Language of document : ECLI:EU:C:2013:17

Kawża C-360/11

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju ta’ Spanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa — Artikoli 96 u 98(2) — Anness III, punti 3 u 4 — ‘Prodotti farmaċewtiċi ta’ tip normalment użati għall-kura tas-saħħa, għall-prevenzjoni tal-mard u bħala trattament għal skopijiet mediċi u veterinarji’ — ‘Tagħmir mediku, għajnuniet u strumenti oħra normalment maħsuba biex itaffu jew [sabiex] jikkuraw id-diżabilità, għall-użu esklussiv u personali tal-persuni b’diżabilità’”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Jannar 2013

1.        Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Dispożizzjoni li għandha n-natura ta’ deroga — Interpretazzjoni stretta

2.        Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Dispożizzjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri — Interpretazzjoni awtonoma u uniformi

3.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi — Prodott farmaċewtiku — Kunċett — Kunċett li jinkludi dak ta’ prodott mediċinali — Prodotti li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni tal-prodotti mediċinali — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 1238/2010, Anness I; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/83; Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 98 u Anness III, punt 3)

4.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi — Tagħmir mediku — Kunċett — Tagħmir iddestinat għal użu ġenerali għall-bnedmin u għall-annimali — Esklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 98 u Anness III, punt 4)

5.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi — Tagħmir mediku użat sabiex itaffi d-diżabbiltà tal-bnedmin — Kunċett — Tagħmir użat għall-annimali — Tagħmir mhux irriżervat għall-użu personali — Esklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 98 u Anness III, punti 3 u 4)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 18)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 19)

3.        Il-kunċett ta’ “prodott farmaċewtiku”, li għalih japplikaw ir-rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fis-sens tal-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li, filwaqt li jinkludi l-kunċett ta’ “prodott mediċinali” fis-sens tad-Direttiva 2001/83, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, dan għandu jiġi interpretat bħala li għandu sens iktar wiesa’ minn dak tal-aħħar. Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-kunċett ta’ “prodott farmaċewtiku”, użat fil-Kapitolu 30 tan-Nomenklatura Magħquda li jinsab fl-Anness I tar-Regolament 2658/89, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika, u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1238/2010, li jsemmi bħala prodotti farmaċewtiċi mhux biss il-prodotti mediċinali, iżda wkoll preparazzjonijiet oħra u artikoli farmaċewtiċi, bħall-materjal tessili artab, drappijiet tal-pezza, strixxi u l-artikoli li jixxiebhu.

Minbarra dan, jirriżulta mit-termini tal-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 li l-oġġetti għandhom ikunu “normalment użati għall-kura tas-saħħa, għall-prevenzjoni tal-mard u bħala trattament għal skopijiet mediċi u veterinarji”. Isegwi li l-punt 3 jirreferi biss għall-prodotti lesti, li jistgħu jintużaw direttament mill-konsumatur finali, bl-esklużjoni ta’ prodotti li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni tal-prodotti mediċinali, li normalment għandhom jiġu pproċessati ulterjorment.

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, li huwa li jagħmel inqas oneruż, u għalhekk iktar aċċessibbli għall-konsumatur finali, li jbati b’mod definittiv it-taxxa fuq il-valur miżjud, ċerti oġġetti li huma kkunsidrati bħala partikolarment neċessarji.

(ara l-punti 43, 44, 46-48)

4.        Il-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ma jippermettix li tiġi applikata rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għal kategorija ta’ oġġetti li jikkonsistu f’mezzi mediċi, materjal, tagħmir u apparat li ma jistgħux jintużaw ħlief għall-prevenzjoni, dijanjostika, trattament, taffija jew kura tal-mard jew tal-kundizzjonijiet mediċi tal-bniedem jew tal-annimali.

Din id-dispożizzjoni, minn naħa, ma tkoprix il-mezzi mediċi, il-materjal, it-tagħmir u l-apparat kollha, indipendentement mill-użu li għalih huma ddestinati, u, min-naħa l-oħra, jirreferu biss għall-użu mill-bniedem, bl-esklużjoni tal-użu veterinarju. Fil-fatt, mhux biss il-kategoriji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress illi d-dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni inkwistjoni għandha n-natura ta’ miżura ta’ deroga, iżda l-kunċetti użati f’dan l-anness għandhom jiġu interpretati skont is-sens abitwali tat-termini inkwistjoni.

(ara l-punti 59, 63, 64)

5.        Jirriżulta ċar mit-termini tat-tieni sentenza tal-punt 4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, li din id-dispożizzjoni tippermetti li tiġi applikata rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud unikament għat-tagħmir mediku, l-istrumenti l-oħra u l-apparat l-ieħor normalment iddestinati sabiex itaffu jew jittrattaw diżabbiltajiet tal-bnedmin.

It-terminu “b’diżbabbiltà”, użat f’din il-frażi tal-imsemmija dispożizzjoni, jirreferi għalhekk mhux għall-annimali milquta minn diżabbiltà fiżika, iżda unikament għall-persuni.

Minbarra dan, jirriżulta mill-istess sens tat-termini “persunali” u “esklussiv” li jinsabu fil-punt 4 li dan ma jirreferix għall-apparat u l-aċċessorji essenzjalment jew prinċipalment użati sabiex itaffu diżabbiltajiet tal-bniedem, iżda li ma humiex irriżervati għall-użu personali u esklużiv tal-persuni b’diżabbiltà. Fil-fatt, l-għan li jikkonsisti f’li jtaffi l-ispiża għall-konsumatur finali ta’ ċerti oġġetti essenzjali, ma jippermettix li tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għall-mezzi mediċi għal użu ġenerali użati minn sptarijiet u minn professjonisti tas-servizzi sanitarji. L-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fil-każ ta’ oġġett li jista’ jintuża b’modi differenti minn dawk previsti fil-punt 4, hija wkoll suġġetta, għal kull tranżazzjoni ta’ kunsinna, għall-użu konkret li għalih dan l-oġġett huwa ddestinat mix-xerrej tiegħu.

(ara l-punti 73, 85-87 u d-dispożittiv)