensjoni tas-superstiti, twassalx għal diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età u/jew l-orjentazzjoni sesswali, bi ksur tad-Direttiva 2000/78.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Labour Court (qorti tax-xogħol) iddeċidiet li tissosspendi l-kawża quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejin:

“1)      Għandha titqies bħala diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78/KE, l-applikazzjoni ta’ regola ta’ skema ta’ pensjoni professjonali li tillimita l-ħlas ta’ benefiċċju tas-superstiti lis-sieħeb ċivili superstiti ta’ membru affiljat tal-iskema fil-mument tal-mewt ta’ dan tal-aħħar, b’kundizzjoni li l-membru affiljat u s-sieħeb ċivili superstiti tiegħu jkunu kkuntrattaw l-unjoni ċivili tagħhom qabel l-għeluq tas-sittin sena tal-membru affiljat, meta d-dritt nazzjonali ma kienx jippermettilhom li jikkuntrattaw unjoni ċivili qabel ma l-membru affiljat għalaq l-età ta’ sittin sena u meta l-membru affiljat u s-sieħeb ċivili tiegħu kienu fformaw unjoni tal-ħajja dejjiema qabel din id-data?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv, għandu jitqies bħala diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, b’mod kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78/KE, il-fatt li fornitur ta’ benefiċċji taħt skema ta’ pensjoni professjonali jillimita d-dritt għall-pensjoni tas-superstiti għas-sieħeb ċivili superstiti ta’ membru affiljat mal-mewt ta’ dan tal-aħħar billi jeżiġi li l-membru affiljat u s-sieħeb ċivili tiegħu jkunu kkonkludew l-unjoni ċivili tagħhom qabel ma l-membru affiljat għalaq is-sittin sena tiegħu, fejn

a)      l-istipulazzjoni tal-età li fiha huwa meħtieġ li membru affiljat ikun ikkonkluda unjoni ċivili ma tkunx kriterju użat fil-kalkoli attwarjali u

b)      id-dritt nazzjonali ppermetta lill-membru affiljat u lis-sieħeb ċivili tiegħu jikkuntrattaw unjoni ċivili biss wara li l-membru affiljat għalaq is-sittin sena tiegħu, meta dan tal-aħħar u s-sieħeb ċivili tiegħu kienu fformaw unjoni tal-ħajja dejjiema qabel din id-data?

3)      Jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija fin-negattiv, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni kontra d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78/KE fil-każ li r-restrizzjonijiet għad-drittijiet dedotti minn skema ta’ pensjoni professjonali deskritti fl-ewwel u fit-tieni domanda iktar ’il fuq ikunu dovuti għall-effett konġunt tal-età u tal-orjentazzjoni sesswali ta’ membru affiljat f’din l-iskema?’’

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena, minkejja li d-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti lill-affiljat ikkonċernat jintrabat f’unjoni ċivili qabel ma laħaq dan il-limitu ta’ età, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.

31      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħar-Regola 5 tal-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li n-natura diskriminatorja tagħha qiegħda tiġi allegata, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

32      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din tapplika, fil-limiti tal-kompentenzi mogħtija lill-Unjoni, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga” (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Dansk Jurist- og Økonomforbund, C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 24).

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li pensjoni tas-superstiti prevista minn skema professjonali ta’ pensjonijiet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE. Rigward dan hija ppreċiżat li l-fatt li l-imsemmija pensjoni, mid-definizzjoni stess, ma tingħatax lill-ħaddiem, iżda lis-superstiti tiegħu, ma huwiex tali li jimmina din l-interpretazzjoni, peress li tali benefiċċju huwa vantaġġ li joriġina mill-affiljazzjoni tal-konjuġi tas-superstiti fl-iskema, b’tali mod li l-pensjoni hija akkwistata minn dan tal-aħħar fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-persuna li timpjega u l-imsemmi konjuġi u tingħatalu fuq il-bażi tal-impjieg tiegħu (ara s-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat jekk pensjoni tal-irtirar, li abbażi tagħha huwa kkalkolat, jekk ikun il-każ, il-benefiċċju tas-superstiti bħal fil-kawża prinċipali, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fost il-kriterji li hija qieset f’sitwazzjonijiet fejn intalbet tikklassifika skema ta’ pensjoni, huwa biss il-kriterju li jirriżulta mill-konstatazzjoni li l-pensjoni tal-irtirar tingħata lill-ħaddiem abbażi tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbtu mal-persuna li kienet timpjegah preċedentement, jiġifieri, il-kriterju tal-impjieg, ibbażat fuq il-kliem stess ta’ dan l-artikolu, li jista’ jkun determinanti (sentenza tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li għalkemm huwa minnu li dan il-kriterju ma jistax jitqies bħala esklużiv, peress li l-pensjonijiet imħallsa mill-iskemi legali ta’ sigurtà soċjali jistgħu, totalment jew parzjalment, jieħdu inkunsiderazzjoni r-remunerazzjoni ta’ attività, il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, ta’ organizzazzjoni tal-Istat, ta’ etika jew anki l-preokkupazzjonijiet ta’ natura finanzjarja li kellhom jew li seta’ kellhom rwol fit-tfassil ta’ skema mil-leġiżlatur nazzjonali ma jistgħux jieħdu preċedenza jekk il-pensjoni taffettwa biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, jekk hija direttament relatata mal-perijodu ta’ servizz mogħti u jekk l-ammont tagħha huwa kkalkolat abbażi tal-aħħar salarju (ara s-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għal dak li jirrigwarda l-iskema ta’ pensjoni professjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-imsemmija skema ma tapplikax għal kategoriji ġenerali ta’ ħaddiema, iżda tikkonċerna biss lill-ħaddiema impjegati mit-Trinity College jew, l-iktar, sa mill-2005, lill-ħaddiema impjegati mill-universitajiet, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-konvenuti fil-kawża prinċipali waqt is-seduta, b’tali mod li l-affiljazzjoni f’din l-istess skema tirriżulta neċessarjament mir-relazzjoni ta’ xogħol konkluża bejn tali ħaddiema u persuna li jimpjega partikolari.

37      Fit-tieni lok, l-iskema inkwistjoni ma hijiex irregolata minn liġi iżda minn regoli tagħha stess.

38      Fit-tielet lok, jidher li, għall-inqas sa matul is-sena 2005, l-iskema ta’ pensjoni professjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet iffinanzjata mit-Trinity College, b’tali mod li kienet tagħmel parti mill-vantaġġi li l-persuna li timpjega kienet toffri lill-ħaddiema.

39      Fl-aħħar lok, għal dak li jirrigwarda l-ammont tal-benefiċċju tas-superstiti, dan huwa kkalkolat abbażi tal-pensjoni tal-irtirar, li l-ammont tagħha huwa ekwivalenti għal żewġ terzi tal-aħħar salarju tal-affiljat.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-benefiċċju tas-superstiti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta mir-relazzjoni ta’ xogħol konkluża bejn D. L. Parris u l-persuna li kienet timpjegah u li hija għandha tiġi kklassifikata bħala “paga” fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE.

41      Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-fatt li l-fond ta’ pensjoni tat-Trinity College ġie ttrasferit, min dak iż-żmien lil hawn, lil awtorità nazzjonali, u li l-benefiċċji issa huma ffinanzjati mill-Istat Irlandiż, peress li, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat diversi drabi li, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk skema ta’ pensjoni taqax taħt il-kunċett ta’ “paga”, il-modalitajiet tal-finanzjament tagħha u l-amministrazzjoni tagħha ma humiex fattur deċiżiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 1994, Beune, C‑7/93, EU:C:1994:350, punt 38; tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C‑366/99, EU:C:2001:648, punt 37; tat-12 ta’ Settembru 2002, Niemi, C‑351/00, EU:C:2002:480, punt 43, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, EU:C:2009:198, punt 46).

42      Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

43      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u, konsegwentement, hija pprojbita mill-imsemmija direttiva.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li ma’ għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva, li fosthom tinsab, b’mod partikolari, l-orjentazzjoni sesswali.

45      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, din il-forma ta’ diskriminazzjoni sseħħ meta persuna tkun ittrattata b’mod inqas favorevoli minn dak li bih tkun ittrattata persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

46      Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-għoti tal-benefiċċju tas-superstiti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tagħtix lok li s-sieħeb superstiti jkollu dritt jibbenefika minn benefiċċju tas-superstiti ekwivalenti għal dak mogħti lil konjuġi superstiti, minkejja li, fid-dritt nazzjonali, l-unjoni tal-ħajja dewwiema tqiegħed lill-persuni tal-istess sess f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-konjuġi għal dak li jikkonċerna l-imsemmi benefiċċju tas-superstiti, għandha titqies li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, fis-sens tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punti 72 u 73).

47      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fid-19 ta’ Lulju 2010 ġiet adottata fl-Irlanda l-liġi dwar l-unjonijiet ċivili u li mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2011, ir-Regola 5 tal-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi l-għoti tal-benefiċċju tas-superstiti kemm lill-konjuġi superstiti tal-affiljati kif ukoll lis-sħab ċivili superstiti tal-affiljati.

48      Mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-għoti ta’ tali benefiċċju huwa suġġett, kemm għall-konjuġi kif ukoll għas-sħab ċivili superstiti, għall-kundizzjoni li ż-żwieġ jew l-unjoni ċivili jkunu ġew konklużi qabel is-60 sena tal-affiljat.

49      Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, kundizzjoni għall-affiljazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirreferix direttament għall-orjentazzjoni sesswali tal-ħaddiem. Bil-kontra, din hija fformulata b’mod newtrali u, barra minn hekk, tikkonċerna lill-ħaddiema omosesswali bl-istess mod bħal dawk eterosesswali, u teskludi, mingħajr ebda distinzjoni, lis-sħab tagħhom mill-benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti meta ż-żwieġ jew l-unjoni ċivili ma jkunux ġew konklużi qabel ma l-ħaddiem ikun għalaq is-60 sena.

50      Minn dan jirriżulta li s-sħab ċivili superstiti ma humiex ittrattati b’mod inqas favorevoli mill-konjuġi superstiti għal dak li jikkonċerna l-benefiċċju tas-superstiti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar dan il-benefiċċju ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.

51      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li sseħħ diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra ħlief meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi sabiex jintlaħqu jkunu xierqa u neċessarji.

52      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-għoti tal-benefiċċju tas-superstiti għas-sħab ċivili u l-konjuġi superstiti tal-affiljati fl-iskema ta’ pensjoni professjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili jew iż-żwieġ ikun ġie konkluż qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena.

53      Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fl-1 ta’ Jannar 2011, data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar l-unjonijiet ċivili, D. L. Parris kellu 64 sena, u li, f’din id-data, huwa kien diġà irtira, b’tali mod li d-drittijiet għal pensjoni li dan tal-aħħar kien stabbilixxa għalih innifsu kif ukoll għal eventwali konjuġi jew sieħeb superstiti tiegħu jirrigwardaw perijodu ta’ attività professjonali li twettaq kollu kemm hu qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi. Mill-imsemmi fajl jirriżulta wkoll li l-unjoni ċivili li D. L. Parris kien ikkonkluda fir-Renju Unit, fil‑21 ta’ April 2009, meta huwa kellu 63 sena, ġiet irrikonoxxuta fl-Irlanda biss b’effett mit-12 ta’ Jannar 2011.

54      Għaldaqstant ma huwiex ikkontestat li fid-data li fiha D. L. Parris irtira, jiġifieri fil-31 ta’ Diċembru 2010, huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli sabiex jingħata lok għad-dritt għall-benefiċċju tas-superstiti inkwistjoni fil-kawża prinċipali lis-sieħeb ċivili tiegħu, peress li l-unjoni ċivili li kienet ġiet konkluża fir-Renju Unit kienet għadha ma hijiex rikonoxxuta fl-Irlanda, u, fi kwalunkwe każ, anki li kieku kienet rikonoxxuta, tali unjoni ma setgħetx tkun il-bażi tad-dritt għal tali benefiċċju, peress li kienet ġiet konkluża wara li l-affiljat għalaq 60 sena.

55      Madankollu, D. L. Parris iqis li l-kundizzjoni msemmija fil-punt 52 tas-sentenza preżenti taffettwa b’mod żvantaġġuż lill-ħaddiema omosesswali li kienu għalqu diġà s-60 sena fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar l-unjonijiet ċivili, jiġifieri l-ħaddiema omosesswali mwielda qabel l-1951, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali nnifsu, u li, għaldaqstant, din il-kundizzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta kontra omosesswali li jinsabu f’tali ċirkustanzi, li tirriżulta mill-fatt li huwa impossibbli għalihom li jissodisfaw l-imsemmija kundizzjoni.

56      Madankollu, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-impossibbiltà għal D. L. Parris li jissodisfa tali kundizzjoni hija konsegwenza, minn naħa, tal-istat tad-dritt eżistenti fl-Irlanda fid-data meta huwa għalaq is-60 sena, b’mod partikolari, tal-assenza f’dak iż-żmien, ta’ liġi li tirrikonoxxi kwalunkwe forma ta’ unjoni ċivili ta’ koppja omosesswali, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-assenza, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-benefiċċju tas-superstiti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji għall-affiljati omosesswali mwielda qabel l‑1951.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-premessa 22 tad-Direttiva 2000/78 tipprevedi espliċitament li din hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili u d-drittijiet li jiddependu minnhom.

58      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-istat ċivili u l-benefiċċji li jirriżultaw minnhom huma oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, u li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax din il-kompetenza. Madankollu, l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju tal-imsemmija kompetenza, jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (ara s-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 59).

59      Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jipprevedu jew le ż-żwieġ għal persuni tal-istess sess jew forma alternattiva ta’ rikonoxximent legali tar-relazzjoni tagħhom, kif ukoll, skont il-każ, li jipprevedu d-data li minnha tali żwieġ jew tali forma alternattiva għandhom jipproduċu l-effetti tagħhom.

60      Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-Direttiva 2000/78, la kien jobbliga lill-Irlanda sabiex tipprevedi, qabel l‑1 ta’ Jannar 2011, iż-żwieġ jew forma ta’ unjoni ċivili għall-koppji omosesswali, u lanqas sabiex tagħti effetti retroattivi lil-liġi dwar l-unjonijiet ċivili kif ukoll lid-dispożizzjonijiet adottati b’applikazzjoni ta’ din il-liġi, u lanqas, għal dak li jikkonċerna l-benefiċċju tas-superstiti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tipprevedi miżuri tranżitorji għall-koppji tal-istess sess fejn l-affiljat ikun diġà għalaq is-60 sena fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma toħloqx diskriminazzjoni indiretta abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, fis-sens imsemmi fil-punt 55 tas-sentenza preżenti.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena, minkejja li d-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti lill-affiljat ikkonċernat jintrabat f’unjoni ċivili qabel ma laħaq dan il-limitu ta’ età, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.

 Fuq it-tieni domanda

63      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2 u 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena minkejja li d-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti lill-affiljat ikkonċernat jikkonkludi unjoni ċivili qabel ma laħaq dan il-limitu ta’ età, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

64      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża tikkostitwixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jiġi mifhum bħala l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva li fosthom tidher l-età. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu (1) tal-istess artikolu, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli hija, kienet jew ser tkun ittrattata persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

66      Fil-każ ineżami, ir-Regola 5 tal-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrikonoxxi biss il-benefiċċju tas-superstiti lill-konjupi u lis-sħab ċivili superstiti tal-affiljati li kkonkludew iż-żwieġ jew l-unjoni ċivili qabel ma għalqu s-60 sena.

67      Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni tagħti trattament inqas favorevoli lill-affiljati li żżewġu jew ikkonkludew unjoni ċivili wara li għalqu s-60 sena minn dawk li żżewġu jew li kkonkludew tali unjoni ċivili qabel ma għalqu s-60 sena.

68      Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq il-kriterju tal-età.

69      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk tali differenza fit-trattament tistax madankollu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78.

70      Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu, minkejja l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva “illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess”.

71      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 huwa intiż li japplika biss għall-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali li jkopru r-riskju ta’ xjuħija u ta’ invalidità u huma intiżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mhux l-elementi kollha li jikkaratterizzaw skema professjonali ta’ sigurtà soċjali li tkopri tali riskji, iżda biss dawk li huma espressament imsemmija fiha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Lesar, C‑159/15, EU:C:2016:451, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan il-każ, il-benefiċċju tas-superstiti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi forma ta’ pensjoni tax-xjuħija.

73      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-każijiet koperti mill-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri l-“iffissar […] ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar” fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78.

74      F’dan ir-rigward, billi tissuġġetta l-kisba tad-dritt għall-għoti ta’ benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-affiljat ikun iżżewweġ jew ikkonkluda unjoni ċivili qabel is-60 sena, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi biss limitu ta’ età sabiex jingħata lok għad-dritt għal dan il-benefiċċju. Fi kliem ieħor, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiffissa età sabiex wieħed ikollu aċċess għall-benefiċċju tas-superstiti li jirriżulta mill-iskema ta’ pensjoni kkonċernata.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-Regola 5 ta’ din l-iskema ta’ pensjoni tiffissa età għall-intitolament ta’ benefiċċju tax-xjuħija, u li, għaldaqstant, tali dispożizzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78.

76      Minn dan isegwi li d-differenza fit-trattament abbażi tal-età stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

77      Il-fatt li kien legalment impossibbli għall-affiljat fl-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jikkonkludi unjoni ċivili qabel ma għalaq is-60 sena, ma jbiddel bl-ebda mod il-konklużjoni preċedenti, peress li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 56 tas-sentenza preżenti, tali impossibbiltà tirriżulta mill-fatt li, meta huwa għalaq is-60 sena, id-dritt nazzjonali ma kien jipprevedi ebda forma ta’ unjoni ċivili għall-koppji omosesswali. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 57 sa 60 tas-sentenza, id-dritt tal-Unjoni ma kienx jipprekludi dan l-istat tad-dritt nazzjonali.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 2 u 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena minkejja li d-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti lill-affiljat ikkonċernat jikkonkludi unjoni ċivili qabel ma laħaq dan il-limitu ta’ età, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

 Fuq it-tielet domanda

79      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2 u 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-effett tal-kombinazzjoni flimkien tal-orjentazzjoni sesswali u tal-età, minkejja li din il-leġiżlazzjoni la tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali u lanqas minħabba l-età, meta meħuda b’mod iżolat.

80      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li diskriminazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq diversi raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, ma teżisti madankollu ebda kategorija ġdida ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-kombinazzjoni flimkien ta’ diversi minn dawn il-motivi bħall-orjentazzjoni sesswali u l-età, li l-konstatazzjoni tagħhom tista’ sseħħ, meta d-diskriminazzjoni minħabba l-imsemmija raġunijiet ma tkunx ġiet stabbilita meta meqjusa b’mod iżolat.

81      Konsegwentement, meta dispożizzjoni nazzjonali la tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u lanqas diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, tali dispożizzjoni ma tistax tistabbilixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-kombinazzjoni flimkien ta’ dawn iż-żewġ fatturi.

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 2 u 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-effett tal-kombinazzjoni flimkien tal-orjentazzjoni sesswali u tal-età, meta l-imsemmija leġiżlazzjoni la tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali u lanqas minħabba l-età, meta meqjusa b’mod iżolat.

 Fuq l-ispejjeż

83      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena, minkejja li d-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti lill-affiljat ikkonċernat jikkonkludi unjoni ċivili qabel ma laħaq dan il-limitu ta’ età, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.

2)      L-Artikoli 2 u 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena minkejja li d-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti lill-affiljat ikkonċernat jikkonkludi unjoni ċivili qabel ma laħaq dan il-limitu ta’ età, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

3)      L-Artikoli 2 u 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-effett tal-kombinazzjoni flimkien tal-orjentazzjoni sesswali u tal-età, meta l-imsemmija leġiżlazzjoni la tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali u lanqas minħabba l-età, meta meqjusa b’mod iżolat.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.