Language of document : ECLI:EU:C:2011:771

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

24 ta’ Novembru 2011 (*)

“Soċjetà tal-informazzjoni – Drittijiet tal-awtur – Internet – Softwer ‘peer-to-peer’ – Fornituri ta’ aċċess għall-internet – Implementazzjoni ta’ sistema ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jiġi bblokkat l-iskambju ta’ fajls li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur – Assenza ta’ obbligu ġenerali ta’ sorveljanza tal-informazzjoni trażmessa”

Fil-Kawża C‑70/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2010, fil-proċedura

Scarlet Extended SA

vs

Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs SCRL (SABAM),

fil-preżenza ta’:

Belgian Entertainment Association Video ASBL (BEA Video),

Belgian Entertainment Association Music ASBL (BEA Music),

Internet Service Provider Association ASBL (ISPA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Scarlet Extended SA, minn T. De Meese u B. Van Asbroeck, avukati,

–        għal Société belge des auteurs, compositeurs u éditeurs SCRL (SABAM), Belgian Entertainment Association Video ASBL (BEA Video) u Belgian Entertainment Association Music ASBL (BEA Music), minn F. de Visscher, B. Michaux u F. Brison, avukati,

–        għal Internet Service Provider Association ASBL (ISPA), minn G. Somers, avukat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.‑C. Halleux, kif ukoll minn C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u K. Havlíčková, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, M. Drwięcki u J. Goliński, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u C. Vrignon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni:

–        tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514);

–        tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230);

–        tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32; u corrigenda li ma jirrigwardawx il-verżjoni Maltija fil-ĠU L 195, p. 16);

–        tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), u

–        tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu  3, Vol. 29, p 514).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Scarlet Extended SA (iktar ’il quddiem “Scarlet”) u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs SCRL (SABAM) (iktar ’il quddiem “SABAM”) li tikkonċerna rifjut tal-ewwel kumpannija li timplementa sistema ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ softwer ta’ skambju ta’ arkivji (imsejjaħ “peer-to-peer”), sabiex tibblokka l-iskambju ta’ files li jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2000/31

3        Skont il-premessi 45 u 47 tad-Direttiva 2000/31:

“(45) Il-limitazzjonijiet tar-responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz kif inhuma stabbiliti f’din id-Direttiva ma jaffettwawx il-possibilità ta’ inġunzjonijiet ta’ diversi tipi; inġunzjonijiet bħal dawn jistgħu partikolarment jikkonsistu f’ordnijiet mill-qrati jew awtoritajiet ta’ amministrazzjoni li jkunu jinħtieġu t-terminazzjoni jew il-prevenzjoni ta’ xi ksur, inkluża t-tneħħija ta’ informazzjoni illegali jew tat-twaqqif ta’ aċċess għaliha.

[...]

(47)      L-Istati Membri ma jistgħux jimponu obbligu ta’ monitoraġġ fuq dawk li jipprovdu servizz biss fir-rigward ta’ obbligi ta’ natura ġenerali; dan ma jikkonċernax l-obbligu ta’ monitoraġġ f’każ speċifiku u, partikolarment, ma jaffettwax ordnijiet minn awtoritajiet nazzjonali bi qbil ma’ leġislazzjoni nazzjonali.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta' servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni.

2.      Din id-Direttiva tressaq, sal-limiti meħtieġa għall-akkwist tal-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri.

[...]”

5        Skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, inkorporat fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tagħha, intitolata “Responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz”:

“1.      Meta servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun ipprovdut li jikkonsisti fit-trasmissjoni f’network ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni provduta minn dak li jirċievi s-servizz, jew tal-proveddiment ta’ aċċess lejn network ta’ komunikazzjoni, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni trasmessa, bil-kundizzjoni li dak li jipprovdi:

a)      ma jkunx beda t-trasmissjoni;

b)      ma jkunx għażel dak li jirċievi t-trasmissjoni;

      u

ċ)      ma jkunx għażel jew immodifika l-informazzjoni li tkun tinstab fit-trasmissjoni.

[...]

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibilità għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri, li jinħtieġu li dak li jipprovdi s-servizz li jwaqqaf jew li ma jħallix li jsir ksur.”

6        Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31, li wkoll jagħmel parti mit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

2.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, li malajr kemm jista’ jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma.”

 Id-Direttiva 2001/29

7        Skont il-premessi 16 u 59 tad-Direttiva 2001/29:

“(16)          [...] Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f’perijodu ta’ żmien simili għal dak għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar kummerċ elettroniku, minħabba l-fatt li dik id-Direttiva tipprovdi qafas armonizzat ta’ prinċipji u disposizzjonijiet relevanti fost oħrajn għall-partijiet importanti ta’ din id-Direttiva. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet dwar ir-risponsabbiltà f’dik id-Direttiva.

[...]

(59)      Fl-ambitu diġitali, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ intermedjarji jistgħu jintużaw dejjem aktar minn partijiet terzi għal attivitajiet illegali. F’ħafna każi dawn l-intermedjarji jinsabu fl-aħjar posizzjoni biex itemmu dawn l-attivitajiet illegali. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għal kull sanzjoni u rimedji oħra disponibbli, detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw għal inġunzjoni kontra intermedjarju li jibgħat f’network illegalità minn terza parti ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor. Din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli anke fejn l-atti mwettqa minn intermedjarju jkunu eżenti skond l-Artikolu 5. Il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet relatati dwar dawn l-inġunzjonijiet għandhom jitħallew skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.”

8        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

 Id-Direttiva 2004/48

9        Skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2004/48:

“Mingħajr preġudizzju għal xi miżuri, proċeduri u rimedji oħra disponnibbli, il-proprjetarji tad-dritt għandhom ikollhom il-possibilità li japplikaw għall-mandat kontra xi intermedjarju li s-servizzi tiegħu qegħdin jiġu użati minn parti terza biex jiġi miksur id-dritt tal-proprjetà industrijali tad-detentur tad-drittijiet. Il-kondizzjonijiet u l-proċeduri relatati ma’ dawn il-mandati għandhom jitħallew għal-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Safejn il-kontravvenzjonijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati huma konċernati, armoniżazzjoni ta’ livell komprensiv diġà jeżisti fid-Direttiva [2001/29]. L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [2001/29] m’għandux ikun affettwat b’din id-Direttiva.”

10      Skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/48:

“Din id-Direttiva ma għand[hie]x taffettwa:

a)      id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jiggvernaw il-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intellettwali, [… u] id-Direttiva [2000/31], in ġenerali u b’mod partikolari fl-Artikoli 12 sa 15 [ta’ din id-direttiva];

[...]”

11      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

12      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn d-deċiżjoni ġudizzjarja hi meħuda u sabet li hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu joħorġu mandat kontra kontravventur bl-għan li tipprojbixxi il-kontinwazzjoni tal-kontravvenzjoni. Fejn hemm provvidament bil-liġi nazzjonali, nuqqas ta’ konformità mal-mandat għandu, fejn hu xierqa, ikun bla ħsara għall-pagament rikorrenti tal-penalità, bl-għan li jkun hemm konformità. L-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f’pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà interllettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva [2001/29].”

 Id-dritt nazzjonali

13      L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 87(1) tal-Liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994, dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Moniteur belge tas-27 ta’ Lulju 1994, p. 19297) jipprovdu:

“Il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l-President tat-Tribunal Kummerċjali […] għandhom jikkonstataw l-eżistenza u jordnaw il-waqfien ta’ kull preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur jew għal drittijiet relatati.

Huma jistgħu wkoll joħorġu ordni ta’ waqfien kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terz sabiex jiġu ppreġudikati d-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati magħhom.”

14      L-Artikoli 18 u 21 tal-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2003, dwar ċerti aspetti ġuridiċi tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (Moniteur belge tas-17 ta’ Marzu 2003, p. 12962) jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikoli 12 u 15 tad-Direttiva 2000/31.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      SABAM hija kumpannija ta’ ġestjoni li tirrappreżenta l-awturi, il-kompożituri u l-edituri ta’ xogħlijiet mużikali billi tawtorizza l-użu tax-xogħlijiet tagħhom protetti minn terzi.

16      Sacrlet hija fornitur ta’ aċċess għall-internet (iktar ’il quddiem il-“FAI”) li tikseb l-aċċess għall-internet lill-klijenti tagħha mingħajr ma tipproponi servizzi oħra bħal tniżżil (downloading) jew ta’ skambju ta’ fajls.

17      Matul is-sena 2004, SABAM waslet għall-konklużjoni li l-persuni fuq l-internet li jużaw is-servizzi ta’ Scarlet iniżżlu fuq internet, mingħajr awtorizzazzjoni u mingħajr drittijiet, xogħlijiet meħuda mill-katalogu tagħha permezz ta’ netwerks “peer-to-peer”, li huwa mezz trasparenti ta’ skambju ta’ kontenut, indipendenti, deċentralizzat u mgħammar b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tniżżil avvanzati.

18      B’ċitazzjoni tal-24 ta’ Ġunju 2004, hija b’hekk ressqet proċeduri kontra Scarlet quddiem il-President tat-tribunal de première instance de Bruxelles, billi sostniet li din il-kumpannija hija l-iktar waħda li tinsab f’pożizzjoni, bħala FAI, sabiex tadotta miżuri bil-għan li twaqqaf il-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq mill-klijenti tagħha.

19      Qabel kollox, SABAM talbet li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq ix-xogħlijiet mużikali li jappartjenu għar-repertorju tagħha, b’mod partikolari, id-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, minħabba l-iskambju mhux awtorizzat ta’ fajls elettroniċi mużikali mwettaq permezz ta’ softwer “peer-to-peer”, fejn dan il-ksur twettaq permezz tal-użu tas-servizzi ta’ Scarlet.

20      Sussegwentement hija talbet il-kundanna ta’ Scarlet sabiex twaqqaf dan il-ksur billi tagħmel impossibbli jew tibblokka kull forma ta’ spedizzjoni jew ta’ riċeviment mill-klijenti tagħha ta’ fajls li jġorru xogħol mużikali mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ min għandu d-drittijiet għal dan ix-xogħol, permezz ta’ softwer “peer-to-peer”, taħt piena ta’ multa. Fl-aħħar nett SABAM talbet li Scarlet tikkomunikalha deskrizzjoni tal-miżuri li hija kienet ser tapplika bil-għan li tosserva d-deċiżjoni li kellha tingħata, taħt piena ta’ multa.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2004, il-President tat-tribunal de première instance de Bruxelles ikkonstata l-eżistenza tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur ilmentat minn SABAM, iżda, qabel ma ddeċieda dwar it-talba ta’ waqfien, ħatar espert, sabiex jiġi eżaminat jekk is-soluzzjonijiet tekniċi proposti minn SABAM humiex teknikament possibbli, jekk dawn jippermettux li jiġu filtrati biss l-iskambji illegali ta’ fajls elettroniċi kif ukoll jekk jeżistux mezzi oħra li jistgħu jikkontrollaw l-użu ta’ softwer “peer-to-peer” u sabiex jiddetermina l-ispiża tal-mezzi intiżi għal dawn is-soluzzjonijiet.

22      Fir-rapport tiegħu, l-espert maħtur ikkonkluda li, minkejja bosta ostakli tekniċi, ma huwiex kompletament eskluż li huwa possibbli li ssir filtrazzjoni u bblokkar tal-iskambji illegali ta’ fajls elettroniċi.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2007, il-President tat-tribunal de première instance de Bruxelles b’hekk ikkundanna lil Scarlet sabiex twaqqaf il-ksur tad-drittijiet tal-awtur ikkonstatat fid-deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2004, billi tagħmel impossibbli li permezz ta’ softwer “peer-to-peer” il-klijenti tagħha jibagħtu jew jirċievu fajls elettroniċi li jġorru xogħol mużikali mir-repertorju ta’ SABAM taħt piena ta’ multa.

24      Scarlet appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju billi sostniet, qabel kollox, li huwa impossibbli għaliha li tikkonforma ruħha mal-imsemmi ordni peress li l-effikaċja u l-permanenza ta’ sistemi ta’ bblokkar jew ta’ filtrazzjoni ma ġewx ipprovati u l-implementazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi jsibu bosta ostakli prattiċi, bħall-problemi ta’ kapaċità tan-netwerk u tal-impatt fuqu. Barra minn hekk, kull tentattiv ta’ bblokkar tal-fajls ikkonċernati jispiċċa fix-xejn fi żmien qasir ħafna peress li, attwalment, jeżisti bosta softwer “peer-to-peer” li jagħmel impossibbli l-verifika tal-kontenut tagħhom minn terzi.

25      Sussegwentement, Scarlet sostniet li l-imsemmi ordni ma huwiex konformi mal-Artikolu 21 tal-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2003 dwar ċerti aspetti ġuridiċi tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, li tittrasponi fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31, peress li hija timponilha, de facto, obbligu ġenerali ta’ sorveljanza tal-komunikazzjonijiet tan-netwerk tagħha, ġaladarba kull mekkaniżmu ta’ bblokkar jew ta’ filtrazzjoni tat-traffiku “peer-to-peer” jippreżumi neċessarjament sorveljanza ġeneralizzata tal-komunikazzjonijiet kollha li jgħaddu minn fuq dan in-netwerk.

26      Fl-aħħar nett, Scarlet ikkunsidrat li l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ filtrazzjoni tippreġudika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data ta’ natura personali u s-sigriet tal-komunikazzjonijiet, peress li tali filtrazzjoni timplika l-ipproċessar tal-indirizzi IP, fejn dawn tal-aħħar huma data personali.

27      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju qieset li, qabel ma tivverifika jekk mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni u ta’ bblokkar tal-fajls “peer-to-peer” jeżistix u jistax ikun effikaċi, jeħtieġ li tiżgura li l-obbligi li jistgħu jiġu imposti lil Scarlet ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’appel de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-Direttivi 2001/29 u 2004/48, moqrija flimkien mad-Direttivi 95/46, 2000/31 u 2002/58, interpretati b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikoli 8 u 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jippermettu lill-Istati Membri jawtorizzaw lil qorti nazzjonali li quddiemha jitressqu l-proċeduri prinċipali u abbażi tas-sempliċi dispożizzjoni legali li tipprovdi li: ‘[Il-qorti nazzjonali tista’] wkoll [toħroġ] ordni ta’ twaqqif kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn terz sabiex [jiġu ppreġudikati d-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati magħhom’], sabiex tordna lil [f]ornitur ta’ [a]ċċess għall-[i]nternet (fil-qosor, ‘FAI’) li jistabbilixxi, għall-klijentela kollha tiegħu, in abstracto u bħala prevenzjoni, bl-ispejjeż esklużivament fuq dan il-FAI u mingħajr limitu ta’ żmien, sistema ta’ filtrazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha, kemm dawk irċevuti kif ukoll dawk li jintbagħtu, permezz tas-servizzi tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ software peer-to-peer, sabiex tiġi identifikata fuq in-netwerk tiegħu ċ-ċirkulazzjoni ta’ fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali, ċinematografiku jew awdjo-viżiv li l-applikant jallega li għandu drittijiet fuqhom u mbagħad [jibblokka] t-trasferiment ta’ dawn, sew meta ssir it-talba, sew meta jintbagħtu?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, dawn id-direttivi jimponu fuq il-qorti nazzjonali, mitluba tiddeċiedi fuq talba għal ordni fil-konfront ta’ intermedjarju li s-servizzi tiegħu jintużaw minn terz sabiex [jiġu ppreġudikati drittijiet] tal-awtur, l-obbligu li tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta hija tiġi biex tiddeċiedi fuq l-effikaċja u l-effett dissważiv tal-miżura mitluba?”

 Fuq id-domandi preliminari

29      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttivi 2000/31, 2001/29, 2004/48, 95/46 u 2002/58, moqrija flimkien u interpretati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ordni lil FAI li jistabbilixxi sistema ta’ filtrazzjoni

–        tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha li jgħaddu mis-servizzi tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ softwer “peer-to-peer”;

–        li tapplika mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-klijentela kollha tiegħu;

–        b’mod preventiv;

–        fuq spejjeż tiegħu biss, u

–        mingħajr limitazzjoni ratione temporis,

li tista’ tidentifika fuq in-netwerk ta’ dan il-fornitur iċ-ċirkolazzjoni ta’ fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali, ċinematografiku jew awdjoviżiv u li fir-rigward tiegħu, min jitlob dan ix-xogħol jallega li għandu drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, bil-għan li tibblokka t-trasferiment ta’ fajls li l-iskambju tagħhom jippreġudika d-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża”).

30      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u t-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, il-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jistgħu jitolbu li digriet permezz ta’ talba jingħata kontra intermedjarji, bħall-FAI, li s-servizzi tagħhom jintużaw mit-terzi sabiex jippreġudikaw id-drittijiet tagħhom.

31      Sussegwentement, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kompetenza attribwita lill-qrati nazzjonali, skont dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tippermettilhom jordnaw lill-imsemmija intermedjarji jadottaw miżuri intiżi mhux biss sabiex jintemm il-ksur li diġà twettaq fuq id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali permezz tas-servizzi tagħhom tas-soċjetà tal-informazzjoni, iżda wkoll sabiex jiġi evitat ksur ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, Ġabra p. I‑0000, punt 131).

32      Fl-aħħar nett, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-kundizzjonjiet tal-ordnijiet li għandhom jipprovdu l-Istati Membri skont l-imsemmija Artikolu 8(3), u t-tielet sentenza tal-Artikolu 11, bħal dawk relatati mal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti u l-proċedura li għandha tiġi segwita, jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali (ara, mutatis mutandis, is-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 135).

33      B’hekk, dawn ir-regoli nazzjonali, l-istess bħall-applikazzjoni tagħhom mill-qrati nazzjonali, għandhom josservaw il-limitazzjonijiet li jirriżultaw mid-Direttivi 2001/29 u 2004/48, kif ukoll mis-sorsi tad-dritt li għalihom jirreferu dawn id-direttivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 138).

34      B’hekk, skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 2(3)(a) tad-Direttiva 2004/48, l-imsemmija regoli stabbiliti mill-Istati Membri ma jistgħux jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31 u, b’mod iktar speċifiku, l-Artikoli 12 sa 15 tagħha.

35      Għalhekk, dawn l-istess regoli għandhom josservaw b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 li tipprojbixxi lill-awtoritajiet nazzjonali milli jadottaw miżuri li jobbligaw lil FAI jipproċedi għal sorveljanza ġenerali tal-informazzjoni li jitrażmetti fuq in-netwerk tiegħu.

36      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali projbizzjoni hija estiża b’mod partikolari għall-miżuri nazzjonali li jobbligaw lil fornitur intermedjarju, bħal FAI, sabiex iwettaq sorveljanza attiva tad-data kollha ta’ kull wieħed mill-klijenti tiegħu sabiex jipprevjeni kull ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fil-futur. Barra minn hekk, tali obbligu ta’ sorveljanza ġenerali huwa inkompatibbli mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48, li tipprovdi li l-miżuri msemmija minn din tal-aħħar għandhom ikunu ekwi u proporzjonati u ma għandhomx ikunu eċċessivament għoljin (ara s-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 139).

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi lil FAI sabiex jistabbilixxi s-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża, jobbligahx jipproċedi, f’din l-okkażjoni, għal sorveljanza attiva tad-data kollha ta’ kull wieħed mill-klijenti tiegħu sabiex jipprevjeni kull ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fil-futur.

38      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-istabbiliment ta’ din is-sistema ta’ filtrazzjoni jippreżumi

–        li l-FAI jidentifika, fl-ewwel lok, fi ħdan il-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha tal-klijenti kollha tiegħu, il-fajls li jaqgħu taħt it-traffiku ta’ skambji “peer-to-peer”;

–        li jidentifika, fit-tieni lok, fil-kuntest ta’ dan it-traffiku, il-fajls li jinkludu xogħlijiet li fir-rigward tagħhom il-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jallegaw li għandhom drittijiet;

–        li jiddetermina, fit-tielet lok, liema minn dawn il-fajls jiġu skambjati illegalment, u

–        li jipproċedi, fir-raba’ lok, għall-ibblokkar tal-iskambji ta’ fajls li huwa jikkwalifika bħala illegali.

39      B’hekk, tali sorveljanza preventiva tirrikjedi osservazzjoni attiva tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha mwettqa fuq in-netwerk tal-FAI kkonċernat u, b’hekk, tiġbor fiha kull informazzjoni li għandha tiġi trażmessa u kull klijent li juża dan in-netwerk.

40      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-ordni lill-FAI kkonċernat li jistabbilixxi s-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża jobbligah jipproċedi sabiex iwettaq sorveljanza attiva tad-data kollha li tikkonċerna l-klijenti kollha tiegħu sabiex jipprevjeni kull ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fil-futur. B’hekk tali ordni jimponi fuq l-imsemmi FAI sorveljanza ġenerali li hija pprojbita mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31.

41      Sabiex tiġi evalwata l-konformità ta’ dan l-ordni mad-dritt tal-Unjoni, għandhom barra minn hekk jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu għan intiż sabiex jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, li jagħmlu parti mid-dritt ta’ proprjetà intellettwali, drittijiet li jistgħu jinkisru minħabba n-natura u l-kontenut ta’ ċerti komunikazzjonijiet elettroniċi mwettqa permezz tan-netwerk tal-FAI kkonċernat.

43      Il-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali hija ċertament stabbilita fl-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Min-naħa l-oħra, imkien ma jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tali dritt huwa intanġibbli u li għalhekk il-protezzjoni tiegħu għandha tiġi żgurata b’mod assolut.

44      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 62 sa 68 tas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, Ġabra p. I‑271), il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għal proprjetà, li minnu jagħmlu parti d-drittijiet marbuta mal-proprjetà intellettwali, għandha tiġi bbilanċjata ma’ dik ta’ drittijiet fundamentali oħra.

45      B’mod iktar speċifiku, mill-punt 68 tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali, fil-kuntest tal-miżuri adottati għall-protezzjoni tal-proprjetarji ta’ drittijiet tal-awtur, li għandhom jiżguraw ekwilibriju ġust bejn il-protezzjoni ta’ dan id-dritt u dik tad-drittijiet fundamentali ta’ persuni affettwati minn tali miżuri.

46      B’hekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw b’mod partikolari ekwilibriju ġust bejn il-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, li minnu jgawdu l-proprjetarji kollha ta’ drittijiet tal-awtur, u dak tal-libertà ta’ impriża li minnu jgawdu l-operaturi bħall-FAI skont l-Artikolu 16 tal-Karta.

47      Issa, f’dan il-każ, l-ordni li tiġi stabbilita s-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża jimplika li jiġu ssorveljati, fl-interess ta’ dawn il-proprjetarji, il-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha mwettqa fuq in-netwerk tal-FAI kkonċernat, fejn din is-sorveljanza hija barra minn hekk mingħajr limitazzjonijiet ratione temporis, hija intiża għal kull ksur fil-futur u tippreżumi li għandha tipproteġi mhux biss xogħlijiet eżistenti iżda wkoll dawk futuri li kienu għadhom ma nħolqux fi żmien l-istabbiliment ta’ din is-sistema.

48      B’hekk, tali ordni jikkawża ksur karatteristiku tal-libertà ta’ impriża tal-FAI kkonċernat peress li dan jobbligah jistabbilixxi sistema informatika kumplessa, għolja, permanenti u għall-ispejjeż tiegħu biss, li barra minn hekk tmur kontra l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/48, li jirrikjedi li l-miżuri sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma jkunux inutilment kumplessi jew għolja.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ordni li tiġi stabbilita s-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża għandu jitqies li ma josservax ir-rekwiżit li jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn, minn naħa, il-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, li minnu jgawdu l-proprjetarji kollha ta’ drittijiet tal-awtur, u, min-naħa l-oħra, dik tal-libertà ta’ impriża li minnha jibbenefikaw l-operaturi bħall-FAI.

50      Barra minn hekk, l-effetti tal-imsemmi ordni ma jillimitawx ruħhom għall-FAI kkonċernat, fejn is-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża tista’ wkoll tikser id-drittijiet fundamentali tal-klijenti ta’ dan il-FAI, jiġifieri d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali kif ukoll il-libertà tagħhom li jirċievu jew jikkomunikaw informazzjoni, fejn dawn id-drittijiet huma protetti mill-Artikoli 8 u 11 tal-Karta.

51      Fil-fatt, huwa paċifiku, minn naħa, li l-ordni li tiġi stabbilita s-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża jimplika analiżi sistematika tal-kontenuti kollha kif ukoll il-ġabra u l-identifikazzjoni tal-indirizzi IP tal-utenti li huma responsabbli talli jintbagħat il-kontenut illegali fuq in-netwerk, fejn dawn l-indirizzi huma data protetta ta’ natura personali, peress li jippermettu l-identifikazzjoni preċiża tal-imsemmija utenti.

52      Min-naħa l-oħra, huwa probabbli li l-imsemmi ordni jikser il-libertà tal-informazzjoni peress li hemm ir-riskju li din is-sistema ma tagħmilx distinzjoni suffiċjenti bejn kontenut illegali u kontenut legali, b’tali mod li l-implementazzjoni tagħha jista’ jkollha effett li tikkawża l-ibblokkar tal-komunikazzjonijiet b’kontenut legali. Fil-fatt, huwa paċifiku li r-risposta għad-domanda tal-legalità ta’ trażmissjoni tiddependi wkoll mill-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet legali għad-drittijiet tal-awtur li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, ċerti xogħlijiet jistgħu jaqgħu, f’ċerti Stati Membri, taħt il-qasam pubbliku jew jistgħu jkunu suġġetti għal tqegħid on-line b’xejn min-naħa tal-awturi kkonċernati.

53      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat l-ordni li jobbliga lill-FAI jistabbilixxi s-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża, il-qorti nazzjonali kkonċernata ma tosservax ir-rekwiżit li jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn id-dritt ta’ proprjetà intellettwali, minn naħa, u l-libertà ta’ impriża, id-dritt għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali u l-libertà li wieħed jirċievi jew jikkomunika informazzjoni, min-naħa l-oħra.

54      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-Direttivi 2000/31, 2001/29, 2004/48, 95/46 u 2002/58, moqrija flimkien u interpretati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ordni lil FAI li jistabbilixxi s-sistema ta’ filtrazzjoni kontenzjuża.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttivi:

–        2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku);

–        2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni;

–        2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

–        tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u

–        2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika),

moqrija flimkien u interpretati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ordni lil fornitur ta’ aċċess għall-internet li jistabbilixxi sistema ta’ filtrazzjoni

–        tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha li jgħaddu mis-servizzi tagħha, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ softwer “peer-to-peer”;

–        li tapplika mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-klijentela kollha tiegħu;

–        b’mod preventiv;

–        fuq spejjeż tiegħu biss, u

–        mingħajr limitazzjoni ratione temporis,

li tista’ tidentifika fuq in-netwerk ta’ dan il-fornitur iċ-ċirkolazzjoni ta’ fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali, ċinematografiku jew awdjoviżiv u li fir-rigward tiegħu, min jitlob dan ix-xogħol jallega li għandu drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, bil-għan li tibblokka t-trasferiment ta’ fajls li l-iskambju tagħhom jippreġudika d-drittijiet tal-awtur.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.