Language of document : ECLI:EU:C:2012:657

Kawżi magħquda C-581/10 u C-629/10

Emeka Nelson et

vs

Deutsche Lufthansa AG

u

TUI Travel plc et

vs

Civil Aviation Authority

(talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mill-Amtsgericht Köln u l-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court))

“Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikoli 5 sa 7 — Konvenzjoni ta’ Montréal — Artikoli 19 u 29 — Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira — Kompatibbiltà”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Ottubru 2012

1.        Trasport — Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet — Dritt għal kumpens fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira — Applikabbiltà fil-każ ta’ dewmien twil — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, premessa 3 u Artikoli 5, 6 u 7)

2.        Trasport — Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet — Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 5 sa 7)

3.        Trasport — Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet — Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien — Inkompatibbiltà mal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 5 sa 7; Konvenzjoni ta’ Montréal tal-1999, Artikoli 19, 22 u 29)

4.        Trasport — Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet — Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien — Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali — Assenza — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 5 sa 7)

5.        Domandi preliminari — Interpretazzjoni — Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni — Effett retroattiv — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja — Ċertezza legali — Setgħa diskrezzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 267 TFUE)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 30-38)

2.        L-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien għandhom dritt għal kumpens abbażi ta’ dan ir-regolament meta huma jġarrbu, minħabba tali titjiriet, telf ta’ ħin li jkun daqs jew iktar minn tliet sigħat, jiġifieri meta jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin ta’ wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru. Madankollu, tali dewmien ma jagħtix dritt għal kumpens favur il-passiġġieri jekk it-trasportatur tal-ajru jkun f’pożizzjoni li juri li d-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv.

(ara l-punt 40, dispożittiv 1)

3.        La jirriżulta mill-Artikoli 19, 22 u 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, u lanqas minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din il-konvenzjoni li l-awturi ta’ din tal-aħħar riedu jeskludu lit-trasportaturi tal-ajru minn kull forma oħra ta’ intervent li ma huwiex dak stabbilit b’dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari minn dawk li jistgħu jsiru mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiġu kkumpensati, b’mod standardizzat u immedjat, id-danni li jikkostitwixxu l-inkonvenjenzi kkawżati mid-dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, mingħajr ma dawn ikollhom ibatu l-inkonvenjenzi inerenti għall-implementazzjoni ta’ azzjonijiet għal danni u interessi quddiem il-qrati.

Il-miżura ta’ kumpens prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, jaqgħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montréal. Fil-fatt, it-telf ta’ ħin marbut ma’ dewmien twil ta’ titjira, li jikkostitwixxi inkonvenjenza fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004, ma huwiex ikklassifikat bħala “dannu kkawżat minn dewmien”, fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, u għalhekk jaqa’ lil hinn mill-portata tal-Artikolu 29 tagħha. Barra minn hekk, it-telf ta’ ħin huwa subit b’mod identiku mill-passiġġieri kollha tat-titjiriet li jġarrbu dewmien u, konsegwentement, huwa possibbli li jirrimedjaw permezz ta’ miżura standardizzata, mingħajr il-ħtieġa li ssir evalwazzjoni ordinarja tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull passiġġier ikkonċernat. Għalhekk, tali miżura tista’ tapplika immedjatament. Barra minn hekk, mhux bilfors hemm rabta kawżali bejn id-dewmien effettiv, minn naħa, u t-telf ta’ ħin meqjus bħala rilevanti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 jew għall-kalkolu tal-ammont ta’ dan tal-aħħar, min-naħa l-oħra. Konsegwentement, l-obbligu li jirriżulta mir-Regolament Nru 261/2004 u intiż li jikkumpensa lill-passiġġieri ta’ titjiriet li jġarrbu dewmien ta’ natura twila huwa kompatibbli mal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal u jikkumplimeta lil din tal-aħħar, sa fejn dan jinsab qabel id-dispożittiv previst f’dan l-artikolu.

(ara l-punti 46-49, 52, 53, 55-57 )

4.        Fir-rigward taċ-ċarezza tal-obbligi imposti fuq it-trasportaturi tal-ajru bir-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skont dan it-tagħrif. Issa, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, it-trasportaturi tal-ajru ma jistgħux jippretendu li l-obbligu ta’ kumpens lill-passiġġieri li huwa impost fuqhom mir-Regolament Nru 261/2004 fil-każ ta’ dewmien, jikser dan l-aħħar prinċipju. Fil-fatt, il-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ikunu ġarrbu dewmien u t-trasportaturi tal-ajru jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità l-mument minn meta, rispettivament, tal-ewwel jistgħu jippretendu l-għoti ta’ kumpens u minn meta tat-tieni huma obbligati li jagħtu dan il-kumpens, peress li l-iffissar ta’ limitu ta’ ħin ċar jippermetti wkoll li jiġi evitat li l-qrati nazzjonali jevalwaw b’mod differenti l-kunċett ta’ dewmien twil, fatt li jwassal, jekk ikun il-każ, għal inċertezza legali.

Barra minn hekk, l-obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-passiġġieri minħabba titjira li ġarrbet dewmien ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-importanza li jgawdi minnha l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi, inkluż il-passiġġiera tal-ajru, jista’ jiġġustifika l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi. Barra minn hekk, peress li t-telf ta’ ħin subit huwa ta’ natura irriversibbli, oġġettiv u faċilment kwantifikabbli, il-miżura li tikkonsisti fl-għoti lill-passiġġieri kollha kkonċernati minn din l-inkonvenjenza ta’ kumpens pekunjarji, immedjat u fil-forma ta’ somma f’daqqa huwa partikolarment adattat. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ kumpens jirrigwarda biss dewmien twil u l-ammont ta’ kumpens jista’ jitnaqqas bin-nofs meta d-dewmien ikun inqas minn erba’ sigħat. Fl-aħħar nett, il-kumpens ma huwiex dovut jekk it-trasportatur tal-ajru jkun f’pożizzjoni li juru li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien kien dovut għal ċirkustanzi straordinarji, li jmorru lil hinn mill-kontroll effettiv mill-imsemmi trasportatur. Barra minn hekk, dan tal-aħħar jista’ jitlob kumpens mingħand kull persuna li kkawżat id-dewmien, inklużi terzi.

(ara l-punti 66-68, 75, 77-81)

5.        Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. F’dan il-kuntest, hija madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina l-mument meta għandha tidħol fis-seħħ l-interpretazzjoni li hija tat ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ tali interpretazzjoni tista’ tiġi awtorizzata biss fl-istess sentenza li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni mitluba. Dan il-prinċipju jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament tal-Istati Membri u tal-individwi l-oħra fil-konfront ta’ dan id-dritt u jissodisfa fl-istess ħin ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali. Meta l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tikkorrispondi għal dik mogħtija f’sentenza preċedenti li fiha limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ma tkunx ġietx mogħtija, ma hemmx lok li tintlaqa’ talba għal limitazzjoni ratione temporis fil-kuntest tas-sentenza li tkun ġiet wara.

(ara l-punti 89-91, 93, 94)