Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta' Ġunju 2011 - Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-209/08) 1

("Kompetizzjoni - Akkordji - Suq tas-servizzi ta' ġarr internazzjonali fil-Belġju - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE - Iffissar tal-prezzijiet - Tqassim tas-suq - Manipulazzjoni ta' sejħiet għal offerti - Ksur uniku u kontinwu - Kunċett ta' impriża - Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur - Multi - Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 - Gravità - Tul taż-żmien")

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Gosselin Group NV, li kienet Gosselin World Wide Moving NV (Deurne, il-Belġju) (rappreżentanti: F. Wijckmans u S. De Keer, avukati) (Kawża T-208/08); u Stichting Administratiekantoor Portielje (Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: D. Van hove, avukat) (Kawża T-209/08)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouquet u F. Ronkes Agerbeek, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta' Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 - Servizzi ta' ġarr internazzjonali), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5810 finali, tal-24 ta' Lulju 2009, kif ukoll, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta lir-rikorrenti.

Dispożittiv

Fil-Kawża T-208/08, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta' Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 - Servizzi ta' ġarr internazzjonali), hija annullata sa fejn din tikkonstata li Gosselin Group NV ipparteċipat fi ksur tal-Artikolu 81(1) KE matul il-perijodu mit-30 ta' Ottubru 1993 sal-14 ta' Novembru 1996.

L-ammont tal-multa imposta lil Gosselin Group fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C (2008) 926, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5810 finali, tal-24 ta' Lulju 2009, hija ffissata għal EUR 2.32 miljun.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Fil-Kawża T-209/08, id-Deċiżjoni C (2008) 926, kif emendata bid-Deċiżjoni C (2009) 5810, hija annullata sa fejn tikkonċerna lil Stichting Administratiekantoor Portielje.

Fil-Kawża T-208/08, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Fil-Kawża T-209/08, il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1 - ĠU C 223, 30.08.2008.