Language of document : ECLI:EU:C:2014:2132

Kawża C‑201/13

Johan Deckmyn
u

Vrijheidsfonds VZW

vs

Helena Vandersteen et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Brussel)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/29/KE — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Dritt ta’ riproduzzjoni — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Kunċett ta’ ʻparodijaʼ — Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta’ Settembru 2014

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Dritt ta’ riproduzzjoni, dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet u dritt li suġġetti protetti oħra jkunu disponibbli għall-pubbliku — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Użu għal finijiet ta’ parodija — Parodija — Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(3)(k))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29 — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Dritt ta’ riproduzzjoni, dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet u dritt li suġġetti protetti oħra jkunu disponibbli għall-pubbliku — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Użu għal finijiet ta’ parodija — Kunċett ta’ parodija — Applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni li għandha tosserva bilanċ ġust bejn l-interessi u d-drittijiet inkwistjoni — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 2, 3 u 5(3)(k))

1.        L-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29/KE, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ parodija li jinsab f’din id-dispożizzjoni jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punt 17 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parodija għandha bħala karatteristiċi essenzjali, minn naħa, li tevoka xogħol eżistenti, filwaqt li jkollha differenzi perċettibbli meta pparagunata miegħu, u, min-naħa l-oħra, li tikkostitwixxi manifestazzjoni ta’ umoriżmu jew li twaqqa’ għaċ-ċajt. Il-kunċett ta’ parodija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet li jgħidu li l-parodija għandha jkollha natura oriġinali tagħha stess, barra minn dik li jkollha differenzi perċettibbli meta pparagunata max-xogħol oriġinali li jkun is-suġġett tal-parodija, li għandha tkun tista’ raġonevolment tiġi attribwita lil persuna li ma tkunx l-awtur tax-xogħol oriġinali stess, li għandha tirrigwarda x-xogħol oriġinali stess jew li għandha ssemmi s-sors tax-xogħol li jkun is-suġġett tal-parodija.

L-applikazzjoni, f’sitwazzjoni konkreta, tal-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, għandha tosserva bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi u d-drittijiet tal-persuni msemmija fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ espressjoni tal-utent ta’ xogħol protett li jibbaża ruħu fuq l-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(3)(k).

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, bis-suppożizzjoni li d-disinn inkwistjoni jwieġeb għall-imsemmija karatteristiċi essenzjali tal-parodija, tosservax dan il-bilanċ ġust.

(ara l-punti 33-35 u d-dispożittiv 2)