Language of document : ECLI:EU:C:2011:506

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Lulju 2011 (*)

“Direttivi 76/207/KEE, 97/80/KE u 2002/73/KE – Aċċess għal taħriġ professjonali – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa – Ċaħda ta’ kandidatura – Aċċess ta’ kandidat għal taħriġ professjonali għal informazzjoni dwar il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra”

Fil-Kawża C-104/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Frar 2010,

Patrick Kelly

vs

National University of Ireland (University College, Dublin),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P. Kelly, minnu stess,

–        għal National University of Ireland (University College, Dublin), minn M. Bolger, SC, mandatarja ta’ E. O’Sullivan, solicitor,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264), u tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/73/KE, tat-23 ta’ Settembru 2002, li temenda d-Direttiva 76/207 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn P. Kelly u n-National University of Ireland (University College, Dublin), (iktar ’il quddiem il-“UCD”), wara li din tal-aħħar irrifjutat milli tiżvela dokumenti, f’verżjoni li ma hijiex modifikata, rigward il-proċedura tal-għażla tal-kandidati għal taħriġ professjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 76/207

3        Id-Direttiva 76/207, applikabbli fid-data ta’ meta seħħew il-fatti li waslu għall-ilment dwar diskriminazzjoni bbażat fuq is-sess, jiġifieri tul ix-xhur ta’ Marzu u April 2002, tipprevedi fl-Artikolu 4 tagħha:

“L-applikazzoni tal-priniċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għat-tipi kollha u għal-livelli kollha ta’ tmexxija professjonali, taħriġ professjonali, taħriġ professjonali avanzat u taħriġ mill-ġdid, tfisser li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li:

(a)      il-liġijiet kollha, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali jitneħħew;

(b)      id-dispożizzjonijiet kollha li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali li huma mdaħħla fi ftehim kollettiv, kuntratti individwali ta’ xogħol, regoli interni ta’ l-impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħol indipendenti u l-professjonijiet huma, jew jistgħu jiġu ddikjarati, nulli u bla effett jew jistgħu jiġu emendati;

(ċ)      mingħajr preġudizzju għal-libertà mogħtija f’xi Stati Membri lil xi stabbilimenti privati ta’ taħriġ, it-tmexxija professjonali, taħriġ professjonali, taħriġ professjonali avanzat u taħriġ mill-ġdid jintlaħaq fuq il-bażi ta’ l-istess kriterji u fuq l-istess livelli mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess.”

4        L-Artikolu 6 tal-istess Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistema legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li jenħtieġu biex il-persuni kollha li jqisu li sarilhom xi tort bin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 3, 4 u 5, ikunu jistgħu ikomplu t-talbiet tagħhom permezz ta’ proċedura ġudizzjarja wara li jkunu possibilment irrikorrew għand l-awtoritajiet kompetenti l-oħra.”

 Id-Direttiva 2002/73

5        Id-Direttiva 76/207 ġiet emendata bid-Direttiva 2002/73, fejn l-ewwel subparagrafu, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, jiddikjara li l-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-5 ta’ Ottubru 2005.

6        Id-Direttiva 2002/73 tħassar, partikolarment, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 76/207 u, f’konformità mal-punt 3 tal-Artikolu 1 tagħha, tifformula l-Artikolu 3 tal-imsemmija Direttiva 76/207 kif ġej:

“L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi ta’ sess fis-setturi pubbliċi jew privati, inklużi korpi pubbliċi, fir-rigward ta’:

[…]

b)      aċċess għat-tipi kollha u l-livelli kollha ta’ gwida professjonli, taħriġ professjonali, taħriġ professjonali avvanzat u taħriġ mill-ġdid, inkluża esperjenza prattika tax-xogħol;

[…]

2. B’dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw illi:

a)      kull liġi, regolament u dispożizzjoni amministrattiva kuntrarja għall-prinċipju ta’ trattament ugwali tiġi abolita;

b)      kull dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ trattament ugwali li hi inkluża f’kuntratti jew ftehim kollettivi, regoli interni ta’ impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet indipendenti u professjonijiet u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema u dawk li jimpejgaw għandha tkun, jew tista’ tiġi dikjarata, nulli u bla effett jew tiġi emendata.”

Id-Direttiva 97/80

7        Id-Direttiva 97/80, li d-data tat-traspożizzjoni tagħha ġiet stabbilita għall-1 ta’ Jannar 2001, tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oneru tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess.

8        Skont il-premessa numru tlettax ta’ din id-Direttiva, l-evalwazzjoni tal-fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta hija kwistjoni għal korpi nazzjonali kompetenti ġudizzjarji jew oħrajn, skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali.

9        F’konformità mal-premessa numru tmintax tal-istess Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej sostniet li l-addattament tar-regoli dwar il-piż tal-prova hija meħtieġa meta jkun hemm każ ta’ diskriminazzjoni prima facie u li, fil-każ fejn din is-sitwazzjoni sseħħ, l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tirrikjedi li l-piż tal-prova għandu jmur lura fuq il-konvenut.

10      Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija Direttiva, din tal-aħħar għandha l-iskop li tiżgura li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri għall-implementazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament jsiru iktar effettivi, sabiex il-persuni kollha li jikkunsidraw lilhom infushom trattati ħażin minħabba li l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat għalihom ikun jista’ jkollhom id-drittijiet tagħhom iddikjarati mill-proċess ġudizzjarju wara rikors, eventwalment, quddiem korpi kompetenti oħrajn.

11      Skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 97/80, dan japplika partikolarment għas-sitwazzjonijiet koperti mid-Direttiva 76/207.

12      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw ruħhom ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju tat-trattament ugwali ma ġiex applikat lilhom jistabilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti, fatti li minnhom jista’ jiġi presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13      Mid-deċiżjoni tar-rinviju joħroġ li l-prinċipji li jittrattaw l-iżvelar tad-dokumenti skont l-Ordni 57A regola 6(6) tas-Circuit Court Rules jikkorrispondu għall-prinċipji dwar il-komunikazzjoni ta’ dokumenti (“discovery”) u l-eżami ta’ dokumenti (“inspection”) tal-Ordni 32 tar-Rules of the Circuit 2001-2006 u tal-Ordni 31 tar-Rules of the Superior Courts 1986, kif emendati.

14      Skont dawn ir-regoli, il-komunikazzjoni ta’ dokument isseħħ meta jista’ jiġi pprovat li din il-komunikazzjoni hija rilevanti għad-domandi li joħorġu mill-kawża u li, b’mod partikolari, dan id-dokument huwa neċessarju sabiex tittieħed deċiżjoni ġusta dwar il-kawża.

15      Minkejja l-fatt li dokument jitqies bħala rilevanti u neċessarju fl-istess ħin, il-produzzjoni tiegħu tista’ tkun rifjutata, b’mod partikolari jekk dan id-dokument ikun “privileġġat” jew suġġett għall-kunfidenzjalità.

16      Fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dritt li tinkiseb il-produzzjoni ta’ dokument, min-naħa waħda, u d-dmir li tiġi pprotetta l-kunfidenzjalità jew li jinżamm kull obbligu jew dritt f’każ kuntrarju, min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża għandha tikkunsidra n-natura tat-talba fformulata kif ukoll il-grad ta’ kunfidenzjalità invokat, min-naħa waħda, u l-interess tal-pubbliku għal żvelar integrali fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, min-naħa l-oħra.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      P. Kelly huwa professur ikkwalifikat u residenti f’Dublin.

18      L-UCD hija stabbiliment għal tagħlim avvanzat. Għall-perijodu akkademiku li jkopri s-snin 2002 sa 2004, din kienet toffri taħriġ intitolat “Masters Degree in Social Science (Social Worker) mode A” [dixxipplina fix-xjenzi soċjali (ħaddiem soċjali) mode A].

19      Fit-23 ta’ Diċembru 2001, P. Kelly ippreżenta talba quddiem l-imsemmija università sabiex jiġi aċċettat biex isegwi tali taħriġ. Fl-aħħar tal-proċedura ta’ selezzjoni tal-kandidati, huwa ġie informat, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2002, li t-talba tiegħu kienet ġiet miċħuda.

20      Peress li P. Kelly ma kienx sodisfatt b’din id-deċiżjoni, huwa għamel ilment formali, f’April 2002, għal diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, quddiem id-Director of the Equality Tribunal, fejn sostna li huwa kien iktar kwalifikat mill-kandidat ta’ sess femminili inqas kwalifikata li ntgħażlet sabiex issegwi t-taħriġ imsemmi iktar ’il fuq.

21      Fit-2 ta’ Novembru 2006, l-Equality Officer li ngħata l-inkarigu tal-investigazzjoni tal-ilment imressaq minn P. Kelly mid-Director of the Equality Tribunal, adotta deċiżjoni li tiddikjara li min ressaq l-ilment ma setax jistabbilixxi a priori diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess. P. Kelly ippreżenta rikors minn din id-deċiżjoni quddiem is-Circuit Court (Qorti Distrettwali).

22      P. Kelly ippreżenta wkoll, fl-4 ta’ Jannar 2007, talba, skont l-Ordni 57A, regola 6(6) tas-Circuit Court Rules, li ġiet trażmessa lis-Circuit Court, fejn wera x-xewqa li l-UCD tagħmel kopji tad-dokumenti li kienu msemmija b’mod speċifiku f’din it-talba (“disclosure”, iktar ’il quddiem it-“talba għal żvelar”). Din it-talba kienet intiża għall-ksib tal-kopji tal-formularji għar-reġistrazzjoni li kienu miżmuma, tad-dokumenti li kienu mehmuża bħala annessi jew inklużi fl-imsemmija formularji, kif ukoll tal-“karti bir-riżultati” tal-kandidati li l-formularji għar-reġistrazzjoni tagħhom kienu ġew miżmuma.

23      Il-President tas-Circuit Court irrifjuta t-talba għall-iżvelar permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Marzu 2007. Fl-14 ta’ Marzu 2007, P. Kelly ippreżenta rikors mid-digriet imsemmi quddiem il-High Court.

24      Fit-23 ta’ April 2007, P. Kelly ippreżenta wkoll talba quddiem il-High Court, fejn talab lil din tal-aħħar sabiex tipproċedi għal rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Fl-14 ta’ Marzu 2008, l-imsemmija qorti nazzjonali kienet ikkunsidrat li tali rinviju kien prematur peress li hija kienet għada ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni jekk setax jingħata aċċess għad-dokumenti inkwistjoni skont id-dritt nazzjonali. Wara l-evalwazzjoni, il-High Court waslet għall-konklużjoni li, skont il-liġi, l-UCD ma kellhiex tiżvela, f’forma li ma hijiex emendata, id-dokumenti li kienet intalbet il-komunikazzjoni tagħhom minn P. Kelly.

25      Peress li kellha xi dubji dwar il-kwistjoni jekk ir-rifjut tat-talba għal żvelar huwiex konformi jew le mad-dritt tal-Unjoni, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80 […] jagħti d-dritt lil kandidat jew kandidata għal taħriġ professjonali, li jemmen jew li temmen li huwa jew hija ġew imċaħħda l-aċċess għal taħriġ professjonali peress li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalih jew għaliha, għal informazzjoni dwar il-kwalifiki rispettivi tal-kandidati l-oħra li ma ġewx imċaħħda l-aċċess għal taħriġ professjonali sabiex il-kandidat ikun jista’ jistabilixxi, ‘quddiem qorti jew awtorità kompetenti, fatti li minnhom jista’ jiġi presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta’?

2)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207 […] jagħti d-dritt lil kandidat jew kandidata għal taħriġ professjonali li jemmen jew li temmen li huwa jew hija ġew imċaħħda l-aċċess għal taħriġ professjonali ‘fuq il-bażi ta’ l-istess kriterji’ u li saret diskriminazzjoni kontrih ‘minħabba s-sess’ f’termini ta’ aċċess għal taħriġ professjonali għal informazzjoni li kellu l-offerent tal-kors dwar kwalifiki rispettivi tal-kandidati l-oħra għall-kors inkwistjoni u b’mod partikolari l-kandidati li ma ġewx imċaħħda l-aċċess għat-taħriġ professjonali?

3)      L-Artikolu [1(3)] tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/73 […] [li] jipprojbixxi ‘diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi ta’ sess’ fir-rigward ta’ ‘aċċess’ għal taħriġ professjonali jagħti dritt lil kandidat għal taħriġ professjonali li jsostni li saret diskriminazzjoni kontrih ‘fuq il-bażi ta’ sess’ f’termini ta’ aċċess għal taħriġ professjonali għal informazzjoni li kellu l-offerent tal-kors dwar kwalifiki rispettivi tal-kandidati l-oħra għall-kors inkwistjoni u b’mod partikolari l-kandidati li ma ġewx imċaħħda l-aċċess għat-taħriġ professjonali?

4)      In-natura tal-obbligu taħt l-Artikolu 267(3) TFUE huwa differenti fi Stat Membru b’sistema legali kontradittorja (u mhux inkwiżittiva) u, jekk iva, kif?

5)      Id-dritt għal taħriġ professjonali taħt id-direttivi msemmija iktar ’il fuq jista’ jiġi affettwat minn liġijiet nazzjonali jew Ewropej dwar il-kunfidenzjalità?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

26      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprovdi d-dritt għal kandidat għal taħriġ professjonali, li jqis li l-aċċess għal dan it-taħriġ ġie miċħud lilu minħabba l-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, li jkollu aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-organizzatur tal-imsemmi taħriġ rigward il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għall-istess taħriġ, sabiex il-kandidat ikun jista’ jistabbilixxi “fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta”, skont l-imsemmija dispożizzjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

27      P. Kelly argumenta li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80 jikkonferixxi dritt fuq persuna, li tqis lilha nnifisha bħala l-parti leża minħabba l-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tagħha, li taċċedi għall-informazzjoni li, jekk jitqies li dan il-prinċipju ma ġiex applikat għaliha b’mod inġust, li tistabbilixxi jew li tgħinha sabiex jiġu stabbiliti, quddiem qorti jew quddiem awtorità nazzjonali kompetenti oħra, fatti li minnhom tista’ tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Għal kandidat għal taħriġ professjonali li jqis lilu nnifsu leż minħabba l-ksur tal-prinċipju msemmi, dan id-dritt jinkludi l-informazzjoni rigward il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra.

28      Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80 ma fih ebda indikazzjoni dwar l-għoti ta’ dritt għall-informazzjoni. Kif josservaw ukoll l-UCD u l-Kummissjoni Ewropea, din id-dispożizzjoni tirregola l-kundizzjonijiet fejn l-oneru tal-prova jkun ġie ttrasferit mir-rikorrent lill-konvenut. Skont dawn, trasferiment bħal dan iseħħ biss fil-każ fejn kandidat ikun stabbilixxa bil-quddiem fatti li minnhom tista’ tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      Id-Direttiva 97/80 tipprovdi, fl-Artikolu 4(1) tagħha, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw ruħhom ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat lilhom u jistabilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju msemmi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Nikoloudi, C‑196/02, Ġabra p. I‑1789, punt 68).

30      Għal din ir-raġuni, inizjalment, hija l-persuna li tqis li ġiet ittrattata ħażin minħabba li l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat fil-konfront tagħha li għandha tistabilixxi fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Huwa biss fil-każ li din il-persuna tkun stabbilixxiet dawn il-fatti li jkun jaqa’ fuq il-konvenut, sussegwentement, l-oneru tal-prova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.

31      F’dan ir-rigward, mit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 97/80 jirriżulta li hija l-qorti nazzjonali jew korp kompetenti ieħor li għandha teżamina, skont il-liġi nazzjonali u/jew skont il-prattiki nazzjonali, il-fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta.

32      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju jew qorti oħra Irlandiża kompetenti, li għandha teżamina, b’mod konformi mal-liġi Irlandiża u/jew mal-prattiki nazzjonali, jekk P. Kelly ppreżentax fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta.

33      Madankollu, għandu jkun speċifikat li d-Direttiva 97/80, b’mod konformi mal-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li tiżgura li l-miżuri adottati mill-Istati Membri għall-implementazzjoni tal-prinċipju tal-uwaljanza fit-trattament jsiru iktar effettivi, sabiex il-persuni kollha li jikkunsidraw lilhom infushom ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat fil-konfront tagħhom ikunu jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem qorti, eventwalment, wara rikors quddiem korpi kompetenti oħrajn.

34      Għal din ir-raġuni, għalkemm l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva msemmija ma jipprovdix għal dritt speċifiku favur persuna li tqis li ġiet ittrattata ħażin minħabba li l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat fil-konfront tagħha sabiex tkun tista’ taċċedi għall-informazzjoni biex din tkun tista’ tistabbilixxi “fatti li minnhom jista’ jiġi presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta”, skont l-imsemmija dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li ma jistax jiġi eskluż li r-rifjut għall-informazzjoni min-naħa tal-konvenut, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ tali fatti, jista’ jirriskja li jikkomprometti t-twettiq tal-għan ta’ din id-Direttiva u għalhekk tippriva b’mod partikolari d-dispożizzjoni msemmija mill-effettività tagħha.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet segwiti minn direttiva u, għalhekk, li tista’ ċċaħadha mill-effettività tagħha (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, p. I‑0000, punt 55).

36      Fil-fatt, rispettivament skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri, b’mod partikolari, “għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu” u “għandhom […] joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Unjoni”, inkluż dawk intiżi mid-direttiva (ara s-sentenza El Dridi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

37      F’dan il-każ, madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju huwa evidenti li, għalkemm il-President tas-Circuit Court irrifjuta t-talba li jiġu żvelati d-dokumenti, għandu jiġi kkonstatat li l-UCD ipproponiet li tipprovdi lil P. Kelly parti mill-informazzjoni li huwa kien talab, punt li ma huwiex ikkontestat minn dan tal-aħħar.

38      Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jagħtix id-dritt lil kandidat għal taħriġ professjonali, li jqis li ġie mċaħħad l-aċċess għal taħriġ professjonali minħabba li l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat fir-rigward tiegħu, sabiex jaċċedi għal informazzjoni miżmuma mill-organizzatur ta’ dan it-taħriġ dwar il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għal dan l-istess taħriġ, sabiex ikun jista’ jistabilixxi, “fatti li minnhom jista’ jiġi presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta” skont l-imsemmija dispożizzjoni.

39      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li rifjut għall-informazzjoni min-naħa tal-konvenut, fil-kuntest tal-istabbilment ta’ tali fatti, jista’ jirriskja li jikkomprometti t-twettiq tal-għan imfittex mid-Direttiva msemmija, u għalhekk li jneħħi l-utilità tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija Direttiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

 Dwar it-tieni u t-tielet domandi

40      Fit-tieni u t-tielet domandi, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 76/207 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/73 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jagħtu d-dritt lil kandidat għal taħriġ professjonali li jaċċedi għal informazzjoni miżmuma mill-organizzatur tiegħu dwar il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għal dan l-istess taħriġ, jew meta dan il-kandidat iqis li ġie miċħud l-aċċess għall-imsemmi taħriġ skont l-istess kriterji bħall-kandidati l-oħra u li kien vittma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, skont l-imsemmi Artikolu 4, jew meta dan il-kandidat jilmenta li kien vittma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, skont l-imsemmi Artikolu 1(3), f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-imsemmi taħriġ professjonali.

 L-argumenti tal-partijiet

41      P. Kelly jikkunsidra li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 76/207 kif ukoll l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/73, jagħtu d-dritt lil dak li jqis li ġie miċħud l-aċċess għal taħriġ professjonali minħabba diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, għall-ksib tal-informazzjoni dwar kwalifiki tal-kandidati l-oħra għall-imsemmi taħriġ professjonali.

42      Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni josservaw li dawk id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu regoli sostantivi li jipprojbixxu diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess u li ma japplikawx fil-kwistjoni tar-regoli proċedurali. Huwa jargumentaw li dawk id-dispożizzjonijeit ma humiex ifformulati b’tali mod li jkunu suffiċjentement speċifiċi sabiex jippermettu li jitqies li jagħtu dritt għall-implementazzjoni ta’ miżura speċifika, bħad-dritt għall-informazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 76/207 kif ukoll tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/73 ma jirriżultax li kandidat għal taħriġ professjonali għandu dritt jaċċedi għal informazzjoni miżmuma mill-organizzatur tal-kors dwar kwalifiki tal-kandidati l-oħra għall-kors inkwistjoni.

44      Fil-fatt, l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 76/207 jipprovdi li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament f’dak li jirrigwarda l-aċċess għat-tipi kollha u għal-livelli kollha ta’ taħriġ professjonali timplika li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex it-taħriġ professjonali, mingħajr preġudizzju għall-awtonomija rrikonoxxuta f’xi Stati Membri għal xi stabbilimenti privati ta’ taħriġ, ikun aċċessibbli skont l-istess kriterji u fuq l-istess livelli mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.

45      Fir-rigward tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/73, dan jipprovdi li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ifisser li ma għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi tas-sess fis-setturi pubbliċi jew privati, inklużi korpi pubbliċi, fir-rigward tal-aċċess għat-tipi kollha u għal-livelli kollha ta’ orjentazzjoni professjonali, ta’ taħriġ professjonali, ta’ perfezzjonament u tat-taħriġ mill-ġdid, inkluż fil-ksib ta’ esperjenza tax-xogħol fil-prattika. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li kull liġi, regolament u dispożizzjoni amministrattiva li tikser il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tiġi abolita.

46      Fil-fatt, dawk id-dispożizzjonijiet ifittxu li jimplementaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-aċċess għat-taħriġ, iżda, skont l-Artikolu 288(3) TFUE, iħallu l-kompetenza fir-rigward tal-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji biex jiżguraw li “kull liġi, regolament u dispożizzjoni amministrattiva” li tikser il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tiġi abolita.

47      Għalhekk, mill-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistax jiġi dedott obbligu partikolari li jagħti d-dritt ta’ aċċess lil kandidat għal taħriġ professjonali għal informazzjoni dwar il-kwalifiki rispettivi tal-kandidati l-oħra għal dak it-taħriġ.

48      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 76/207 jew l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/73 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jagħtux id-dritt lil kandidat għal taħriġ professjonali li jaċċedi għal informazzjoni li kellu l-organizzatur tal-kors dwar kwalifiki rispettivi tal-kandidati l-oħra għat-taħriġ inkwistjoni, jew meta dan il-kandidat iħoss li ġie miċħud l-aċċess għall-imsemmi taħriġ skont l-istess kriterji bħall-kandidati l-oħra u li kien vittma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’sess, skont l-imsemmi Artikolu 4, jew minħabba li l-kandidat jilmenta li kien vittma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess skont l-imsemmi Artikolu 1(3) f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-imsemmi taħriġ professjonali.

 Fuq il-ħames domanda

49      Bil-ħames domanda tagħha, li huwa xieraq li tiġi eżaminata qabel ir-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt għal kisba tal-informazzjoni skont id-Direttivi 76/207, 97/80 u 2002/73 jistax jiġi affettwat minn liġijiet tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità.

50      Fir-rigward tar-risposta mogħtija għall-ewwel tliet domandi u minħabba l-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, peress li dan huwa esklużivament l-obbligu tal-qorti tar-rinviju (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, Ġabra p. I‑7213, punt 54, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2010, Georgiev, C‑250/09 u C‑268/09, p. I‑11869, punt 75), il-ħames domanda għandha tinftiehim fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt eventwali li wieħed jinvoka waħda mid-direttivi ċċitati fl-ewwel tliet mistoqsijiet, sabiex jaċċedi għall-informazzjoni miżmuma mill-organizzatur ta’ taħriġ professjonali dwar kwalifiki rispettivi tal-kandidati għall-kors inkwistjoni, jistax jiġi affettwat minn regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kunfidenzjalità.

 L-argumenti tal-partijiet

51      P. Kelly jqis li dritt mogħti abbażi ta’ att legalment vinkolanti fuq l-Unjoni, inkluża direttiva bħal dik definita fl-Artikolu 288(3) TFUE, jista’ jiġi affettwat mhux mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew mill-implementazzjoni tagħhom, iżda biss minn att ieħor legalment vinkolanti fuq l-Unjoni.

52      Il-UCD kif ukoll il-Gvern Ġermaniż jikkunsidraw li r-risposta għal din id-domanda għandha tingħata biss b’mod sussidjarju, peress li dritt għall-informazzjoni hekk kif deskritt mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jeżistix skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 76/207 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/73. Madankollu, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tasal għall-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jagħtu tali dritt lil P. Kelly, il-kunfidenzjalità, li hija kunċett rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni u li jinsab stabbilit f’diversi atti tal-Unjoni, tkun tieħu preċedenza fuq dan id-dritt għall-informazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80 ma jipprovdix id-dritt li kandidat għal taħriġ professjonali, li jqis li ġie mċaħħad mill-aċċess għat-taħriġ professjonali peress li l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat għalih, jaċċedi għal informazzjoni miżmuma mill-organizzatur ta’ dan it-taħriġ fir-rigward tal-kwalifiki tal-kandidati l-oħra fl-istess taħriġ, biex ikun jista’ jistabbilixxili “fatti li minnhom jista’ jiġi presunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta” skont l-imsemmija dispożizzjoni.

54      Madankollu, ġie stabbilit ukoll, fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li ma jistax jiġi eskluż il-fatt li rifjut għal żvelar ta’ informazzjoni min-naħa tal-konvenut, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-fatti, jista’ jirriskja li jikkomprometti t-twettiq tal-għan imfittex mid-Direttiva 97/80, u għalhekk li jċaħħad b’mod partikolari lill-imsemmi Artikolu 4(1) mill-effettività tiegħu.

55      Fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, il-qrati nazzjonali jew l-awtoritajiet l-oħra kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli dwar il-kunfidenzjalità li jirriżultaw mill-atti tad-dritt tal-Unjoni, bħad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 15 p. 355) u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 2002/58/KE, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514) kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/136/KE, tal-25 ta’ Novembru 2009, (ĠU L 337, p. 11). Il-protezzjoni tad-data personali hija wkoll prevista fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

56      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li, fil-każ fejn il-kandidat għal taħriġ professjonali jista’ jinvoka d-Direttiva 97/80 sabiex ikun jista’ jaċċedi għall-informazzjoni miżmuma mill-organizzatur ta’ dan it-taħriġ fir-rigward tal-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għat-taħriġ inkwistjoni, dan id-dritt għall-aċċess jista’ jiġi affettwat mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kunfidenzjalità.

 Fuq ir-raba’ domanda

57      Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk in-natura tal-obbligu stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE hijiex differenti skont jekk fl-Istat Membru inkwistjoni teżistix sistema legali kontradittorja jew inkwiżitorja, u jekk dan huwa l-każ, sa liema punt.

 L-argumenti tal-partijiet

58      P. Kelly jargumenta li l-obbligu tal-qorti nazzjonali, li topera fil-kuntest ta’ sistema legali kontradittorja, li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu skop iktar estiż minn dak ta’ qorti ta’ Stat Membru fejn teżisti sistema legali inkwiżitorja, peress li huma l-partijiet, u mhux il-qorti nnifisha, li jiddeterminaw il-forma, il-kontenut u d-dewmien tal-proċeduri f’sistema legali kontradittorja. Għaldaqstant, f’sistema bħal din, qorti nazzjonali ma tistax materjalment tbiddel domanda mressqa minn parti jew tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-opinjoni tagħha stess dwar il-mod kif id-domanda għandha tiġi deċiża.

59      Il-UCD, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni lkoll iqisu li n-natura tal-obbligu previst fl-Artikolu 267(3) TFUE ma tiddependix mill-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, skont is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, (283/81, Ġabra p. 3415), hija l-kompetenza tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi jekk u, jekk ikun il-każ, b’liema mod għandhom isiru d-domandi preliminari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari intiż sabiex jipprekludi diverġenzi fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom japplikaw u huwa intiż sabiex jiżgura din l-applikazzjoni billi jipprovdi lill-qorti nazzjonali mezz sabiex jiġu eliminati d-diffikultajiet li jistgħu jitnisslu mir-rekwiżit li d-dritt tal-Unjoni jingħata l-effett sħiħ tiegħu fil-kuntest tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, l-opinjoni 1/09, tat-8 ta’ Marzu 2011, p. I‑0000, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fil-fatt, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali l-fakultà u, jekk ikun il-każ, jimponi fuqhom l-obbligu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jekk huma jikkunsidraw ex officio jew inkella fuq talba tal-partijiet, li s-sostanza tal-kwistjoni tinvolvi domanda li għandha tiġi riżolta u li tidħol fl-iskop tal-ewwel paragrafu ta’ dak l-artikolu. Minn dan jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom l-iktar fakultà estiża li jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dawn jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom toħloqx kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedu deċiżjoni min-naħa tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, Ġabra p. I‑9641, punt 88, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, p. I‑5667, punt 41).

62      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sistema stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri tistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali permezz ta’ proċedura li ma tiddependix mill-inizjattiva tal-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90).

63      F’dan ir-rigward, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa bbażat fuq djalogu bejn qorti u oħra, li l-bidu tiegħu jiddependi kompletament mill-evalwazzjoni li tagħmel il-qorti nazzjonali tar-rilevanza u tal-bżonn ta’ dan ir-rinviju (sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91).

64      Għalhekk, għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni hijiex neċessarja sabiex tkun tista’ ssolvi l-kwistjoni li titressaq quddiemha, fid-dawl tal-mekkaniżmu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-istess qorti li għandha tiddeċiedi b’liema mod għandhom isiru dawn id-domandi.

65      Għalkemm il-qorti hija libera li tistieden lill-partijiet fil-kawża mressqa quddiemha sabiex jissuġġerixxu l-formulazzjoni li tista’ tiġi adottata għad-domandi preliminari, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-qorti weħidha li tiddeċiedi fl-aħħar mill-aħħar kemm il-forma kif ukoll il-kontenut tagħhom.

66      Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-obbligu msemmi fl-Artikolu 267(3) TFUE ma huwiex differenti skont jekk Stat Membru għandux sistema legali kontradittorja jew inkwiżitorja.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-piż tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprovdix id-dritt għal kandidat għal taħriġ professjonali, li jqis li l-aċċess għal dan it-taħriġ ġie miċħud lilu minħabba l-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, għall-aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-organizzatur tat-taħriġ imsemmi rigward il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għall-istess taħriġ, sabiex il-kandidat ikun jista’ jistabbilixxi “fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta”, skont l-imsemmija dispożizzjoni.

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li rifjut għall-informazzjoni min-naħa tal-konvenut, fil-kuntest tal-istabbilment ta’ tali fatti, jista’ jirriskja li jikkomprometti t-twettiq tal-għan tad-Direttiva msemmija, u għalhekk li jċaħħad lill-Artikolu 4(1) tagħha mill-effet utli tiegħu. Hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

2)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol jew l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/73/KE, tat-23 ta’ Settembru 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jagħtux id-dritt lil kandidat għal taħriġ professjonali li jaċċedi għal informazzjoni miżmuma mill-organizzatur ta’ dan it-taħriġ dwar il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għall-istess taħriġ, jew minħabba l-fatt li dan il-kandidat iqis li ġie miċħud l-aċċess għall-imsemmi taħriġ skont l-istess kriterji bħall-kandidati l-oħra u li kien vittma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, skont l-imsemmi Artikolu 4, jew minħabba li l-kandidat jilmenta li kien vittma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess skont l-imsemmi Artikolu 1(3) f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-imsemmi taħriġ professjonali.

3)      Fil-każ fejn kandidat għat-taħriġ professjonali jista’ jinvoka d-Direttiva 97/80 sabiex ikun jista’ jaċċedi għall-informazzjoni miżmuma mill-organizzatur ta’ dan it-taħriġ dwar il-kwalifiki tal-kandidati l-oħra għat-taħriġ inkwistjoni, dan id-dritt għall-aċċess jista’ jiġi affettwat mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kunfidenzjalità.

4)      L-obbligu msemmi fl-Artikolu 267(3) TFUE ma huwiex differenti skont jekk Stat Membru għandux sistema legali kontradittorja jew inkwiżitorja.

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.