Language of document : ECLI:EU:C:2013:33

Kawżi magħquda C‑186/11 u C‑209/11

Stanleybet International Ltd (C-186/11),

William Hill Organization Ltd (C-186/11),

William Hill plc (C-186/11),

Sportingbet plc (C-209/11)

vs

Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon,

Ypourgos Politismou

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias)

“Artikoli 43 u 49 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera logħob tal-ażżard lil impriża waħda li għandha l-istruttura ġuridika ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, ikkwotata fil-Borsa — Reklamar tal-logħob tal-ażżard u espansjoni fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea — Kontroll mill-Istat”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-24 ta’ Jannar 2013

1.        Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti sistema ta’ esklużività tal-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob lil operatur wieħed suġġett għal kontroll mill-Istat — Inammissibbiltà — Ġustifikazzjoni — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Għan ta’ limitazzjoni fl-offerta għal-logħob tal-ażżard u l-ġlieda kontra l-kriminalità — Obbligu li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Artikoli 43 KE u 49 KE)

2.        Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti sistema ta’ esklużività tal-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob lil operatur wieħed suġġett għal kontroll mill-Istat — Inammissibbiltà — Possibbiltà għall-amministrazzjoni nazzjonali li ma teżaminax, għal perijodu tranżitorju, talbiet għall-awtorizzazzjoni fis-settur tal-logħob tal-ażżard — Assenza

(Artikoli 43 KE u 49 KE)

3.        Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti sistema ta’ esklużività tal-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob lil operatur wieħed suġġett għal kontroll mill-Istat — Inammissibbiltà — Rifjut tal-għoti lill-amministrazzjoni nazzjonali kkonċernata ta’ perijodu tranżitorju sabiex ma teżaminax, għal perijodu tranżitorju, talbiet għall-awtorizzazzjoni f’dan is-settur — Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard fil-kuntest ta’ talbiet bħal dawn — Osservanza ta’ regoli fundamentali tat-trattati u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza

(Artikoli 43 KE u 49 KE)

1.        L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti d-dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob tal-ażżard lil impriża waħda meta, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni ma tirrispondix realment għar-rieda li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob u li jiġu limitati l-attivitajiet f’dan is-settur b’mod koerenti u sistematiku u, min-naħa l-oħra, meta kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-espansjoni tas-settur tal-logħob tal-ażżard, sa fejn huwa biss neċessarju għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob, ma jiġix żgurat, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ dan.

(ara l-punt 36 u d-dispożittiv 1)

2.        Fil-każ ta’ inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard mad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux ma jeżaminawx, matul it-tul ta’ perijodu tranżitorju, talbiet dwar l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet fis-settur tal-logħob tal-ażżard.

(ara l-punti 38, 39 u d-dispożittiv 2)

3.        Fil-każ ta’ inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikoli 43 KE u 49 KE, ir-rifjut tal-għoti lill-amministrazzjoni nazzjonali kkonċernata ta’ perijodu tranżitorju sabiex ma teżaminax, għal perijodu tranżitorju, talbiet dwar l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet fis-settur tal-logħob tal-ażżard ma jwassalx neċessarjament għall-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat biex jilliberalizza s-suq fil-logħob tal-ażżard fil-każ fejn huwa jqis li tali liberalizzazzjoni ma hijiex kompatibbli mal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni pubbliku li dan l-Istat Membru għandu jiżgura. Fil-fatt, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, huwa possibbli għall-Istati Membri li jagħmlu riforma fil-monopolju eżistenti sabiex jagħmluh kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat, billi jissottomettuh b’mod partikolari għall-kontroll effettiv u strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi.

Fi kwalunkwe każ, jekk l-Istat Membru kkonċernat kellu jikkunsidra li riforma fil-monopolju eżistenti sabiex jagħmluh kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat, ma hijiex possibbli u li l-liberalizzazzjoni tas-suq fil-logħob tal-ażżard tissodisfa aħjar il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni pubbliku li dan l-Istat Membru għandu jiżgura, huwa jkun marbut josserva r-regoli fundamentali tat-trattati, b’mod partikolari l-Artikoli 43 KE u 49 KE, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu konsegwenti ta’ trasparenza. F’każ bħal dan, l-introduzzjoni f’dan l-Istat Membru ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għal dak li jirrigwarda l-offerta ta’ ċertu tip ta’ logħob tal-ażżard għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, b’mod li jiċċirkoskrivi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tkunx tista’ tiġi użata b’mod arbitrarju.

(ara l-punti 46-48 u d-dispożittiv 3)