Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bacău (ir-Rumanija) fl-24 ta’ April 2017 – SC Topaz Development SRL vs Constantin Juncu, Raisa Juncu (née Cernica)

(Kawża C-211/17)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Bacău

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SC Topaz Development SRL

Konvenuti: Constantin Juncu u Raisa Juncu (née Cernica)

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 1 għandhom jiġu interpretati u applikati fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali – hekk kif ġew ippreżentati mir-rikorrenti/appellanti fil-kawża prinċipali [jiġifieri, SC Topaz Development SRL], li tirreferi għall-ġurisprudenza nazzjonali [sentenza tal-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (Qorti Superjuri ta’ Kassazzjoni u ta’ Ġustizzja, ir-Rumanija), Sezzjoni Kummerċjali, Nru 1646 mogħtija fit-18 ta’ April 2011, u s-sentenza tal-Curtea de Apel Bacău (Qorti tal-Appell ta’ Bacău, ir-Rumanija), Nru 466, mogħtija fl-appell fis-6 ta’ April 2016 fil-kawża Nru 3364/110/2014], u li fihom il-prova tan-natura nnegozjata tal-klawżoli kollha ta’ kuntratt ta’ konvenju konkluż mill-partijiet tirriżulta mis-sempliċi fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali, inkwantu konsumaturi, taw il-kunsens tagħhom għal dawn il-klawżoli billi ffirmaw l-imsemmi kuntratt, li ġie preċedentement redatt mill-aġent tal-proprjetà u li sussegwentement ġie awtentifikat minn nutar – il-preżunzjoni sempliċi tan-natura mhux innegozjata tal-klawżoli redatti preċedentement mill-bejjiegħ jew mill-fornitur ġiet bħala prinċipju eskluża mill-prova kuntrarja?

Il-klawżoli msemmija taħt [il-punt 1](d), (e), (f) u (i) tal-Anness tad-Direttiva 93/13 ikopru, bħala prinċipju, tipi ta’ klawżoli li jinsabu fil-kuntratti ta’ konvenju redatti minn qabel minn aġenti tal-proprjetà li huma bejjiegħa jew fornituri, bħall-konvenuta/appellanti fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-klawżoli tal-punti 3.2.2 u 7.1 tal-kuntratt ta’ konvenju konkluż mill-partijiet fil-kawża prinċipali, li jipprevedu ftehim ta’ rexissjoni ta’ livell IV kif ukoll klawżola kriminali esklużivament favur il-bejjiegħ?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda preliminari, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li ma jippermettix (li jipprojbixxi) lill-qorti nazzjonali temenda l-klawżoli inkwistjoni, li n-natura inġusta tagħhom tkun ġiet ikkonstatata, billi tiddeċiedi li l-ftehim ta’ rexissjoni ta’ livell IV jkun jista’ japplika f’ċirkustanzi oħra minbarra dawk espressament previsti mill-kuntratt ta’ konvenju (pereżempju, mhux għal kull tip ta’ dewmien jew nuqqas ta’ ħlas, irrispettivament mill-ammont, iżda biss għal dewmien jew nuqqas ta’ ħlas li jeċċedi ċertu ammont, meqjusa mill-qorti, skont il-każ speċifiku, bħala sostanzjali), u billi tiddeċiedi li tnaqqas (li tillimita) l-ammont tal-klawżola kriminali għas-somom imħallsa bħala kapparra mix-xerrej sad-data ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ rexissjoni? F’dan il-każ, il-qorti nazzjonali għandha tillimita lilha nnifisha li tikkonstata li dawn il-klawżoli ma japplikawx għall-konsumatur inkwistjoni?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).