Language of document : ECLI:EU:C:2008:561

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fl-14 ta’ Ottubru 2008 1(1)

Kawża C‑318/07

Hein Persche

vs

Finanzamt Lüdenscheid

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq id-dħul – Tnaqqis ta’ donazzjonijiet in natura lil korpi li għandhom għanijiet ta’ interess ġenerali u li jkollhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor – Kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju nazzjonali”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment qed tiġi mistoqsija dwar il-kwistjoni jekk donazzjoni in natura, mogħtija minn resident ta’ Stat Membru lil korp (2) barrani ta’ interess ġenerali fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, taqax taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital u, jekk dan huwa l-każ, jekk l-Istat Membru tar-residenza tad-donatur jistax, mingħajr ma jikser l-Artikoli 56 u 58 KE, jissuġġetta t-tnaqqis fiskali ta’ donazzjoni tali għall-kundizzjoni li dan ikun sar favur korp li jinsab fit-territorju tiegħu.

2.        Din id-domanda ġiet ippreżentata mill-Bundesfinanzhof fil-kuntest ta’ kawża bejn Hein Persche u l-Finanzamt Lüdenscheid (Ċentru tat-taxxa ta’ Lüdenscheid, iktar ’il quddiem, il-“Finanzamt”) dwar it-tnaqqis għall-finijiet ta’ taxxa ta’ donazzjoni in natura mogħti għall-benefiċċju ta’ korp, li huwa stabbilit fil-Portugall u li huwa rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali f’dak l-Istat Membru, fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għas-sena 2003.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

3.        Skont l-Artikolu 56(1) KE, kull restrizzjoni għall-moviment ta’ kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi hija pprojbita.

4.        L-Artikolu 58(1) KE jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:

a) li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit;

b) li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali u fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji, [...] jew li jieħdu miżuri li jkunu ġustifikabbli minħabba fl-interess pubbliku jew s-sigurtà pubblika”.

5.        L-Artikolu 58(3) KE jipprovdi li l-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif iddefinit fl-Artikolu 56 KE.

6.        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (3), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar sistema ġenerali dwar iż-żamma, iċ-ċirkolazzjoni u l-kontrolli tal-prodotti suġġetti għal dazji, fil-verżjoni applikabbli għall-fatt fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 77/799”) (4), jipprovdi:

“B’mod koformi mad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jibdlu kull informazzjoni li tista' tippermettilhom li jagħmlu stima korretta ta’ taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital”.

7.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 77/799 jgħid:

“1. L-awtorità kompetenti ta’ xi Stat Membru tista’ titlob lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tibgħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) f’xi każ partikolari. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat mitlub m’għandhiex għalfejn tikkonforma mat-talba jekk jidher li l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat li jagħmel it-talba ma tkunx eżawriet is-sorsi tas-soltu tagħha ta’ l-informazzjoni, li hi setgħet utilizzat, skond iċ-ċirkostanzi, biex tikseb l-informazzjoni mitluba mingħajr ma tinkorri r-riskju li tipperikola l-ksib tar-riżultat li tkun qed tfittex.

2. Għall-fini li tkun mibgħuta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru mitlub għandha tirranġa t-tmexxija sabiex isiru l-inkjesti meħtieġa biex tinkiseb dik l-informazzjoni.”

8.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 77/799 jgħid:

“1. Din id-Direttiva m’għandha timponi l-ebda obbligazzjoni sabiex isiru inkjesti jew li tingħata informazzjoni jekk l-Istat Membru, li għandu jagħti l-informazzjoni, ikun miżmum mil-liġijiet tiegħu jew mill-prassi amministrattivi milli jagħmel dawn l-inkjesti jew milli jiġbor jew juża din l-informazzjoni għall-għanijiet tiegħu.

[…]

3. L-awtorità kompetenti ta’ xi Stat Membru tista’ tirrifjuta li tagħti informazzjoni meta l-Istat interessat ma jkunx kapaċi, għal raġunijiet prattiċi jew legali, li jipprovdi informazzjoni simili.”

B –    Il-liġi fiskali Ġermaniża dwar l-intaxxar tad-dħul ta’ persuni fiżiċi

9.        Skont l-Artikolu 10b(1) tal-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz jew l-“EStG”), il-persuni taxxabbli jistgħu jnaqqsu mit-total tad-dħul tagħhom, fuq il-bażi ta’ spejjeż eċċezzjonali li jistgħu jitnaqqsu u fi ħdan ċerti limiti, il-ħlasijiet li jsiru favur opri ta’ natura filantropika, kulturali, reliġjuża, xjentifika jew opri rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, dan jgħodd ukoll għad-donazzjonijiet in natura.

10.      Skont l-Artikolu 49 tar-regolament ta’ applikazzjoni tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuer-Durchführungsverordnung, iktar ’il quddiem, l-“EStDV”), it-tnaqqis fiskali huwa limitat għal donazzjonijiet li l-benefiċjarju tagħhom ikun jew persuna ġuridika nazzjonali taħt id-dritt pubbliku jew servizz pubbliku nazzjonali, jew inkella persuna ġuridika, grupp ta’ persuni jew patrimonju fis-sens tal-Artikolu 5(1)(9) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz, iktar ’il quddiem, il-“KStG”). Din l-aħħar dispożizzjoni tiddefinixxi l-persuni ġuridiċi, gruppi ta’ persuni u patrimonji (iktar ’il quddiem, il-“korpi”) li huma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri dawk li, skont l-istatut tagħhom u meta titqies il-ġestjoni effettiva tagħhom, isegwu esklużivament u direttament għanijiet ta’ interess ġenerali, filantropiċi jew kulturali. Madankollu, din l-eżenzjoni tapplika biss għall-korpi stabbiliti fit-territorju Ġermaniż skont it-termini tal-Artikolu 5(2)(2) tal-KStG.

11.      Skont l-Artikolu 50(1) tal-EStDV, id-donazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 10b tal-EStG – suġġett għad-dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għad-donazzjonijiet b’valur massimu ta’ EUR 100 – ma jistgħux jitnaqqsu għall-finijiet ta’ taxxa ħlief jekk tiġi ppreżentata formola amministrattiva mimlija mill-korp benefiċjarju.

12.      Fil-kuntest tal-intaxxar tad-donatur abbażi tat-taxxa fuq id-dħul, l-imsemmija formola tikkostitwixxi prova suffiċjenti li l-benefiċjarju tad-donazzjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mil-liġi. Għaldaqstant mhuwiex l-obbligu tal-amministrazzjoni fiskali tad-donatur biex tikkontrolla jekk il-korp benefiċjarju jissodisfax il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għall-vantaġġi fiskali.

13.      L-Artikoli 51 sa 68 tal-kodiċi ġenerali Ġermaniż tat-taxxa (Abgabenordnung, iktar ’il quddiem, l-“AO”) jiddefinixxu l-għanijiet li korp għandu jsegwi u l-mod kif dawk l-għanijiet għandhom jiġu segwiti biex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni fiskali.

14.      Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) u (2)(2) tal-AO jipprovdi li korp għandu għan ta’ interess ġenerali meta l-attività tiegħu tkun intiża biex tippromwovi l-interessi kollettivi, inter alia billi tipprovdi għajnuna għat-tfal u għall-anzjani. Skont l-Artikolu 55 tal-AO, il-korp għandu jaġixxi b’mod diżinteressat, li jfisser, pereżempju, li huwa għandu juża l-mezzi tagħha b’mod tempestiv u esklużivament għall-finijiet li huma fiskalment ivvantaġġati u mhux fl-interessi tal-membri tiegħu. Skont l-Artikolu 59 tal-AO, tali korp jista’ jibbenefika mill-vantaġġ fiskali kkontestat biss jekk l-istatuti tagħha jkunu juru li hija ssegwi esklużivament u direttament għanijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikoli 52 sa 55 tal-AO.

15.      Skont l-Artikoli 193 et seq tal-AO, il-kwistjoni dwar jekk korp huwiex effettivament ġestia skont l-istatuti tagħha u jekk il-mezzi tagħha humiex użati b’mod diżinteressat u b’mod tempestiv, tista’ tiġi vverifikata permezz ta’ kontroll fuq il-post. Jekk il-korp ikun iissodisfa l-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għall-eżenzjoni fiskali, huwa għandu dritt joħroġ irċevuti għad-donazzjonijiet li jsirulu, billi juża l-formola amministrattiva msemmija qabel.

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.      Fid-dikjarazzjoni tad-dħul tiegħu għas-sena 2003, H. Persche talab it-tnaqqis, fuq il-bażi ta’ spejjeż eċċezzjonali li jistgħu jitnaqqsu, ta’ donazzjoni in natura ta’ bjankerija tas-sodda u tal-kamra tal-banju, kif ukoll walkers u karrozzi żgħar għat-tfal. Din id-donazzjoni ngħatat lis-Centro Popular de Lagoa (il-Portugall, iktar ’il quddiem, is-“Centro Popular”) għal valur totali ta’ EUR 18 180. Ma ġiex ippreċiżat minn fejn ir-rikorrent kiseb u ħallas għall-oġġetti msemmija. Is-Centro Popular hija dar għall-anzjani li magħha hemm ukoll ċentru għat-tfal, li jinsab f’lokalità fejn ir-rikorrent għandu proprjetà li huwa juża personalment kull sena.

17.      Ir-rikorrent hemeż mad-dikjarazzjoni fiskali tiegħu dokument li permezz tiegħu s-Centro Popular ikkonferma li kien irċieva din id-donazzjoni, kif ukoll dikjarazzjoni tad-Direttur taċ-Ċentru Lokali għas-Solidarjetà u s-Sigurtà Soċjali ta’ Faro (il-Portugall), tal-21 ta’ Marzu 2001, li tiċċertifika li s-Centro Popular kien ġie rreġistrat fl-1982 mad-Direttorat Ġenerali tal-Ħarsien Soċjali bħala korp privat tas-solidarjetà soċjali, u li fuq din il-bażi jgawdi mill-eżenzjonijiet u l-vantaġġi fiskali kollha li l-liġi Portugiża tagħti lill-korpi rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali. Skont ir-rikorrent, l-irċevuta oriġinali tad-donazzjoni hija biżżejjed taħt il-liġi Portugiża biex tagħti dritt għal tnaqqis fiskali.

18.      Il-Finanzamt irrifjuta t-tnaqqis mitlub fl-evalwazzjoni tat-taxxa li ħareġ fl-2003. Huwa ċaħad ukoll, bħala infondata, il-kontestazzjoni li saret kontra dik l-evalwazzjoni mir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Ir-rikors li dan tal-aħħar ippreżenta quddiem il-Finanzgericht Münster ukoll ġie miċħud. Sussegwentement, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għal “reviżjoni” quddiem il-Bundesfinanzhof.

19.      Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, din il-qorti osservat li l-Finanzamt kien messu rrifjuta t-tnaqqis tad-donazzjoni inkwistjoni għal żewġ raġunijiet: li l-benefiċjarju tad-donazzjoni ma kienx stabbilit fil-Ġermanja u li l-persuna taxxabbli ma ppreżentatx irċevuta ta’ dak id-donazzjoni skont il-forma prevista mill-AO. L-imsemmija qorti madankollu tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk donazzjoni in natura li tkun fil-forma ta’ prodotti għall-użu ta’ kuljum taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 56 KE sa 58 KE u, jekk dan ikun il-każ, jekk dawn l-Artikoli jipprekludux li Stat Membru jippermetti t-tnaqqis ta’ donazzjoni tali għall-finijiet ta’ taxxa biss jekk il-benefiċjarju huwa stabbilit fuq it-territorju nazzjonali.

20.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (5), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li huwa fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri li jiddeċiedu liema huma l-interessi kollettivi li jixtiequ jippromwovu permezz ta’ vantaġġi fiskali. Madankollu, il-qorti a quo tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx l-argument imressaq mill-qorti tar-rinviju f’dik il-kawża – awla oħra tal-istess Bundesfinanzhof – li jgħid li l-promozzjoni tal-interessi kollettivi fis-sens tal-Artikolu 52 tal-AO ma timplikax li dawk il-miżuri ta’ promozzjoni għandhom jiffavorixxu liċ-ċittadini jew residenti Ġermaniżi. Madankollu, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tindika li, taħt il-liġi Ġermaniża, dak l-argument ser jiġi diskuss.

21.      Il-qorti tar-rinviju sussegwentement tfakkar li, fil-punt 49 tas-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li Stat Membru ma jistax jinvoka n-neċessità li jwettaq kontrolli fiskali biex jirrifjuta l-għoti ta’ eżenzjoni lil persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor inkwantu l-ewwel Stat Membru jista’ dejjem jeżiġi minn dik il-persuna taxxabbli li tipprovdi l-evidenza meħtieġa. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht, il-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem it-taxxa jipprojbixxi li t-taxxa tiġi kkwantifikata biss fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni u indikazzjonijiet ipprovduti mill-persuna taxxabbli, iżda jeħtieġ li l-proċedura ta’ dikjarazzjoni tkun tista’ tiġi kkompletata b’verifiki fuq il-post.

22.      F’dan il-kuntest, il-qorti a quo ssaqsi, minn naħa waħda, jekk l-għajnuna reċiproka li tirriżulta mid-Direttiva 77/799 tistax iġġiegħel lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-korp inkwistjoni biex iwettqu verifika fuq il-post u, min-naħa l-oħra, anki jekk dak huwa possibbli, jekk imurx kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità li l-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi jkunu rikjesti jwettqu kontrolli tali sabiex jiddeterminaw it-tnaqqis fiskali ta’ kwalunkwe donazzjoni mogħtija lil tali korp, irrispettivament mill-valur tagħha.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-donazzjonijiet in natura, magħmula minn ċittadin ta’ Stat Membru, li jkunu jikkonsistu f’prodotti għall-użu ta’ kuljum lil korpi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor u li huma rrikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali skont id-dritt ta’ dan il-pajjiż għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapitali (Artikolu 56 KE)?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tagħti vantaġġ fiskali fir-rigward tad-donazzjonijiet lil korpi [rikonoxxuti] li huma ta’ interess ġenerali biss jekk dawn tal-aħħar għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapitali (Artikolu 56 KE), meta jittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-obbligu li l-amministrazzjoni fiskali għandha li tivverifika d-dikjarazzjonijiet tal-persuni taxxabbli u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 KE)?

3)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda, id-Direttiva 77/799/KEE għandha tiġi kkunsidrata bħala li tobbliga lill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru sabiex tirrikorri għall-għajnuna ta’ Stat Membru ieħor sabiex tistabbilixxi l-fatti fuq sitwazzjoni li toriġina minn dan l-aħħar Stat Membru jew inkella jekk huwiex possibbli li r-regoli proċedurali tal-Istat Membru tal-persuna taxxabbli jeżiġux li din il-persuna taxxabbli jkollha l-oneru tal-prova fir-rigward ta’ fatti li seħħew barra minn pajjiżha (oneru tal-prova)?

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.      Skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Greċja, tal-Irlanda u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-partijiet kif ukoll il-Finanzamt u l-Gvern Spanjol instemgħu fit-trattazzjonijiet tagħhom matul is-seduta li saret fis-17 ta’ Ġunju 2008.

V –    Analiżi

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

25.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk donazzjoni in natura mogħtija minn persuna fiżika, residenti ta’ Stat Membru, favur korp li tkun jinsab fi Stat Membru ieħor, tistax tikkostitwixxi moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE.

26.      Il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA jipproponu li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda.

27.      Min-naħa l-oħra, skont il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, id-donazzjonijiet in natura transkonfinali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 KE. Għal dawk il-gvernijiet, dan l-artikolu jirrigwarda biss il-moviment ta’ kapital li jsir fit-twettiq ta’ attività ekonomika jew waqt li jkun qiegħed jiġi segwit għan ekonomiku. Huma jsostnu li dawn jikkonsistu f’moviment ta’ kapital li jsir għal finijiet ta’ “investiment” jew “impostament”. Dawn il-gvernijiet iżidu jgħidu li n-nomenklatura annessa mad-Direttiva tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (6) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 88/361”), li ġiet abrogata bit-Trattat ta’ Amsterdam, hija biss ta’ natura indikattiva u mhijiex vinkolanti u, fi kwalunkwe każ, il-punt XI tagħha, bit-titolu “movimenti ta’ kapital personali”, jikkonċerna biss relazzjonijiet bejn persuni fiżiċi. Barra minn dan, skont il-Gvern tal-Irlanda, huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li donazzjonijiet oħra li mhumiex donazzjonijiet fi flus kienu previsti matul l-adozzjoni tal-Anness I tad-Direttiva 88/361. Fl-aħħar nett, il-Gvern Grieg isostni li trasferiment ta’ prodotti għall-użu ta’ kuljum, li mhumiex mezzi ta’ ħlas u li ma jsirux għal finijiet ta’ investiment, jaqgħu esklużivament taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

28.      Ma nistax naqbel mal-argument imressaq mill-gvernijiet intervenjenti.

29.      Huwa tabilħaqq veru li t-Trattat ma jagħti ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ moviment ta’ kapital. Huwa daqstant minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-movimenti ta’ kapital imsemmija fl-Artikolu 67 tat-Trattat KEE (li, wara l-emenda, sar l-Artikolu 73 B tat-Trattat KE, u sussegwentement sar l-Artikolu 56 KE) huma operazzjonijiet finanzjarji li essenzjalment jikkonċernaw l-impostament jew l-investiment tal-ammont inkwistjoni u mhux ir-remunerazzjoni ta’ prestazzjoni (7).

30.      Madankollu għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jagħtu x’jifhmu l-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, din id-definizzjoni ma teħtieġx li kull operazzjoni finanzjarja transkonfinali għandha esklużivament ikollha għanijiet ta’ investiment jew ta’ impostament biex tiġi kkwalifikata bħala moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE. Din id-definizzjoni ma tippretendix li tkopri l-operazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment ta’ kapital. Din id-definizzjoni hija pjuttost intiża, fil-kuntest li fih kienet ingħatat, sabiex tidentifika meta trasferiment ta’ valuri ma jkunx jikkostitwixxi moviment ta’ kapital iżda ħlas kurrenti, jiġifieri l-kontroparti ta’ tranżazzjoni fil-qasam tal-iskambji ta’ merkanzija u servizzi (8), ipoteżi li fi kwalunkwe każ hija eskluża meta tingħata donazzjoni in natura bħal dik fil-kawża prinċipali.

31.      Dan premess, kemm id-Direttiva 88/361 kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jindikaw, fil-fehma tiegħi, li d-donazzjonijiet in natura li jingħataw bejn żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi residenti jew stabbiliti fi Stati Membri differenti għandhom jitqiesu bħala moviment ta’ kapital.

32.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja regolarment tagħmel referenza għan-nomenklatura annessa mad-Direttiva 88/361 biex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-moviment liberu tal-kapital, waqt li għandu jinftiehem li dik in-nomenklatura żżomm il-valur indikattiv tagħha biex tiddefinixxi l-kunċett ta’ movimenti ta’ kapital u li l-lista li hija tagħti mhijiex ta’ natura eżawrjenti (9). Huwa stabbilit li l-imsemmija nomenklatura tipprevedi, fis-sezzjoni XI, punt B tagħha, li r-rigali [d-donazzjonijiet] u l-iddottar [l-għotjiet], bl-istess mod bħal, pereżempju, is-suċċessjonijiet u l-legati, imsemmija fil-punt D tal-imsemmija sezzjoni, huma movimenti ta’ kapital li għandhom jiġu kklassifikati fil-kategjorija ta’ “movimenti ta’ kapital personali”.

33.      Bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jirriżultax, la mid-diċitura tas-sezzjoni XI u lanqas mill-ispirtu tagħha, li l-movimenti ta’ kapital li għalihom tirreferi dik is-sezzjoni jinkludu biss tranżazzjonijiet finanzjarji bejn persuni fiżiċi u/jew tranżazzjonijiet fi flus.

34.      Fir-rigward tal-ewwel punt, jien inqis li s-sempliċi “natura personali” tat-tranżazzjonijiet li huma elenkati fis-sezzjoni XI ma twassalx għall-konsegwenza li l-operazzjonijiet biss konklużi bejn persuni fiżiċi huma koperti minn din is-sezzjoni. Qabel kollox, huwa diffiċli biex wieħed jifhem il-limitazzjoni b’dan il-mod tal-portata tal-movimenti ta’ kapital elenkati fis-sezzjoni XI. Fil-fatt, pereżempju, huwa diffiċli li wieħed jammetti li r-regolazzjoni tad-djun minn immigranti fil-pajjiż ta’ residenza preċedenti tagħhom, operazzjoni inkluża fl-imsemmi titolu bl-istess mod bħad-donazzjonijiet, ma tistax tħaddan tali regolazzjoni favur persuni ġuridiċi. Barra minn hekk, jidher li huwa kemxejn kontradittorju li wieħed jafferma, kif jagħmlu l-maġġoranza tal-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-movimenti ta’ kapital jinkludu biss operazzjonijiet li għandhom skop purament ekonomiku, waqt li fl-istess ħin wieħed jallega li fost l-operazzjonijiet ta’ natura personali, huma biss dawk konklużi bejn persuni fiżiċi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital.

35.      B’mod ġenerali, tali limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ natura personali hija diffiċilment rikonċiljabbli man-natura stess tal-moviment liberu tal-kapital li hija libertà msejsa fuq is-suġġett tat-tranżazzjonijiet iktar milli fuq il-kwalità tal-persuni li jwettquhom (10). Hija wkoll mingħajr dubju r-raġuni għalfejn ebda wieħed mill-gvernijiet intervenjenti ma jikkontesta l-fatt li dik il-libertà tista’ tapplika f’kuntest fejn il-benefiċjarju tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri Centro Popular, ma jkollux għan ta’ qligħ. Barra minn hekk, ikun diffiċli li wieħed jipproċedi b’mod differenti, fid-dawl tas-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-applikabbiltà tal-moviment liberu tal-kapital għal operazzjonijiet imwettqa minn fondazzjoni ta’ interess ġenerali li ma jkollha ebda għan ta’ qligħ.

36.      Fir-rigward tat-tieni punt, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat f’diversi okkażjonijiet li s-suċċessjonijiet, imsemmija fil-punt D tas-sezzjoni XI iċċitata iktar ’il fuq, jikkostitwixxu movimenti ta’ kapital (kemm-il darba l-elementi kostitwenti tagħhom ma jkunux ristretti fi ħdan Stat Membru wieħed biss), mingħajr ma tistabbilixxi distinzjoni, mill-perspettiva tal-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawk l-operazzjonijiet, skont jekk il-patrimonju tat-testatur ikunx jikkonsisti f’beni mobbli jew monetarji u/jew beni immobbli (11). Fis-sentenza van Hilten-van der Heijden, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk espressament tat definizzjoni materjali wiesgħa tat-terminu “suċċessjoni” billi ppreċiżat li tali tranżazzjoni kkonsistiet fit-“trasferiment lill-werrieta [mill-mejjet] tad-dritt ta’ proprjetà ta’ diversi beni, drittijiet, eċċ., li minnhom ikun jikkonsisti [il-] patrimonju [ta’ din il-persuna mejta]” (12).

37.      Jidher li huwa diffiċli li wieħed jikkonċepixxi għalfejn għandu jkun differenti fir-rigward tal-kunċett ta’ “rigali” [donazzjonijiet], imsemmi fl-Anness I tad-Direttiva 88/361, sezzjoni XI, punt B.

38.      B’mod definittiv, bħal fil-każ tas-suċċessjonijiet, id-donazzjonijiet jikkonsistu fit-trażmissjoni, b’titolu gratwit, tad-dritt ta’ proprjetà fuq beni lil terzi, indipendentement minn jekk dawk il-beni jkunux mobbli jew immobbli. Il-fatt li, fil-kawża prinċipali, id-donazzjoni saret fil-forma ta’ prodotti għall-użu ta’ kuljum jikkostitwixxi biss mod ta’ ħlas, mingħajr ma jaffettwa r-realtà tat-trasferiment tal-proprjetà tal-beni jew ta’ parti mill-patrimonju tad-donatur (13).

39.      Jekk dan għandu jkun, fil-fehma tiegħi, il-kunċett aċċettat ta’ rigali [donazzjonijiet], imsemmi fil-punt B tar-rubrika XI, iċċitata iktar ’il fuq, jiena nikkonkludi li ma jeżisti ebda ostakolu biex id-donazzjonijiet in natura jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu movimenti ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE kemm-il darba l-elementi kostitwenti tagħhom ma jkunux ristretti fi ħdan Stat Membru wieħed biss, bl-istess mod kif ikkunsidrat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tas-suċċessjonijiet u tal-legati.

40.      Peress li ġiet ippruvata l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 KE, l-argument tal-Gvern Grieg, li skontu d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija jistgħu jkunu rilevanti, għandu għalhekk jiġi miċħud (14). Huwa biżżejjed li jingħad f’dan ir-rigward li l-fatt li jagħti lok għar-restrizzjoni nazzjonali ddenunzjata minn Persche fil-kawża prinċipali huwa l-ħlas ta’ donazzjoni lil korp ta’ interess ġenerali, li jinsab barra mit-territorju Ġermaniż (15), u mhux l-esportazzjoni tal-prodotti għall-użu ta’ kuljum li huma s-suġġett tad-donazzjoni inkwistjoni (16).

41.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nissuġġerixxi li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fis-sens li d-donazzjonijiet mogħtija minn ċittadin ta’ Stat Membru, fil-forma ta’ prodotti għall-użu ta’ kuljum, favur korp li jkollu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor u li skont il-liġi ta’ dan l-aħħar Stat Membru, huwa rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali, jikkostitwixxu moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

42.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva tnaqqis fiskali għad-donazzjonijiet mogħtija lil korpi ta’ interess ġenerali li jkollhom is-sede tagħhom fit-territorju nazzjonali, meta jitqies b’mod partikolari l-fatt li l-amministrazzjoni fiskali għandha tkun tista’ tivverifika d-dikjarazzjonijiet tal-persuna taxxabbli, u li hija ma tistax tkun obbligata li taġixxi bi ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

43.      Għaldaqstant, il-kwistjoni essenzjalment hija jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital u, f’dik l-ipoteżi, jekk dik ir-restrizzjoni tistax madankollu titqies bħala kompatibbli ma’ tali libertà peress li tirrigwarda sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament komparabbli jew għaliex hija ġġustifikata għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (17).

1.      Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-movimenti tal-kapital

44.      Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-taxxi diretti jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jeżerċitaw dik il-kompetenza skont id-dritt Komunitarju (18).

45.      Skont it-termini tal-Artikolu 56 KE, ir-restrizzjonijiet kollha tal-movimenti ta’ kapital bejn l-Istati Membri huma pprojbiti. Jikkostitwixxu wkoll restrizzjonijiet tal-movimenti ta’ kapital dawk il-miżuri imposti minn Stat Membru li jirriżervaw lill-movimenti transkonfinali trattament inqas favorevoli minn dak mogħti lill-movimenti nazzjonali, u li għaldaqstant huma ta’ natura li jiskoraġġixxu lir-residenti ta’ dak l-Istat milli jwettqu movimenti ta’ kapital fi Stati Membri oħra (19).

46.      Għandu jiġi mfakkar li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni teskludi t-tnaqqis fiskali ta’ donazzjonijiet mogħtija minn persuni taxxabbli Ġermaniżi favur korp barrani rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit.

47.      B’mod ġenerali, ftit hemm dubju li t-tnaqqis fiskali ta’ donazzjoni għandu effett sinjifikattiv fuq il-ġenerożità tad-donatur. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri, jekk mhux kollha, jagħtu wkoll, taħt diversi forom, vantaġġi fiskali lid-donaturi. Permezz tal-għoti ta’ dawk il-benefiċċji, l-Istati Membri jnaqqsu l-ispiża tad-donazzjoni għad-donatur u għalhekk iħeġġuh biex jirrepeti l-ġest tiegħu. Huwa probabbli li l-esklużjoni ta’ tali benefiċċju jwassal biex inqas persuni jagħtu donazzjonijiet.

48.      Fl-ipoteżi, bħal f’din il-kawża, fejn tali esklużjoni taffettwa biss id-donazzjonijiet mogħtija lil korpi rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali, li jkunu stabbiliti barra mit-territorju nazzjonali, id-donaturi jippreferu jduru lejn korpi nazzjonali, b’għan ekwivalenti, sabiex jiksbu l-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali. Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża għalhekk hija ta’ tali natura li tiskoraġġixxi lir-residenti Ġermaniżi milli jagħtu donazzjonijiet lil korpi barranin rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali fl-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti. Dawn il-korpi jsiru għalhekk inkontestabbilment inqas attraenti mill-korpi omologi stabbiliti fit-territorju Ġermaniż.

49.      Għandu jingħad li t-trattament inqas favorevoli rriżervat għad-donazzjonijiet transkonfinali mhuwiex ikkontestat mill-gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Gvern Franċiż saħansitra ammetta li tali trattament differenti huwa ta’ żvantaġġ għall-korpi li jinsabu fi Stat Membru ieħor u b’hekk jista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, għall-korpi stabbiliti fi Stati Membri oħra, tali leġiżlazzjoni tagħmel il-ġbir ta’ fondi iktar diffiċli, għaliex id-donaturi li jħallsu t-taxxi fil-Ġermanja ma jistgħux jibbenefikaw mill-vantaġġi fiskali previsti minn dik il-leġiżlazzjoni jekk huma jagħżlu li jagħtu donazzjonijiet lil dawk il-korpi.

50.      Għaldaqstant, jiena nqis li leġiżlazzjoni bħal dik inkwisjtoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, li bħala regola hija pprojbita mill-Artikolu 56(1) KE.

2.      Fuq il-ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjoni tal-movimenti ta’ kapital

51.      Bħala ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjoni tal-movimenti ta’ kapital li ntweriet iktar ’il fuq, il-Finanzamt kif ukoll il-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jinvokaw, minn naħa, il-fatt li s-sitwazzjonijiet ma jistgħux jiġu mqabbla b’mod oġġettiv u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali. Dawn iż-żewġ bażijiet ta’ ġustifikazzjoni huma eżaminati hawn isfel.

a)      Fuq il-ġustifikazzjoni li s-sitwazzjonijiet ma jistgħux jiġu mqabbla b’mod oġġettiv

52.      Skont l-Artikolu 58(1)(a) KE, l-Artikolu 56 KE ma jippreġudikax id-dritt li għandhom l-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jistabbilixxu distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni f’dak li jirrigwarda r-residenza tagħhom jew il-post fejn ikun investit il-kapital tagħhom.

53.      Dan l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod strett inkwantu jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital. Għalhekk ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li kull leġiżlazzjoni fiskali li tiddistingwi bejn il-persuni taxxabbli skont il-post ta’ residenza tagħhom jew l-Istat Membru fejn huma jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat. Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 58(1)(a) KE hija limitata permezz tal-Artikolu 58(3) KE li jipprevedi li l-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess Artikolu m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital (20).

54.      Minn dan isegwi, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha ssir distinzjoni bejn it-trattamenti diżugwali awtorizzati abbażi tal-Artikolu 58(1)(a) KE, u d-diskriminazzjonijiet arbitrarji pprojbiti mill-paragrafu 3 tal-istess Artikolu (21). Jaqgħu taħt l-ewwel kategorija biss il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li d-differenzi fit-trattament tagħhom jikkonċernaw biss sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament komparabbli.

55.      Għandu jiġi mfakkar li l-kawża prinċipali tirrigwarda t-trattament fiskali, fil-Ġermanja, ta’ donatur, li huwa persuna taxxabbli f’dak l-Istat Membru u mhux it-trattament tal-korp li bbenefika mid-donazzjoni. Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistabbilixxi ebda trattament differenti bejn il-persuni taxxabbli għal dak li jirrigwarda r-residenza tagħhom, peress li l-korp li jkun ibbenefika mid-donazzjoni ma ħallas ebda taxxa fil-Ġermanja. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tiċħad it-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet mogħtija minn persuni fiżiċi, li huma taxxabbli fil-Ġermanja, favur korp barrani rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali fl-Istat Membru tas-sede tiegħu. Din il-leġiżlazzjoni toħloq għalhekk differenza fit-trattament fiskali tal-persuni taxxabbli Ġermaniżi skont il-post fejn ikun investit il-kapital tagħhom. Għaldaqstant, il-kompatibbiltà mal-moviment liberu tal-kapital ta’ tali differenza fit-trattament bejn persuni taxxabbli residenti hija suġġetta għall-kwistjoni dwar jekk il-korp benefiċjarju, rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali, u li jkun stabbilit f’pajjiż barrani, jinsabx f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli għal dik ta’ korp rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali li jkun stabbilit fit-territorju Ġermaniż.

56.      F’dan ir-rigward, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Irlanda u tar-Renju Unit isostnu li korp li jkun rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali u li jkollu s-sede u l-attivitajiet tiegħu fil-Ġermanja ma jinsabx fl-istess sitwazzjoni bħal korp simili li la jkollu s-sede tiegħu u lanqas l-attivitajiet tiegħu fit-territorju Ġermaniż, fis-sens tal-Artikolu 58(1)(a) KE.

57.      B’mod iktar preċiż, il-Gvern Ġermaniż u Franċiż jirrimarkaw li, jekk Stat Membru jirrinunzja għal ċertu dħul fiskali billi jeżenta lill-korpi ta’ interess ġenerali li jkunu jinsabu fit-territorju tiegħu, dan huwa għaliex dawk il-korpi jwettqu ċerti missjonijiet ta’ interess ġenerali li dak l-Istat Membru jkollu altrimenti jassumi huwa stess.

58.      Il-Gvern Ġermaniż, waqt li jagħmel referenza għas-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, jgħid ukoll li Stat Membru jista’ jillimita l-għoti ta’ vantaġġ fiskali lill-korpi li juru li għandhom konnessjoni suffiċjentement mill-qrib mat-territorju nazzjonali. Għalkemm dan il-gvern jammetti li l-promozzjoni tal-interessi tal-kollettività fis-sens tal-Artikolu 52 tal-AO ma teskludix li l-Istat jinkoraġġixxi attivitajiet imwettqa f’pajjiż barrani, huwa madankollu tal-fehma li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss il-missjonijiet li l-Istat Ġermaniż għażel li jappoġġa fuq livell internazzjonali, mingħajr ma tkopri l-attivitajiet kollha li, kieku kienu mwettqa fit-territorju nazzjonali, kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ interess ġenerali, bħall-għajnuna għat-tfal u għall-anzjani.

59.      Barra minn hekk, skont il-Gvern tar-Renju Unit, id-donazzjonijiet mogħtija favur korpi nazzjonali u dawk mogħtija lil korpi li jinsabu fi Stat Membru ieħor mhumiex komparabbli fis-sens li, minn naħa waħda, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-kunċetti ta’ benefiċenza u kundizzjonijiet għar-rikonixximent ta’ opri ta’ benefiċenza differenti u li, min-naħa l-oħra, Stat Membru ma jistax huwa stess jikkontrolla l-ħarsien ta’ dawn ir-rekwiżiti ħlief fil-każ ta’ korpi nazzjonali.

60.      Dawn l-argumenti mhumiex konvinċenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq.

61.      Fir-rigward tal-argument, ta’ natura ġenerali, imressaq mill-Gvern tar-Renju Unit u li jgħid li l-Istati Membri għandhom il-libertà li japplikaw kunċetti ta’ benefiċenza u kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ opri ta’ benefiċenza differenti, għandu jiġi osservat li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod ferm ċar li l-Istati Membri effettivament huma liberi li jiddeċiedu l-interessi tal-kollettività li huma jridu jippromwovu, billi jagħtu vantaġġi lil assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet li jsegwu mingħajr ebda interessi l-għanijiet marbuta ma’ dawk l-interessi. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt Komunitarju b’hekk ma jeħtieġx li l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-fondazzjonijiet barranin rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom għandhom jibbenefikaw awtomatikament mill-istess rikonoxximent fit-territorju tagħhom (22).

62.      Għalhekk, jekk wieħed jammetti li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tal-interessi ġenerali li jridu jippromwovu waqt li tiġi rrifjutata l-applikazzjoni awtomatika tar-rikonoxximent reċiproku favur il-korpi rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali fi Stati Membri oħra, dan ma jsolvix, kuntrarjament għal dak li jidher li qed jallega l-Gvern tar-Renju Unit, il-problema tal-komparabbiltà oġġettiva bejn is-sitwazzjoni ta’ korpi stabbiliti, tabilħaqq, fi Stati Membri differenti, iżda li jkollhom bħala oġġettiv – u dan mhuwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali – il-promozzjoni ta’ interessi ġenerali identiċi, f’dan il-każ, l-appoġġ għat-tfal u għall-anzjani.

63.      Jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal din il-problema fis-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, f’sitwazzjoni li, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw il-gvernijiet intervenjenti f’din il-kawża, mhijiex wisq differenti minn dik li għandha quddiemha din il-Qorti.

64.      Għandu jiġi mfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, fondazzjoni rikonoxxuta li hija ta’ interess ġenerali fl-Italja talbet lill-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi biex jagħtuha trattament fiskali (eżenzjoni) li minnha kienu jibbenefikaw il-fondazzjonijiet tal-istess tip stabbiliti fit-territorju Ġermaniż fir-rigward tad-dħul miksub mill-kiri ta’ proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja. Jirriżulta mis-sentenza li dik il-fondazzjoni ma kienet teżerċita ebda waħda mill-attivitajiet tagħha ta’ interess ġenerali fil-Ġermanja, li kienu jippromwovu esklużivament ir-relazzjonijiet kulturali bejn ir-Repubblika Taljana u l-Konfederazzjoni Svizzera (23) u li l-eżenzjoni fiskali tad-dħul mill-kera kienet ġiet miċħuda lilha minħabba l-fatt li hija la kellha sede u lanqas ċentru amministrattiv fil-Ġermanja (24).

65.      Fir-rigward tal-komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjoni ta’ dik il-fondazzjoni ma’ dik ta’ fondazzjoni stabbilita fil-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, ċaħdet l-argumenti mressqa b’mod partikolari mill-Gvern Ġermaniż ibbażati, minn naħa waħda, fuq il-fatt li l-fondazzjonijiet stabbiliti fil-Ġermanja biss jassumu missjonijiet li kieku jkollhom jiġu mwettqa minn dak l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, fuq in-neċessità, għall-finijiet tal-għoti ta’ ċerti vantaġġi fiskali, tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement mill-qrib bejn il-fondazzjonijiet rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali u t-territorju nazzjonali jew il-kollettività nazzjonali. Hija għamlet dan minħabba li l-Artikolu 52 tal-AO jsemmi l-promozzjoni tal-interessi tal-kollettività mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont jekk din tingħatax fit-territorju nazzjonali jew f’pajjiż barrani; il-qorti nazzjonali li għamlet ir-rinviju preliminari, il-Bundesfinanzhof, ippreċiżat li dik id-dispożizzjoni ma implikatx li l-miżuri ta’ promozzjoni tal-interessi tal-kollettività jibbenefikaw liċ-ċittadini Ġermaniżi jew l-abitanti Ġermaniżi (25).

66.      Fil-fehma tiegħi, din l-evalwazzjoni hija valida wkoll f’din il-kawża.

67.      Fil-fatt, għalkemm il-Gvern Ġermaniż ipprova, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jillimita l-applikazzjoni tal-Artikolu 52 tal-AO għall-missjonijiet li l-Istat Ġermaniż għażel li jiżgura fuq livell internazzjonali, mingħajr ma jkopri l-attivitajiet kollha li, kieku kienu mwettqa fuq it-territorju nazzjonali, kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ interess ġenerali, bħal pereżempju l-għajnuna għat-tfal u għall-persuni anzjani, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tar-rimarka tagħha li skontha jeżisti dibattitu dwar dan il-punt fid-dritt intern, il-qorti tar-rinviju, fid-determinazzjoni tagħha tal-fatti u tal-kuntest ġuridiku nazzjonali (26), ma ddubitatx mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 52 tal-AO li dik l-istess qorti kienet adottat fis-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq. Interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 52 tal-AO, li tillimita l-portata tiegħu għall-għanijiet ta’ interess ġenerali b’dimensjoni internazzjonali, kif proposta mill-Gvern Ġermaniż, tidher mill-bidu nett li diffiċilment tista’ tiġi sostnuta fir-rigward tal-għanijiet kulturali pjuttost limitati li kellha l-fondazzjoni Centro di Musicologia Walter Stauffer li madankollu kienu rikonoxxuti fil-liġi interna Ġermaniża bħala li jaqgħu taħt l-interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 52 tal-AO (27).

68.      B’hekk jidhirli li, bħal ma ġie ppreċiżat fis-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement mill-qrib mat-territorju nazzjonali, li timplika li l-miżuri ta’ promozzjoni tal-interessi kollettivi jibbenefikaw liċ-ċittadini jew ir-residenti Ġermaniżi, mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

69.      Għalhekk, fil-kawża prinċipali, il-fatt, li huwa probabbli iżda mhux ivverifikat, li l-attivitajiet ta’ Centro Popular jibbenefikaw lit-tfal u/jew lill-persuni anzjani, ta’ ċittadinanza Portugiża, jew tal-inqas, li huma residenti fil-Portugall, mhuwiex fattur deċiżiv għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjoni ta’ dak il-korp, li huwa rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali, ma’ dik ta’ korp identiku stabbilit fuq it-territorju Ġermaniż.

70.      Huwa minnu li s-Centro Popular, bid-differenza tal-fondazzjoni Centro di Musicologia Walter Stauffer, mhuwiex persuna taxxabbli, lanqas parzjalment, fil-Ġermanja. Mingħajr eżitazzjoni nammetti li l-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja tista’ tippermetti lill-awtoritajiet fiskali nazzjonali li jiżguraw kooperazzjoni iktar intensa min-naħa tal-korp inkwistjoni peress li dan tal-aħħar ifittex li jikseb direttament il-vantaġġi fiskali previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ tali ċirkustanza m’għandhiex twassal għal konsegwenzi għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk il-korpi mhux residenti jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-korpi residenti. Fil-fatt, kif osservat ukoll korrettament l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA matul is-seduta, l-intaxxar parzjali tal-fondazzjoni Centro di Musicologia Walter Stauffer fil-Ġermanja ma kienx jirrigwarda l-elementi li jippermettu li jiġi vverifikat jekk dik il-fondazzjoni kinitx issegwi għanijiet ta’ interess ġenerali u kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mill-AO, elementi li lkoll kienu jinsabu fl-Italja, l-Istat Membru tas-sede u ċ-ċentru amministrattiv tagħha, iżda biss t-taxxa li kellha titħallas abbażi tad-dħul tagħha minn kirjiet li hija rċeviet fil-Ġermanja.

71.      Għaldaqstant nasal biex naqbel mal-idea, sostnuta mill-Kummissjoni u mill-Awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA, li skontha f’din il-kawża għandu jiġi vverifikat jekk il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 40 tas-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, humiex sodisfatti. B’mod iktar speċifiku, jirriżulta minn dak il-punt, illi hija fil-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru, inklużi l-qrati, biex jevalwaw jekk korp rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali fi Stat Membru ieħor jissodisfax ukoll ir-rekwiżiti imposti għal dak il-għan mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru u jekk l-għan tiegħu huwiex il-promozzjoni tal-istess interessi tal-kollettività, f’liema każ dak il-korp ikun f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli ma’ dik tal-korpi stabbiliti fuq it-territorju ta’ dak l-Istat Membru u għandu, fil-prinċipju, ikun intitolat għad-dritt għal trattament ugwali (28).

72.      F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, matul is-sena fiskali inkwistjoni, is-Centro Popular kien isegwi fil-Portugall il-promozzjoni ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali identiċi għal dawk rikonoxxuti mill-Artikolu 52 tal-AO. Min-naħa l-oħra, il-qorti a quo ma tagħti ebda informazzjoni dwar il-kwistjoni jekk is-Centro Popular issodisfax il-kundizzjonijiet statutorji u dawk dwar il-ġestjoni effettiva tal-korp skont l-iskop statutorju tiegħu, imposti mill-AO.

73.      Din il-lakuna tista’ tiġi spjegata b’raġuni sempliċi u intrinsikament marbuta mat-tieni domanda preliminari, jiġifieri li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-rifjut sistematiku tat-tnaqqis tad-donazzjoni li sar minn H. Persche favur is-Centro Popular abbażi li dan tal-aħħar mhuwiex stabbilit fit-territorju Ġermaniż huwiex kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża hija bbażata fuq il-premessa li, bħala prinċipju, korpi bħas-Centro Popular jinsabu f’sitwazzjoni li mhijiex oġġettivament komparabbli ma’ dik ta’ korpi rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali stabbiliti fuq it-territorju nazzjonali.

74.      M’hemmx dubju li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, espost fil-punt 40 tas-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, jippreżupponi li jista’ jintwera li l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ interess ġenerali tal-korpi mingħajr skop ta’ qligħ huma sodisfatti.

75.      Peress li ma jidher li ebda evidenza għal dan il-fini ma ntalbet u/jew ġiet eżaminata mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kawża prinċipali, isegwi, fil-fehma tiegħi, li r-rifjut ta’ għotja tat-tnaqqis fiskali ta’ donazzjoni, bħal dik li saret minn H. Persche favur is-Centro Popular, fuq il-bażi li l-korp li saritlu d-donazzjoni, li huwa rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali, mhuwiex stabbilit fit-territorju nazzjonali, ma jistax jiġi ġġustifikat bil-fatt li dak il-korp kien jinsab, fil-prinċipju, f’sitwazzjoni li mhijiex oġġettivament komparabbli ma’ dik tal-korpi li jippromwovu għanijiet ta’ interess ġenerali identiċi u li huma stabbiliti fuq it-territorju nazzjonali.

76.      Peress li tali miżura fiskali ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi trattament diżugwali li huwa permess taħt l-Artikolu 58(1)(a) KE, jeħtieġ li neżaminaw jekk din tistax tiġi ġġustifikata min-neċessità li jiġu żgurati kontrolli fiskali effettivi, kif invokat mill-qorti tar-rinviju u l-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

b)      Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati kontrolli fiskali effettivi

77.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa li jiġu żgurati kontrolli fiskali effettivi tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni tal-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat (29).

78.      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, biex tkun tista’ tiġi ġġustifikata, miżura restrittiva għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens li din għandha tkun xierqa biex tiggarantixxi l-kisba tal-għan li hija ssegwi u li m’għandhiex tmur lil hinn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jinkiseb (30).

79.      Fis-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-pretensjonijiet imressqa mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Irlanda u tar-Renju Unit li, minn naħa waħda, huwa diffiċli li jiġi aċċertat jekk, u sa liema punt, fondazzjoni rikonoxxuta li hija ta’ interess ġenerali stabbilita f’pajjiż barrani tissodisfax effettivament l-għanijiet statutorji fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u, min-naħa l-oħra, li huwa neċessarju li tiġi kkontrollata l-ġestjoni effettiva ta’ dik il-fondazzjoni.

80.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm huwa fil-kompetenza tal-Istati Membri li jaċċertaw jekk fondazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet rikjesti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-fatt li l-verifiki jkunu iktar diffiċli għal fondazzjoni stabbilita fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxi żvantaġġ purament amministrattiv li mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika rifjut min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jagħtu lil fondazzjoni tali eżenzjonijiet fiskali li minnhom tibbenefika fondazzjoni tal-istess tip, li fil-prinċipju tkun suġġetta għat-taxxa mingħajr limitu f’dak l-Istat (31).

81.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-awtoritajiet fiskali kkonċernati setgħu jeżiġu mill-fondazzjoni ta’ interess ġenerali li titlob il-benefiċċju tal-eżenzjoni fiskali sabiex tipprovdi l-evidenzi li jippermettulhom jipproċedu għall-verifiki meħtieġa, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kontroll tal-ġestjoni effettiva tagħha, fuq il-bażi, pereżempju, tal-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali u rapport tal-attività. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li l-effikaċja tal-kontrolli fiskali setgħet tiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi b’mod assolut lill-persuna taxxabbli li tippreżenta tali provi (32). Hija rreferiet ukoll għall-għajnuna reċiproka prevista bid-Direttiva 77/799 li tagħti lill-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru l-possibbiltà li jirrikorru għand l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor biex jiksbu kull informazzjoni li tirriżulta neċessarja sabiex issir valutazzjoni tajba tat-taxxa li għandha titħallas minn persuna taxxabbli, inkluża l-possibbiltà li tingħatalha eżenzjoni fiskali (33).

82.      F’din il-kawża, l-argumenti imressqa b’mod partikolari mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Irlanda u tar-Renju Unit ma jvarjawx b’mod sostanzjali minn dawk li l-istess gvernijiet ippreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq. Jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għal dawn l-argumenti bl-istess mod kif għamlet f’dik l-istess kawża.

83.      Tabilħaqq, il-gvernijiet imsemmija hawn fuq jippruvaw jagħmlu distinzjoni bejn din il-kawża u s-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq. Huma għalhekk isostnu li, bil-kontra tas-sitwazzjoni li wasslet għal dik is-sentenza, il-persuna taxxabbli inkwistjoni mhijiex il-korp ta’ interess ġenerali, iżda sempliċi donatur, li ġeneralment ma jkollhiex l-informazzjoni meħtieġa dwar il-ġestjoni tal-korp li jkun ibbenefika mid-donazzjonijiet tagħha. Huma jsostnu wkoll li meta d-donatur jitlob lill-korp biex jagħtih dik l-informazzjoni, mhuwiex faċli għal dak il-korp sabiex jilqa’ t-talba tiegħu inkwantu l-isforzi li jkollhom isiru biex isir dak ix-xogħol mhux neċessarjament jikkostitwixxu użu tajjeb tal-fondi li huwa jkollu. Barra minn hekk, huma jikkunsidraw li d-Direttiva 77/799 mhijiex strument xieraq biex issir talba lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih il-korp huwa stabbilita sabiex issir spezzjoni kompluta li tiżgura li l-korp qed jikkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, inklużi dawk dwar il-ġestjoni de facto tal-attivitajiet ta’ dak il-korp skont l-istatuti tiegħu. Fl-aħħar, il-Gvern tar-Renju Unit jgħid ukoll li, bil-kontra tal-każ rari ta’ korp li jkollu beni immobbli fi Stat Membru ieħor, li kien il-każ fil-kawża Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, it-tnaqqis fiskali ta’ donazzjonijiet mogħtija lil korpi li jinsabu f’pajjiż barrani jirriskja li l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri jkunu mġiegħla jivverifikaw eluf ta’ korpi suġġetti, f’kull Stat Membru jew korpi federali tal-Istati Membri, għal kundizzjonijiet differenti. Fid-dawl tal-impossibbiltà li jitwettaq tali kompitu ta’ verifika, Stat Membru m’għandu ebda miżura oħra inqas restrittiva għad-dispożizzjoni tiegħu għajr li jirrifjuta li jagħti tnaqqis fiskali għad-donazzjonijiet mogħtija lil korpi barranin. Soluzzjoni kuntrarja timponi piżijiet sproporzjonati fuq l-awtoritajiet fiskali.

84.      Għalkemm uħud minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jkunu rilevanti, niddubita madankollu li dawn jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital deskritta iktar ’il fuq.

85.      Huwa minnu li, fil-każ ta’ donazzjoni mogħtija favur korp ta’ interess ġenerali stabbilit fit-territorju Ġermaniż, mhijiex ir-responsabbiltà tal-pesuna taxxabbli donatriċi li tagħti prova li l-korp li rċevat id-donazzjoni jiġġestixxi l-attivitajiet tiegħu ta’ interess ġenerali skont l-istatuti tiegħu. Fil-fatt, il-Ġermanja stabbiliet formola ta’ ġustifikazzjoni ta’ donazzjoni, maħruġa mill-korp benefiċjarju, li għandha tiġi mehmuża mid-donatur mad-dikjarazzjoni tad-dħul tiegħu u/jew mat-talba tiegħu għal tnaqqis fiskali. Għall-finijiet tal-intaxxar tad-dħul tad-donatur, il-prinċipju b’hekk huwa l-konformità tad-donazzjoni mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-kontroll unikament eċċezzjonali, waqt li l-korp rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali huwa suġġett għal kontrolli regolari permezz ta’ dikjarazzjonijiet perjodiċi u l-possibbiltà ta’ kontrolli fuq il-post.

86.      Madankollu, anki jekk wieħed jammetti, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, li huwa iktar diffiċli li tinkiseb il-kooperazzjoni ta’ korp stabbilit fi Stat Membru ieħor meta dak il-korp ma jkunx suġġett lanqas parzjalment għat-taxxa fl-Istat Membru fejn jintalab il-vantaġġ fiskali, ir-rifjut assolut li tingħata l-possibbiltà lid-donatur, persuna taxxabbli fil-Ġermanja, li tal-inqas jipprovdi l-elementi ta’ prova dwar il-konformità mal-istatut u l-ġestjoni effettiva tal-korp barrani, fuq il-bażi li bħala regola ġenerali tali donatur ma jkollux dawk l-elementi, jidher li huwa sproporzjonat fir-rigward tal-għan li l-miżura fiskali Ġermaniża timmira li ssegwi. Fil-fatt, jiena tal-fehma li ma jistax jiġi eskluż, a priori, li d-donatur, li huwa persuna taxxabbli fil-Ġermanja, huwa f’pożizzjoni li jipprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali nazzjonali jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, li l-korp barranija jissodisfa l-kundizzjonijiet statutorji u dawk dwar il-ġestjoni effettiva tiegħu, rikjesti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ interess ġenerali tal-korpi mingħajr għan ta’ qligħ (34).

87.      Jidher daqstant diffiċli li wieħed jaqbel mal-argument imressaq mill-Gvern tar-Renju Unit, li jgħid li kull kontroll fuq il-korpi ta’ interess ġenerali stabbiliti fi Stati Membri oħrajn huwa impossibbli jew, tal-inqas, jinvolvi piżijiet amministrattivi sproporzjonati, b’hekk illi l-esklużjoni tal-vantaġġ fiskali inkwistjoni f’din il-kawża hija l-unika miżura adatta biex tiggarantixxi l-effikaċja tal-kontrolli fiskali.

88.      Tabilħaqq, huwa diffiċli li wieħed jikkontesta li jekk il-persuni taxxabbli ta’ Stat Membru jingħataw il-possibbiltà li jnaqqsu d-donazzjonijiet li huma jagħtu lill-korpi rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, dan jista’ jwassal għal żieda fil-piż amministrattiv tal-awtoritajiet fiskali tal-ewwel Stat Membru fil-kompitu tagħhom li jivverifikaw jekk il-korpi barranin ikkonċernati jissodisfawx il-kundizzjonijiet rikjesti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Huwa probabbli wkoll li tali possibbiltà twassal għal adattament konsegwenti tal-prattiċi amministrattivi li, s’issa, essenzjalment huma ċċentrati fuq sitwazzjonijiet purament interni.

89.      Madankollu, ma naħsibx li l-effikaċja tal-kontrolli fiskali tiġi ppreġudikata kieku l-Istati Membri kellhom jawtorizzaw tali possibbiltà biex jikkonformaw mad-dritt Komunitarju.

90.      Qabel kollox, tali verifika għandha ssir biss jekk jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet preliminari. Fl-ewwel lok, it-twettiq ta’ tali verifika mill-awtoritajiet fiskali tippreżupponi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, bl-istess mod bħal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, ma tistabbilixxi ebda konnessjoni (jew, tal-inqas, tistabbilixxi konnessjoni partikolarment imbiegħda) bejn l-attività tal-korpi rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali u t-territorju nazzjonali u/jew il-promozzjoni tal-interessi taċ-ċittadini jew l-abitanti tal-Istat Membru tad-donatur. Fit-tieni lok, jippreżupponi wkoll li l-għanijiet ta’ interess ġenerali mħaddna mill-korp barrani jkunu rikonoxxuti ugwalment bħala tali mill-Istat Membru tad-donatur.

91.      Sussegwentement, u kemm-il darba l-Istat Membru tad-donatur jissuġġetta t-tnaqqis fiskali tad-donazzjoni għall-kundizzjoni li l-korp benefiċjarju jkun effettivament ġestit skont l-istatuti tiegħu, l-awtoritajiet fiskali jistgħu, kif intqal qabel, jeħtieġu li l-persuna taxxabbli tipprovdi d-dokumenti ta’ prova rilevanti sabiex huma jkunu jistgħu jivverifikaw jekk dik il-kundizzjoni ġietx sodisfatta. Fin-nuqqas ta’ tali dokumenti ta’ prova, u suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-awtoritajiet fiskali jistgħu perfettament jirrifjutaw il-vantaġġ fiskali mitlub.

92.      Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn ikollha ssir il-verifika tal-istatut u tal-ġestjoni effettiva tal-korp, jirriżulta mill-atti tal-kawża li, fir-rigward ta’ korpi stabbiliti fit-territorju Ġermaniż, il-kontrolli tad-dokumenti huma, bħala regola ġenerali, suffiċjenti. B’mod partikolari, għandu jiġi indikat li, għalkemm il-gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet f’din il-kawża insistew b’mod partikolari fuq id-diffikultajiet li jsiru kontrolli fuq il-post fir-rigward ta’ korpi barranin, jidher li dawn il-kontrolli, tal-inqas għal dak li jirrigwarda l-Ġermanja, u skont dak li qal l-istess Gvern Ġermaniż, isiru fir-rigward tal-korpi stabbiliti fit-territorju nazzjonali biss meta l-awtoritajiet fiskali jkollhom lok li jissuspettaw li kien hemm irregolaritajiet fir-rigward tal-ġestjoni effettiva tal-imsemmija korpi. Skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, dan m’għandux ikun differenti fir-rigward tal-korpi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli għal dik tal-korpi nazzjonali.

93.      Jiena b’hekk tal-fehma li jekk jingħata l-istess trattament fiskali lid-donazzjonijiet mogħtija lil korpi barranin rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali fl-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti bħal dak mogħti lid-donazzjonijiet favur korpi nazzjonali li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli, dan m’għandux joħloq piż amministrattiv sproporzjonat għall-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tad-donatur.

94.      Tabilħaqq, huwa possibbli li, indipendentement mit-tip ta’ kontroll li għandu jsir, l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tad-donatur għandhom jiżguraw, tal-inqas l-ewwel darba, f’ċertu numru ta’ każijiet, il-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-korp benefiċjarju, ħlief jekk l-informazzjoni li huma jkollhom jew id-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni pprovduti mid-donatur flimkien ma’, jekk ikun il-każ, il-kollaborazzjoni tal-korp benefiċjarju, ikunu suffiċjenti (35).

95.      F’dan ir-rigward, ma nistax naqbel mal-argument tal-gvernijiet intervenjenti li jgħidu li n-natura allegatament inadegwata tal-assistenza reċiproka stabbilita mid-Direttiva 77/799 tiġġustifika, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ir-rifjut sistematiku li jingħata t-tnaqqis fiskali ta’ donazzjoni mogħtija lil korp stabbilit fi Stat Membru ieħor.

96.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw dawk il-gvernijiet, il-fatt li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/799 jagħti lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru d-dritt li titlob lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tibagħtilha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva, “f’każ preċiż”, jiġifieri l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi stabbilita b’mod korrett it-taxxa li għandha titħallas minn persuna taxxabbli, inkluża l-possibbiltà li tingħatalha eżenzjoni fiskali (36), ma jfissirx li dak it-test jista’ jillimita tali domanda għal informazzjoni li tkun esklużivament ta’ natura tempestiva jew dwar l-ammont ta’ taxxa li għandu jitħallas mill-persuna taxxabbli.

97.      Għall-kuntrarju, inkwantu l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru għandhom, biex jistabbilixxu b’mod korrett l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ tnaqqis fiskali fir-rigward ta’ donatur Ġermaniż, jiksbu informazzjoni dwar il-ġestjoni effettiva, skont l-istatuti tagħha, tal-korp benefiċjarju li jkun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru li ssirlu talba, fil-fehma tiegħi xejn m’għandu jwaqqaf lil dawk l-awtoritajiet milli jitolbu dik it-tip ta’ informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/799 jippreċiża li l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tirrigwarda “kull informazzjoni li tista’ tippermettilhom li jagħmlu stima korretta ta’ taxxi fuq id-dħul” tal-persuna taxxabbli (37). Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-assistenza reċiproka prevista mid-Direttiva 77/799 f’tali ċirkustanzi naturalment ma taffettwax il-kompetenza proprja li jibqgħalhom l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tad-donatur li jevalwaw, b’mod partikolari, jekk il-kundizzjonijiet li għalihom ikun suġġett it-tnaqqis taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru humiex sodisfatti (38).

98.      B’mod ċar, ma jistax jiġi eskluż, meta wieħed iqis il-limiti tal-iskambju ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 77/799, li l-informazzjoni mitluba mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li ssirlu t-talba ma jiġux komunikati jew, jekk jiġu kkomunikati, ma jkunux dejjem suffiċjenti biex jippermettu li jiġu vverifikati d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni li diġà jkunu ġew ipprovduti mill-persuna taxxabbli.

99.      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jinvoka l-impossibbiltà li jitlob il-kollaborazzjoni ta’ Stat Membru ieħor biex iwettaq riċerki jew biex jiġbor informazzjoni sabiex jiġġustifika r-rifjut ta’ vantaġġ fiskali, għaliex l-awtoritajiet fiskali għandhom id-dritt li jeżiġu li l-persuna taxxabbli tipprovdi l-provi li fil-fehma tagħhom ikunu meħtieġa sabiex tiġi stabbilita b’mod korrett it-taxxa inkwistjoni (39). Din l-asserzjoni għandha testendi, a fortiori, għall-allegazzjoni dwar in-natura inadegwata tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-taxxi diretti biex jiġi ġġustifikat ir-rifjut sistematiku li jingħata tnaqqis fiskali lil persuna taxxabbli ta’ Stat Membru li tagħti donazzjoni lil korp ta’ interess ġenerali li jkun tinsab fi Stat Membru ieħor.

100. Fi kwalunkwe każ, u mingħajr preġudizzju għall-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-punt 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tad-donatur għandhom ikunu awtorizzati li jirrifjutaw il-vantaġġ fiskali mitlub jekk huma ma jkunux jistgħu, b’mod ċar u preċiż, jivverifikaw l-informazzjoni li tkun intbagħtet lilhom minn dan tal-aħħar (40).

101. Min-naħa l-oħra, ir-rifjut sistematiku li jingħata t-tnaqqis fiskali mitlub fil-kawża prinċipali, mingħajr ma tingħata l-opportunità lid-donatur li jippreżenta prova li l-korp barrani benefiċjarju, li jkun rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali fl-Istat Membru fejn ikollu s-sede tiegħu, jista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar l-iskop statutorju u l-ġestjoni effettiva tal-korpi nazzjonali tal-istess tip, fil-fehma tiegħi jidher li huwa sproporzjonat fir-rigward tal-għan li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali.

102. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprojbixxu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha t-tnaqqis fiskali ta’ donazzjoni mogħtija minn waħda mill-persuni taxxabbli ta’ dak l-Istat jista’ jiġi aċċettat biss jekk il-korp benefiċjarju, li jkun rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali, ikun stabbilita f’dak l-Istat Membru, mingħajr ma tingħata l-opportunità lill-istess persuna taxxabbli li tippreżenta prova li korp benefiċjarju, li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor u li jkun rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali skont id-dritt ta’ dak l-Istat Membru, jista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru għall-korpi tal-istess tip stabbiliti fit-territorju tiegħu.

C –    Fuq it-tielet domanda preliminari

103. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk biex tiġi kkjarifikata sitwazzjoni fattwali li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tal-persuna taxxabbli donatriċi humiex obbligati li jirrikorru għall-assistenza reċiproka prevista mid-Direttiva 77/799 jew jekk humiex awtorizzati li jħallu l-oneru tal-prova f’idejn il-persuna taxxabbli donatriċi, skont il-liġi proċedurali nazzjonali.

104. Il-kunsiderazzjonijiet li jiena ppreżentajt fil-punti 94 sa 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet diġà pprovdew ċerti elementi ta’ risposta għal din id-domanda.

105. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta kemm mill-għan kif ukoll mill-kontenut tad-Direttiva 77/799 li l-assistenza reċiproka li din tipprovdi tikkostitwixxi sempliċement fakultà għall-awtoritajiet fiskali nazzjonali li jitolbu informazzjoni li huma ma jistgħux jiksbu waħidhom. Tali domanda ma tikkostitwixxix obbligu. Għaldaqstant, huwa fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru li jevalwa l-każijiet speċifiċi fejn l-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-persuni stabbiliti fit-territorju tiegħu tkun nieqsa u li jiddeċiedi jekk dawk il-każijiet jiġġustifikawx li ssir talba għal informazzjoni lil Stat Membru ieħor (41).

106. Barra minn hekk, kif diġà argumentajt qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li xejn ma jżomm lill-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru milli jeżiġu li l-persuna taxxabbli li titlob il-benefiċċju ta’ eżenzjoni fiskali tipprovdi d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni rilevanti li jippermettulhom jipproċedu għall-verifiki meħtieġa (42).

107. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma spjegati, fil-fehma tiegħi, abbażi tal-kompetenza residwa li għandhom l-Istati Membri li jistabbilixxu, skont ir-regoli proċedurali tagħhom, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont ta’ taxxa li għandu jitħallas, inkluż it-tqassim tal-oneru tal-prova bejn il-persuna taxxabbli u l-awtoritajiet fiskali nazzjonali (43).

108. Madankollu, il-problema li tissolleva l-qorti tar-rinviju tidher li tirrigwarda l-artikolazzjoni bejn l-oneru li jiġi ppruvat li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-vantaġġ fiskali, li bħala prinċipju jaqa’ fuq il-persuna taxxabbli, u l-possibbiltà mogħtija lill-awtoritajiet fiskali mid-dritt intern, li jirrifjutaw, mingħajr eżami ulterjuri, il-vantaġġ inkwistjoni, fin-nuqqas ta’ tali prova.

109. F’dan ir-rigward, għalkemm il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jammettu li d-Direttiva 77/799 ma tobbligax per se lill-Istati Membri li jirrikorru għall-mekkaniżmi li hija tistabbilixxi, huma madankollu tal-fehma li, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ libertà fundamentali, bħall-moviment liberu tal-kapital, l-awtoritajiet fiskali nazzjonali ma jistgħux jinjoraw sistematikament il-possibbiltajiet li toffri dik id-direttiva, billi sempliċement jirrifjutaw il-vantaġġ fiskali mitlub meta l-persuna taxxabbli ma tkunx tista’ tipprovdi l-elementi ta’ prova kollha meħtieġa, minkejja l-fatt li din tal-aħħar tkun ikkooperat bis-sħiħ fir-riċerka għal tali elementi.

110. Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni fil-kuntest partikolari ta’ din il-kawża, jiġifieri meta l-provi mitluba biex jingħata vantaġġ fiskali ma jkunux jikkonċernaw direttament lill-persuna taxxabbli li titlob dak il-vantaġġ, iżda lil terz, f’dan il-każ il-korp benefiċjarju tad-donazzjoni, stabbilit fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jirrifjutaw b’mod sistematiku l-għoti tal-vantaġġ fiskali meta l-provi mitluba mingħand il-persuna taxxabbli ma jkunux ġew ippreżentati, mingħajr ma jkunu ġew ikkunsidrati minn qabel id-diffikultajiet li jkollha l-persuna taxxabbli biex tiġbor il-provi meħtieġa minkejja l-isforzi kollha li tkun għamlet, u mingħajr ma jkunu eżaminaw, fid-dawl ta’ dawn id-diffikultajiet, il-possibbiltajiet reali li jiksbu tali provi permezz tal-assistenza tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fil-kuntest previst mid-Direttiva 77/799 jew, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ ftehim bilaterali fiskali. Naturalment, f’dan il-kuntest, huwa fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali biex tivverifika, f’kull każ partikolari, jekk ir-rifjut li jingħata t-tnaqqis fiskali mitlub, mingħajr ma wieħed jirrikorri għall-kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali stabbilita mid-Direttiva 77/799, huwiex ibbażat fuq evalwazzjoni serja tal-elementi msemmija hawn fuq.

111. Fil-fehma tiegħi dan l-approċċ huwa adattat biex jiġi żgurat bilanċ bejn ir-rekwiżiti ta’ applikazzjoni effettiva tal-moviment liberu tal-kapital f’kawża bħal dik prinċipali u l-limiti attwali tal-assistenza reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, prevista mid-Direttiva 77/799.

112. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru mhumiex obbligati jirrikorru għall-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti mid-Direttiva 77/799 biex jikkjarifikaw sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ Stat Membru ieħor u għandhom id-dritt li jeżiġu li persuna taxxabbli, skont ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru tagħhom, tipproduċi l-provi li fil-fehma tagħhom ikunu neċessarji sabiex tiġi stabbilita b’mod korrett it-taxxa dovuta minn persuna taxxabbli, inkluż l-għoti ta’ tnaqqis fiskali lil dik il-persuna. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-moviment liberu tal-kapital u meta l-provi mitluba mingħand il-persuna taxxabbli jkunu jikkonċernaw l-istatut u/jew il-ġestjoni effettiva ta’ korp li jirċievi donazzjoni, li jkun rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali u jkun stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet fiskali tal-ewwel Stat Membru ma jistgħux jirrifjutaw li jagħtu t-tnaqqis fiskali lill-pesuna taxxabbli mingħajr ma jkunu qabel ikkunsidraw id-diffikultajiet li din tal-aħħar tkun iltaqgħet magħhom biex tiġbor il-provi meħtieġa minkejja l-isforzi kollha li hija tkun għamlet, u mingħajr ma jkunu eżaminaw, fid-dawl ta’ dawk id-diffikultajiet, il-possibbiltajiet reali li jiksbu tali provi permezz tal-assistenza tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fil-kuntest previst mid-Direttiva 77/799 jew, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ ftehim bilaterali fiskali. Huwa fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali biex tivverifika, f’kull każ partikolari, jekk ir-rifjut li jingħata t-tnaqqis fiskali mitlub, mingħajr ma wieħed jirrikorri għall-kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali stabbilita mid-Direttiva 77/799, huwiex ibbażat fuq evalwazzjoni serja tal-elementi msemmija hawn fuq.

VI – Konklużjoni

113. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi skont kif ġej għad-domandi li saru mill-Bundesfinanzhof:

“1. Id-donazzjonijiet mogħtija minn ċittadin ta’ Stat Membru, fil-forma ta’ prodotti għall-użu ta’ kuljum, favur korp li jkollu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor u, rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali skont il-liġi ta’ dan l-aħħar Stat Membru, jikkostitwixxu movimenti ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE.

2. L-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġi interpretati fis-sens li jipprojbixxu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li t-tnaqqis fiskali ta’ donazzjoni mogħtija minn waħda mill-persuni taxxabbli ta’ dak l-Istat ma jistax jiġi aċċettat biss jekk il-korp benefiċjarju ta’ interess ġenerali ikun stabbilita f’dak l-Istat Membru, mingħajr ma tingħata l-opportunità lill-istess persuna taxxabbli li tippreżenta prova li korp benefiċjarju, li jkun stabbilita fi Stat Membru ieħor u li jkun rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali skont id-dritt ta’ dak l-Istat Membru, jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru għall-korpi tal-istess tip stabbiliti fit-territorju tiegħu.

3. L-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru mhumiex obbligati jirrikorru għall-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992, dwar sistema ġenerali dwar iż-żamma, iċ-ċirkolazzjoni u l-kontrolli tal-prodotti suġġetti għal dazji, biex jikkjarifikaw sitwazzjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għandhom id-dritt li jeżiġu li persuna taxxabbli, skont ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru tagħhom, tippreżenta l-provi li fil-fehma tagħhom ikunu neċessarji sabiex tiġi stabbilita b’mod korrett it-taxxa dovuta minn persuna taxxabbli, inkluż l-għoti ta’ tnaqqis fiskali lil dik il-persuna. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-moviment liberu tal-kapital u meta l-provi mitluba mingħand il-persuna taxxabbli jkunu jikkonċernaw l-istatut u/jew il-ġestjoni effettiva ta’ korp li jirċievi donazzjoni, li jkun rikonoxxut li huwa ta’ interess ġenerali u jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet fiskali tal-ewwel Stat Membru ma jistgħux jirrifjutaw li jagħtu t-tnaqqis fiskali lill-persuna taxxabbli mingħajr ma jkunu qabel ikkunsidraw id-diffikultajiet li din tal-aħħar tkun iltaqgħet magħhom biex tiġbor il-provi meħtieġa minkejja l-isforzi kollha li hija tkun għamlet, u mingħajr ma jkunu eżaminaw, fid-dawl ta’ dawk id-diffikultajiet, il-possibbiltajiet reali li jiksbu tali provi permezz tal-assistenza tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fil-kuntest previst mid-Direttiva 77/799 jew, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ ftehim bilaterali fiskali. Huwa fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali biex tivverifika, f’kull każ partikolari, jekk ir-rifjut li jingħata t-tnaqqis fiskali mitlub, mingħajr ma wieħed jirrikorri għall-kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali stabbilita mid-Direttiva 77/799, huwiex ibbażat fuq evalwazzjoni serja tal-elementi msemmija hawn fuq.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – F’dawn il-konklużjonijiet, dan it-terminu jintuża b’mod ġeneriku, jiġifieri, irrispettivament mill-istatut pubbliku jew privat li dak il-korp ikollu skont id-dritt nazzjonali.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63.


4 – ĠU Edizzjoni Speciali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179


5 – C‑386/04, Ġabra p. I‑8203.


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10


7 – Ara s-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 21) u tal-14 ta’ Lulju 1988, Lambert (308/86, Ġabra p. 4369, punt 10).


8 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Luisi u Carbone (punt 23) u Lambert (punt 10).


9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer (C-222/97, Ġabra p. I‑1661, punt 21); tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra p. I-2157, punt 30); tat-23 ta’ Frar 2006, Van Hilten-van der Heidjen (C-513/03, Ġabra p. I-1957, punt 39); Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22), tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C‑194/06, Ġabra p, I-3747, punt 100) kif ukoll is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Arens-Sikken (C-43-07, Ġabra p. I-6887, punt 29).


10 – Ara, f’dan is-sens, il-punti 58 sa 60 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża li tat lok għas-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq.


11 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Barbier (C-364/01, Ġabra p. I-15013, punt 58); van Hilten-van der Heijden, iċċitata iktar ’il fuq (punti 40 sa 42), u tas-17 ta’ Jannar 2008, Jäger (C‑256/06, Ġabra p. I-123, punt 25) u Arens-Sikken, iċċitata iktar ’il fuq (punti 30 u 31).


12 – Sentenzi van Hilten-van der Heijden, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41) u Arens-Sikken (punt 30) (korsiv miżjud minni)


13 – L-użu ta’ dan il-mezz ta’ ħlas spiss jirriżulta mhux biss mir-rieda tad-donatur li jirrealizza personalment u konkretament il-valur tal-azzjoni tiegħu, iżda wkoll biex jiġi żgurat bis-sħiħ ir-riċeviment tajjeb min-naħa ta’ min jirċievi d-donazzjoni.


14 – Il-moviment liberu tal-kapital u l-moviment liberu tal-merkanzija jidhru li effettivament jeskludu lil xulxin: ara, fir-rigward tal-mezzi ta’ ħlas, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1978, Thompson et (7/78, Ġabra p. 2247, punti 21 sa 26) u tat-23 ta’ Frar 1995, Bordessa et (C‑358/93 u C‑416/93, Ġabra p. I‑361, punt 12); ara wkoll, fir-rigward ta’ fondi ta’ tfaddil, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1988, Van Eycke (267/86, Ġabra p. 4769, punt 25).


15 – Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni f’din il-kawża ma tiddistingwix, għall-finijiet tat-tnaqqis fiskali li jista’ jitlob id-donatur, bejn id-donazzjonijiet mogħtija fi flus jew in natura favur korpi ta’ interess ġenerali.


16 – Għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma tagħti ebda informazzjoni dwar il-kwistjoni jekk dawk il-prodotti għall-użu ta’ kuljum inxtrawx fil-Portugall jew fi Stat Membru ieħor.


17 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C‑35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43); tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C‑319/02, Ġabra p. I-7477, punti 28 u 29); Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32), u tal-11 ta’ Ottubru 2007, Hollmann (C‑443/06, Ġabra p. I‑8491, punt 45).


18 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 15), u tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, Ġabra p. I‑11531, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 1995, Svensson u Gustavsson (C-484/93, Ġabra p. I-3955, punt 10); Trummer u Mayer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26); tal-14 ta’ Ottubru 1999, Sandoz (C-439/97, Ġabra p. I-7041, punt 19), tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-478/98, Ġabra p. I-7587, punt 18); van Hilten‑van der Heijden, iċċitata iktar ’il fuq (punt 44), u tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen (C‑370/05, Ġabra p. I‑1129, punt 24).


20 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Manninen (punti 26 u 28) u Centro di Musicologia Walter Stauffer (punti 30 u 31).


21 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Manninen (punt 29), Centro di Musicologia Walter Stauffer (punt 32) u Hollmann (punt 44).


22 – Sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39).


23 – Sentenza iċċitata iktar ’il fuq (punt 9).


24 – Punt 11.


25 – Sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq (punti 37 u 38).


26 – Skont ġurisprudenza stabbilita, tali kompitu jaqa’, effettivament, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Għall-skopijiet ta’ memorja, l-għan ta’ din il-fondazzjoni kien l-edukazzjoni, permezz tal-promozzjoni tat-tagħlim kemm tal-manifattura klassika ta’ strumenti bil-kordi u strumenti li jindaqqu bl-ark kif ukoll l-istorja tal-mużika u tal-mużikoloġija b’mod ġenerali. Hija setgħet toħloq borża jew boroż ta’ studju biex tippermetti liż-żgħażagħ Svediżi li joqogħdu fi Cremona (l-Italja) matul il-perijodu kollu tat-tagħlim.


28 – Ara s-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer ċċitata iktar ’il fuq (punti 40 u 41).


29 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer (C‑250/95, Ġabra p. I‑2471, punt 31); tal-15 ta’ Lulju 2004, Lenz (C‑315/02, Ġabra p. I‑7063, punti 27 u 45); Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47), u A, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55).


30 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza A, ċċitata iktar ’il fuq (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31 – Sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48).


32 – Idem (punt 49).


33 – Ibidem (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Laboratoires Fournier (C‑39/04, Ġabra p. I‑2057, punt 25).


35 – In-natura suffiċjenti tad-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni pprovduti mid-donatur ma tistax tiġi eskluża, a priori, b’mod partikolari fil-każ fejn il-korp benefiċjarju jkun magħrufa sew fuq livell internazzjonali u jkun iwettaq, permezz tal-fergħat nazzjonali tagħha, attivitajiet ta’ utilità pubblika identiċi fid-diversi Stati Membri. Barra minn hekk, fil-każijiet, li żgur mhumiex iżolati, fejn id-donatur jirrepeti l-att tiegħu ta’ karità sena wara l-oħra favur l-istess korp, il-verifika għandha tiġi ffaċilitata wara l-ewwel sena. Minbarra dan, u kif jirriżulta mill-fatti fil-kawża prinċipali (ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-għoti ta’ donazzjonijiet favur korp barranij li l-attivitajiet tiegħu ta’ utilità pubblika jkunu ta’ natura lokali jidhirli joriġina mill-konnessjonijiet personali li d-donatur ikun ħoloq ma’ dak il-korp u/jew mal-lokalità fejn dak il-korp ikun jinsab. Huwa probabbli li, f’każijiet ta’ dan it-tip, dawn il-konnessjonijiet jistgħu jippermettu lid-donatur li jikseb il-kollaborazzjoni tal-imsemmi korp kif ukoll li jiġbor għadd kbir ta’ informazzjoni utli għall-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru fejn ikun residenti.


36 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37 – Korsiv miżjud minni.


38 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International (C‑184/05, Ġabra p. I‑7897, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (punt 58).


40 – Sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq (punti 48 u 49), u s-sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (punti 58 u 59).


41 – Ara s-sentenza Twoh International, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).


42 – Sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 49). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Twoh International (punt 35) u A (punt 58).


43 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Arcor (C‑55/06, Ġabra p. I-2931, punt 187).