Language of document : ECLI:EU:C:2012:317

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-24 ta’ Mejju 2012 (1)

Kawża C‑441/11 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Verhuizingen Coppens NV

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikolu 81(1) KE u Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Akkordju globali li jikkonsisti fi tliet ftehim partikolari — Ksur uniku u kontinwu — Nuqqas ta’ prova li parteċipant f’akkordju li pparteċipa biss fi ftehim partikolari kien jaf bi ftehim oħra partikolari — Annullament parzjali jew sħiħ ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Meta tista’ l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tannulla deċiżjoni sħiħa tal-Kummissjoni Ewropea dwar akkordju u meta għandha tannullaha parzjalment? Dan huwa essenzjalment il-punt tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja trid tiddeċiedi fil-qafas ta’ dan l-appell u li għandu importanza prattika mhux żgħira (2). Din id-domanda ssir għal dak li jirrigwarda l-“kartell tal-ġarr” li l-Kummissjoni skopriet xi snin ilu fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju u li, fil-11 ta’ Marzu 2008, iddeċidiet li timponilu multa (3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2.        Skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, dan il-kartell ta’ ġarr kien jikkostitwixxi akkordju globali fil-forma ta’ ksur uniku u kontinwu li ssejjes fuq tliet tipi ta’ ftehim antikompetittiv bejn l-impriżi ta’ ġarr implikati: ftehim fuq il-prezzijiet, ftehim fuq il-qsim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet foloz (kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza) u ftehim fuq sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħudin jew għal każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista (il-kummissjonijiet).

3.        Il-Kummissjoni akkużat lill-kumpannija Verhuizingen Coppens NV (iktar ’il quddiem “Coppens”) kif ukoll lil disa’ impriżi jew gruppi ta’ impriżi oħrajn, b’parteċipazzjoni fl-akkordju globali. Madankollu, għal dak li jirrigwarda Coppens, il-Kummissjoni ma setgħetx tipprova parteċipazzjoni attiva ħlief f’wieħed mit-tliet elementi tal-akkordju globali, jiġifieri fis-sistema tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Ma setax jiġi stabbilit jekk Coppens kinitx taf jew setgħetx tkun taf li, meta pparteċipat fis-sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, hija daħlet ukoll fis-sistema ta’ akkordju globali. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, bis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011 (iktar ’il quddiem ukoll is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali” jew is-“sentenza appellata”) (4), annullat kollha kemm hi l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Coppens fl-akkordju kif ukoll il-multa imposta fuq Coppens.

4.        Huwa kontra din is-sentenza li l-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell. Hija tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali setgħet tannulla biss parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tirrigwarda Coppens, billi fi kwalunkwe każ, ġiet ippruvata l-parteċipazzjoni ta’ Coppens fis-sistema antikompetittiva ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza.

5.        Fl-aħħar nett infakkar li, fil-kuntest ta’ appelli oħrajn li għadhom pendenti għal dak li jirrigwarda l-kartell tal-ġarr, il-Qorti tal-Ġustizzja dalwaqt ser ikollha titratta ċertu numru ta’ kwistjonijiet oħrajn (5).

II – Il-kuntest tal-kawża

A –    Il-fatti u l-proċedura amministrattiva

6.        Skont ir-riżultati tal-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju kien jeżisti, mill-1984 sal-2003, akkordju li fih ipparteċipaw għaxar impriżi ta’ ġarr (6) matul perijodi differenti (7) u f’diversi gradi.

7.        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li dak l-akkordju kien jikkostitwixxi akkordju globali fil-forma ta’ ksur uniku u kontinwu (8), li ssejjes fuq total ta’ tliet tipi ta’ ftehim (9):

–        ftehim fuq il-prezzijiet, fejn il-kumpanniji ta’ ġarr ikkonċernati għamlu arranġamenti dwar ir-remunerazzjoni għas-servizzi tagħhom lill-klijenti;

–        ftehim fuq sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħudin jew każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista (il-kummissjonijiet); b’dan il-mekkaniżmu, il-kompetituri tal-impriża li jiksbu l-kuntratt għall-ġarr internazzjonali kellhom b’xi mod jirċievu kumpens finanzjarju, kemm jekk ippreżentaw offerta jew jekk dan ma għamluhx; mingħajr ma kienu jafu lill-klijenti, dawn il-kummissjonijiet kienu inklużi fis-servizzi ta’ ġarr ikkonċernati;

–        ftehim fuq il-qsim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet foloz (il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza) li ntbagħtu lill-klijent jew lill-persuna li kienet qiegħda ġġorr minn kumpannija tal-ġarr li ma kellhiex l-intenzjoni li tagħmel il-ġarr; għal dan l-iskop, kumpannija kienet tindika kull darba lill-kompetituri tagħha, il-prezz, ir-rata tal-assigurazzjoni u l-ispejjeż tal-ħażna li għalihom kellhom jipprovdu fattura għas-servizz fittizju.

8.        Filwaqt li l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza kien ġie applikat matul il-perijodu kollu tal-akkordju (jiġifieri mill-1984 sal-2003), l-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-prezzijiet ma setgħetx tiġi ppruvata lil hinn mix-xahar ta’ Mejju 1990 (10).

9.        Fuq il-bażi ta’ konstatazzjonijiet li setgħet tagħmel, il-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni kkontestata li l-impriżi kkonċernati kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE meta “stabilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għall-offerti” matul perijodi differenti (11).

10.      Id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet innotifikata b’kollox lil 31 entità legali li fuqhom, għall-ksur imwettaq, il-Kummissjoni imponiet ukoll multi f’ammonti differenti (12), f’parti individwalment u f’parti in solidum.

B –    Il-parteċipazzjoni ta’ Coppens fl-akkordju

11.      Fl-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-parteċipazzjoni ta’ Coppens fl-akkordju globali għal perijodu bejn it-13 ta’ Ottubru 1992 u d-29 ta’ Lulju 2003. Għal dan l-iskop ġiet imposta fuq Coppens, skont l-Artikolu 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata, multa ta’ EUR 104 000, mingħajr imputazzjoni ta’ responsabbiltà konġunta jew in solidum.

12.      Kif jirriżulta mis-sentenza appellata (13), il-Kummissjoni ma ppruvatx li l-kumpannija Coppens, meta pparteċipat fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, kienet taf bl-attivitajiet antikompetittivi tal-impriżi l-oħrajn fir-rigward tal-kummissjonijiet, jew li setgħet raġonevolment tipprevedihom. Fir-rigward tal-għarfien mir-rikorrenti tal-aġir ta’ ksur tal-parteċipanti l-oħrajn, id-deċiżjoni kkontestata, kif tikkonċedi l-Kummissjoni stess, ma ssejjsitx fuq provi speċifiċi.

C –    Il-proċedura tal-ewwel istanza

13.      Diversi mill-indirizzati tad-deċiżjoni kkontestata ppruvaw jiksbu protezzjoni legali permezz ta’ rikors għal annullament magħmul, fl-ewwel istanza, quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (14).

14.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-16 ta’ Ġunju 2011 fir-rigward tar-rikors ippreżentat fl-4 ta’ Ġunju 2008 minn Coppens. F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ta’ Coppens kollu kemm hu u annullat l-Artikolu 1(i) kif ukoll l-Artikolu 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata u kkundannat lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-ewwel istanza.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Permezz ta’ nota tal-25 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell kontra s-sentenza appellata. Hija talbet sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors għal annullament jew, fin-nuqqas, tannulla biss l-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija żżomm lil Coppens responsabbli tal-ftehim fuq il-kummissjonijiet;

–        tistabbilixxi multa f’ammont li hija tqis adegwat, u

–        tikkundanna lil Coppens tħallas l-ispejjeż tal-appell u parti tal-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li hija tqis xierqa.

16.      Coppens, min-naħa tagħha, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonferma s-sentenza appellata;

–        sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla għal kollox jew parzjalment is-sentenza, tnaqqas il-multa imposta mill-Kummissjoni b’mod li din tirrappreżenta 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Coppens fis-suq ikkonċernat, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura tal-ewwel istanza u tal-appell.

17.      Il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja saret kompletament bil-miktub.

IV – Il-kunsiderazzjonijiet tal-appell

18.      Il-Kummissjoni tinvoka aggravju wieħed insostenn tal-appell tagħha: hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt u marret lil hinn mill-kompetenza tagħha meta annullat id-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi għal dak li jirrigwarda lil Coppens. Il-Kummissjoni tikkunsidra li minflok dan, il-Qorti Ġenerali kellha tillimita ruħha għal annullament parzjali peress li, tal-inqas, kienet ġiet stabbilita l-parteċipazzjoni attiva ta’ Coppens f’parti mill-ksur, jiġifieri s-sistema antikompetittiva tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza.

A –    Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

19.      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li Coppens tikkritika n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-aggravju mressaq mill-Kummissjoni.

20.      Jekk Coppens b’dan trid tpoġġi fid-dubju l-ammissibbiltà tal-appell, l-argument tagħha ftit li xejn huwa konvinċenti. Fil-fatt, l-iżball ta’ dritt li l-Kummissjoni tilmenta li għamlet il-Qorti Ġenerali jinsab deskritt b’mod preċiż fir-rikors tal-appell. Kuntrarjament għal dak li jidher li qed issostni Coppens, il-Kummissjoni tindika wkoll b’mod preċiż id-dispożizzjonijiet li hija tikkunsidra li nkisru, jiġifieri l-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE. Il-Kummissjoni ssejjes ukoll fuq kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-proporzjonalità, l-ekonomija tal-ġudizzju, l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-prinċipju “ne bis in idem”.

21.      Għalhekk, l-ammissibbiltà ta’ dan l-appell ma tistax tiġi ddubitata.

B –    Fuq il-mertu tal-appell

22.      L-appell jista’ jirnexxi jekk, għal dak li jirrigwarda Coppens, il-Qorti Ġenerali kellha dritt tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni mhux kollha kemm hi, imma parzjalment biss.

23.      Kuntrarjament għal dak li qed targumenta l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni, ma huwiex il-prinċipju ta’ proporzjonalità li huwa rilevanti, u wisq inqas l-espressjoni speċifika li dan il-prinċipju għandu fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) u (4) TUE għal dak li jirrigwarda t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

24.      Għall-kuntrarju huwa biss l-Artikolu 264 TFUE li huwa s-sedes materiae (15). Minn din id-dispożizzjoni jirriżultaw il-kompetenzi tal-Qorti Ġenerali – bħala parti integrali tal-istituzzjoni “Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” – meta tiddeċiedi rikorsi għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE jgħid:

“Jekk l-azzjoni tkun fondata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara d-deċiżjoni in kwistjoni bħala nulla”.

25.      Din l-aħħar dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata ħażin bħala li tistabbilixxi regola ta’ kollox jew xejn. Fil-fatt jekk rikors għal annullament ikun parzjalment fondat biss, ma jkunx possibbli li jintlaqa’ kollu kemm hu. Għaliex inkella r-rikorrent jikseb vantaġġ ikbar milli tagħtih il-liġi. Din hija r-raġuni għaliex l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE għandu bilfors jiġi interpretat u applikat b’mod li l-att ikkontestat mir-rikors għal annullament jiġi ddikjarat null, sakemm ir-rikors ikun fondat.

26.      Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li tikkunsidra bħala fondat l-aggravju invokat mir-rikorrenti ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali li tannulla awtomatikament l-att ikkontestat kollu kemm hu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jidher ċar li dan l-aggravju, li jirrigwarda biss punt speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali (16).

27.      Primarjament fi proċeduri ta’ natura amministrattiva, il-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju qiegħed ukoll favur annullament sempliċement parzjali tal-atti tal-Unjoni f’każ ta’ dubju, għaliex dan jippermetti li tiġi evitata repetizzjoni eventwali tal-proċedura amministrattiva u proċedura ġudizzjarja ġdida eventwali jew, tal-inqas, li jiġi limitat is-suġġett tagħha. Barra minn hekk, speċjalment fil-każ ta’ akkordji, repetizzjoni tal-proċedura amministrattiva tista’, skont il-każ, tkun f’kunflitt mal-prinċipju tan-ne bis in idem (17). Barra minn hekk, l-annullament parzjali biss ta’ deċiżjonijiet meħudin mill-Kummissjoni huwa iktar rikonċiljabbli mal-ħtieġa ta’ applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (18) milli ma’ annullament sħiħ ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

28.      Madankollu, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss jekk l-elementi li qed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att (il-ħtieġa msejħa separabbiltà) (19). Din in-natura ta’ separabbiltà ma tapplikax meta l-annullament parzjali tal-att kkontestat ikollu bħala effett it-tibdil sostanzjali tiegħu (20).

29.      Isegwi li, fl-eżerċizzju tal-poteri tagħha skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali setgħet tannulla deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi għal dak li jirrigwarda Coppens sa fejn annullament parzjali seta’ jimmodifika s-sustanza ta’ din id-deċiżjoni, u dan għandu jiġi vvalutat skont kriterji oġġettivi (21).

30.      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali sfortunatament ma tatx spjegazzjonijiet konkreti fis-sentenza appellata. Sempliċement iddeċidiet li l-Kummissjoni żammet lil Coppens responsabbli għall-parteċipazzjoni allegata fi ksur uniku u kontinwu, għalkemm setgħet tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ Coppens f’wieħed biss mit-tliet elementi li jikkostitwixxu dan l-akkordju globali, jiġifieri s-sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza (22).

31.      Jidher li l-Qorti Ġenerali, bħal Coppens, ikkunsidrat li, essenzjalment, il-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur uniku u kontinwu huwa separat fundamentalment mit-twettiq ta’ “sempliċi” ksur tal-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE).

32.      Iżda dan ma huwiex il-każ.

33.      Ċertament il-konstatazzjoni li impriża pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu hija “iktar” minn sempliċi konstatazzjoni li din l-impriża pparteċipat f’element wieħed jew iżjed ta’ dak il-ksur. Madankollu, dan assolutament ma jfissirx li akkordju globali jikkostitwixxi aliud fir-rigward tal-ftehim partikolari li jikkostitwixxih. Id-differenzi huma pjuttost sempliċi differenzi ta’ grad.

34.      Il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, f’każ bħal tal-lum, ifisser li kull wieħed mill-parteċipanti fl-akkordju jista’ jiġi imputat bil-parteċipazzjoni ta’ kull parteċipant ieħor, bħal speċi ta’ kompliċi, anki għalkemm huma ma jkunux ipparteċipaw attivament f’kull element tal-akkordju globali.

35.      Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-imputazzjoni tippresupponi li jiġi stabbilit li l-impriża inkwistjoni tkun taf bl-aġir ta’ ksur tal-parteċipanti l-oħrajn, jew li setgħet raġonevolment tipprevedih u li kienet lesta taċċetta r-riskju (23).

36.      Fi kliem ieħor, imputazzjoni reċiproka ta’ parteċipazzjonijiet fil-fatti tkun possibbli meta kull parteċipant fl-akkordju kien jaf jew messu kien jaf li bl-aġir tiegħu kien qed jidħol f’akkordju globali u kien qed jikkontribwixxi bl-aġir tiegħu għall-għanijiet antikompetittivi komuni tal-parteċipanti kollha fl-akkordju (24). L-importanza u l-gravità ta’ kull parteċipazzjoni fil-fatti fir-rigward tal-akkordju globali jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod individwali għal kull parteċipant fl-akkordju fid-determinazzjoni tal-multa (25).

37.      Jekk din l-imputazzjoni reċiproka ma tkunx possibbli billi parteċipant ma jkunx jaf, bħal f’dan il-każ, bl-eżistenza ta’ akkordju globali u ma setax lanqas raġonevolment jipprevedih, dan bl-ebda mod ma jfisser, madankollu, li awtomatikament jeħles minn kull sanzjoni. Għall-kuntrarju, ma hemm xejn kontra li l-persuna kkonċernata tkompli titqies responsabbli minħabba ftehim partikolari fejn jiġi debitament stabbilit li tkun ipparteċipat attivament (26) u li kellha l-istess għan antikompetittiv.

38.      Is-sempliċi fatt li ftehim wieħed jew iżjed antikompetittivi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ksur uniku u kontinwu ma jeskludix li kull wieħed minn dawn jista’ jikkostitwixxi fih innifsu wkoll ksur tal-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE) (27). Ċertament il-Qorti Ġenerali dan tirrikonoxxih iżda ma tasalx għal konklużjonijiet neċessarji għas-sentenza tagħha (28).

39.      Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, kemm l-akkordju globali kif ukoll il-ftehim partikolari li fuqu jissejjes għandhom l-istess għan kompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE [l-Artikolu 101(1)TFUE] (29). Billi dan kien kartell ta’ dawk li jagħmlu l-ġarr fil-Belġju, dan l-għan antikompetittiv komuni kien jikkonsisti fl-iffisar b’mod dirett u indirett ta’ prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, biex jaqsmu parti minn dan is-suq u għall-manipulazzjoni tal-proċedura tas-sottomissjoni tal-offerti (30). Dan l-għan ġie espress kemm fil-ftehim partikolari kif ukoll fl-akkordju globali.

40.      F’dawn il-kundizzjonijiet ma kienx hemm lok biex wieħed jibża’ li f’dan il-każ annullament parzjali biss tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn żammet responsabbli unikament lil Coppens minħabba parteċipazzjoni fl-akkordju globali, kien jimmodifika s-sustanza ta’ dik id-deċiżjoni. L-annullament parzjali pjuttost kien ikollu l-effett ta’ ksur li għandu l-istess għan antikompetittiv li l-akkordju globali jkompli jiġi imputat lil Coppens, għalkemm b’mod limitat għall-parteċipazzjoni attiva tagħha f’sempliċi parti tal-akkordju, jiġifieri s-sistema tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza.

41.      Għalhekk, kumplessivament il-Qorti Ġenerali kellha, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE tannulla parzjalment biss id-deċiżjoni kkontestata. Meta annullat din id-deċiżjoni kollha kemm hi għal dak li jirrigwarda Coppens, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt.

42.      Għaldaqstant, billi l-appell tal-Kummissjoni huwa fondat, hemm lok li tiġi annullata s-sentenza appellata.

V –    Eżami tar-rikors għal annullament ta’ Coppens

43.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura mbagħad tiddeċiedi definittivament hija stess il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali biex din tiddeċidiha.

44.      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha eżaminat biss parti mill-motivi invokati minn Coppens fl-ewwel istanza. F’sitwazzjoni bħal din, jista’ jkun hemm lok li l-kawża tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid (31). Madankollu dan l-approċċ ma huwiex obbligatorju. L-ekonomija tal-ġudizzju qiegħda pjuttost fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja stess tiddeċiedi definittivament il-kwistjoni kull darba li l-proċess ikun lest, li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi meħtieġa u li l-partijiet setgħu ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-punti rilevanti kollha (32).

45.      Dan huwa preċiżament il-każ. Essenzjalment, minn naħa, il-fatti huma stabbiliti u ma għandhomx bżonn iktar spjegazzjoni. Min-naħa l-oħra, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-qafas tal-appell, il-partijiet kellhom opportunità biżżejjed biex jippreżentaw quddiem il-qrati tal-Unjoni l-fehmiet tagħhom fuq l-elementi kollha rilevanti sabiex din il-kwistjoni tiġi solvuta.

46.      Dan huwa għaliex qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tassumi r-responsabbiltà għall-evalwazzjoni u teżerċita d-dritt tagħha li tkun hija stess li tiddeċiedi b’mod definittiv din il-kwistjoni.

A –    Fuq il-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Coppens fil-ksur

47.      Il-parteċipazzjoni ta’ Coppens fil-ksur ġie stabbilit fl-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu bejn it-13 ta’ Ottubru 1992 u d-29 ta’ Lulju 2003. Coppens ikkontestat dan fl-ewwel istanza billi qajmet, essenzjalment, tliet ilmenti li ser nittratta iktar ’il quddiem f’ordni differenti minn dak li ġew ippreżentati fih.

48.      Fl-ewwel lok, l-impriża ssostni li ma hemm l-ebda prova ta’ aġir antikompetittivi li qed jiġi imputat fil-konfront tagħha għas-snin bejn l-1994 u l-1995.

49.      Fil-fatt id-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda prova speċifika li turi li, matul is-snin 1994 u 1995, Coppens kienet stabbiliet hija stess kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza jew talbet dawn il-kwotazzjonijiet minn parteċipanti oħrajn fl-akkordju. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament li hija ma kellhiex tali provi. Huwa biss għas-snin 1992 u l-1993 kif ukoll għas-snin 1996 sal-2003 li jeżistu l-provi meħtieġa.

50.      Madankollu din iċ-ċirkustanza tippermetti, l-iktar l-iktar, li jiġi stabbilit li, matul is-snin 1994 u l-1995, Coppens ma pparteċipatx attivament fl-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Dan jista’ jiġi kkunsidrat, jekk ikun il-każ, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (33).

51.      Iżda ma jidhirlix li wieħed għandu jmur iżjed minn hekk u jikkonkludi li, matul is-snin 1994 u l-1995, Coppens kienet irtirat kompletament mill-akkordju u minn dakinhar ma wettqet l-ebda ksur. Il-fatt biss li impriża ma taġixxix fuq ir-riżultati ta’ diskussjonijiet jew akkordji li għandhom għan antikompetittiv ma huwiex ta’ natura li jwarrab ir-responsabbiltà ta’ din l-impriża mill-fatt tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, sakemm ma tkunx pubblikament iddissoċjat ruħha mill-kontenut tiegħu (34). F’dan ir-rigward, hija l-impriża kkonċernata li għandha tipproduċi l-provi rilevanti (35).

52.      F’dan il-każ fl-ebda mument Coppens ma spjegat fid-dettall li, speċjalment matul is-snin 1994 u 1995, hija kienet iddissoċjat ruħha pubblikament mill-ftehim fuq is-sistema tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Mill-bqija, dissoċjazzjoni bħal din ma tantx kienet plawżibbli billi, għas-snin ta’ wara, jeżistu mill-ġdid diversi provi ta’ parteċipazzjoni attiva ta’ Coppens fis-sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza.

53.      F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi lmentat fil-konfront tal-Kummissjoni, għal dak li jirrigwarda l-“lakuna” tas-snin 1994 u 1995, li kkunsidrat li dik ma kinitx waqfa kompleta tal-parteċipazzjoni ta’ Coppens fl-akkordju, imma sempliċement nuqqas ta’ parteċipazzjoni temporanja ta’ Coppens fl-implementazzjoni tal-akkordju. Isegwi li l-ewwel ilment ta’ Coppens għandu jinċaħad.

54.      Fit-tieni lok, Coppens tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra debitament il-piż tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

55.      Madankollu, dan l-ilment ukoll ma jirrigwardax il-konstatazzjoni tal-ksur bħala tali, imma l-iktar li jista’ jkollu rwol fl-ammont tal-multa. F’dan il-kuntest ma għandu l-ebda rilevanza.

56.      Fit-tielet lok, Coppens tikkontesta l-evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju globali bħala ksur uniku u kontinwu.

57.      Dan l-aħħar ilment għandu jintlaqa’. Ċertament, huwa stabbilit li Coppens ipparteċipat attivament fis-sistema antikompetittiva ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza billi l-Kummissjoni pproduċiet f’dan ir-rigward total ta’ 67 prova li ma ġewx ikkontestati minn Coppens. Madankollu ma setgħetx tiġi stabbilita parteċipazzjoni iktar sostanzjali ta’ Coppens fl-akkordju globali. Fil-fatt la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fil-proċedura li żvolġiet fil-qrati tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova li kienet tindika li Coppens – ħlief għall-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza – kienet taf bl-aġir illegali tal-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju globali jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li kienet lesta li taċċetta r-riskju (36). Iżda meta sabet li Coppens kienet responsabbli bħala parteċipanti fl-akkordju globali, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

58.      Kif ġustament issostni Coppens, dan l-iżball ta’ evalwazzjoni ma jistax jiġi kkorreġut sempliċement bit-tnaqqis tal-ammont tal-multa ffissat fl-Artikolu 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, dan l-iżball għandu jiġi kkunsidrat ukoll għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hija mhux biss is-sanzjoni, imma anki l-aġir antikompetittiv fih innifsu li fuqu hija bbażata din is-sanzjoni li għandu jitqiegħed b’mod korrett fil-parti dispożittiva tad-deċiżjoni kkontestata. Għaliex inkella, il-kundanna fid-deċiżjoni kkontestata kontra l-impriża kkonċernata tmur lil hinn minn dak li jista’ jiġi legalment ilmentat kontriha. Minn naħa dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-impriża u, min-naħa l-oħra, jagħmlilha ħsara għar-rigward ta’ azzjonijiet ċivili ta’ terzi kif ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri futuri dwar l-akkordju (37).

59.      Iżda l-iżball ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma jiġġustifikax, kif diġà spjegajt iktar ’il fuq (38), annullament sħiħ tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ Coppens. Għall-kuntrarju, skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE ma hemmx lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata ħlief sa fejn, lil hinn mill-parteċipazzjoni ta’ Coppens fis-sistema tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, din tikkunsidra l-parteċipazzjoni ta’ Coppens fi ksur uniku u kontinwu, jiġifieri fil-ftehim globali.

B –    Fuq ir-reviżjoni tal-ammont tal-multa

60.      L-annullament parzjali li qed nipproponi fir-rigward tal-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata jimplika li hemm lok ukoll li jiġi deċiż mill-ġdid dwar il-multa stabbilita fl-Artikolu 2(k) ta’ dik id-deċiżjoni. Fil-kuntest tad-dritt tagħha li tassumi responsabbiltà għall-eżami skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha f’dan ir-rigward ġurisdizzjoni sħiħa kif stabbilit fl-Artikolu 261 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (39). Għalhekk tista’ liberament tiddetermina ammont ġdid tal-multa (40).

1.      Punt tat-tluq għall-kalkolu tal-emenda

61.      L-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi ffissat b’referenza għall-valur tal-bejgħ tas-servizz rilevanti magħmul minn Coppens matul l-aħħar sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (41). Għal Coppens, dan huwa dħul mill-bejgħ magħmul fl-2002 fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, fejn l-ammont inkontestat laħaq EUR 58 338 (42). Għalhekk dan jippermetti li jiġu kkunsidrati bl-aħjar mod id-daqs u l-importanza relattiva tal-impriżi differenti fis-suq inkwistjoni, kif dan ġie ripetutament imsemmi b’mod partikolari minn Coppens.

2.      Il-gravità u t-tul tal-ksur

62.      L-akkordju fis-settur tal-ġarr jikkostitwixxi ksur gravi ħafna li wettqu l-impriżi implikati “billi stabilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għall-offerti” (43).

63.      L-argument ta’ Coppens, li l-parteċipazzjoni tagħha fis-sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza hija inqas gravi milli l-parteċipazzjoni ta’ impriżi oħrajn fil-ftehim fuq il-prezzijiet u fis-sistema ta’ kumpens finanzjarju, xejn ma huwa konvinċenti f’dan il-kuntest. Fil-fatt kif issostni ġustament il-Kummissjoni, sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza hija wkoll ta’ natura li tikkawża distorsjoni profonda fil-kompetizzjoni, tgħolli l-prezzijiet tas-servizzi kkonċernati u, għaldaqstant, twassal fl-aħħar mill-aħħar għal preġudizzju kunsiderevoli għall-konsumatur. Għaldaqstant, dan ma huwiex ksur venjali.

64.      Bl-istess mod Coppens ma tistax issostni li hija kellha biss rwol relattivament limitat fi ħdan is-sistema tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Effettivament huwa stabbilit li Coppens għamlet kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza f’67 każ, jiġifieri iktar spiss mill-maġġoranza tal-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju (44). Barra minn hekk, ta’ min josserva li Coppens mhux biss bagħtet kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza hija nnifisha, imma talbet ripetutament lil parteċipanti oħrajn fl-akkordju biex jibagħtu dawn il-kwotazzjonijiet. Għalhekk, Coppens ipparteċipat kemm attivament kif ukoll passivament b’mod sostanzjali fis-sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza.

65.      Barra minn hekk, ftit huwa rilevanti kemm-il darba Coppens innifisha akkwistat, grazzi għas-sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, kuntratti għall-ġarr (45). Bħala regola ġenerali, it-twaqqif ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza jfisser li jkun hemm riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ prezzijiet iktar għoljin, tkun min tkun il-persuna li tieħu l-kuntratt partikolari. Għalhekk tista’ tiġi ppreġudikata l-kompetizzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, il-konsumatur ukoll jiġi ppreġudikat anki jekk, f’każ partikolari, ir-riżultat intiż mill-parteċipanti fl-akkordju ma jintlaħaqx għal kollox.

66.      F’dawn il-kundizzjonijiet, fir-rigward tal-kartell tal-ġarr, il-fattur tad-dħul mill-bejgħ rilevanti (46) ta’ 17 %, li għażlet il-Kummissjoni, jidher li huwa, fil-prinċipju, xieraq biex jirrifletti l-grad ta’ gravità tal-ksur fil-kalkolu tal-multa. Bl-istess mod, il-fattur ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni ddeċidiet ukoll b’żieda ta’ ammont addizzjonali ta’ 17 % tad-dħul mill-bejgħ rilevanti (47), huwa, fil-fehma tiegħi, xieraq (48); fuq kollox Coppens ma kkontestatx dan b’mod speċifiku matul il-proċedura ġudizzjarja.

67.      Billi ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda żball ta’ dritt imwettaq mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur ta’ Coppens (49), il-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Coppens għandu jkun ibbażat, skont il-konstatazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata, fuq perijodu ta’ 10 snin u 9 xhur, li jikkorrispondi ma’ multiplikatur ta’ 11 (50).

68.      Dan iwassal għal ammont bażiku tal-multa ta’ EUR 119 009.52, b’arrotondament ta’ EUR 119 000 (51).

3.      Tnaqqis tal-multa

69.      Madankollu għandu jiġi kkunsidrat li f’dan il-każ, ma setax jiġi stabbilit li l-kumpannija Coppens ipparteċipat fil-kartell tal-ġarr bħala akkordju globali, fil-forma ta’ ksur uniku u kontinwu (52). Għall-kuntrarju, tista’ tinżamm responsabbli biss għall-involviment fis-sistema antikompetittiva tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Kif tammetti l-Kummissjoni stess, dan għandu jwassal għal tnaqqis tal-multa.

70.      Huwa konċepibbli li sempliċement jitnaqqas bin-nofs l-ammont bażiku tal-multa. Wara kollox, matul il-perijodu meta Coppens ipparteċipat fl-akkordju, is-sistema tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza kienet tirrappreżenta wieħed miż-żewġ elementi li kienu jikkostitwixxu l-akkordju globali li kienu għadhom implementati dak iż-żmien u li, minħabba l-gravità tagħhom u l-konsegwenzi tagħhom, kellu jkollhom bejn wieħed u ieħor l-istess importanza (53).

71.      Iżda, fil-fehma tiegħi, approċċ bħal dan ma jikkunsidrax biżżejjed il-fatt li akkordju globali jirrappreżenta iktar mis-somma tal-elementi li jikkomponuh. Huwa preċiżament minħabba l-kumplessità partikolari tiegħu u l-interazzjoni ta’ diversi ftehim partikolari fi struttura kumplessiva li l-akkordju globali huwa speċjalment ta’ natura li jippreġudika l-kompetizzjoni. Il-ksur minn impriża li tipparteċipa f’akkordju globali huwa, konsegwentement, relattivament ferm iktar gravi milli sempliċi parteċipazzjoni ta’ din l-istess impriza f’wieħed jew diversi elementi li jikkomponu dan il-ftehim.

72.      Din hija r-raġuni għaliex jidhirli li jixraq f’dan il-każ li jiġi imputat lil Coppen ferm inqas min-nofs tal-ammont bażiku li kien ġie kkalkolat u, b’mod iktar preċiż, madwar terz, jiġifieri EUR 39 600.

73.      Barra minn hekk għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, għas-snin 1994 u 1995, jiġifieri matul sentejn minn kważi ħdax-il sena, ma teżisti l-ebda prova tal-parteċipazzjoni attiva ta’ Coppens fl-implementazzjoni tas-sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Ċertament dan ma għandux iwassal għal impunità totali għas-snin ikkunsidrati, billi matul dan il-perijodu, Coppens għandha xorta tiġi kkunsidrata bħala membru tal-akkordju (54). Madankollu, tnaqqis supplimentari tal-ammont bażiku ta’ madwar nofs l-ammont korrispondenti f’dan il-perijodu ta’ sentejn, jiġifieri tnaqqis ta’ ftit inqas minn 10 %, jidher li huwa raġonevoli. Għalhekk il-multa tiġi stabbilita f’EUR 35 900.

74.      Il-Kummissjoni, billi ma kkunsidrat l-ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti u billi tali ċirkustanzi lanqas ma tqajmu fil-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, ma hemm lok għal ebda żieda jew tnaqqis ieħor tal-multa li ġiet ikkalkolata.

75.      Sempliċement ninnota inċidentalment li l-multa miksuba ma taqbiżx il-limitu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali magħmul minn Coppens (55) [it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003].

76.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li qajmet Coppens, dan jeħtieġ li l-ammont tal-multa jkun proporzjonat man-natura, mal-gravità u ma’ kemm idum il-ksur ikkonstatat (56). Billi Coppens hija responsabbli ta’ ksur gravi ħafna matul diversi snin, jidher li jixraq għal kollox li l-multa stabbilita tassorbi l-biċċa l-kbira tad-dħul mill-bejgħ tagħha annwali fis-suq tal-ġarr internazzjonali inkwistjoni, li, wara kollox, jirrappreżenta parti relattivament żgħira tad-dħul mill-bejgħ annwali totali ta’ Coppens fis-servizzi ta’ ġarr.

4.      Konklużjoni provviżorja

77.      Wara li ġew ikkunsidrati, għal darba oħra ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, partikolarment in-natura, il-gravità u t-tul tal-ksur kif ukoll id-daqs relattiv ta’ Coppens fis-suq inkwistjoni, multa li tlaħħaq EUR 35 900 tidher li hija proporzjonata kemm għall-aġir tal-impriża kif ukoll għar-responsabbiltà tagħha. B’mod partikolari hija ma tqajjem l-ebda dubju fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

VI – L-ispejjeż

78.      Billi l-appell huwa fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha taqta’ definittivament hija stess il-kwistjoni, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli ta’ Proċedura).

79.      Skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 69(3) u 118 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu rispettivament kap wieħed jew iżjed. Hawnhekk dan huwa l-każ: il-Kummissjoni ċertament jirnexxielha ssostni l-punt ta’ kritika prinċipali tagħha fil-proċedura tal-appell, imma f’dan il-każ, skont is-soluzzjoni li qed nipproponi, Coppens, fir-rikors għal annullament tagħha, għandha raġun fil-wisa’ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn il-kundizzjonijiet, jidher li jixraq li ssir evalwazzjoni globali tal-ispejjeż taż-żewġ istanzi billi Coppens tiġi kkundannata tħallas terz tal-ispejjeż tagħha stess u l-kumplament tal-ispejjeż jitħallsu mill-Kummissjoni.

VII – Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ġunju 2011 Verhuizingen Coppens vs Il‑Kummissjoni (T‑210/08), hija annullata.

2)      L-Artikolu 1(i) tad-Deċiżjoni C(2008) 926 finali tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Marzu 2008, fil-Każ COMP/38.543 huwa annullat, sa fejn huwa jikkonstata, lil hinn mill-parteċipazzjoni ta’ Verhuizingen Coppens NV fis-sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, il-parteċipazzjoni tagħha fi ksur uniku u kontinwu.

3)      L-ammont tal-multa imposta fuq Verhuizingen Coppens NV fl-Artikolu 2(k) ta’ dik id-deċiżjoni huwa stabbilit f’EUR 35 900.

4)      Verhuizingen Coppens NV għandha tħallas terz tal-ispejjeż tagħha stess fiż-żewġ istanzi. Il-Kummissjoni għandha tbati l-kumplament tal-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Kwistjoni sostanzjalment analoga qamet ukoll fl-appell Il‑Kummissjoni vs Aalberts Industries et (C‑287/11 P) li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


3 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 926 finali, sommarju ppubblikat fil-ĠU 2009, C 188, p. 16; it-test sħiħ ta’ din id-deċiżjoni huwa disponibbli biss fuq is-sit internet tal-Kummissjoni, Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, f’verżjoni mhux kunfidenzjali bil-lingwa Franċiża (fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/index.html).


4 – Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Verhuizingen Coppens vs Il‑Kummissjoni (T‑210/08, Ġabra p. II‑3713 minn issa ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


5 – Kawżi Gosselin Group vs Il‑Kummissjoni et (C‑429/11 P), Ziegler vs Il‑Kummissjoni (C‑439/11 P), Il‑Kummissjoni vs Gosselin Group et (C‑440/11 P), kif ukoll Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (C‑444/11 P).


6 – Allied Arthur Pierre, Compas, Coppens, Gosselin, Interdean, Mozer, Putters, Team Relocations, Transworld u Ziegler (ara, b’mod partikolari, il-premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata).


7 – Dawn il-perijodi jvarjaw minn tliet xhur sa 18-il sena.


8 – Ara, b’mod iktar partikolari, il-premessi 307, 314 u 345 tad-deċiżjoni kkontestata.


9 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punti 10 sa 12 tas-sentenza appellata.


10 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 123 sa 153 tad-deċiżjoni kkontestata.


11 – F’dan is-sens, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.


12 – Il-multi kienu bejn EUR 1 500 u EUR 9 200 000.


13 – Ara l-punt 31 ta’ din is-sentenza.


14 – Minbarra s-sentenza appellata, ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (T‑199/08, Ġabra p. II‑3507), Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (T‑204/08 u T‑212/08, Ġabra p. II‑3569), Gosselin Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑208/08 u T‑209/08, Ġabra p. II‑3639), u Putters International vs Il‑Kummissjoni (T‑211/08, Ġabra p. II‑3729).


15 – F’dan ir-rigward, ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, Ġabra p. I‑9363, punt 103).


16 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 104).


17 – Skont l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju tan-ne bis in idem jipprojbixxi mhux biss li l-persuna kkonċernata ma terġax tiġi kkastigata minħabba ksur li għalih tkun ġiet ikkundannata diġà b’sentenza definittiva, imma li ma tkunx tista’ wkoll terġa’ titħarrek minħabba l-allegazzjoni ta’ ksur li minnu tkun diġà ġiet illiberata b’mod definittiv. Jista’ jiġi kkunsidrat li jkun hemm “liberazzjoni” meta qrati tal-Unjoni jannullaw b’mod definittiv deċiżjoni tal-Kummissjoni u f’dan ir-rigward jibbażaw ruħhom fuq kunsiderazzjonijiet mhux biss ta’ proċedura imma wkoll ta’ fatt jew ta’ mertu.


18 – Fuq l-importanza fundamentali li għandhom ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattati għall-funzjonament tas-suq intern, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, Ġabra p. I‑3055, punt 36), u tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punt 20); iktar reċenti, l-importanza tal-applikazzjoni effettiva ta’ dawn ir-regoli ġiet enfasizzata wkoll fis-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, X BV (C‑429/07, Ġabra p. I‑4833, punti 34, 35 u 37); tas-7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC (C‑439/08, Ġabra p. I‑12471, speċjalment il-punti 59 u 61), kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, Ġabra p. I‑5161, punt 19).


19 – Sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 1972, Jamet vs Il‑Kummissjoni (37/71, Ġabra p. 483, punt 11); tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il‑Kummissjoni (C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 257); tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑29/99, Ġabra p. I‑11221, punt 45); tal-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑244/03, Ġabra p. I‑4021, punt 12); tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 27); Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 105), u tad-29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja (C‑505/09 P, punt 111).


20 – Sentenzi Franza et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 258 u 259); Franza vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 13); Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 28), u Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 106).


21 – Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑239/01, Ġabra p. I‑10333, punt 37); Franza vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 14), kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 121).


22 – Punti 33 sa 35 tas-sentenza appellata.


23 – Sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punti 83, 87 u 203), kif ukoll tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 83); ara, f’sens analogu, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 143), fejn hija kwistjoni tal-“approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illegali”, li twassal għall-“kompliċità” u f’“mod passiv ta’ parteċipazzjoni għall-ksur”.


24 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 87).


25 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 90), kif ukoll Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 86); fir-rigward ta’ dan il-każ partikolari, ara iktar ’il quddiem il-punti 69 sa 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26 – F’dan il-każ, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, ġiet ippruvata l-parteċipazzjoni ta’ Coppens f’sistema ta’ kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza (ara, b’mod partikolari l-punt 28 u, b’mod komplementari, il-punt 36 tas-sentenza appellata).


27 – Ara, fl-istess sens – għal każ oppost – is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 81), kif ukoll Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 258).


28 – Punt 36 tas-sentenza appellata.


29 – Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 82) u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 258 u 259).


30 – L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-punti 15 u 30 tas-sentenza appellata.


31 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, Il‑Kummissjoni vs Daffix (C‑166/95 P, Ġabra p. I‑983, punt 41); tat-18 ta’ Lulju 2007, AER vs Karatzoglou (C‑213/06 P, Ġabra p. I‑6733, punt 47), kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony vs Impala (C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 190).


32 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑104/97 P, Ġabra p. I‑6983, punt 69); tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni (C‑395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra p. I‑1365, punt 148); tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione siciliana vs Il‑Kummissjoni (C‑15/06 P, Ġabra p. I‑2591, punt 41) u tat-18 ta’ Lulju 2007, Indústrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni (C‑326/05 P, Ġabra p. I‑6557, punt 71).


33 – Sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 510; Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 85), kif ukoll Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 145).


34 – Sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni (C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punt 50); Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 85), kif ukoll Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 144).


35 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic partecipazioni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 96); Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 81), kif ukoll Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 142).


36 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 3 u 12 iktar ’il fuq kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.


37 – Fil-qafas ta’ proċedura antitrust fil-futur, tista’ tqum b’mod partikolari l-kwistjoni jekk impriża għandhiex tiġi kkwalifikata bħala reċediva jew le.


38 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 22 sa 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p 205).


40 – Sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 218), u tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni (C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 244); ara, ukoll, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8485, punti 141 u 142); tas-16 ta’ Novembru 2000, Weig vs Il‑Kummissjoni (C‑280/98 P, Ġabra p. I‑9757, punt 83), u Sarrió vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 102).


41 – Skont il-ġurisprudenza, l-iffissar ta’ multa xierqa ma tistax tkun ir-riżultat ta’ kalkolu sempliċi bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali; ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 120 u 121); tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni (C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 100), kif ukoll, b’mod komplementari, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il‑Kummissjoni (T‑77/92, Ġabra p. II‑549, punti 94 u 95).


42 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 540 tad-deċiżjoni kkontestata.


43 – L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.


44 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata.


45 – Coppens turi li minn naħa tagħha kienet kisbet biss 23 % tal-każijiet.


46 – Premessa 543 tad-deċiżjoni kkontestata.


47 – Premessi 555 u 556 tad-deċiżjoni kkontestata.


48 – Fil-ġurisprudenza hemm irrikonoxxut li jista’ japplika fattur ta’ dissważjoni; ara s-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 106); tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni (C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 16), u tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni (C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 102).


49 – Ara, iktar ’il fuq, il-punti 48 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 547 tad-deċiżjoni kkontestata.


51 – Il-kalkoli tal-Kummissjoni huma fl-istess sens (ara l-premessa 558 tad-deċiżjoni kkontestata).


52 – F’dan ir-rigward, ara iktar ’il fuq, il-punti 3 u 12 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.


53 – Skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, kien biss sa Mejju 1990 li l-ftehim fuq il-prezzijiet ġie implementat bħala t-tielet element kostituttiv tal-akkordju globali (ara iktar ’il fuq, il-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


54 – Ara iktar ’il fuq, il-punti 48 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 605 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn id-dħul mill-bejgħ rilevanti ta’ Coppens għas-sena 2006 huwa stmat f’EUR 1 046 318.


56 – Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kalkolu tal-multi, ara, b’mod ġenerali, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 319).