Language of document : ECLI:EU:T:2008:574

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Diċembru 2008 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjonijiet għat-trade mark Komunitarja verbali u figurattiva BUD – Denominazzjonijiet ‘bud’ – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-Kawżi magħquda T‑225/06, T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06,

Budějovický Budvar, národní podnik, stabbilita f’Česke Budějovice (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn F. Fajgenbaum u C. Petsch, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard‑Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Anheuser-Busch, Inc., stabbilita f’Saint Louis, Missouri (l-Istati Uniti), inizjalment irrappreżentata minn V. von Bomhard, A. Renck, B. Goebel u A. Pohlmann, sussegwentement minn V. von Bomhard, A. Renck u B. Goebel, avukati,

li għandhom bħala suġġett ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, mogħtija fl-14 ta’ Ġunju (Każ R 234/2005-2), fit-28 ta’ Ġunju (Każijiet R 241/2005-2 u R 802/2004-2) u fl-1 ta’ Settembru 2006 (Każ R 305/2005-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Budějovický Budvar, národní podnik u Anheuser-Busch, Inc.,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn V. Tiili, President, F. Dehousse (Relatur) u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Awwissu (Kawża T‑225/06), fil-15 ta’ Settembru (Kawżi T‑255/06 u T‑257/06) u fl-14 ta’ Novembru 2006 (Kawża T‑309/06),

wara li rat ir-risposti tal-UASI ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Jannar (Kawża T‑225/06), fl-20 ta’ Frar (Kawża T‑257/06), fis-26 ta’ April (Kawża T‑255/06) u fis-27 ta’ April 2007 (Kawża T‑309/06),

wara li rat ir-risposti ta’ Anheuser-Busch, Inc. ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Jannar (Kawża T‑225/06), fit-28 ta’ Frar (Kawża T‑257/06), fis-7 ta’ Mejju (Kawża T‑255/06) u fl-24 ta’ Mejju 2007 (Kawża T‑309/06),

wara li rat id-digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Frar 2008, li permezz tiegħu ordna li l-kawżi preżenti jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

wara s-seduta tal-1 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

A –  Id-dritt internazzjonali

1        L-Artikoli 1 sa 5 tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar il-Protezzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Liżbona”), adottat fil-31 ta’ Ottubru 1958, rivedut fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979, jiddisponu kif ġej:

“Artikolu 1

1)      Il-pajjiżi li għalihom japplika dan il-Ftehim jikkostitwixxu Unjoni Speċjali fil-qafas tal-Unjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali.

2)      Huma jobbligaw ruħhom li jipproteġu, fit-territorji tagħhom, skont it-termini ta’ dan il-Ftehim, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini ta’ prodotti tal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Speċjali, li huma rikonoxxuti u protetti bħala tali fil-pajjiż ta’ oriġini u rreġistrati fl-Uffiċċju Internazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali […] li għalih tirreferi l-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali […]

Artikolu 2

1)      F’dan il-Ftehim, ‘denominazzjoni ta’ oriġini’ tfisser l-isem ġeografiku ta’ pajjiż, ta’ reġjun jew ta’ lokalità li jservi sabiex jindika prodott li joriġina minn hemm u li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma dovuti esklużivament jew essenzjalment għall-ambjent ġeografiku, li jinkludi l-fatturi naturali u umani.

2)      Il-pajjiż ta’ oriġini huwa dak li ismu, jew dak li fih jinsab ir-reġjun jew il-lokalità li isimhom, jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini li tat il-fama tagħha lill-prodott.

Artikolu 3

Għandha tiġi żgurata l-protezzjoni kontra kull użu ħażin jew imitazzjoni, anki jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk id-denominazzjoni hija tradotta jew użata flimkien ma’ espressjonijiet bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘imitazzjoni’ jew espressjonijiet simili.

Artikolu 4

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim bl-ebda mod ma jeskludu l-protezzjoni ġa eżistenti favur id-denominazzjonijiet ta’ oriġini f’kull pajjiż tal-Unjoni Speċjali, permezz ta’ strumenti internazzjonali oħra, bħalma huma l-Konvenzjoni ta’ Pariġi tal-20 ta’ Marzu 1883 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħha, u l-Ftehim ta’ Madrid tal-14 ta’ April 1891 dwar it-Trażżin ta’ Indikazzjonijiet ta’ Provenjenza Foloz jew Qarrieqa fuq il-Prodotti u r-reviżjonijiet sussegwenti tiegħu, jew permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-ġurisprudenza.

Artikolu 5

1)      Ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għandha ssir fl-Uffiċċju Internazzjonali, fuq talba tal-Uffiċċji tal-pajjiżi tal-Unjoni Speċjali, f’isem il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati, li għandhom id-dritt li jużaw dawn id-denominazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

2)      L-Uffiċċju Internazzjonali għandu jinnotifika r-reġistrazzjonijiet mingħajr dewmien lill-Uffiċċji tad-diversi pajjiżi tal-Unjoni Speċjali u jippubblikahom f’ġabra maħruġa f’intervalli regolari.

3)      L-Uffiċċji tal-pajjiżi jistgħu jiddikjaraw li ma jistgħux jiżguraw il-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini li r-reġistrazzjoni tagħha tkun ġiet innotifikata lilhom, iżda biss sakemm id-dikjarazzjoni tagħhom tkun innotifikata lill-Uffiċċju Internazzjonali, b’indikazzjoni tal-motivi għaliha, fi żmien sena minn meta jkunu rċevew in-notifika tar-reġistrazzjoni, u bil-kundizzjoni li din id-dikjarazzjoni ma tkunx ta’ ħsara, fil-pajjiż inkwistjoni, għall-forom l-oħra ta’ protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini li l-proprjetarju ta’ din tal-aħħar jista’ jkollu d-dritt jitlob skont l-Artikolu 4 iktar ’il fuq.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2        Ir-Regoli 9 u 16 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Ftehim ta’ Liżbona, kif daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2002, jipprovdu kif ġej:

“Regola 9

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda

1)      Kull dikjarazzjoni ta’ ċaħda għandha tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju Internazzjonali mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż kontraenti li għalih inħarġet iċ-ċaħda u għandha tkun iffirmata minn din l-awtorità.

[…]

Regola 16

Invalidazzjoni

1)      Meta l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali jiġu invalidati f’pajjiż kontraenti u meta l-invalidazzjoni ma tistax tkun iktar suġġetta għal appell, l-imsemmija invalidazzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju internazzjonali mill-awtorità kompetenti ta’ dan il-pajjiż kontraenti.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        L-Artikoli 1 u 2 tat-Trattat dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, tad-denominazzjonijiet ta’ orġini u tad-denominazzjonijiet l-oħra li jindikaw il-provenjenza ta’ prodotti agrikoli u industrijali ffirmat fil-11 ta’ Ġunju 1976 bejn l-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja, (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni bilaterali”) jipprovdu dan li ġej:

“Artikolu 1

Kull Stat kontraenti jimpenja ruħu li jieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jipproteġi b’mod effikaċi, mill-kompetizzjoni żleali fil-qasam tal-kummerċ, l-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza ta’ prodotti agrikoli u industrijali li jaqgħu taħt il-kategoriji msemmija fl-Artikolu 5 u speċifikati fil-ftehim imsemmi fl-Artikolu 6, kif ukoll l-ismijiet u l-illustrazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3, 4 u 8(2).

Artikolu 2

B’indikazzjonijiet ta’ provenjenza, wieħed jifhem denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet oħra li jindikaw il-provenjenza fis-sens ta’ dan it-trattat, l-indikazzjonijiet kollha direttament jew indirettament marbuta mal-provenjenza ta’ prodott. Indikazzjoni bħal din hija ġeneralment ikkostitwita minn denominazzjoni ġeografika. Madankollu, hija tista’ tkun ikkostitwita wkoll minn espressjonijiet oħra jekk f’dawn l-espressjonijiet, flimkien mal-prodott hekk denominat, dawk ikkonċernati fil-pajjiż ta’ oriġini jaraw indikazzjoni tal-pajjiż ta’ produzzjoni. Dawn id-denominazzjonijiet jistgħu jinkludu, minbarra l-indikazzjoni ta’ territorju ta’ provenjenza ġeografikament iddeterminata, espressjonijiet marbuta mal-kwalità tal-prodott ikkonċernat. Dawn il-proprjetajiet partikolari tal-prodotti huma esklużivament jew prinċipalment riżultat ta’ influwenzi ġeografiċi jew umani.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Il-punt B2 tal-Artikolu 5(1) tal-konvenzjoni bilaterali jsemmi l-birer fost il-kategoriji ta’ prodotti Ċeki kkonċernati mill-protezzjoni stabbilita minn din il-konvenzjoni.

5        Fi kliem l-Artikolu 6 tal-konvenzjoni bilaterali, “id-denominazzjonijiet ta’ prodotti, li għalihom japplikaw il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 5, li jibbenefikaw mill-protezzjoni tat-trattat u li għalhekk ma humiex denominazzjonijiet ġeneriċi għandhom jiġu elenkati fi ftehim li għandu jiġi konkluż bejn il-gvernijiet taż-żewġ Stati kontraenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6        L-Artikolu 16(3) tal-konvenzjoni bilaterali jipprovdi li ż-żewġ partijiet kontraenti jistgħu joħorġu minnha permezz ta’ preavviż minimu ta’ sena, magħmul bil-miktub u skont il-prassi diplomatika.

7        Fis-7 ta’ Ġunju 1979, ġie konkluż ftehim dwar l-applikazzjoni tal-konvenzjoni bilaterali (iktar ’il quddiem il-“ftehim bilaterali”) skont l-Artikolu 6 tagħha. L-Anness B tal-ftehim bilaterali jipprovdi, għad-“denominazzjonijiet Ċekoslovakki għal prodotti agrikoli u industrijali”, fil-kategorija “birra”, id-denominazzjoni “Bud”.

B –  Id-dritt Komunitarju

8        L-Artikoli 8 u 43 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, huma redatti kif ġej:

“Artikolu 8

Raġunijiet relattivi għal rifjut

[…]

4. Malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa wżat fil-kummerċ u li mhuwiex biss ta’ sinifikanza [sinjifikat] lokali, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi rreġistrata, meta u sa fejn, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal:

a)      id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja;

b)      dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju id-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv.

[…]

Artikolu 43

Eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni

1. Waqt l-eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni l-Uffiċċju għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien iffisat lilhom mill-Uffiċċju, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess.

2. Fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika [oppożizzjoni] għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ publikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-opposizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża [ma ntużatx], sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-opposizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3. Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dana billi l-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Applikazzjonijiet għal trade mark Komunitarja ppreżentati minn Anheuser-Busch

9        Anheuser-Busch, Inc. ippreżentat fl-1 ta’ April 1996, fit-28 ta’ Lulju 1999, fil-11 ta’ April u fl-4 ta’ Lulju 2000, erba’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) (Nri 24711, 1257849, 1603539 u 1737121 rispettivament), skont ir-Regolament Nru 40/94.

10      L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 1257849 (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 1”), kellha bħala suġġett it-trade mark figurattiva li ġejja:

Image not found

11      Il-prodotti li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 32 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 16: “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali (inklużi fil-klassi 16); materjal tal-istampar; materjal għall-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; materjali tal-artisti; pniezel taż-żebgħa; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (apparti l-għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar (inklużi fil-klassi 16); karti tal-logħob; inċiżjonijiet tal-istampar; folji tal-istampar”;

–        klassi 21: “Utensili u kontenituri għad-dar u għall-kċina (mhux ta’ metal prezzjuż jew miksi b’dan); pettnijiet u sponoż; pniezel (minbarra pniezel taż-żebgħa); materjali biex tagħmel il-pniezel; oġġetti għat-tindif; barraxa għat-tindif u għerik; ħġieġ mhux maħdum jew parzjalment maħdum (minbarra ħġieġ użat fil-bini); oġġetti tal-ħġieġ, porċellana u fajjenza (inklużi fil-klassi 21)”;

–        klassi 25: “Ħwejjeg, żraben u xedd ir-ras”;

–        klassi 32: “Birer; ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet”.

12      L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 34/00, tat-2 ta’ Mejju 2000.

13      Tliet applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, Nri 24711, 1603539 u 1737121, kellhom bħala suġġett it-trade mark verbali BUD (iktar ’il quddiem, l-“applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 2”, l-“applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 3” u l-“applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4”, rispettivament).

14      Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali jaqgħu fil-klassijiet 32 (fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 2), 32 u 33 (fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 3), 35, 38, 41 u 42 (fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4) skont il-Ftehim ta’ Nizza u jikkorrispondu, fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 32: “Birra, birra ċara, birra skura, xorb miċ-ċereali alkoħoliku u mhux alkoħoliku” (fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 2) u “Birer” (fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 3);

–        klassi 33: “Xarbiet alkoħolici”;

–        klassi 35: “Ħolqien ta’ bażijiet ta’ data, ġabra ta’ data u ta’ informazzjoni f’bażijiet ta’ data”;

–        klassi 38: “Telekomunikazzjonijiet, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-offerta ta’ data u informazzjoni, l-offerta u t-tixrid ta’ informazzjoni miżmuma f’bażijiet ta’ data”;

–        klassi 41: “Edukazzjoni, divertiment”;

–        klassi 42: “Servizzi ta’ restoranti, bars u tveren; użu tal-bażijiet ta’ data”.

15      L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali BUD ġew ippubblikati fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 93/98, tas-7 ta’ Diċembru 1998 (fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 2), Nru 19/01, tas-26 ta’ Frar 2001 (fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 3), u Nru 22/01, tal-5 ta’ Marzu 2001 (fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4).

B –  Oppożizzjonijiet kontra l-applikazzjonijiet għal trade mark Komunitarja

16      Fl-1 ta’ Awwissu 2000 (fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 1), fil-5 ta’ Marzu 1999 (fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 2), fit-22 ta’ Mejju 2001 (fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 3) u fil-5 ta’ Ġunju 2001 (fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4), il-kumpannija Budějovický Budvar, národní podnik, stabbilita fir-Repubblika Ċeka (iktar ’il quddiem “Budvar”), ressqet oppożizzjonijiet skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, u dan għall-prodotti kollha speċifikati fl-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni.

17      Insostenn ta’ dawn l-oppożizzjonijiet, Budvar invokat, fl-ewwel lok, fuq il-bażi tal-Artikiolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, trade mark figurattiva internazzjonali Nru 361 566 irreġistrata għal “kull tip ta’ birra ċara u skura”, b’effet fl-Awstrija, fil-pajjiżi tal-Benelux u fl-Italja, u rrappreżentata kif ġej:

Image not found

18      Fit-tieni lok, Budvar invokat, fuq il-bażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, denominazzjoni ta’ oriġini “bud” (denominazzjoni ta’ oriġini Nru 598), irreġistrata fl-10 ta’ Marzu 1975, għall-birra, mal-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO), b’effett fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall, skont il-Ftehim ta’ Liżbona.

19      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni Nri 1, 2 u 3, Budvar invokat ukoll denominazzjoni ta’ orġini “bud” protetta fl-Awstrija, għall-birra, skont il-konvenzjoni bilaterali.

C –  Deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni

20      B’deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2004 (Nru 2326/2004), mogħtija fil-kuntest tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba.

21      Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkunsidrat, fl-ewwel lok, li Budvar kienet tat prova li kellha dritt fuq id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall.

22      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Italja u tal-Portugall, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset li l-argumenti mressqa minn Budvar ma kinux preċiżi biżżejjed sabiex tiġi ddeterminata l-protezzjoni invokata skont il-liġijiet nazzjonali ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri.

23      Fit-tielet lok, meta jitqies li s-“servizzi ta’ restoranti, bars u tveren”, previsti fl-appikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4 (klassi 42), kienu simili għall-“birra”, koperta bid-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonkludiet li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni sa fejn is-sinjali inkwistjoni kienu identiċi.

24      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-prodotti l-oħra, u fil-kuntest tad-dritt Franċiż applikabbli għal dan il-każ, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni indikat li Budvar ma kienx irnexxiela turi kif l-użu tat-trade mark mitluba seta’ jdgħajjef jew inaqqas ir-reputazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni, meta l-prodotti huma differenti.

25      Għalhekk, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni ta’ Budvar fir-rigward tas-“servizzi ta’ restoranti, bars u tveren” (klassi 42), previsti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4.

26      Bid-Deċiżjonijiet tat-23 ta’ Diċembru 2004 (Nri 4474/2004 u 4475/2004) u tas-26 ta’ Jannar 2005 (Nru 117/2005), id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjonijiet magħmula kontra r-reġistrazzjoni tat-trade marks li jifformaw is-suġġett tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni Nri 1, 3 u 2 rispettivament.

27      Essenzjalment, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkunsidrat li ma tressqitx prova li d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”, fir-rigward tal-Awstrija, ta’ Franza, tal-Italja u tal-Portugall, kienet sinjal użat fil-kummerċ li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkunsidrat li kellhom jiġu applikati l-istess kriterji bħal dawk previsti fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94, moqri fid-dawl tar-Regola 22(2) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), dwar il-prova tal-“użu ġenwin” tat-trade marks preċedenti li fuqhom tkun ibbażata l-oppożizzjoni.

D –  Deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI

28      Fil-21 ta’ Frar u fit-18 ta’ Marzu 2005, Budvar ippreżentat tliet appelli kontra d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li jiċħdu l-oppożizzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni Nri 1, 2 u 3 (id-Deċiżjonijiet Nri 2275/2004, 117/2005 u 4475/2004 tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni rispettivament).

29      Fit-8 ta’ Settembru 2004, Anheuser-Busch ippreżentat appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tilqa’ parzjalment, fir-rigward tas-“servizzi ta’ restoranti, bars u tveren” (klassi 42), l-oppożizzjoni magħmula fil-kuntest tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4 (Deċiżjoni Nru 2326/2004 tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni). Min-naħa tagħha, Budvar talbet l-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, inkwantu din ċaħdet l-oppożizzjoni fir-rigward tas-servizzi l-oħra inklużi fil-klassijiet 35, 38, 41 u 42.

30      Bi tliet deċiżjonijiet mogħtija fl-14 ta’ Ġunju (Każ R 234/2005-2), fit-28 ta’ Ġunju (Każ R 241/2005-2) u fl-1 ta’ Settembru 2006 (Każ R 305/2005-2), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appelli ta’ Budvar magħmula fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni Nri 1, 2 u 3.

31      B’deċiżjoni mogħtija fit-28 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 802/2004-2), il-Bord tal-Appell laqa’ l-appell ta’ Anheuser-Busch fil-kuntest tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4 u ċaħad l-oppożizzjoni ta’ Budvar fl-intier tagħha.

32      Id-deċiżjonijiet mogħtija fit-28 ta’ Ġunju (Każijiet R 241/2005-2 u R 802/2004-2) u fl-1 ta’ Settembru 2006 (Każ R 305/2005-2) għamlu riferiment għall-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 234/2005-2).

33      Fl-erba’ deċiżjonijiet (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kkontestati”), il-Bord tal-Appell irrimarka, l-ewwel nett, li ma kienx jidher li Budvar kienet għadha qed tirreferi għat-trade mark figurattiva internazzjonali Nru 361 566 sabiex tibbaża l-oppożizzjonijiet tagħha, iżda kienet qed tirreferi biss għad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”.

34      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, fl-ewwel lok, li kien diffiċli li jitqies li s-sinjal BUD jista’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa denominazzjoni ta’ oriġini, jew bħala indikazzjoni indiretta ta’ provenjenza ġeografika. Minn dan il-Bord tal-Appell ikkonkluda li oppożizzjoni ma setgħetx tirnexxi, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, fuq il-bażi ta’ dritt ippreżentat bħala denominazzjoni ta’ oriġini li, madankollu, fil-fatt, ma jkunx tali.

35      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell, bl-applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, qies li l-provi mressqa minn Budvar fir-rigward tal-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fl-Awstrija, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall kienu insuffiċjenti.

36      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-oppożizzjoni kellha wkoll tiġi miċħuda peress li Budvar ma wrietx li d-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni kienet tagħtiha d-dritt li tipprojbixxi l-użu tat-terminu “bud”, bħala trade mark, fl-Awstrija jew fi Franza.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet, kif fil-fatt għamlu fit-terminu mogħti.

38      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula nstemgħu waqt is-seduta tal-1 ta’ April 2008.

39      Budvar titlob, fil-Kawżi T‑225/06, T‑255/06 u T‑309/06, lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara li l-UASI ma kellux jipproċedi bil-pubblikazzjoni tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni kkonċernati, peress li kien hemm raġunijiet assoluti għal rifjut.

40      Barra minn hekk, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, Budvar titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara li l-Bord tal-Appell ma kellux kompetenza jevalwa l-validità “sostanzjali” tad-drittijiet preċedenti invokati fil-kuntest ta’ oppożizzjoni;

–        tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata hija affettwata minn illegalità u tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali quddiem l-UASI, minħabba l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “sinjal ieħor li huwa wżat fil-kummerċ”, kif previst fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94;

–        għaldaqstant, tikkonstata li d-dokumenti mressqa matul id-dibattiti jistabbilixxu l-użu tas-sinjal BUD bħala denominazzjoni ta’ oriġini u, sa fejn meħtieġ, li d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” tikkostitwixxi tassew sinjal użat fil-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94;

–        tikkonstata li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 huma sodisfatti;

–        tiddikjara:

–        l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

–        ir-rifjut tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja kkonċernata;

–        u tordna t-trażmissjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza lill-UASI;

–        il-kundanna ta’ Anheuser-Busch għall-ispejjeż.

41      Matul is-seduta, Budvar ikkompletat it-talbiet tagħha billi talbet li l-UASI u Anheuser-Busch jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

42      F’kull waħda minn dawn il-kawżi, l-UASI u Anheuser-Busch talbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Budvar għall-ispejjeż.

43      Wara li semgħet lill-partijiet, matul is-seduta, fuq il-possibbiltà li l-kawżi preżenti jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hemm lok li tipproċedi billi tordna li dawn il-kawżi jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

 Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà u l-effettività ta’ ċerti kapi tat-talbiet ta’ Budvar

44      Fl-ewwel lok, kif l-UASI jirrileva fl-atti tiegħu, Budvar qed titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-Kawżi T‑225/06, T‑255/06 u T‑309/06, tiddikjara li l-UASI ma kellux jipproċedi bil-pubblikazzjoni tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni kkonċernati peress li kien hemm raġunijiet assoluti għal rifjut. Issa, hemm lok li jiġi mfakkar li r-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 ma humiex eżaminabbli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ oppożizzjoni u li dan l-artikolu ma jidhirx fost id-dispożizzjonijiet li fl-isfond tagħhom il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ April 2003, Durferrit vs UASI – Kolene (NU-TRIDE), T‑224/01, Ġabra p. II‑1589, punti 72 u 75]. Minn dan jirriżulta li l-kap tat-talbiet ta’ Budvar f’dan ir-rigward huwa inammissibbli.

45      Fit-tieni lok, permezz tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ kapi tat-talbiet fil-kawżi kollha, Budvar qiegħda, fir-realtà, tipprova tikseb mingħand il-qorti Komunitarja rikonoxximent tal-fondatezza ta’ ċerti motivi insostenn tar-rikors tagħha. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, dawn it-talbiet huma inammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1989, Jaenicke Cendoya vs Il-Kummissjoni, 108/88, Ġabra p. 2711, punti 8 u 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni, T‑358/94, Ġabra p. II‑2109, punt 32, u digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 2008, Lactalis Gestion Lait u Lactalis Investissements vs Il-Kunsill, T‑29/07, li ma huwiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 16). Minn dan jirriżulta li l-kapi tat-talbiet ta’ Budvar f’dan ir-rigward huma inammissibbli.

46      Fit-tielet lok, kif l-UASI jsostni fl-atti tiegħu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, permezz tas-sitt kap tat-talbiet fil-kawżi kollha, li jipprevedi dikjarazzjoni ta’ “rifjut tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja kkonċernata”, Budvar qed titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti ordni fil-konfront tal-UASI. Madankollu, skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma mas-sentenza tal-qorti Komunitarja. Għalhekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tagħmel ordni fil-konfront tal-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T‑331/99, Ġabra p. II‑433, punt 33; tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, Ġabra p. II‑683, punt 12, u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI – Educational Services (ELS), T‑388/00, Ġabra p. II‑4301, punt 19]. Minn dan jirriżulta li l-kap tat-talbiet f’dan ir-rigward huwa inammissibbli.

47      Fl-aħħar nett, permezz tas-seba’ kap tat-talbiet fil-kawżi kollha, Budvar qed titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna t-trażmissjoni lill-UASI tas-sentenza li għandha tingħata. Issa, mill-Artikolu 55 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, ikun xi jkun il-kap tat-talbiet imressaq mill-partijiet f’dan ir-rigward, “[i]d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jikkonkludu l-proċediment, deċiżjonijiet li jaqtgħu kwestjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwestjoni ta’ proċedura dwar eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammisibbiltà għandhom jiġu notifikati mir-Reġistratur tal-Qorti ta’ Prim’Istanza lill-partijiet kollha”. Barra minn hekk, l-Artikolu 82(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jispeċifika li “[l]-oriġinal tas-sentenza, iffirmata mill-President, mill-Imħallfin li pparteċipaw fid-deliberazzjoni u mir-Reġistratur, għandha tiġi ssiġillata u ddepożitata fir-Reġistru; il-partijiet kollha għandhom jiġu nnotifikati b’kopja awtentikata tas-sentenza”. Minn dan jirriżulta li l-kap tat-talbiet ta’ Budvar f’dan ir-rigward huwa mingħajr effett.

B –  Fuq il-mertu

48      Wara li ddeskriviet l-iżvolġiment ta’ din it-tilwima bejn il-partijiet fil-kawża, Budvar invokat, essenzjalment, motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

49      Il-motiv uniku ta’ Budvar jistrieħ fuq żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, Budvar tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li s-sinjal BUD ma setax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini. Fit-tieni parti, Budvar tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma humiex, f’dan il-każ, sodisfatti.

1.     Fuq l-ewwel parti dwar il-validità tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”

a)     L-argumenti tal-partijiet

50      Filwaqt li tirreferi għall-punti 19 sa 22 tad-deċiżjoni fil-Każ R 234/2005-2, Budvar tirrimarka li l-Bord tal-Appell ipproċeda b’allegat eżami tas-sinjal BUD sabiex iddikjara li “fil-fatt, bl-ebda mod, ma kien jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ orġini”.

51      Fuq din il-bażi, il-Bord tal-Appell allegatament ċaħad l-oppożizzjoni, mingħajr lanqas ma eżamina jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 kinux sodisfatti.

52      Dan il-mod, li jmur kontra r-Regolament Nru 40/94, jirrendi d-deċiżjonijiet kkontestati illegali, li għandhom, minħabba f’hekk, jiġu annullati.

53      Barra minn hekk, Budvar issostni li d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” ma hijiex biss valida, iżda hija wkoll fis-seħħ.

54      F’dan ir-rigward, Budvar tikkunsidra, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell ma kellux il-kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar il-validità tad-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni. Skont Budvar, il-kompetenzi tal-Bord tal-Appell huma limitati għad-determinazzjoni ta’ jekk applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tistax tippreġudika drittijiet preċedenti, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94. Il-leġiżlazzjoni dwar it-trade mark Komunitarja ma tipprevedix l-evalwazzjoni mill-UASI tal-validità sostanzjali tad-dritt preċedenti invokat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ oppożizzjoni. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, skont ir-Regola 20 tar-Regolament Nru 2868/95, il-parti li tagħmel oppożizzjoni għandha tipprova “l-eżistenza, il-validit[à] u l-iskop [l-estent] tal-protezzjoni tal-marka preċedenti tagħha jew tad-dritt preċedenti [tagħha]”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi li huwa biss min jagħmel oppożizzjoni li huwa mistenni jressaq il-prova tar-regolarità formali tat-titolu mressaq bħala oppożizzjoni għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Għalhekk, skont Budvar, fl-eżami tas-sinjal BUD, bil-għan li jiġi stabbilit jekk dan jistax jiġi deskritt bħala denominazzjoni ta’ oriġini, il-Bord tal-Appell kiser id-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti. Budvar iżżid li, f’dan il-każ, hija pprovdiet id-dokumenti kollha meħtieġa ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza u l-validità tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”.

55      Fit-tieni lok, fi kwalunkwe każ, Budvar tirrimarka li s-sinjal BUD jikkostitwixxi tassew denominazzjoni ta’ oriġini. Filwaqt li tirreferi għall-punt 20 tad-deċiżjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell fil-Każ R 234/2005-2, Budvar tispeċifika li ebda dispożizzjoni ma tipprevedi li s-sinjal li jikkostittwixxi denominazzjoni ta’ oriġini għandu neċessarjament jirriproduċi b’mod integrali isem ġeografiku. F’dan il-każ, huwa fl-ewwel lok inkontestabbli li t-terminu “Budweis” (li huwa l-isem Ġermaniż ta’ Česke Budějovice) jikkorrispondi għall-isem tal-belt fejn il-birra inkwistjoni tiġi prodotta, jiġifieri l-post ta’ produzzjoni. Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni nazzjonali jiddefinixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” bħala li tirrappreżenta, b’mod partikolari, “birra ċara”, li l-kwalitajiet u l-karatteristiċi tagħha jagħmluha “leġġerment morra, b’toma ħelwa u b’riħa partikolari”, minn Česke Budějovice. Barra minn hekk, Budvar targumenta li denominazzjoni ta’ oriġini tista’ perfettament tkun taqsira ta’ denominazzjoni ġeografika, bħalma tista’ tkun ukoll terminu tal-immaġinazzjoni jew tal-lingwa mitkellma, sakemm il-post ta’ produzzjoni jikkorrispondi għal post ġeografiku ddeterminat. F’dan ir-rigward, Budvar tirreferi għall-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (ĠU L 208, p. 1), kif applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (C‑465/02 u C‑466/02, Ġabra p. I‑9115), u għal ċerti denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati fi Franza jew fil-livell Komunitarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont Budvar, ma jistax jiġi validament sostnut li s-sinjal BUD ma jikkostitwixxix denominazzjoni ta’ oriġini valida minħabba li t-terminu “bud” ma jikkorrispondix strettament għal post ġeografiku.

56      Fit-tielet lok, Budvar tenfasizza li d-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni tinsab fis-seħħ fi Franza u, fil-kuntest tal-Kawżi T‑225/06, T‑255/06 u T‑309/06, fl-Awstrija wkoll. F’dan ir-rigward, Budvar tfakkar li fis-27 ta’ Jannar 1975, il-Ministru tal-Agrikoltura u tal-Ikel Ċek ta lill-birra BUD il-kwalifikazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini. Fuq il-bażi ta’ arranġamenti internazzjonali konklużi mir-Repubblika Ċeka, il-protezzjoni marbuta mal-kwalifikazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini ngħatat b’mod partikolari lis-sinjal BUD fi Franza (fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Liżbona) u fl-Awstrija (fuq il-bażi tal-konvenzjoni bilaterali). Minkejja li din id-denominazzjoni ta’ oriġini hija kkontestata minn Anheuser-Busch, hija għadha protetta fi Franza u fl-Awstrija u għadha tipproduċi l-effetti tagħha f’dawn il-pajjiżi.

57      Fir-rigward ta’ Franza, Budvar tenfasizza li, sakemm denominazzjoni ta’ oriġini tkun rikonoxxuta u protetta bħala tali fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, il-partijiet kontraenti għall-Ftehim ta’ Liżbona huma obbligati, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan il-ftehim, jipproteġu d-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni fit-territorju tagħhom. Franza ma nnotifikat ebda dikjarazzjoni ta’ rifjut ta’ protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”, skont l-Artikolu 5(3) tal-Ftehim ta’ Liżbona. Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li t-Tribunal de grande instance de Strasbourg (Franza) iddeċieda, fit-30 ta’ Ġunju 2004, li jinvalida fit-territorju Franċiż l-effetti tar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” skont il-Ftehim ta’ Liżbona, Budvar tippreċiża li din id-deċiżjoni hija fil-mument is-suġġett proċedura ta’ appell quddiem il-Cour d’appel de Colmar (Franza). Għalhekk, id-deċiżjoni tat-Tribunal de grande instance de Strasbourg ma hijiex definittiva. Id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” għadha tipproduċi l-effetti tagħha fi Franza. Budvar issostni, f’dan il-kuntest, li l-azzjoni għal invalidazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini ma teżistix fid-dritt Franċiż u tipprovdi, dwar dan il-punt, l-opinjoni ta’ professur tad-dritt. Barra minn hekk, Budvar targumenta li, wara d-deċiżjoni tat-Tribunal de grande instance de Strasbourg, l-Institut national de la propriété industrielle fi Franza (INPI) irrifjuta, fid-19 ta’ Mejju 2005, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali BUD, ippreżentata fit-30 ta’ Settembru 2004 minn Anheuser-Busch, sabiex tirrappreżenta birer. Din id-deċiżjoni ma ġietx ikkontestata minn Anheuser-Busch.

58      Fir-rigward tal-Awstrija, u sa fejn jikkonċerna l-Kawżi T‑225/06, T‑255/06 u T‑309/06, Budvar tippreċiża li l-kawża pendenti f’dan l-Istat Membru ma ssib sostenn f’ebda deċiżjoni ġudizzjarja li għaddiet inġudikat. F’dan ir-rigward Budvar tirreferi għal tliet deċiżjonijiet ġudizzjarji reċenti, li l-aħħar waħda minnhom ingħatat fl-10 ta’ Lulju 2006 mill-Oberlandesgericht Wien (Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija). Din id-deċiżjoni tal-aħħar ordnat in-nomina ta’ espert sabiex jiddetermina, essenzjalment, jekk il-konsumaturi Ċeki jassoċjawx l-indikazzjoni tat-terminu “bud” mal-birra u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk din l-indikazzjoni tistax tiġi interpretata bħala li tirreferi għal post, għal reġjun jew għal pajjiż partikolari, b’rabta mal-oriġini tal-birra. Skont Budvar, għalhekk, ma huwiex kontestabbli li, b’mod kuntrarju għall-allegazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” għadha protetta fl-Awstrija.

59      B’mod preliminari, l-UASI jirrileva li, matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, Budvar waqfet milli tibbaża l-oppożizzjoni tagħha fuq it-trade mark figurattiva internazzjonali Nru 361 566, invokata inizjalment. Barra minn hekk, fir-rigward tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”, Budvar iżżomm l-oppożizzjoni tagħha biss b’rabta mal-protezzjoni mogħtija lil din id-denominazzjoni fi Franza u fl-Awstrija. Id-drittijiet inizjalment invokati, fir-rigward tal-Italja u tal-Portugall, ġew issa abbandunati għall-finijiet tal-oppożizzjoni.

60      Imbagħad, l-UASI jirrimarka, fl-ewwel lok, li effettivament huwa ma għandux kompetenza jiddeċiedi dwar il-validità ta’ dritt preċedenti invokat insostenn ta’ oppożizzjoni.

61      Madankollu, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ma ddeċidiex fuq il-validità tad-denominazzjoni ta’ oriġini preċedenti. Skont l-UASI, huwa evalwa biss l-estent tal-protezzjoni tagħha. Din hija kwistjoni ta’ dritt li għandha tiġi deċiża ex officio mill-UASI, anki jekk il-partijiet ma jkunux ressqu argumenti f’dan ir-rigward [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, Ġabra p. II‑287, punt 21, u tat-13 ta’ Ġunju 2006, Inex vs UASI – Wiseman (Rappreżentazzjoni tal-ġilda ta’ baqra), T‑153/03, Ġabra p. II‑1677, punt 40].

62      Id-differenza bejn il-validità u l-opponibbiltà ta’ dritt preċedenti hija, barra minn hekk, prevista mit-testi Komunitarji (l-UASI jirreferi b’mod iktar partikolari għall-Artikolu 53(1), l-Artikolu 43(2) u (3), l-Artikolu 78(6) u l-Artikolu 107(3) tar-Regolament Nru 40/94). Għalhekk jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn dritt preċedenti, anki jekk ikun validu, ma jkunx jista’ jiġi applikat. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI għandu jinterpreta u japplika l-liġi nazzjonali bl-istess mod bħal qorti nazzjonali.

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fi Franza, skont il-Ftehim ta’ Liżbona, filwaqt li jirreferi għall-punt 20 tad-deċiżjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell fil-Każ R 234/2005-2, l-UASI jirrileva li l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi ftehim kif ukoll l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi rurali Franċiż (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi rurali”) jeħtieġu li d-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni tkun ikkostitwita minn “nom géographique” (isem ġeografiku). Issa, Budvar tirrikonoxxi li t-terminu “bud” ma huwiex isem ġeografiku, anki jekk dan it-terminu joħroġ minn isem ġeografiku. Fir-rigward tar-riferiment li Budvar għamlet għall-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2081/92, iktar tard sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (JO L 93, p. 12), l-UASI jsostni li dan ir-regolament ma ġiex invokat insostenn tal-oppożizzjonijiet. Minn dan l-UASI jikkonkludi li qorti Franċiża tikkunsidra li t-taqsira ta’ isem ġeografiku bħat-terminu “bud” ma tistax tiġi invokata kontra l-użu ta’ trade mark identika, indipendentement mill-fatt li dan it-terminu huwa protett skont il-Ftehim ta’ Liżbona.

64      L-UASI jżid li, anki jekk il-Ftehim ta’ Liżbona normalment jipprevali fuq il-liġijiet nazzjonali, l-Artikolu 8 tiegħu jipprovdi li l-azzjonijiet legali meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini jistgħu jiġu eżerċitati “permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali”. Barra minn hekk, id-distinzjoni bejn il-validità u l-opponibbiltà ta’ denominazzjoni ta’ oriġini li ma hijiex ikkostitwita minn isem ġeografiku hija kompletament iġġustifikata. L-ewwel nett, din id-distinzjoni hija prevista fir-Regola 16(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Ftehim ta’ Liżbona, li tipprovdi li l-“effetti” ta’ reġistrazzjoni internazzjonali (u mhux ir-reġistrazzjoni bħala tali) jistgħu jiġu invalidati f’pajjiż kontraenti. It-tieni nett, din id-distinzjoni hija ġġustifikata sabiex tkun evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk, kif issostni Budvar, id-dritt Franċiż ma jipprovdix għall-possibbiltà ta’ invalidazzjoni tal-effetti tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fi Franza.

65      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fl-Awstrija, skont il-konvenzjoni bilaterali invokata fil-kuntest tal-Kawżi T‑225/06, T‑255/06 u T‑309/06, l-UASI jsostni li l-Artikolu 2 tal-imsemmija konvenzjoni jissuġġerixxi li l-indikazzjoni protetta għandha tkun ġeografika, anki jekk tista’ “tinkludi” wkoll informazzjoni oħra (bħal elementi li ma jkunux ġeografiċi). Indikazzjoni li ma tkunx ġeografika, waħidha, ma tistax tkun protetta. Madankollu, l-UASI jirrileva li, fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Novembru 2003, Budejovický Budvar (C‑216/01, Ġabra p. I‑13617), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat traduzzjoni ftit differenti tal-Artikolu 2. B’mod partikolari, it-traduzzjoni kkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja tirrimarka li l-indikazzjoni kkonċernata tista’ tkun “ikkostitwita” minn informazzjoni oħra.

66      Fi kwalunkwe każ, l-UASI jikkunsidra li qorti Awstrijaka teżiġi li jiġi pprovat li, fil-pajjiż ta’ oriġini (jiġifieri fir-Repubblika Ċeka), is-sinjal BUD, meta użat għall-birer, jinftiehem mill-konsumaturi bħala li jirreferi għall-belt ta’ Česke Budějovice. Barra minn hekk, dan huwa konformi mal-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Budejovický Budvar, iċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, li kkunsidrat li “jekk jirriżulta mill-evalwazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li, skont il-kundizzjonijiet ta’ fatt u l-interpretazzjonijiet prevalenti fir-Repubblika Ċeka, id-denominazzjoni ‘bud’ tirrappreżenta reġjun jew post fit-territorju ta’ dan l-Istat u li l-protezzjoni tagħha f’dan l-Istat hija ġġustifikata fid-dawl tal-kriterji tal-Artikolu 30 KE, dan lanqas ma jipprekludi li din il-protezzjoni tkun estiża għat-territorju ta’ Stat Membru bħalma huwa, fil-każ preżenti, ir-Repubblika tal-Awstrija” (punt 101 tas-sentenza). Issa, kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell, ma kienx hemm provi, f’dan il-każ, li l-isem tal-belt ta’ Česke Budějovice ġie mqassar għal “Bud”. Huwa għalhekk diffiċli li wieħed jimmaġina li l-konsumaturi tal-birra fir-Repubblika Ċeka jinterpretaw it-terminu “bud” bħala indikazzjoni tal-fatt li l-birra ġiet prodotta f’żona ġeografika speċifika ta’ dan il-pajjiż.

67      Fir-raba’ lok, filwaqt li jirreferi għall-punti 21 sa 29 tad-deċiżjoni mogħtija fil-Każ R 234/2005-2, l-UASI jsostni li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li Budvar tat prova tal-użu tat-terminu “bud” bħala trade mark, iżda mhux bħala denominazzjoni ta’ oriġini. F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-argument ta’ Budvar li hija użat it-terminu “bud” kemm bħala trade mark u kemm bħala denominazzjoni ta’ oriġini, l-UASI jfakkar li kull dritt ta’ proprjetà intellettwali jsegwi funzjoni essenzjali li tappartjenu lilu. F’ċerti każi, il-funzjonijiet essenzjali ta’ ċerti drittijiet ma humiex rikonċiljabbli. Il-funzjoni essenzjali tad-denominazzjoni ta’ oriġini hija li jiġi ggarantit li l-prodott li joriġina minn pajjiż, reġjun jew lokalità, ikollu kwalitajiet u karatteristiċi li jkunu marbuta esklużivament jew essenzjalment mal-ambjent ġeografiku, inklużi l-fatturi naturali u umani. Il-funzjoni essenzjali tat-trade mark hija li tiġi ggarantita l-oriġini kummerċjali tal-prodott. Ladarba Budvar ma tikkontestax li t-terminu “bud” huwa użat bħala trade mark, dan it-terminu ma jissodisfax il-funzjoni essenzjali tad-denominazzjoni ta’ oriġini u ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni marbuta magħha. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, f’dan il-kuntest, li l-qrati Franċiżi u Awstrijaki jaslu għall-istess konklużjoni u ma jagħtux protezzjoni lil Budvar fil-konfront tal-użu ta’ trade mark identika għad-dritt preċedenti pretiż.

68      Fil-ħames lok, l-UASI jinvoka d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Awstrija u fi Franza.

69      Fir-rigward tal-Awstrija, fil-kuntest tal-Kawżi T‑225/06, T‑255/06 u T‑309/06, l-UASI jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat fis-sentenza tagħha Budejovický Budvar, iċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, li “indikazzjoni ta’ provenjenza ġeografika sempliċi jew indiretta” (bħalma hija “bud” skont l-UASI) tista’ tiġi protetta fuq il-bażi tal-konvenzjoni bilaterali inkwistjoni ħlief jekk din l-indikazzjoni tkun ikkostitwita minn “denominazzjoni li ma tirreferix la direttament u lanqas indirettament f’dan il-pajjiż għall-provenjenza ġeografika tal-prodott li hija tidentifika” (punti 107 u 111 tas-sentenza). Il-Handelsgericht Wien (qorti tal-kummerċ ta’ Vjenna) u l-Oberlandesgericht Wien, fl-appell, ma tawx protezzjoni lid-denominazzjoni ta’ oriġini preċedenti fil-konfront tal-użu, minn Anheuser-Busch, tas-sinjal inkwistjoni għall-birer. Il-fatt li, b’sentenza tal-10 ta’ Lulju 2006, l-Oberlandesgericht Wien inkarigat espert sabiex jiddetermina jekk it-terminu “bud” setax jiġi kkunsidrat bħala li jirreferi direttament jew indirettament għal post ġeografiku fejn issir il-birra, ma jibdilx is-soluzzjoni ta’ din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. L-ewwel nett, tweġiba pożittiva tal-Oberlandesgericht Wien għal din il-kwistjoni ma taffettwax il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn din tingħata wara l-adozzjoni tagħhom. It-tieni nett, l-oneru tal-prova li l-liġi Awstrijaka tipproteġi d-dritt preċedenti invokat jaqa’ fuq Budvar. Għalhekk, hija kellha tipprova, fl-istanzi quddiem l-UASI, li l-kundizzjonijiet stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha kienu sodisfatti. Fin-nuqqas ta’ din il-prova, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell hija fondata. Fl-aħħar nett, is-sentenza tal-Handelsgericht Wien tat-22 ta’ Marzu 2006 imressqa minn Budvar quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tirritjeni li, fuq il-bażi tad-dokumenti mressqa matul id-dibattiti, it-terminu “bud” ma huwiex assoċjat ma’ isem ġeografiku speċifiku fir-Repubblika Ċeka.

70      Fir-rigward ta’ Franza, l-UASI jirrimarka fl-ewwel lok li l-fatt li s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2004 tat-Tribunal de grande instance de Strasbourg ġiet appellata ma jibdilx il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li Budvar “ma kinitx sal-lum kapaċi tipprekludi lid-distributur [ta’ Anheuser-Busch] milli jbiegħ il-birra fi Franza taħt it-trade mark BUD” (punt 34 tad-deċiżjoni mogħtija fil-Każ R 234/2005-2). Fit-tieni lok, din is-sentenza tikkonferma l-konklużjoni li t-terminu “bud” huwa indikazzjoni sempliċi u indiretta tal-oriġini ġeografika tal-prodott, jiġifieri isem li miegħu ma hemmx marbuta kwalità, reputazzjoni jew karatteristika partikolari b’rabta mal-oriġini ġeografika. It-Tribunal de grande instance de Strasbourg ikkunsidra, minħabba f’hekk, li t-terminu “bud” ma kienx jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Liżbona, mingħajr ma kien meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk it-terminu “bud” setax jidentifika post ġeografiku speċifiku. Fil-każ li l-qorti tal-appell tannulla din is-sentenza, dan ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati għaliex din is-sentenza tingħata wara l-adozzjoni tagħhom. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-INPI, invokati minn Budvar, dawn ma jaffettwawx id-deċiżjonijiet ikkontestati għaliex, fl-ewwel lok, dawn jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni u mhux l-użu tat-trade mark, fit-tieni lok, ma hemm ebda indikazzjoni li dawn id-deċiżjonijiet huma definittivi u, fit-tielet lok, dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi għandhom inqas saħħa minn sentenza mogħtija minn qorti ċivili.

71      B’mod preliminari, Anheuser-Busch tagħmel ċerti osservazzjonijiet fil-kuntest tal-Kawża T‑257/06 li tirrigwarda l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4. Fl-ewwel lok, Anheuser-Busch issostni li Budvar ma invokatx, insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” protetta fl-Awstrija, u dan b’mod kuntrarju għal dak li ġie indikat mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 802/2004-2). Fit-tieni lok, fir-rigward tas-servizzi previsti fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4, Anheuser-Busch tirrimarka li r-reġistrazzjoni kienet diġà aċċettata, b’mod definittiv, għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 35, 38 u 41, kif ukoll għas-servizzi ta’ “użu ta’ bażijiet ta’ data” li jaqgħu fil-klassi 42. Il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell involvew biss is-“servizzi ta’ restoranti, bars u tveren” li jaqgħu fil-klassi 42, peress li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet laqgħet l-oppożizzjoni biss f’dan ir-rigward u peress li l-intervenjenti kienet l-unika parti li appellat minn din id-deċiżjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni saret definittiva inkwantu tiċħad l-oppożizzjoni għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35, 38 u 41, kif ukoll għas-servizzi ta’ “użu ta’ bażijiet ta’ data” li jaqgħu fil-klassi 42.

72      Ukoll b’mod preliminari, fil-kawżi kollha, Anheuser-Busch tirrimarka li Budvar irreferiet, quddiem il-Bord tal-Appell, għal denominazzjonijiet ta’ orġini “bud” fil-Portugall u fl-Italja, meta dawn id-drittijiet ġew invalidati f’dawn il-pajjiżi u meta d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ikkonkludiet li l-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet ma ġietx ipprovata. Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Anheuser-Busch tirrileva li Budvar tinvoka biss id-denominazzjonijiet ta’ orġini “bud” fi Franza u, fil-kuntest tal-Kawżi T‑225/06, T‑255/06 u T‑309/06, fl-Awstrija. Minn dan Anheuser-Busch tikkonkludi li l-bażi tal-oppożizzjoni hija effettivament limitata għal dawn id-drittijiet.

73      Imbagħad, Anheuser-Busch tagħti l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. B’mod partikolari, hija tikkunsidra li din id-dispożizzjoni tikkonċerna essenzjalment id-drittijiet mhux irreġistrati, drittijiet li jinħolqu u jissussistu minħabba l-użu effettiv tagħhom fis-suq. Dan ma japplikax għall-każ tat-trade marks irreġistrati, li l-eżistenza u l-validità tagħhom jinħolqu mill-istess att ta’ reġistrazzjoni. F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur Komunitarju għażel li ma jirreferix sempliċement għal-liġi nazzjonali f’dak li jikkonċerna s-sinjali użati fil-kummerċ, iżda li jirreferi għaliha biss f’dak li jirrigwarda l-eżistenza u l-portata tad-drittijiet li jirriżultaw mill-“użu” ta’ dawn is-sinjali. Dawn il-prinċipji ġew segwiti mill-High Court of Justice (England & Wales) f’kawża msejħa “COMPASS” (24 ta’ Marzu 2004). Skont dawn il-prinċipji, l-UASI għandu mhux biss il-possibbiltà iżda wkoll l-obbligu li jiddeċiedi dwar il-validità tad-drittijiet preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Anheuser-Busch tirreferi wkoll għad-direttivi dwar il-proċedimenti quddiem l-UASI (Taqsima C, Kapitolu 4, Sezzjoni 5.3.4). Minkejja li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jiffissax kundizzjonijiet sostanzjali għall-estensjoni ta’ dan l-“użu”, jidher ċar, fid-dawl tal-operazzjoni u l-istruttura ta’ dan l-artikolu, li l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju kienet li japplika kundizzjonijiet iktar stretti għall-protezzjoni tad-drittijiet mhux irreġistrati meta mqabbla mat-trade marks irreġistrati. F’dan ir-rigward, l-użu ġenwin meħtieġ mill-Artikoli 15 u 43 tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi kkunsidrat bħala l-livell minimu assolut ta’ użu meħtieġ fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

74      Fil-mertu, Anheuser-Busch tirrimarka, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell ma ddeċidiex dwar il-validità tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini inkwistjoni. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ma kienx hemm, f’dan il-każ, denominazzjoni ta’ oriġini.

75      Fit-tieni lok, Anheuser-Busch issostni li t-terminu “bud” ma huwiex isem ta’ post u tirreferi, b’mod partikolari, għal ċerti dokumenti li hija ppreżentat quddiem l-UASI. B’mod partikolari, Anheuser-Busch tispeċifika li r-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini ma tistax tagħti konnotazzjoni ġeografika lil terminu li ma għandux din il-konnotazzjoni. Barra minn hekk, jekk jitqies li l-isem Ġermaniż “Budweis” jista’ jiġi assoċjat mal-belt ta’ Česke Budějovice – punt li ma ġiex ipprovat minn Budvar – il-konsumatur ikollu jġebbed ħafna l-ħsieb tiegħu sabiex jasal għal dan. Għalhekk ma huwiex evidenti li t-terminu “bud” jinftiehem bħala li jirrappreżenta “Budweis” u li huwa assoċjat mal-belt ta’ Česke Budějovice. Barra minn hekk, anki jekk huwa minnu li t-taqsiriet ta’ termini ġeografiċi jistgħu jirtu l-karattru ġeografiku tat-terminu sħiħ, dan japplika biss għal taqsiriet li jkunu tassew komuni. Issa, ebda argument u ebda prova ma tressqu sabiex jintwera li t-terminu “bud” jintuża u jinftiehem bħala taqsira ta’ Česke Budějovice. L-istess raġunament għandu japplika għal termini tal-immaġinazzjoni li bl-ebda mod ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Liżbona, li jkopri, skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi ftehim, il-postijiet eżistenti. Fi kwalunkwe każ, it-termini tal-immaġinazzjoni jistgħu jkunu protetti biss jekk jinftiehmu f’sens ġeografiku, li ma huwiex il-każ f’dan il-każ.

76      Fit-tielet lok, Anheuser-Busch tqis li l-Bord tal-Appell kellu kompetenza sabiex jikkonstata jekk it-terminu “bud” kienx denominazzjoni ta’ oriġini. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell la huwa marbut bil-Ftehim ta’ Liżbona u lanqas ma huwa marbut bil-konvenzjoni bilaterali. Fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI għandu jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet kollha huma sodisfatti sabiex raġuni relattiva għal rifjut tiġi aċċettata. B’mod differenti mill-każ tat-trade marks irreġistrati, l-UASI ma huwa marbut b’ebda deċiżjoni amministrattiva nazzjonali preċedenti, bħar-reġistrazzjoni ta’ titolu. L-UASI huwa kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar l-eżistenza u l-validità tad-dritt li huwa s-suġġett tat-titolu inkwistjoni u għandu, f’dan il-kuntest, l-istess kompetenza li għandhom il-qrati nazzjonali. Bid-dikjarazzjoni li l-protezzjoni bħala denominazzjoni ġeografika hija invalida, il-Bord tal-Appell ma ħassarx dan id-dritt iżda sempliċement ikkonstata li d-dritt pretiż ma jistax jikkostitwixxi ostaklu għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

77      Fir-raba’ lok, il-qrati Franċiżi u Awstrijaki kkunsidraw li t-terminu “bud” ma kien jibbenefika minn ebda protezzjoni bħala denominazzjoni ta’ oriġini. Minkejja li dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għadhom ma humiex definittivi u obbligatorji, huma jikkonfermaw li l-evalwazzjoni tal-fatti li għamel il-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata hija korretta.

78      Anheuser-Busch iżżid li, fil-kuntest tal-Kawżi T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06, id-deċiżjoni tal-INPI, innotifikata fid-19 ta’ Mejju 2005, u invokata minn Budvar fir-rikorsi tagħha, ma nġibitx għall-kunsiderazzjoni tal-UASI u għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni tal-INPI msemmija minn Budvar kienet biss provviżorja, u r-rifjut definittiv ta’ reġistrazzjoni huwa bbażat fuq kwistjoni proċedurali u mhux fuq kwistjoni fil-mertu. F’dan ir-rigward, Anheuser-Busch tirreferi għan-nota tagħha tas-6 ta’ April 2006 ippreżentata quddiem il-Bord tal-Appell fil-kuntest tal-proċedimenti li wasslu għall-Kawża T-257/06.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

79      Hemm lok li jiġi mfakkar li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jippermetti li ssir oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fuq il-bażi ta’ sinjal barra minn trade mark preċedenti, liema sitwazzjoni hija prevista fl-Artikolu 8(1)(3) u (5) [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ġunju 2007, Budějovický Budvar u Anheuser-Busch vs UASI (AB GENUINE Budweiser KING OF BEERS), T‑57/04 u T‑71/04, Ġabra p. II‑1829, punt 85]. Fi kliem l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, huwa meħtieġ li, skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew il-liġi tal-Istat Membru applikabbli għal dan is-sinjal, id-drittijiet li joħorġu minnu jkunu nkisbu qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew qabel id-data ta’ prijorità invokata insostenn tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Dejjem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew il-liġi tal-Istat Membru applikabbli għal dan is-sinjal, dan tal-aħħar għandu jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

80      F’dan il-kuntest, l-att ta’ oppożizzjoni għandu jinkludi b’mod partikolari, skont ir-Regola 15(2) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli fil-mument tal-preżentata tal-att ta’ oppożizzjoni ta’ Budvar, riferiment għad-dritt preċedenti u l-isem tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri fejn dan id-dritt jeżisti, kif ukoll rappreżentazzjoni u, fejn applikabbli, deskrizzjoni tad-dritt preċedenti. Barra minn hekk, skont ir-Regola 16(2) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli fil-mument tal-preżentata tal-att ta’ oppożizzjoni ta’ Budvar, l-att ta’ oppożizzjoni għandu b’mod preferenzjali jkun akkompanjat mill-provi tal-kisba u tal-estent tal-protezzjoni ta’ dan id-dritt.

81      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkunsidra li qabel kollox kien opportun li jiġi ddeterminat jekk is-sinjal BUD kienx effettivament denominazzjoni ta’ oriġini. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell irrimarka, fl-ewwel lok, li denominazzjoni ta’ orġini hija indikazzjoni ġeografika li tinforma lill-konsumaturi li prodott joriġina minn post, reġjun jew minn territorju speċifiku u li għandu ċerti karatteristiċi marbuta mal-ambjent ġeografiku fejn ikun ġie prodott, bħall-fatturi naturali u umani. Fit-tieni lok, huwa kkonkluda li kien diffiċli li jiġi meqjus li s-sinjal BUD seta’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni indiretta ta’ provenjenza ġeografika. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell qies li t-terminu “bud” ma kienx jikkorrispondi għall-isem ta’ post li jinsab fir-Repubblika Ċeka. Xejn ma jipprova li l-isem tal-belt fejn Budvar hija stabbilta (jiġifieri Česke Budějovice, li l-isem Ġermaniż tagħha huwa “Budweis”) ġie mqassar għal “bud”. Għalhekk huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li l-konsumaturi fi Franza, l-Italja, il-Portugall u l-Awstrija, jistgħu jinterpretaw it-terminu “bud” bħala denominazzjoni ta’ oriġini, jiġifieri birra prodotta f’post ġeografiku speċifiku tar-Repubblika Ċeka u li għandha ċerti karatteristiċi marbuta mal-ambjent ġeografiku tiegħu. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva li Budvar kienet użat is-sinjal BUD bħala trade mark u mhux bħala denominazzjoni ta’ oriġini. Iktar minn hekk, ma jidhirx li impriża oħra minn České Budějovice (il-post fejn Budvar hija stabbilita) hija awtorizzata tipproduċi l-birra taħt id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”. Fl-aħħar lok, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bord tal-Appell qies li l-kwistjoni ta’ jekk is-sinjal BUD kienx meqjus bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta fl-Awstrija, fuq il-bażi ta’ trattat bilaterali konkluż bejn dan l-Istat Membru u r-Repubblika Ċeka, jew fi Franza, l-Italja u l-Portugall, fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Liżbona, tassumi importanza sekondarja. Anki jekk is-sinjal BUD ġie meqjus bħala denominazzjoni ta’ oriġini f’wieħed minn dawn il-pajjiżi, huwa evidenti li oppożizzjoni ma tistax tirnexxi, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, fuq il-bażi ta’ dritt ippreżentat bħala denominazzjoni ta’ oriġini li madankollu ma jkunx hekk fil-fatt [deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 234/2005-2), punti 19 sa 22 u, permezz ta’ riferiment, fid-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra].

82      Għall-finijiet tal-eżami tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għandha ssir distinzjoni bejn id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” irreġistrata skont il-Ftehim ta’ Liżbona u d-denominazzjoni “bud” protetta skont il- konvenzjoni bilaterali. Hemm lok li jiġi enfasizzat li l-Komunità Ewropea ma hijiex parti f’dan il-ftehim jew konvenzjoni.

 Fuq id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” irreġistrata skont il-Ftehim ta’ Liżbona

83      Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell analizza, fi kliem id-deċiżjonijiet ikkontestati, jekk is-sinjal BUD “huwiex […] effettivament denominazzjoni ta’ oriġini”. F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell qies li l-oppożizzjoni inkwistjoni ma setgħetx tirnexxi, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, fuq il-bażi ta’ dritt “ippreżentat bħala denominazzjoni ta’ oriġini”, li mandakollu “ma kienx hekk” fil-fatt. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-kwistjoni ta’ jekk is-sinjal BUD kienx meqjus bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta, b’mod partikolari fi Franza fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Liżbona, “tassumi importanza sekondarja”. Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell iddeċieda wkoll dwar il-kwalifikazzjoni ta’ “denominazzjoni ta’ oriġini”, mingħajr ma eżamina l-estent tal-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni fid-dawl tal-liġijiet nazzjonali invokati.

84      Fl-ewwel lok, mingħajr ma jkun meħtieġ li, fil-kuntest tal-ewwel parti, nittrattaw l-effetti tal-Ftehim ta’ Liżbona fir-rigward tal-protezzjoni tad-dritt preċedenti invokat fuq il-bażi tal-liġi Franċiża, għandu jiġi rrilevat li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini skont dan il-ftehim issir fuq talba tal-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi kontraenti, f’isem il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati, li għandhom id-dritt jużaw dawn id-denominazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. F’dan il-kuntest, l-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi kontraenti jistgħu jiddikjaraw, b’indikazzjoni tal-motivi, fi żmien sena mid-data tan-notifika tar-reġistrazzjoni, li huma ma jistgħux jiżguraw il-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini (Artikolu 5(1) u (3) tal-Ftehim ta’ Liżbona).

85      Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata skont il-Ftehim ta’ Liżbona ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li saret ġenerika, sakemm tibqa’ protetta bħala denominazzjoni ta’ oriġini fil-pajjiż ta’ oriġini. F’dan il-kuntest, il-protezzjoni mogħtija lid-denominazzjoni ta’ oriġini hija żgurata, mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir tiġdid (Artikolu 6 u Artikolu 7(1) tal-Ftehim ta’ Liżbona).

86      Fit-tielet lok, skont ir-Regola 16 tar-Regolament li jimplementa l-Ftehim ta’ Liżbona, meta l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali jkunu invalidati f’pajjiż kontraenti u meta l-invalidità ma tkun suġġetta għal ebda proċedura oħra, din l-invalidità għandha tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju Internazzjonali mill-amministrazzjoni kompetenti ta’ dan il-pajjiż kontraenti. F’dan il-każ, in-notifika tindika l-awtorità li tkun iddeċidiet dwar l-invalidazzjoni. Minn dan jirriżulta li, skont il-Ftehim ta’ Liżbona, l-effetti ta’ denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata jistgħu jiġu invalidati biss minn awtorità ta’ wieħed mill-pajjiżi kontraenti ta’ dan il-Ftehim.

87      F’dan il-każ, id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” (Nru 598) ġiet irreġistrata fl-10 ta’ Marzu 1975. Franza ma ddikjaratx, fi żmien sena min-notifika tar-reġistrazzjoni, li hija ma setgħetx tiżgura l-protezzjoni tal-imsemmija denominazzjoni ta’ oriġini. Barra minn hekk, fiż-żmien meta ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati, l-effetti tad-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni kienu ġew invalidati permezz ta’ sentenza tat-Tribunal de grande instance de Strasbourg tat-30 ta’ Ġunju 2004. Madankollu, kif jirriżulta mid-dokumenti eżebiti fid-dibattiti, Budvar appellat minn din is-sentenza, u dan l-appell għandu effett sospensiv. Minn dan jirriżulta li, fiż-żmien meta ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati, l-effetti tad-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni ma kinux ġew invalidati, fi Franza, b’deċiżjoni li ma setgħetx tiġi appellata.

88      Issa, kif jirriżulta mill-ħames premessa tar-Regolament Nru 40/94, id-dritt Komunitarju dwar it-trade marks ma jissostitwix il-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ), T‑318/03, Ġabra p. II‑1319, punt 31]. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-validità ta’ trade mark nazzjonali ma setgħetx tiġi kkontestata fl-ambitu ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 55; tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI – Diesel (DIESELIT), T‑186/02, Ġabra p. II‑1887, punt 71; tal-21 ta’ Ġunju 2005, PepsiCo vs UASI – Intersnack Knabber-Gebäck (RUFFLES), T‑269/02, Ġabra p. II‑1341, punt 26, u tat-22 ta’ Marzu 2007, Saint-Gobain Pam vs UASI – Propamsa (PAM PLUVIAL), T‑364/05, Ġabra p. II‑757, punt 88].

89      Minn dan jirriżulta li s-sistema maħluqa mir-Regolament Nru 40/94 tippresupponi li l-UASI jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tad-drittijiet preċedenti protetti fil-livell nazzjonali. B’dan il-mod, l-Artikolu 8(1), moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, jipprovdi li l-proprjetarju ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li s-sinjifikat tiegħu ma huwiex biss lokali, u li għandu effett fi Stat Membru, jista’ jopponi, skont il-kundizzjonijiet li jiddetermina dan l-artikolu, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja (ara b’analoġija, is-sentenza ATOMIC BLITZ, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, punti 31 u 32). Sabiex din il-protezzjoni tiġi żgurata, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi speċifikament li hija “l-liġi ta’ l-Istat Membru” li hija applikabbli għad-dritt preċedenti invokat.

90      Peress li, fi Franza, l-effetti tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” ma kinux ġew definittavament invalidati, il-Bord tal-Appell kellu jqis, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-liġi nazzjonali rilevanti u r-reġistrazzjoni magħmula skont il-Ftehim ta’ Liżbona, mingħajr ma seta’ jqajjem dubju fir-rigward tal-fatt li d-dritt preċedenti invokat jikkostitwixxi “denominazzjoni ta’ oriġini”.

91      Hemm lok li jingħad ukoll li, li kieku l-Bord tal-Appell kellu dubji serji fir-rigward tal-kwalifikazzjoni bħala “denominazzjoni ta’ oriġini” tad-dritt preċedenti, u għalhekk fir-rigward tal-protezzjoni li kellha tingħatalu skont il-liġi nazzjonali invokata, meta din il-kwistjoni kienet ġustament tifforma s-suġġett f’proċedura ġudizzjarja fi Franza, huwa kellu l-possibbiltà li, skont ir-Regola 20(7)(ċ) tar-Regolament Nru 2868/95, jissospendi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni sakemm tingħata sentenza definittiva f’dan ir-rigward.

92      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkunsidra, fl-ewwel lok, li d-dritt preċedenti invokat, irreġistrat skont il-Ftehim ta’ Liżbona, ma kienx denominazzjoni ta’ oriġini, fit-tieni lok, meta kkunsdira li l-kwistjoni ta’ jekk is-sinjal BUD ġiex meqjus bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta, b’mod partikolari fi Franza, kellha “importanza sekondarja” u, fl-aħħar lok, meta kkonkluda li oppożizzjoni fuq din il-bażi ma setgħetx tirnexxi.

 Fuq id-denominazzjoni “bud” protetta skont il-konvenzjoni bilaterali

93      Mit-termini tal-Anness B tal-ftehim bilaterali jirriżulta li t-terminu “bud” ġie meqjus bħala li huwa “indikazzjoni”. Minn dan il-ftehim ma jirriżultax li l-indikazzjoni “bud” ġiet speċifikament meqjusa bħala “denominazzjoni ta’ oriġini”. Barra minn hekk, minn dan il-ftehim ma jirriżultax li t-terminu “bud” ġie kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi denominazzjoni ġeografika jew li jagħmel riferiment għal kwalitajiet partikolari tal-prodott ikkonċernat.

94      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-konvenzjoni bilaterali, huwa biżżejjed li l-indikazzjonijiet jew id-denominazzjonijiet ikkonċernati jkunu marbuta direttament jew indirettament mal-provenjenza ta’ prodott sabiex ikunu jistgħu jiġu elenkati fil-ftehim bilaterali u sabiex jibbenefikaw, fuq din il-bażi, mill-protezzjoni mogħtija mill-konvenzjoni bilaterali. Din id-definizzjoni hija, f’dan ir-rigward, iktar wiesgħa minn dik mogħtija mill-Bord tal-Appell. Fil-fatt huwa kkunsidra li “denominazzjoni ta’ oriġini” kienet “indikazzjoni ġeografika li tinforma lill-konsumaturi li prodott joriġina minn post, reġjun jew territorju speċifiku u li għandu ċerti karatteristiċi marbuta mal-ambjent ġeografiku fejn huwa prodott, bħall-fatturi naturali u umani” [deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 234/2005-2), punt 19 u, permezz ta’ riferiment, fid-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra].

95      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell għamel żewġ żbalji. Fl-ewwel lok, huwa kkunsidra, b’mod żbaljat, li d-denominazzjoni “bud” kienet speċifikament protetta bħala “denominazzjoni ta’ oriġini” skont il-konvenzjoni bilaterali. Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, huwa applika definizzjoni tad-“denominazzjoni ta’ oriġini” li ma tikkorrispondix għad-definizzjoni tal-indikazzjonijiet protetti skont l-imsemmija konvenzjoni.

96      Il-fatt li Budvar setgħet tippreżenta d-dritt invokat bħala “denominazzjoni ta’ oriġini” ma kienx iżomm lill-Bord tal-Appell milli jagħmel evalwazzjoni sħiħa tal-fatti u tad-dokumenti ppreżentati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ATOMIC BLITZ, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, punt 38). Dan huwa partikolarment importanti meta l-kwalifikazzjoni li għandha tingħata għal dritt preċedenti tista’ taffettwa l-effetti ta’ dan id-dritt fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni. F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi mfakkar li l-UASI jista’ jkun rikjest jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn it-trade mark preċedenti li fuqha tkun ibbażata l-oppożizzjoni tgawdi minn protezzjoni. F’dan il-każ, huwa għandu ex officio jinforma ruħu, bil-mezzi li jidhirlu utli għal dan il-għan, dwar il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jekk din l-informazzjoni tkun meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni u, b’mod partikolari, tar-rilevanza tal-fatti mressqa u tas-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-bażi fattwali tal-eżami magħmul mill-UASI ma teskludix il-possibbiltà li dan jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa b’mod espliċitu mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd jew li tagħhom jista’ jinkiseb għarfien minn sorsi ġeneralment aċċessibbli [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T‑185/02, Ġabra p. II‑1739, punt 29, u ATOMIC BLITZ, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, punt 35]. Dawn il-prinċipji huma applikabbli fil-każ ineżami. Il-Bord tal-Appell kellu l-elementi meħtieġa sabiex jagħmel evalwazzjoni sħiħa tal-fatti.

97      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkunsidra, fl-ewwel lok, li d-dritt preċedenti invokat, protett skont il-konvenzjoni bilaterali, ma kienx “denominazzjoni ta’ oriġini”, skont id-definizzjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell, fit-tieni lok, meta kkunsidra li l-kwistjoni ta’ jekk is-sinjal BUD kienx meqjus bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta, b’mod partikolari fl-Awstrija, kellha “importanza sekondarja” u, fl-aħħar lok, meta kkonkluda li oppożizzjoni fuq din il-bażi ma setgħetx tirnexxi.

98      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-konvenzjoni bilaterali għad għandha l-effetti tagħha fl-Awstrija għall-finijiet tal-protezzjoni tad-denominazzjoni “bud”. B’mod partikolari, mid-dokumenti eżebiti fid-dibattiti ma jirriżultax li l-qrati Awstrijaki kkunsidraw li l-Awstrija jew ir-Repubblika Ċeka ma ridux japplikaw il-prinċipju tal-kontinwità tat-trattati għall-konvenzjoni bilaterali wara d-diviżjoni tar-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja. Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-Awstrija jew r-Repubblika Ċeka ħarġu minn din il-konvenzjoni. Minbarra dan, il-kawżi pendenti fl-Awstrija ma wasslux għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-istess raġunijiet esposti fil-punti 88 u 89 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, id-dritt preċedenti invokat minn Budvar mingħajr ma jqajjem dubju fir-rigward tal-istess kwalifikazzjoni ta’ dan id-dritt.

99      Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-ewwel parti tal-uniku motiv għandha tintlaqa’ bħala fondata.

100    Sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati jistrieħu fuq kunsiderazzjonijiet komplementari oħra, li jifformaw is-suġġett tat-tieni parti, hemm lok li dawn jiġu evalwati iktar ’il quddiem.

2.     Fuq it-tieni parti dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

a)     L-argumenti tal-partijiet

 L-argumenti ta’ Budvar

101    Fl-ewwel lok, Budvar tirrimarka li hija proprjetarja tad-dritt preċedenti invokat. Fit-tieni lok, hija tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li s-sinjal BUD ma kienx użat fil-kummerċ. Fit-tielet lok, hija tikkunsidra li l-Bord tal-Appell għamel żball meta kkonkluda li ma kienx intwera li d-denominazzjoni inkwistjoni kienet tagħtiha d-dritt li tipprojbixxi l-użu tat-terminu “bud”, bħala trade mark, fl-Awstrija jew fi Franza.

–       Fuq il-kundizzjoni li min jopponi jkun proprjetarju tad-dritt preċedenti invokat

102    Budvar issostni li, fir-rigward tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, hija hija proprjetarja tad-dritt preċedenti invokat. B’mod kuntrarju għal dak li jidher li l-Bord tal-Appell jissuġġerixxi fil-punt 21 tad-deċiżjoni mogħtija fil-Każ R 234/2005-2, Budvar issostni li l-fatt li hija l-unika proprjetarja tad-dritt li tuża d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” ma huwiex kuntrarju għall-kwalifikazzjoni bħala denominazzjoni ta’ oriġini ta’ dan is-sinjal, peress li l-użu kollettiv ta’ denominazzjoni bħal din ma huwiex obbligatorju. F’dan il-każ, id-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni hija rreġistrata għan-nom ta’ Budvar mal-Ministeru tal-Agrikoltura Ċek u mal-WIPO, b’mod li tista’ tinvokaha fl-ambitu ta’ din il-proċedura.

–       Fuq il-kundizzjoni tal-użu fil-kummerċ tad-dritt preċedenti invokat

103    Filwaqt li tirreferi għat-termini fil-punti 23 u 24 tad-deċiżjoni mogħtija fil-Każ R 234/2005-2, Budvar issostni li l-Bord tal-Appell ma setax japplika, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, sabiex jiddetermina jekk id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” kinitx użata “fil-kummerċ”.

104    Fl-ewwel lok, Budvar issostni li, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94, huma biss il-proprjetarji tat-trade marks preċedenti rreġistrati li jistgħu jintalbu jiġġustifikaw l-użu tad-dritt tagħhom, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni. Il-modalitajiet ta’ prova bħal din huma għalhekk pprovduti fir-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95. Ebda dritt preċedenti ieħor invokat ma jista’ jkun suġġett għar-rekwiżit preliminari tal-prova tal-użu tiegħu, skont il-kriterji tal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94.

105    Fit-tieni lok, filwaqt li tirreferi għas-sitt u d-disa’ premessi tar-Regolament Nru 40/94, Budvar tirrimarka li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tiġi rifjutata meta din tista’ tippreġudika “drittijiet preċedenti”. Madankollu, meta d-dritt preċedenti jkun ikkostitwit minn trade mark, din għandha tkun is-suġġett ta’ użu effettiv sabiex tikkostitwixxi dritt opponibbli għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Jekk id-dritt preċedenti invokat ma jkunx trade mark, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94 ma timponi li jintwera l-“użu” fil-kummerċ ta’ dan is-sinjal. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 40/94 ma jinkludi ebda dispożizzjoni oħra li tidderoga mill-prinċipju ta’ protezzjoni tad-drittijiet preċedenti, intiża sabiex timponi l-prova tal-estent tal-użu fil-kummerċ. Fil-kuntest tal-Kawża T-225/06, Budvar tirrimarka li l-prova tal-użu reali u ġenwin fil-kummerċ hija biżżejjed. Fil-kuntest tal-kawżi l-oħra, Budvar tirrimarka li l-prova tal-użu fil-kummerċ hija biżżejjed.

106    Fit-tielet lok, filwaqt li tevalwa t-termini tal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94, Budvar tispeċifika li min jopponi jista’ jiġi mistieden mill-UASI sabiex iressaq il-prova tal-użu reali u ġenwin tat-trade mark li huwa jinvoka, fuq talba tal-applikant tat-trade mark Komunitarja. F’dan il-każ, Anheuser-Busch applikat biss din il-fakultà fir-rigward ta’ trade mark internazzjonali inizjalment invokata minn Budvar insostenn tal-oppożizzjoni tagħha (trade mark internazzjonali Nru 361 566). Għalhekk l-UASI ma kellux is-setgħa jeżiġi, ex officio, il-prova tal-użu tat-trade mark preċedenti, peress li dan id-dritt kien jappartjeni biss lill-applikant għat-trade mark Komunitarja. A fortiori, l-UASI ma kellux id-dritt li jagħmel il-prova tal-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini invokata bħala kundizzjoni, mhux sodisfatta fil-fehma tiegħu, li ġġustifikat ir-rifjut tal-oppożizzjoni. Barra minn hekk, Budvar issostni li l-fakultà li tintalab, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni, li tinġieb il-prova tal-użu tat-trade mark preċedenti invokata, hija l-korollarju loġiku u neċessarju tar-regoli ta’ revokazzjoni tat-trade marks previsti fl-Artikolu 10 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), u tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 40/94.

107    Fir-raba’ lok, Budvar issostni li r-raġunament tal-Bord tal-Appell imur kontra l-ġurisprudenza Komunitarja dwar il-kunċett ta’ użu “fil-kummerċ”, kif previst fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/104 u fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94. Dudvar tirreferi b’mod partikolari għall-punt 40 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club (C‑206/01, Ġabra p. I‑10273), u għall-punt 114 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni (T‑279/03, Ġabra p. II‑1291). Għal Budvar, il-kriterju “kwalitattiv” tal-użu huwa l-uniku kriterju applikat fil-ġurisprudenza, indipendentement minn kull kriterju “kwantitattiv”. Għalhekk, hija biss in-natura kummerċjali tal-użu li hija determinanti, u mhux l-użu mifrux f’termini ta’ kwantità.

108    Fil-ħames lok, Budvar tikkunsidra li r-raġunament tal-Bord tal-Appell imur kontra l-prassi deċiżjonali tal-UASI. F’dan ir-rigward Budvar tirreferi għal diversi deċiżjonijiet tal-UASI li fihom ma kienx rikjest użu mifrux f’termini ta’ kwantità tad-dritt preċedenti. Barra minn hekk, fil-Kawżi magħquda T-60/04 sa T-64/04, li kienu jinvolvu s-sinjal verbali BUD, u li wasslu għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ġunju 2007, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUD) (T‑60/04 sa T‑64/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra), l-UASI kellu għarfien sħiħ tal-valur ġuridiku ta’ denominazzjoni ta’ oriġini. F’dan ir-rigward Budvar tirreferi għal diversi dokumenti proċesswali f’dawn il-kawżi, li hija ppreżentat f’anness mar-rikors. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta li l-prassi deċiżjonali tal-UASI tagħti interpretazzjoni kwalitattiva tal-kunċett ta’ “sinjal użat fil-kummerċ”, u mhux kwantitattiva. Minbarra li tiddikjara li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma affettwati minn illegalità, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tikkunsidra wkoll li dawn jippreġudikaw il-prinċipju ta’ trattament ugwali. F’dan ir-rigward, Budvar tirreferi għall-punt 70 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2005, Cargo Partner vs UASI (CARGO PARTNER) (T‑123/04, Ġabra p. II‑3979).

109    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u tal-fatt li r-rekwiżit tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-prova tal-użu tas-sinjal preċedenti jmur kontra t-testi Komunitarji, Budvar issostni li, f’dan il-każ, ġew imressqa provi quddiem il-Bord tal-Appell sabiex jintwera li hija użat id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha u mhux fil-qasam privat. Budvar ressqet mill-ġdid dawn id-dokumenti fil-kuntest ta’ din il-kawża, li jikkonsistu, għal Franza, f’diversi fatturi, u għall-Awstrija, fil-kuntest tal-Kawżi T‑225/06, T‑255/06 u T‑309/06, f’diversi dikjarazzjonijiet, fatturi u siltiet minn gazzetti.

110    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li d-dokumenti mressqa matul il-proċedimenti amministrattivi ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit l-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”, iżda biss dak tat-trade mark BUD, Budvar issostni li l-kunċett ta’ “użu” ma japplikax għal denominazzjoni ta’ oriġini, peress li dritt bħal dan ma għandux l-għan li jindividwalizza prodott. Budvar iżżid li, f’dan il-każ, is-sempliċi twaħħil tas-sinjal BUD jikkostitwixxi l-użu kemm tat-trade mark u kemm tad-denominazzjoni ta’ oriġini. Fl-aħħar nett, Budvar tispeċifika li, fil-Kawżi magħquda T‑60/04 sa T‑64/04, dwar id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”, li wasslu għas-sentenza BUD, iċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, l-UASI rrikonoxxa li l-użu ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini kien sodisfaċenti.

–       Fuq il-kundizzjoni marbuta mad-dritt li jirriżulta mid-denominazzjoni inkwistjoni

111    Budvar issostni li hija għandha d-dritt tipprojbixxi l-użu tat-trade mark mitluba fi Franza u anki, fil-kuntest tal-Kawżi T‑225/06, T‑255/06 u T‑309/06, fl-Awstrija.

112    Fir-rigward ta’ Franza, Budvar tinvoka diversi dispożizzjonijiet tal-liġi Franċiża li skonthom il-prodotti u s-servizzi mitluba huma identiċi jew jixxiebhu jew differenti mill-birra.

113    Meta l-prodotti inkwistjoni jkunu identiċi jew jixxiebhu għall-birra (jiġifieri, skont Budvar, il-prodotti kkonċernati fil-kuntest tal-Kawża T‑225/06 u tal-Kawża T‑309/06 u l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32 fil-kuntest tal-Kawża T‑255/06), Budvar tinvoka l-Artikolu L. 115‑8(1) u l-Artikolu L. 115‑16(1) u (4) tal-Kodiċi tal-konsumaturi Franċiż (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-konsumaturi”) li jipprovdu, essenzjalment, li l-użu illegali ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jista’ jiġi pprojbit u jista’ jwassal għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet. F’dan il-każ, skont Budvar, ladarba t-trade mark mitluba (Kawżi T‑225/06 u T‑309/06) jew is-sinjal dominanti tat-trade mark mitluba (Kawża T‑255/06) huma identiċi għad-denominazzjoni ta’ oriġini kkonċernata u ladarba l-prodotti kkonċernati huma identiċi jew jixxiebhu, l-użu minn Anheuser-Busch tas-sinjal BUD jippreġudika din id-denominazzjoni ta’ oriġini.

114    Meta s-servizzi inkwistjoni jkunu identiċi jew jixxiebhu għall-birra (jiġifieri, skont Budvar, is-“servizzi tar-restoranti, bars u tveren” li jaqgħu fil-klassi 42 fil-kuntest tal-Kawża T-257/06), Budvar tinvoka l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi rurali, riprodott fl-Artikolu L. 115‑5 tal-Kodiċi tal-konsumaturi, li jipprovdi li “[l]-isem ġeografiku li jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini jew kull espressjoni oħra li tevokaha ma jistgħu jintużaw fir-rigward ta’ ebda prodott li jixxiebah […], u lanqas fir-rigward ta’ kwalunkwe prodott jew servizz ieħor meta dan l-użu jista’ jnaqqas jew idgħajjef ir-reputazzjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini”. F’dan ir-rigward, Budvar tirrileva li sabiex jippromwovu l-prodotti tagħhom u sabiex jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom, il-produtturi tal-birer jiftħu restoranti, bars u ħwienet tax-xorb bl-isem tat-trade mark tagħhom. Wara kollox, jidher li l-intenzjoni ta’ Anheuser-Busch hija li tiftaħ post ta’ konsum tal-prodotti tagħha stess, peress li, fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 32, minbarra l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni kkontestata BUD, din ippreżentat ukoll l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja BAR BUD. Barra minn hekk, is-servizzi ta’ restoranti għandhom bħala għan ewlieni l-preparazzjoni u l-provvista ta’ ikliet, ħafna drabi akkompanjati minn xorb, bħall-inbid u l-birra. B’dan il-mod, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark BUD għas-“servizzi ta’ restoranti, bars u tveren” li jaqgħu fil-klassi 42 tippermetti lill-kumpannija Anheuser-Busch tiftaħ stabbilimenti bħal dawn, b’mod li jista’ jfixkel lill-konsumaturi li jiġu sabiex jikkonsmaw il-birra Ċeka BUD meta, fil-fatt, jikkonsmaw birra differenti.

115    Meta l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu differenti mill-birra (jiġifieri, skont Budvar, il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21 u 25 fil-kuntest tal-Kawża T‑255/06 u s-servizzi minbarra s-“servizzi ta’ restoranti, bars u tveren” li jaqgħu fil-klassi 42 fil-kuntest tal-Kawża T‑257/06), Budvar tinvoka l-Artikolu L. 641‑2 tal-Kodiċi rurali, iċċitat iktar ’il fuq, u ssostni li r-riproduzzjoni tal-isem ġeografiku li jikkostitwixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini, mingħajr ebda żieda verbali oħra, huwa pprojbit għall-prodotti identiċi, li jixxiebhu u differenti. F’dan il-każ, jista’ jiġi kkunsidrat li jirriżultaw kemm ir-reputazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” kif ukoll ir-riskju li din ir-reputazzjoni tiddgħajjef jew titnaqqas. Fl-ewwel lok, filwaqt li tirreferi għall-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Liżbona, Budvar tirrimarka li r-reputazzjoni tal-birra prodotta f’Budweis kienet neċessarjament murija fir-Repubblika Ċeka sabiex tinkiseb id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” ikkonċernata. Fi kliem l-Artikolu 1(2) tal-Ftehim ta’ Liżbona, denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata skont dan il-ftehim hija protetta fit-territorju Franċiż bl-istess mod bħad-denominazzjonijiet nazzjonali, mingħajr ma huwa rikjest li jintwera li din tgawdi b’mod effettiv minn kwalunkwe reputazzjoni. Għaldaqstant, ir-reputazzjoni intrinsika tad-denominazzjoni ta’ oriġini li tagħha hija proprjetarja l-kumpannija Budvar tista’ tiġi mnaqqsa jew imdgħajfa bir-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkonċernati. Ebda test Franċiż ma jeżiġi li din ir-reputazzjoni intrinsika għandu jkollha livell partikolarment għoli sabiex il-protezzjoni tagħha testendi għal prodotti differenti. Tali rekwiżit huwa, wara kollox, kuntrarju għall-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Liżbona li jipprevedi protezzjoni assoluta għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, mingħajr kundizzjoni marbuta mar-reputazzjoni tad-denominazzjoni jew mal-identità jew ix-xebh tal-oġġetti li fuqhom jitqiegħed is-sinjal ikkontestat mal-prodott protett mid-denominazzjoni ta’ oriġini. Il-prinċipju tal-ġerarkija tar-regoli jimponi li l-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi rurali jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Liżbona. Fit-tieni lok, Budvar issostni li r-riskju li r-reputazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini titnaqqas jew tiddgħajjef jista’ jiġi evalwat fid-dawl tal-attitudni adottata mill-applikant tat-trade mark ikkontestata. F’dan ir-rigward, it-trade marks mitluba joriġinaw minn kompetitur dirett ta’ Budvar, li kellu neċessarjament għarfien tar-reputazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni, tal-inqas fit-territorju Ċek. Għalhekk, iċ-ċirkustanzi tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni kkonċernati juru, mingħajr ambigwità min-naħa tal-applikant, volontà ċara li jippreġudika r-reputazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni, filwaqt li jdgħajjef u jnaqqas l-uniċità tagħha billi jirrendi ġenerali d-denominazzjoni “bud”, u kif ukoll attentat ta’ approprijazzjoni indebita ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini permezz tal-kisba ta’ trade mark BUD.

116    Budvar tinvoka wkoll, fil-kawżi kollha, l-Artikoli L. 711‑3 u L. 711‑4 tal-Kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali Franċiż (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali”).

117    Fir-rigward tal-Artikolu L. 711‑3 tal-Kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali, Budvar issostni li din id-dispożizzjoni tipprovdi, essenzjalment, li sinjal ma jistax jiġi adottat bħala trade mark meta jmur kontra l-ordni pubbliku jew meta l-użu tiegħu jkun legalment ipprojbit. Għalhekk, fuq il-bażi tal-Artikolu L. 714‑3 ta’ dan il-kodiċi, Budvar tista’ tinvalida u tipprojbixxi l-użu tat-trade mark verbali BUD. Barra minn hekk, fil-Kawżi T‑225/06, T‑255/06 u T‑309/06, Budvar tirreferi għal diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fi Franza li jipprovdu li l-protezzjoni mogħtija lid-denominazzjonijiet ta’ oriġini hija ta’ ordni pubbliku. Għalhekk, skont l-Artikolu L. 711‑3(b) tal-Kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tkopri sinjal li jirriproduċi jew jimita denominazzjoni ta’ oriġini għandha tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-ordni pubbliku, peress li jmur kontra l-istatus tad-denominazzjoni ta’ oriġini. Skont l-Artikolu L. 714‑3 tal-Kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali, Budvar tista’ tinvalida u tipprojbixxi l-użu tat-trade mark BUD. F’dan ir-rigward, l-INPI informat lil Anheuser-Busch li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark BUD, li hija kienet ippreżentat fl-10 ta’ Settembru 1987 fir-rigward ta’ prodotti tal-klassi 32 (birer), setgħet “tiġi kolpita” mil-liġi Franċiża, peress li hija “kontra l-ordni pubbliku”. Barra minn hekk, l-Artikolu L. 711‑3(b) tal-Kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali jipprekludi wkoll ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li l-użu tagħha jkun legalment ipprojbit. Issa, b’applikazzjoni tal-Artikolu L. 115‑8 tal-Kodiċi tal-konsumaturi, imsemmi iktar ’il fuq, Budvar għandha dritt, fi Franza, li titlob li jiġi ssanzjonat kull użu minn Anheuser-Busch tas-sinjal BUD għal birer u xorb ieħor simili għall-birra. Għalhekk trade mark bħal din għandha tiġi kkunsidrata li hija legalment ipprojbita (inkluż sabiex tirrappreżenta prodotti differenti mill-birra) fis-sens tal-Artikolu L. 711‑3(b) tal-Kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali. F’dan ir-rigward, Budvar issostni li l-INPI informat lil Anheuser-Busch li l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni tat-trade mark BUD, ippreżentata fl-2001 sabiex tirrappreżenta l-birra, setgħet “tiġi kolpita” mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 711‑3(b) tal-Kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali. Bi tweġiba għal din l-oġġezzjoni, Anheuser-Busch irtirat l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Applikazzjoni oħra għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ Anheuser-Busch li tkopri s-sinjal verbali BUD sabiex jirrappreżenta l-birra ġiet irrifjutata mill-INPI fuq din l-istess bażi, b’notifika tad-19 ta’ Mejju 2005. B’dan il-mod, il-liġi Franċiża tipprovdi diversi mezzi ġuridiċi lil Budvar sabiex tipprekludi l-użu tat-trade mark BUD minn Anheuser-Busch.

118    Fir-rigward tal-Artikolu L. 711‑4 tal-Kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali, Budvar tirrimarka li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma hijiex possibbli meta din tista’ tippreġudika denominazzjoni ta’ oriġini protetta fi Franza, u ftit jimporta jekk din l-applikazzjoni toħloqx probabbiltà ta’ konfużjoni mad-denominazzjoni ta’ oriġini preċedenti kkunsidrata. Budvar tirreferi wkoll għal diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji, fi Franza, li annullaw it-trade marks preċedenti jew sussegwenti għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini. Għalhekk Budvar għandha bażi tajba sabiex titlob in-nullità ta’ trade mark verbali BUD u l-preklużjoni tal-użu tagħha, ikunu liema jkunu l-prodotti u s-servizzi kkonċernati.

119    Barra minn hekk, Budvar tibqa’ ssostni l-ineżattezza tad-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell li t-Tribunal de grande instance de Strasbourg ikkundanna lir-rikorrenti għal kompetizzjoni żleali minħabba li pprovat timpedixxi lid-distributur Franċiż tal-kumpannija Anheuser-Busch milli jbiegħ il-birra BUD. Il-kundanna ta’ Budvar għal kompetizzjoni żleali, ta’ euro simboliku, tinvolvi l-fatt li r-rikorrenti stenniet is-sena 2002 sabiex tivvanta kontra d-distributur tas-soċjetà Anheuser-Busch id-drittijiet tagħha fir-rigward tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”. Barra minn hekk, is-sentenza inkwistjoni għadha fi stadu ta’ proċedura ta’ appell u għalhekk ma hijiex definittiva.

120    Fir-rigward tal-Awstrija, fil-kuntest tal-Kawżi T‑225/06, T‑255/06 u T‑309/06, Budvar tfakkar li d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” hija protetta fuq il-bażi tal-konvenzjoni bilaterali. Din id-denominazzjoni ta’ oriġini għad għandha l-effetti tagħha fl-Awstrija, minkejja l-eżistenza ta’ kawża li għadha pendenti quddiem l-Oberlandesgericht Wien, dwar il-validità ta’ dan id-dritt. Madankollu, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni definittiva dwar din il-kwistjoni, id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” tibqa’ fis-seħħ fl-Awstrija. Għalhekk, fuq il-bażi tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 9(1) tal-konvenzjoni bilaterali, l-użu minn Anheuser-Busch tat-trade mark BUD, sabiex tirrappreżenta prodotti identiċi jew li jixbhu lill-birra, jista’ jiġi sanzjonat.

 L-argumenti tal-UASI

121    B’mod kuntrarju għal dak li Budvar issostni, l-UASI ma ħax pożizzjoni, fil-kuntest tal-Kawżi magħquda T‑60/04 sa T‑64/04, li wasslu għas-sentenza BUD, iċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, dwar l-użu tat-terminu “bud” bħala denominazzjoni ta’ oriġini. F’dawk il-kawżi, la l-Bord tal-Appell u lanqas il-partijiet ma ddubitaw mill-fatt li d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” kienet dritt preċedenti bbażat fuq użu li s-sinjifikat tiegħu ma kienx biss lokali. L-UASI indika sempliċement li kien jaqbel ma’ din id-delimitazzjoni tat-tilwima.

122    F’dan il-każ, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tiġi rrifjutata jekk ma jkunx ipprovat li d-dritt preċedenti jkun “[u]żat fil-kummerċ u li mhuwiex biss ta’ sinifikanza [sinjifikat] lokali”. Din il-kwistjoni, li taqa’ taħt id-dritt Komunitarju, hija indipendenti mill-kwistjoni jekk il-liġi nazzjonali tirrikjedix użu tad-dritt preċedenti. F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell, bi qbil mad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, applika b’analoġija d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 fir-rigward tal-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti, filwaqt li enfasizza li l-prova li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu hija standard minimu (f’dan ir-rigward, l-UASI jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, Ġabra p. I‑2439, punt 39, u għad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology, C‑259/02, Ġabra p. I‑1159, punt 21). Għalhekk l-applikazzjoni ta’ dan l-istandard ma hijiex inġusta għal Budvar.

123    Budvar issostni li l-kunċett ta’ użu fil-kummerċ huwa purament kwalitattiv u mhux kwantitattiv u li kien biżżejjed għaliha li tipprova li l-użu kien ta’ natura kummerċjali. F’dan ir-rigward, l-UASI ma jarax kontradizzjoni bejn il-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell u dik ta’ Budvar. Barra minn hekk, fil-punt 27 tar-rikors fil-Kawża T-225/06, Budvar tirrikonoxxi li l-prova ta’ użu reali u ġenwin fil-kummerċ hija biżżejjed sabiex turi l-eżistenza ta’ dritt fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

124    Filwaqt li jirreferi, fl-istess sentenza, għal “sinjal […] li huwa wżat fil-kummerċ” u għal-“liġi ta’ l-Istat Membru li tirregola dak is-sinjal”, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jipprevedi b’mod ċar li l-użu fil-kummerċ għandu jintwera fir-rigward tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri, f’dan il-każ, fi Franza u fl-Awstrija. Fid-dawl tar-riferiment magħmul mill-Bord tal-Appell għall-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, din il-prova għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet stipulati mir-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95. F’dan ir-rigward, il-post, il-ħin u l-estensjoni tal-użu huma fatturi interdipendenti li għandhom jitqiesu lkoll flimkien. Id-dgħufija ta’ wieħed mill-fatturi tista’ tiġi kontrobilanċjata minn fattur ieħor (f’dan ir-rigward l-UASI jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C‑416/04 P, Ġabra p. I‑4237, punt 76).

125    F’dan il-każ, minħabba r-raġunijiet esposti fid-deċiżjonijiet ikkontestati, Budvar ma tatx prova li d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” kienet suġġetta għal użu li ma kienx biss ta’ sinjifikat lokali, fi Franza u, fir-rigward tal-Kawżi T-225/06, T‑255/06 u T‑309/06, fl-Awstrija.

126    Barra minn hekk, Budvar tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell biss sa fejn din tirriżulta minn evalwazzjoni tal-“użu ġenwin”, fis-sens tal-liġi dwar it-trade marks. Budvar ma ressqet ebda element li jqiegħed f’dubju l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, li kieku kellu jiġi aċċettat li l-applikazzjoni, b’analoġija, tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 kienet fondata.

127    Meta l-kundizzjoni “Komunitarja” imposta mill-Artikolu 8(4) ma tkunx sodisfatta, l-oppożizzjoni tista’ tiġi miċħuda, anki jekk il-kundizzjoni “nazzjonali” (jiġifieri l-fatt li l-liġi tal-Istat Membru applikabbli għas-sinjal inkwistjoni tagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti) tkun sodisfatta.

128    Fl-aħħar nett, kif irrilevat mill-Bord tal-Appell, l-UASI jirrimarka li huwa ta’ dispjaċir li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ħadet, fil-kawżi preċedenti, approċċ differenti fir-rigward tal-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fi Franza. Madankollu, il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati tista’ tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94 u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għalihom. Issa, jekk l-argument ta’ Budvar għandu jinftiehem bħala li qed iressaq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi tal-kawżi differenti ma humiex identiċi. Barra minn hekk, jekk wieħed jitlaq mill-prinċipju li d-deċiżjonijiet preċedenti kienu affettwati minn illegalità, l-UASI jirrimarka li ħadd ma jista’ jinvoka illegalità mwettqa favur ħadd ieħor b’mod li jieħu vantaġġ minnha.

 L-argumenti ta’ Anheuser-Busch

129    B’mod preliminari, Anheuser-Busch tikkunsidra li huwa diffiċli li wieħed jagħraf jekk Budvar hijiex qed tissottometti l-ineżistenza tal-kundizzjoni ta’ użu jew il-fatt li din il-kundizzjoni hija sempliċement sottomessa għal rekwiżiti inqas rigorużi minn dawk applikati mill-Bord tal-Appell.

130    B’mod preliminari wkoll, Anheuser-Busch tirrimarka li l-kundizzjoni ta’ użu stipulata fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 tikkostitwixxi regola awtonoma tad-dritt Komunitarju, li tapplika b’mod indipendenti mill-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali rilevanti. F’dan ir-rigward, minn din id-dispożizzjoni joħroġ ċar li l-kundizzjoni ta’ użu effettiv fil-kummerċ hija rikjesta. Barra minn hekk, jeħtieġ li dan l-użu effettiv ikun ta lis-sinjal sinjifikat li ma jkunx biss lokali. Anheuser-Busch iżżid, fil-kuntest tal-Kawża T-309/06, li jeħtieġ li l-użu effettiv tad-dritt inkwistjoni jkun sar qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

131    Fil-mertu, Anheuser-Busch tqis, fl-ewwel lok, li r-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 għandha tapplika, mutatis mutandis, għall-kundizzjoni ta’ użu stipulata fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. F’dan ir-rigward, Anheuser-Busch issostni li jekk l-użu ta’ sinjal għandu jiġi pprovat sabiex joħloq drittijiet f’territorju speċifiku fil-konfront ta’ trade mark iktar reċenti, l-indikazzjonijiet li għandhom jitressqu għandhom jagħtu prova li s-sinjal ikun intuża f’dan it-territorju (post) matul iż-żmien rikjest (ħin), li jkun sar użu mis-sinjal b’mod konformi ma’ dak li jkun ġie ddikjarat (natura) u, fl-aħħar nett, li dan isir fil-kummerċ (estensjoni). Fi kliem ieħor, xejn ma jipprekludi l-applikazzjoni, b’analoġija, tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

132    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterji kwantitattivi ta’ użu, Anheuser-Busch tenfasizza li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jużax it-terminu “ġenwin” użat fl-Artikolu 43(2) tal-istess regolament. Madankollu, ir-riferiment għal “sinjal ieħor li huwa wżat fil-kummerċ u li mhuwiex biss ta’ sinifikanza [sinjifikat] lokali” jimplika li l-użu għandu jidher fil-kummerċ. Għalhekk, il-provi li jirrigwardaw dritt ibbażat fuq l-użu ma għandhomx ikunu inqas minn dawk li jirrigwardaw trade mark irreġistrata. F’dan ir-rigward, Anheuser-Busch tirreferi għal applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 mill-High Court of Justice (England & Wales) f’kawża msejħa “COMPASS” (24 ta’ Marzu 2004). Għalhekk l-UASI, ġustament, ikkonkluda li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jinkludi kriterji kwantitattivi li, barra minn hekk, huma iktar stretti minn dawk li jirrigwardaw it-trade marks irreġistrati.

133    Fir-rigward tal-fatt, imressaq minn Budvar, li l-intervenjenti ma talbitx formalment li tinġieb il-prova tal-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni, Anheuser-Busch issostni li hija ddikjarat, f’kull att tagħha, li Budvar kellha tressaq tali prova. Barra minn hekk, talba “formali” f’dan is-sens, kif rikjest mir-Regola 22(5) tar-Regolament Nru 2868/95, ma tapplikax fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Din id-dispożizzjoni ssemmi fil-fatt, bħala kundizzjoni legali sabiex tintlaqa’ l-oppożizzjoni, l-użu fil-kummerċ. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ trade marks irreġistrati, ma huwiex rikjest li jintwera l-użu tagħhom ħlief meta din il-prova tintalab formalment. Għalhekk l-analoġija magħmula minn Budvar mal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 hija assurda.

134    Fir-rigward tar-riferiment ta’ Budvar għall-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/104 u għall-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94, Anheuser-Busch tirrimarka li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu użu “illeċitu”. Għalhekk l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu fil-kummerċ” tvarja skont id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-kawża ineżami. Għaldaqstant ir-riferimenti ta’ Budvar f’dan ir-rigward huma ineffettivi.

135    Barra minn hekk, il-kundizzjoni ta’ użu fir-rigward tat-trade marks, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja (b’mod partikolari l-fatt li ma jeżistix livell “minimu” għall-użu ġenwin ta’ trade mark), ma tistax tiġi applikata għad-drittijiet ibbażati fuq l-użu previsti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Ladarba r-raġuni tal-oppożizzjoni hija bbażata biss fuq l-użu, ikun għal kollox korrett li jiġu applikati kriterji iktar stretti u li jkun rikjest użu iktar viżibbli tas-sinjal fis-suq milli jsir fil-kuntest tat-trade marks irreġistrati. F’dan il-każ, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell ma applikawx il-kriterji iktar stretti, iżda applikaw, b’analoġija, il-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94.

136    Fit-tielet lok, Anheuser-Busch issostni li, f’dan il-każ, Budvar ma ġabitx il-prova ta’ użu fil-kummerċ li s-sinjifikat tiegħu ma huwiex biss lokali, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

137    Fil-kuntest tal-Kawża T‑225/06, u fir-rigward ta’ Franza, il-provi pprovduti huma insuffiċjenti sabiex juru kwalunkwe użu fil-kummerċ. Fir-rigward tal-Awstrija, Anheuser-Busch tenfasizza li l-użu dgħajjef jikkonċerna biss prodott li fuqu kien hemm indikati t-termini “bud super strong”, li ġie fornit biss lil distributur wieħed. Ma hemm ebda prova tal-fatt li dan id-distributur biegħ prodott li fuqu hemm indikat it-terminu “bud” lill-konsumatur. F’dan ir-rigward, Anheuser-Busch iżżid li t-terminu “bud” kien, b’mod ċar, użat bħala trade mark. Barra minn hekk, u minbarra l-fatt li t-terminu “bud” ma huwiex denominazzjoni ġeografika, dan tal-aħħar, flimkien mat-termini Ingliżi “super strong”, jista’ jirreferi għal birra li toriġina fl-Istati Uniti jew f’pajjiż fejn jitkellmu bl-Ingliż, iżda ċertament mhux għal belt Ċeka.

138    Fil-kuntest tal-Kawża T-255/06, fl-ewwel lok, Anheuser-Busch tirrimarka li, fir-rigward tal-Awstrija, Budvar issottomettiet provi tal-użu barra mit-termini stipulati mill-UASI. Għalhekk, skont ir-Regola 19(4) tar-Regolament Nru 2868/95 u l-prassi tal-UASI, dawn il-provi għandhom jiġu injorati. Fi kwalunkwe każ, il-provi mressqa, inklużi dawk fir-rigward ta’ Franza, huma insuffiċjenti sabiex juru kwalunkwe użu fil-kummerċ. F’dan ir-rigward, Anheuser-Busch tirrileva li l-provi tal-użu jikkonċernaw biss prodott li fuqu hemm indikati t-termini “bud super strong” u tressaq argumenti simili għal dawk żviluppati fil-kuntest tal-Kawża T‑225/06, iċċitata fil-punt 137 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, speċifikament fir-rigward ta’ Franza, Anheuser-Busch tirrileva li l-erba’ “fatturi” ippreżentati minn Budvar huma, b’mod ċar, dokumenti ta’ kunsinna għal konsenji gratwiti, kif turi l-indikazzjoni “Free of charge”. Barra minn hekk, tnejn biss mill-fatturi inkwistjoni jippreċedu l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u waħda minnhom ma tindikax id-destinatarju. Meħuda flimkien, dawn il-fatturi jkopru biss 70 litru tal-prodott li fuqu hemm indikati t-termini “bud super strong”, jiġifieri madwar il-konsum medju ta’ żewġ konsumaturi medji Franċiżi fis-sena. Fir-rigward tal-Awstrija, id-dokumenti mressqa juru konsenji ta’ prodott li fuqu hemm indikati t-termini “bud super strong” lil distributur wieħed, u dan biss għal 35 ettolitri.

139    Fil-kuntest tal-Kawża T‑257/06, u fir-rigward ta’ Franza, Anheuser-Busch tirrileva wkoll li l-erba’ “fatturi” ppreżentati minn Budvar huma, b’mod ċar, dokumenti ta’ kunsinna għal konsenji gratwiti, kif turi l-indikazzjoni “Free of charge”. Barra minn hekk, waħda minn dawn l-erba’ fatturi inkwistjoni saret wara l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Anheuser-Busch tirrileva wkoll li l-provi tal-użu jikkonċernaw biss prodott li fuqu hemm indikati t-termini “bud super strong” u tressaq argumenti simili għal dawk żviluppati fil-kuntest tal-Kawża T‑225/06 fil-punt 137 iktar ’il fuq.

140    Fil-kuntest tal-Kawża T‑309/06, Anheuser-Busch tirrileva li l-provi tal-użu jikkonċernaw biss prodott li fuqu hemm indikati t-termini “bud super strong” u tressaq argumenti simili għal dawk żviluppati fil-kuntest tal-Kawża T‑225/06 fil-punt 137 iktar ’il fuq.

141    Fir-rigward tal-fatt allegat minn Budvar li l-UASI rrikonoxxa, fil-kuntest tal-Kawża T-62/04 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li ntwera użu suffiċjenti tas-sinjal BUD fi Franza, dan ma huwiex eżatt. L-UASI ried biss jikkonferma f’dik il-kawża, li, wara kollox, kienet differenti fir-rigward tal-prodotti mitluba, li bħala prinċipju d-denominazzjonijiet ta’ oriġini kienu kkunsidrati bħala sinjali fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

142    Fir-raba’ lok, Anheuser-Busch tikkunsidra li Budvar ma wrietx biżżejjed li hija kellha dritt tipprojbixxi t-trade mark mitluba.

143    Fir-rigward tal-liġi Franċiża, Anheuser-Busch tirrimarka, b’mod ġenerali, li Budvar iċċitat numru kbir ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Franċiża b’mod vag ħafna, u dan b’mod kuntrarju għall-oneru tal-prova li jaqa’ fuq min jopponi skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

144    B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali invokati minn Budvar, Anheuser-Busch tippreċiża li dawn jipprevedu r-reġistrazzjoni ta’ trade marks fi Franza. Għalhekk dawn ma humiex rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 li jipprevedi l-preklużjoni tal-użu ta’ trade mark.

145    Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-konsumaturi invokati, Anheuser-Busch tirrimarka, fl-ewwel lok, li Budvar talludi għall-ewwel darba, fil-Kawżi T‑225/06 u T‑309/06, għall-Artikolu L. 115‑8 ta’ dan il-kodiċi. Anheuser-Busch iżżid, fil-Kawża T‑225/06, li sa fejn il-kwistjonijiet ta’ liġi nazzjonali jkunu kwistjonijiet ta’ fatt, l-invokazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi fatt ġdid u, għalhekk, ma għandux jitqies mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

146    Fir-rigward tal-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi rurali, riprodott fl-Artikolu L. 115-5 tal-Kodiċi tal-konsumaturi, Anheuser-Busch tispeċifika, fl-ewwel lok, fil-Kawżi T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06 li, fir-rigward tal-prodotti jew servizzi differenti kollha jew xi wħud minnhom, Budvar ma tatx prova tal-eżistenza ta’ xi reputazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni fit-territorju Franċiż. F’dan ir-rigward, Anheuser-Busch tirreferi għan-nota li hija ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T‑60/04 u li hija ressqet bħala anness. Fit-tieni lok, Anheuser-Busch tqis, fil-Kawża T‑257/06 li tikkonċerna b’mod partikolari, skont Budvar, servizzi “simili” għall-birra, li l-allegazzjonijiet ta’ min għamel l-oppożizzjoni huma infondati. B’mod partikolari, Anheuser-Busch issostni li “servizzi” (bħas-“servizzi ta’ restoranti, bars u tveren” li jaqgħu fil-klassi 42 previsti minn Budvar) ma jistgħux ikunu “prodotti simili” fis-sens tal-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi rurali. Dan huwa konformi mal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali applikati fil-kummerċ (TRIPS) li, fir-rigward ta’ prodotti, jipprevedi biss il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi. It-terminu “simili”, użat fl-Artikolu L. 641-2 tal-Kodiċi rurali, jipprevedi prodotti li jappartjenu għall-istess kategorija ta’ prodotti, li madankollu ma jissodisfawx l-istess kriterji kwalitattivi bħal dawk tad-denominazzjoni ta’ oriġini. Dan jinvolvi kunċett iktar ristrett minn dak tax-xebh fil-kuntest tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-liġi tat-trade marks. F’dan il-kuntest tal-aħħar, xebh dgħajjef bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jista’ wkoll iwassal għal probabbiltà ta’ konfużjoni. Fi kwalunkwe każ, is-“servizzi ta’ restoranti, bars u tveren” li jaqgħu fil-klassi 42 ma humiex simili għall-birra. F’dan ir-rigward, Anheuser-Busch tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Marzu 2005, Osotspa vs UASI – Distribution & Marketing (Hai) (T‑33/03, Ġabra p. II‑763).

147    Fir-rigward tal-liġi Awstrijaka, u fil-kuntest tal-Kawżi T‑225/06, T‑255/06 u T‑309/06, Anheuser-Busch targumenta li Budvar ma esponietx id-dispożizzjonijiet rilevanti li fuqhom hija tibbaża l-pożizzjoni tagħha. L-Artikolu 7(1) tal-konvenzjoni bilaterali, li għalih Budvar irreferiet f’diversi okkażjonijiet, jesponi b’mod ċar li “huma applikati l-miżuri ġudizzjarji u amministrattivi kollha li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat kontraenti fejn il-protezzjoni hija mitluba, huma pprovduti […] skont il-kundizzjonijiet stipulati minn din il-leġiżlazzjoni”. Huwa ċar li s-sempliċi fatt li l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija konvenzjoni jippermetti li tiġi ppreżentata direttament azzjoni ġudizzjarja ma jistax jieħu post il-bażi legali tal-azzjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

148    B’mod preliminari, hemm lok li jiġi rrilevat li l-argumenti ta’ Budvar intiżi sabiex juru li hija proprjetarja tad-dritt invokat jikkonċernaw, fil-fatt, konstatazzjoni fattwali li ppermettiet lill-Bord tal-Appell jikkonkludi li d-denominazzjoni “bud” ma kinitx denominazzjoni ta’ oriġini. Peress li din il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell kienet tifforma s-suġġett tal-ewwel parti tal-motiv uniku, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti ta’ Budvar fil-kuntest tat-tieni parti.

149    Mill-bqija, Budvar tqajjem żewġ ilmenti li jikkonċernaw l-applikazzjoni, mill-Bord tal-Appell, tal-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Permezz tal-ewwel ilment tagħha, Budvar tikkritika l-applikazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell tal-kundizzjonijiet marbuta mal-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li s-sinjifikat tiegħu ma huwiex biss lokali. Bit-tieni ilment tagħha, Budvar tikkritika l-applikazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell tal-kundizzjoni marbuta mad-dritt li joħroġ mis-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni.

 Fuq l-ewwel ilment, dwar l-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li s-sinjifikat tiegħu ma huwiex biss lokali

150    B’mod preliminari, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-Kawża T‑255/06, Anheuser-Busch tirrimarka, fir-rigward tal-Awstrija, li Budvar issottomettiet provi tal-użu tad-dritt invokat barra mit-termini stipulati mill-UASI. Anheuser-Busch issostni li, skont ir-Regola 19(4) tar-Regolament Nru 2868/95 u l-prassi tal-UASI, dawn il-provi għandhom jiġu injorati.

151    Madankollu, jekk jitqies li l-argumenti ta’ Anheuser-Busch għandhom jinftiehmu bħala motiv awtonomu bbażat fuq l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi rrilevat li dan il-motiv ikun inkompatibbli mat-talbiet stess tal-intervenjenti u jkollu, għalhekk, jiġi miċħud [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Novembru 2006, Jabones Pardo vs UASI – Quimi Romar (YUKI), T‑278/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 44 u 45, u AB GENUINE Budweiser KING OF BEERS, iċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, punt 220]. Fil-fatt, l-argumenti mressqa minn Anheuser-Busch huma intiżi sabiex jikkontestaw, essenzjalment, aspett tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax, b’differenza minn kif għamlet id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li d-dokumenti inkwistjoni kellhom jiġu injorati. Issa, Anheuser-Busch ma talbitx l-annullament jew il-bdil tal-imsemmija deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

152    Fi kwalunkwe każ, jekk jitqies li r-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95, u b’mod partikolari r-raba’ paragrafu tagħha, fil-verżjoni tagħha invokata minn Anheuser-Busch insostenn tal-pretensjonijiet tagħha, tista’ tiġi applikata fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, hemm lok li jiġi rrilevat li din ir-regola ddaħħlet permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005, li jemenda r-[Regolament Nru 2868/95] (ĠU L 172, p. 4), li daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Lulju 2005, jiġifieri wara li Budvar ippreżentat l-att ta’ oppożizzjoni tagħha u l-provi dwar l-użu tad-dritt invokat fl-Awstrija. Issa, għandu jiġi mfakkar li, bħala regola ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi li l-bidu tal-effett ratione temporae ta’ att Komunitarju jiġi stabbilit f’data qabel il-pubblikazzjoni tiegħu. Dan jista’ jkun mod ieħor, b’mod eċċezzjonali, meta hekk ikun meħtieġ mill-għan li għandu jintlaħaq u meta l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati jkunu debitament osservati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 20, u tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 10). Ġurisprudenza bħal din, kif il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, hija wkoll applikabbli fil-każ fejn ir-retroattività ma tkunx espressament prevista mill-att innifsu, iżda tirriżulta mill-kontenut tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, C‑368/89, Ġabra p. I‑3695, punt 17; tad-29 ta’ April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep, C‑487/01 u C‑7/02, Ġabra p. I‑5337, punt 59, u tas-26 ta’ April 2005, “Goed Wonen”, C‑376/02, Ġabra p. I‑3445, punt 33; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Mejju 2007, Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, T‑357/02, Ġabra p. II‑1261, punt 95). F’dan il-każ, ma hemm xejn, la fit-termini u lanqas fl-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1041/2005, li jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet introdotti bl-imsemmi regolament għandhom japplikaw b’mod retroattiv.

153    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI jista’ ma jikkunsidrax fatti li ma jkunux tqajmu jew provi li ma jkunux ġew ippreżentati mill-partijiet fil-ħin preskritt. Minn dan il-kliem jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-preżentata ta’ fatti u provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom tali preżentata hija suġġetta skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u li ma hemm xejn xi jżomm lill-UASI milli tikkunsidra fatti u provi hekk invokati jew imressqa tardivament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punti 41 u 42). F’din il-kawża, Anheuser-Busch ma tinvokax, insostenn tal-pretensjonijiet tagħha, il-ksur mill-Bord tal-Appell tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94. Anheuser-Busch lanqas ma tinvoka, minbarra r-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95, kif introdotta bir-Regolament Nru 1041/2005, dispożizzjonijiet regolamentari oħra li jwasslu għall-kunsiderazzjoni li l-Bord tal-Appell kellu jinjora d-dokumenti mressqa minn Budvar, fir-rigward tal-Awstrija.

154    Mill-premess jirriżulta li l-argumenti ta’ Anheuser-Busch intiżi sabiex jiġi kkonstatat, fir-rigward tal-Awstrija, li Budvar issottomettiet provi tal-użu tad-dritt invokat barra mit-termini stipulati mill-UASI għandhom jiġi miċħuda.

155    Fuq il-mertu, hemm lok li jiġi mfakkar li, skont it-termini tal-Artikolu 8(4) tar-Regolement Nru 40/94, l-oppożizzjoni tistrieħ fuq “sinjal […] li huwa wżat fil-kummerċ u li mhuwiex biss ta’ sinifikanza [sinjifikat] lokali”.

156    Minn din id-dispożizzjoni joħorġu żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, is-sinjal inkwistjoni għandu jkun użat “fil-kummerċ”. Fit-tieni lok, is-sinjal inkwistjoni għandu jkollu “sinifikanza” [sinjifikat] li ma huwiex biss lokali.

157    F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-kliem tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jimplika li s-sinjal inkwistjoni għandu jkun “effettivament” użat fil-kummerċ.

158    F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ma jkunx irraġonevoli jekk, b’analoġija, jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ikkonferma l-approċċ tad-Diviżjoni tal-Oppożozzjoni li jirrikjedi l-prova ta’ użu “ġenwin” tad-dritt preċedenti. Fuq din il-bażi, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li l-provi mressqa minn Budvar fir-rigward tal-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”, fl-Awstrija, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall kienu insuffiċjenti [deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 234/2005-2), punti 24 sa 31, u, permezz ta’ riferiment, fid-deċiżjonijiet kkontestati l-oħra].

159    Għall-finijiet tal-eżami tad-deċiżjonijiet ikkontestati, hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-kundizzjoni dwar l-użu tas-sinjal inkwistjoni fil-kummerċ u dik dwar is-sinjifikat tiegħu.

–       Fuq il-kundizzjoni marbuta mal-użu tas-sinjal inkwistjoni fil-kummerċ

160    Peress li l-Bord tal-Appell applika, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jipprevedi li l-applikant għal trade mark Komunitarja jista’ jirrikjedi l-prova li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin fit-territorju fejn hija protetta matul ħames snin qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark suġġetta għal oppożizzjoni. Fuq il-bażi tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, l-indikazzjonijiet u l-provi li għandhom jitressqu sabiex jiġi pprovat l-użu tat-trade mark jinkludu indikazzjonijiet dwar il-post, il-ħin, l-estensjoni u n-natura tal-użu li jkun sar mit-trade mark preċedenti għall-prodotti u s-servizzi li għalihom tkun irreġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni tkun ibbażata.

161    Trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta tkun użata, skont il-funzjoni essenzjali tagħha li hija dik li tiggarantixxi l-identità ta’ oriġini ta’ prodotti jew servizzi li għalihom tkun irreġistrata, sabiex toħloq jew tikkonserva suq għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni tal-użi ta’ karattru simboliku li għandhom biss bħala għan iż-żamma tad-drittijiet mogħtija mir-reġistrazzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra p. I‑7333, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma huwiex meħtieġ li l-użu tat-trade mark preċedenti jkun dejjem mifrux ħafna f’termini ta’ kwantità sabiex jitqies użu ġenwin. Dan l-użu għandu, għall-kuntrarju, ikun suffiċjenti f’termini ta’ kwantità (ara, f’dan is-sens, id-digriet La Mer Technology, iċċitat fil-punt 122 iktar ’il fuq, punti 21 u 22, u s-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

162    Ir-rekwiżit dwar l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti huwa marbut mal-fatt li, fin-nuqqas ta’ prova bħal din, l-oppożizzjoni tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat biss għal parti mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom tkun irreġistrata, hija għandha, għall-finijiet tal-eżami tal-oppożizzjoni, titqies li hija rreġistrata biss għal dik il-parti hekk użata (Artikolu 43(2), tar-Regolament Nru 40/94). Hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li n-nuqqas ta’ użu ġenwin, mingħajr raġuni ġusta, tat-trade mark Komunitarja matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin fil-Komunità għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata, jista’ jwassal għar-revoka tagħha [Artikolu 15(1) u Artikolu 50(1)(a), tar-Regolament Nru 40/94]. L-Artikolu 12 tad-Direttiva 89/104 jinkludi dispożizzjonijiet simili, fir-rigward ta’ trade marks nazzjonali.

163    Issa, l-għanijiet u l-kundizzjonijiet marbuta mal-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti huma differenti minn dawk marbuta mal-prova tal-użu, fil-kummerċ, tas-sinjal previst fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, b’mod partikolari meta tkun involuta, bħal fil-każ ineżami, denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata skont il-Ftehim ta’ Liżbona jew denominazzjoni protetta skont il-konvenzjoni bilaterali.

164    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jipprevedix l-użu “ġenwin” tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni.

165    Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94, tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/104, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza qiesu b’mod kostanti li l-użu ta’ sinjal ikun “fil-kummerċ” meta jsir fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex ikollha gwadann ekonomiku u mhux fil-qasam privat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Arsenal Football Club, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, punt 40; tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel, C‑48/05, Ġabra p. I‑1017, punt 18; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 2007, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, C‑325/06 P, Ġabra p. I‑44, punt 32, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2007, Céline, C‑17/06, Ġabra p. I‑7041, punt 17; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ April 2003, Travelex Global and Financial Services u Interpayment Services vs Il-Kummissjoni, T‑195/00, Ġabra p. II‑1677, punt 93, u Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, punt 114). Fil-fatt, dan jinvolvi d-determinazzjoni ta’ jekk is-sinjal inkwistjoni jkunx intuża kummerċjalment (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża li wasslet għas-sentenza Arsenal Football Club, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑10275, punt 62).

166    Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, ċerti sinjali jistgħu ma jitilfux id-drittijiet marbuta magħhom, u dan minkejja l-fatt li ma jkunux ġew suġġetti għal użu “ġenwin”. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata skont il-Ftehim ta’ Liżbona ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li saret ġenerika, sakemm tibqa’ protetta bħala denominazzjoni ta’ oriġini fil-pajjiż tal-oriġini. Barra minn hekk, il-protezzjoni mogħtija lid-denominazzjoni ta’ oriġini hija żgurata, mingħajr ħtieġa ta’ tiġdid (Artikolu 6 u Artikolu 7(1) tal-Ftehim ta’ Liżbona). Dan ma jfissirx madankollu li s-sinjal invokat skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jista’ ma jkunx użat. Madankollu, min jopponi jista’ sempliċement juri li l-użu tas-sinjal inkwistjoni jkun sar fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża li jkollha gwadann ekonomiku, mingħajr ma jipprova iżda, fis-sens u skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u fir-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, użu ġenwin ta’ dan is-sinjal. Interpretazzjoni kuntrarja għal din tkun tfisser li s-sinjali previsti fl-Artikolu 8(4) jiġu mgħobbija b’kundizzjonijiet speċifikament marbuta mat-trade marks u mal-estent tal-protezzjoni tagħhom. Hemm lok li jingħad ukoll li, b’differenza mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, min jopponi għandu juri wkoll, fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, li s-sinjal inkwistjoni jagħtih id-dritt, skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

167    Fir-raba’ lok, u fuq kollox, bl-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 għall-każ ineżami, il-Bord tal-Appell evalwa b’mod partikolari l-użu tas-sinjal inkwistjoni fl-Awstrija, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall, b’mod separat, jiġifieri fir-rigward ta’ kull wieħed mit-territorji fejn hemm, skont Budvar, il-protezzjoni tad-denominazzjoni “bud”. Dan wassal ukoll lill-Bord tal-Appell sabiex ma jikkunsidrax il-provi mressqa minn Budvar fil-kuntest tal-proċedimenti li wasslu għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 234/2005-2), li serviet ta’ bażi għad-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra, dwar l-użu tad-denominazzjonijiet inkwistjoni fil-Benelux, fi Spanja u fir-Renju Unit. Issa, mill-kliem tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jirriżultax li s-sinjal inkwistjoni għandu jkun suġġett għal użu fit-territorju li l-liġi tiegħu tkun invokata insostenn tal-protezzjoni tal-istess sinjal. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-sinjali previsti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, b’mod partikolari d-denominazzjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża, jistgħu jkunu suġġetti għal protezzjoni f’territorju speċifiku, filwaqt li ma jkunux intużaw f’dak it-territorju speċifiku, iżda biss f’territorju ieħor.

168    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li japplika, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar l-użu “ġenwin” tat-trade mark preċedenti, b’mod partikolari sabiex jiddetermina jekk is-sinjali inkwistjoni kinux intużaw “fil-kummerċ”, u dan b’mod separat, fl-Awstrija, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall. Il-Bord tal-Appell kellu jivverifika jekk il-provi mressqa minn Budvar matul il-proċedimenti amministrattivi kinux jirriflettu l-użu tas-sinjali inkwistjoni fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża li jkollha gwadann ekonomiku, u mhux fil-qasam privat, u dan indipendentement mit-territorju kkonċernat minn dan l-użu. Madankollu, l-iżball ta’ metodoloġija magħmul mill-Bord tal-Appell jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati biss jekk Budvar stabilixxiet li s-sinjali inkwistjoni kienu użati fil-kummerċ.

169    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-oppożizzjoni hija bbażata fuq sinjal li huwa “wżat” fil-kummerċ. B’mod kuntrarju għal dak li Anheuser-Busch issostni, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li min jopponi għandu juri li s-sinjal inkwistjoni intuża qabel l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. L-iktar l-iktar jista’ jkun rikjest, bħalma huwa mitlub fir-rigward tat-trade marks preċedenti, u dan sabiex jiġu evitati użi tad-dritt preċedenti pprovokati biss minn proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li s-sinjal inkwistjoni jkun intuża qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark fil-Bulettin ta’ trade marks Komunitarji.

170    Fil-kawża ineżami, l-applikazzjonijiet għal trade mark ġew ippubblikati fis-7 ta’ Diċembru 1998 (applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 2), fit-2 ta’ Mejju 2000 (applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 1), fis-26 ta’ Frar 2001 (applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 3) u fil-5 ta’ Marzu 2001 (applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 4).

171    Id-dokumenti ppreżentati minn Budvar, imsemmija fid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 234/2005-2), jikkonsistu f’siltiet minn gazzetti fl-Awstrija (1997), fatturi maħruġa fl-Awstrija, fi Franza u fl-Italja (mill-1997 sal-2000) akkompanjati, fejn applikabbli, minn dikjarazzjonijiet solenni bil-miktub magħmula minn impjegati jew klijenti ta’ Budvar.

172    Hemm lok li jingħad ukoll li, barra minn dawn id-dokumenti, Budvar ipprovdiet lill-UASI, fil-31 ta’ Jannar 2002, fil-kuntest tal-proċedimenti li wasslu għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 234/2005-2), li serviet bħala bażi għad-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra, fatturi maħruġa fi Spanja (2000) u fir-Renju Unit (1998), kif ukoll premji mogħtija minn “Monde Sélection – Institut international pour les sélections de la qualité”, stabbilit fi Brussell (mill-1999 sal-2001).

173    B’dan il-mod, id-dokumenti pprovduti minn Budvar ikopru perijodi bejn l-1997 u l-2001. Id-dokumenti relattivi għas-snin 1997 u 1998 jistgħu jintużaw sabiex isostnu l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 2. Barra minn hekk, id-dokumenti relattivi għas-sena 1999 jistgħu jintużaw għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 1. Il-kumplament tad-dokumenti jistgħu jintużaw għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni l-oħra. Minn dan jirriżulta li dawn id-dokumenti jistgħu juru, skont il-valur probatorju tagħhom, li s-sinjal inkwistjoni huwa “wżat” fil-kummerċ.

174    Fil-mertu, hemm lok li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dawn id-dokumenti jirreferu għal prodott li fuqu hemm indikati t-termini “bud strong” jew “bud super strong” u mhux biss “bud”, kif ġustament ġie rrilevat mill-Bord tal-Appell. Madankollu, it-termini “strong” jew “super strong”, użati b’rabta mat-terminu “bud”, jistgħu faċilment jinftiehmu mill-konsumatur – kemm dak li jitkellem bl-Ingliż kif ukoll dak li ma jitkellimx bl-Ingliż – bħala li jfissru “qawwi” jew “qawwi ħafna”. Il-konsumatur jinterpreta dawn l-espressjonijiet bħala deskrittivi ta’ ċerti kwalitajiet li l-produttur jixtieq li jkunu assoċjati mal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri mal-birer. Barra minn hekk, it-tikketti tal-flixken tal-birra prodotti juru b’mod ċar li t-terminu “bud” huwa miktub b’ittri kbar u b’mod ċentrali filwaqt li t-termini “super” u “strong” huma miktuba taħt it-terminu “bud” u b’ittri żgħar. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, iż-żieda tat-termini “super” u “strong” ma jistax ikollha l-effett li tibdel il-funzjoni tat-terminu “bud” fil-kuntest tad-denominazzjonijiet ikkonċernati, jiġifieri l-indikazzjoni tal-provenjenza ġeografika tal-prodotti inkwistjoni, kif allegat minn Budvar.

175    Fit-tieni lok, indikazzjoni intiża sabiex tindika l-provenjenza ġeografika ta’ prodott tista’ tintuża, bħal fil-każ ta’ trade mark, fil-kummerċ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Gerolsteiner Brunnen, C‑100/02, Ġabra p. I‑691). Dan ma jfissirx madankollu, kif isostni l-Bord tal-Appell fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li d-denominazzjoni kkonċernata tintuża “bħala trade mark” u għalhekk tilfet il-funzjoni prinċipali tagħha. Din il-konklużjoni hija indipendenti mill-fatt, irrilevat mill-Bord tal-Appell, li Budvar hija wkoll proprjetarja ta’ trade mark BUD, li, wara kollox, ma tagħmilx parti mill-kuntest ġuridiku jew fattwali ta’ din il-kawża. Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni huwa użat fil-kummerċ. Il-fatt li dan is-sinjal ikun identiku għal trade mark ma jfissirx madankollu li dan ma jintużax fil-kummerċ. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-UASI u Anheuser-Busch ma jispeċifikawx b’mod ċar kif is-sinjal BUD intuża “bħala trade mark”. B’mod partikolari, xejn ma jindika li l-espressjoni “bud”, indikata fuq il-prodotti inkwistjoni, tirreferi iktar għall-oriġini kummerċjali milli għall-oriġini ġeografika tal-prodott, kif tallega Budvar. Wara kollox, hemm lok li jiġi rrilevat li t-tikketti tal-prodotti inkwistjoni, kif jirriżultaw mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI u kif ikkonfermat fis-seduta, jirriproduċu wkoll, taħt l-espressjoni “bud”, l-isem tal-impriża produttriċi, f’dan il-każ Budějovický Budvar.

176    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Anheuser-Busch li ċerti fatturi kellhom l-espressjoni “Free of charge”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-espressjoni tikkonċerna biss parti mid-dokumenti ppreżentati minn Budvar. Dan ma jaffettwa xejn il-valur probatorju tad-dokumenti l-oħra mressqa. Fi kwalunkwe każ, jekk stess il-konsenji inkwistjoni saru b’mod gratwit, dan ma jfissirx madankollu li dawn il-konsenji jaqgħu fil-qasam privat. Fil-fatt, ladarba l-konsenji inkwistjoni saru lil kummerċjanti, kif jirriżulta mill-intestaturi tal-fatturi kkonċernati, fatt dan li ma huwiex ikkontestat minn Anheuser-Busch, dawn il-konsenji setgħu saru fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex ikollha gwadann ekonomiku, jiġifieri l-kisba ta’ swieq ġodda.

177    Fid-dawl tal-premess, u filwaqt li jitqiesu d-dokumenti kollha mressqa minn Budvar quddiem l-UASI, hemm lok li jiġi kkunsidrat li Budvar tat prova li s-sinjali inkwistjoni huma użati fil-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, b’mod kuntrarju għall-konklużjoni tal-Bord tal-Appell.

178    Għalhekk hemm lok li jintlaqa’ l-ilment ta’ Budvar f’dan ir-rigward.

–       Fuq il-kundizzjoni marbuta mas-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni

179    Minkejja li l-Bord tal-Appell ma ttrattax b’mod espliċitu s-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni, huwa stabbilixxa rabta bejn din il-kundizzjoni u dik marbuta mal-prova tal-użu ta’ dan is-sinjal. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-użu, fi Franza, tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” irreġistrata fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Liżbona, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li “l-prova tal-użu fi Franza hija insuffiċjenti sabiex turi l-eżistenza ta’ dritt li s-sinjifikat tiegħu ma huwiex biss lokali” [deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 234/2005-2), punt 30, u, permezz ta’ riferiment, fid-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra].

180    Issa, il-qari tat-termini tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 iwassal għall-kunsiderazzjoni li din id-dispożizzjoni tipprevedi s-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni u mhux is-sinjifikat tal-użu tiegħu. Is-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni jkopri, fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-portata ġeografika tal-protezzjoni tiegħu. Din ma għandhiex tkun biss lokali. Jekk dan ikun il-każ, oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ma tistax tirnexxi. L-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 40/94, bit-titolu “Drittijiet preċedenti li japplikaw għal lokalitajiet partikolari”, jispeċifika wkoll li “[i]l-proprjetarju ta’ dritt preċedenti li japplika biss f’lokalità partikolari jista’ jopponi l-użu tat-trade mark Komunitarja fit-territorju fejn id-dritt tiegħu huwa protett sa fejn il-liġi ta’ l-Istat Membru konċernat tippermetti”. Għalhekk is-sinjifikat tad-dritt huwa marbut mill-qrib mat-territorju fejn dan id-dritt huwa protett.

181    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell wettaq ukoll żball ta’ liġi meta, fir-rigward ta’ Franza, ħoloq rabta bejn il-prova tal-użu tas-sinjal ikkonċernat u l-kundizzjoni marbuta mal-fatt li d-dritt inkwistjoni għandu jkollu sinjifikat li ma huwiex biss lokali. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-drittijiet preċedenti invokati għandhom sinjifikat li ma huwiex biss lokali sa fejn il-protezzjoni tagħhom, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim ta’ Liżbona u tal-Artikolu 1 tal-konvenzjoni bilaterali, testendi lil hinn mit-territorju ta’ oriġini tagħhom.

182    Għar-raġunijiet premessi, hemm lok li l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-motiv uniku jintlaqa’ bħala fondat.

183    Peress li l-Bord tal-Appell ikkunsidra wkoll li Budvar ma tatx prova li s-sinjali inkwistjoni kienu jagħtuha d-dritt li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti, u peress li din il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell tista’ tkun biżżejjed sabiex issostni ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni, hemm lok li jiġi issa evalwat it-tieni ilment tat-tieni parti tal-motiv uniku.

 Fuq it-tieni ilment, dwar id-dritt li jirriżulta mis-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni

184    Għandu jiġi mfakkar li, fi kliem l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew il-liġi tal-Istat Membru applikabbli għas-sinjal invokat, dan is-sinjal għandu jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

185    Peress li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 jirrigwarda r-raġunijiet relattivi għal rifjut, u fid-dawl tal-Artikolu 74 tal-istess regolament, l-oneru tal-prova li s-sinjal inkwistjoni jagħti d-dritt ta’ preklużjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti jaqa’ fuq min jopponi quddiem l-UASI.

186    F’dan il-każ, Budvar invokat ċerti drittijiet nazzjonali insostenn tal-oppożizzjoni tagħha. Budvar ma invokat ebda leġiżlazzjoni Komunitarja.

187    F’dan il-kuntest, għandha titqies, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat. Fuq din il-bażi, min jopponi għandu juri li s-sinjal inkwistjoni jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru invokata u li din tippermetti l-preklużjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Hemm lok li jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-prova ta’ min jopponi għandha ssir fil-perspettiva tat-trade mark Komunitarja li għaliha tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (sentenza AB GENUINE Budweiser KING OF BEERS, iċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, punti 85 sa 89).

188    F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-oppożizzjoni kellha tiġi miċħuda wkoll minħabba li Budvar ma tatx prova li s-sinjali inkwistjoni kienu jagħtuha d-dritt li tipprojbixxi l-użu tat-terminu “bud”, bħala trade mark, fl-Awstrija jew fi Franza.

189    B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-Awstrija, il-Bord tal-Appell jirrileva li, bis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Diċembru 2004, il-Handelsgericht Wien ċaħdet talba għal ordni ta’ inibizzjoni fir-rigward tal-użu tat-terminu “bud” għall-birra mibjugħa minn Anheuser-Busch. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Oberlandesgericht Wien fil-21 ta’ April 2005. Is-sentenzi huma bbażati fuq il-konklużjoni li t-terminu “bud” ma huwiex isem ta’ post u ma huwiex mifhum mill-konsumaturi tar-Repubblika Ċeka bħala li jirrappreżenta birra ta’ České Budějovice. Minkejja li s-sentenza tal-Oberlandesgericht Wien hija suġġetta għal appell quddiem l-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema, l-Awstrija), il-Bord tal-Appell jirrileva li din hija bbażata fuq is-sentenza Budejovický Budvar, iċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, mogħtija fil-kuntest ta’ domanda preliminari, u fuq konstatazzjonijiet fattwali li r-reviżjoni tagħhom minn qorti tal-aħħar istanza hija ftit li xejn probabbli. Minn dan il-Bord tal-Appell jikkonkludi li Budvar ma għandhiex dritt tipprojbixxi lil Anheuser-Busch milli tuża t-trade mark BUD fl-Awstrija [deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 234/2005-2), punt 32, u, permezz ta’ riferiment, fid-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra].

190    Fir-rigward ta’ Franza, il-Bord tal-Appell jirrileva li d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” ġiet iddikjarata invalida mit-Tribunal de grande instance de Strasbourg fit-30 ta’ Ġunju 2004, minħabba li l-birra hija prodott industrijali li tista’ tiġi prodotta fid-dinja kollha. Minkejja li din is-sentenza hija suġġetta għal proċedura ta’ appell, minn dan il-Bord tal-Appell jikkonkludi li Budvar ma setgħatx, dakinhar, tipprekludi d-distributur ta’ Anheuser-Busch milli jbiegħ il-birra fi Franza taħt it-trade mark BUD [deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Ġunju 2006 (Każ R 234/2005-2), punti 33 u 34, u, permezz ta’ riferiment, fid-deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra].

191    B’mod preliminari, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin dwar l-Awstrija huma applikabbli għall-kawżi kollha, minbarra għall-Kawża T-257/06 li ma tapplikax il-konvenzjoni bilaterali.

192    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell irrefera biss għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Awstrija u fi Franza sabiex jikkonkludi li Budvar ma tatx prova li s-sinjal inkwistjoni kien jagħtiha d-dritt tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Issa, għalkemm id-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fil-pajjiżi kkonċernati għandhom, kif ġie mfakkar iktar ’il fuq, importanza partikolari, hemm lok li jitqies il-fatt li, f’dan il-każ, ebda deċiżjoni ġudizzjarja, mogħtija fl-Awstrija jew fi Franza, ma kisbet l-awtorità ta’ res judicata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu biss fuq dawn id-deċiżjonijiet sabiex jasal għall-konklużjoni tiegħu. Il-Bord tal-Appell kellu jikkunsidra wkoll id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali invokati minn Budvar, inklużi l-Ftehim ta’ Liżbona u l-konvenzjoni bilaterali. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ Franza, Budvar invokat quddiem l-UASI diversi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi rurali, tal-Kodiċi tal-konsumaturi u tal-Kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali. Fir-rigward tal-Awstrija, l-UASI kellu deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija sa dak iż-żmien f’dak l-Istat Membru u għalhekk, bħala konsegwenza, u b’mod kuntrarju għal dak li Anheuser-Busch issostni, kellu l-bażi legali, skont il-liġi nazzjonali invokata, tar-rikorsi mressqa minn Budvar. Barra minn hekk, Budvar speċifikat, matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, li, skont l-Artikolu 9 tal-konvenzjoni bilaterali, hija kellha d-dritt tressaq direttament proċedura quddiem il-qrati Awstrijaki. Barra minn hekk, Budvar semmiet, fil-kuntest tal-oppożizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar it-trade marks u l-kompetizzjoni żleali.

193    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Awstrija, il-Bord tal-Appell irrimarka li s-sentenza tal-Oberlandesgericht Wien tal-21 ta’ April 2005 ikkonkludiet li t-terminu “bud” ma kienx isem ta’ post u ma kienx mifhum mill-konsumaturi tar-Repubblika Ċeka bħala li jirrappreżenta birra ta’ České Budějovice. Skont il-Bord tal-Appell, din is-sentenza hija bbażata fuq konstatazzjonijiet fattwali li r-reviżjoni tagħhom minn qorti tal-aħħar istanza hija ftit li xejn probabbli. Issa, kif jirriżulta mid-dokumenti mressqa fid-dibattiti, is-sentenza tal-Oberlandesgericht Wien ġiet fil-fatt mibdula mill-Oberster Gerichtshof b’sentenza mogħtija fid-29 ta’ Novembru 2005, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati [Anness 14 tar-rikors fil-Kawża T‑225/06, paġni 297 et seq.]. Fis-sentenza tagħha, l-Oberster Gerichtshof ikkunsidrat li l-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell ma vverifikawx jekk il-konsumaturi Ċeki jinterpretawx it-terminu “bud”, b’rabta mal-birra, bħala li jindika post jew reġjun, u kkonstataw biss li d-denominazzjoni “bud”, fir-Repubblika Ċeka, ma kienet assoċjata ma’ ebda reġjun jew lokalità speċifika. Minn dan jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma bbażati fuq konstatazzjonijiet tal-Oberlandesgericht Wien li ġew ikkontestati mill-Oberster Gerichtshof. Ċertament, is-sentenza tal-Oberster Gerichtshof ma nbagħtitx lill-Bord tal-Appell peress li l-aħħar att proċesswali ta’ Budvar quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri r-replika, huwa datat l-14 ta’ Novembru 2005. Madankollu Budvar ipprovdiet lill-Bord tal-Appell, kif jirriżulta mill-fajl tal-proċedimenti quddiem l-UASI, kopja tal-appell tagħha quddiem l-Oberster Gerichtshof. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-UASI għandu jinforma ruħu ex officio, bil-mezzi li jidhirlu li jkunu utli għal dan il-għan, dwar il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jekk din l-informazzjoni tkun neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni u, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tar-rilevanza tal-fatti mressqa jew tas-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-bażi fattwali tal-eżami magħmul mill-UASI ma teskludix li dan jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa b’mod espliċitu mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd jew li tagħhom jista’ jinkiseb għarfien minn sorsi ġeneralment aċċessibbli (sentenzi PICARO, iċċitata fil-punt 96 iktar ’il fuq, punt 29, u ATOMIC BLITZ, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, punt 35). Għalhekk il-Bord tal-Appell seta’ jinforma ruħu permezz tal-partijiet, jew bi kwalunkwe mezz ieħor, dwar ir-riżultat tal-proċedura quddiem l-Oberster Gerichtshof.

194    Hemm lok li jingħad ukoll li l-Oberster Gerichtshof bagħat lura l-kawża inkwistjoni quddiem il-qorti tal-ewwel istanza li, mill-ġdid, ċaħdet it-talba ta’ Budvar b’sentenza tat-22 ta’ Marzu 2006, jiġifieri wkoll qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati [Anness 14 tar-rikors fil-Kawża T‑225/06, paġni 253 et seq.]. Madankollu, fl-appell u b’sentenza tal-10 ta’ Lulju 2006, jiġifieri wara l-aħħar deċiżjoni mid-deċiżjonijiet ikkontestati, l-Oberlandesgericht Wien ikkunsidrat li l-qorti tal-ewwel istanza wettqet żball meta ċaħdet talba ta’ Budvar għal ħatra ta’ espert. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien bagħtet lura l-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza filwaqt li speċifikat li kellu jiġi nnominat espert sabiex jiddetermina, essenzjalment, jekk il-konsumaturi Ċeki jassoċjawx l-indikazzjoni “bud” mal-birra u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk din l-indikazzjoni tistax tiġi interpretata bħala li tirreferi għal post, għal reġjun jew għal pajjiż partikolari, f’rabta mal-oriġini tal-birra [anness 14 tar-rikors fil-Kawża T‑225/06, paġni 280 et seq.].

195    Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ Franza, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq il-fatt li Budvar ma kinitx kapaċi, f’dak iż-żmien, tipprekludi lid-distributur ta’ Anheuser-Busch milli jbiegħ il-birra fi Franza taħt it-trade mark BUD. Madankollu, mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jirriżultax li min jopponi għandu juri li huwa kien diġà jista’ jipprjobixxi b’mod effettiv l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Min jopponi għandu biss juri li għandu tali dritt.

196    Barra minn hekk, b’mod kuntrarju għal dak li l-Bord tal-Appell jirrimarka, id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”, irreġistrata fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Liżbona, ma ġietx invalidata mit-Tribunal de grande instance de Strasbourg. Kif jirriżulta ċar mis-sentenza ta’ dik il-qorti, huma biss l-“effetti” fit-territorju Franċiż tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” li huma invalidati, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Liżbona. Hemm lok ukoll li jiġi mfakkar li s-sentenza tat-Tribunal de grande instance de Strasbourg hija suġġetta għal appell u li dan l-appell għandu effett sospensiv.

197    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kawżi li wasslu għas-sentenza BUD, iċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI kien diġà iddeċieda fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Franċiża li kienu jippermettu l-protezzjoni, fil-każ applikabbli, tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fi Franza.

198    Fl-aħħar lok, kif jirriżulta mid-dokumenti mressqa quddiem id-dipartimenti tal-UASI, l-INPI qajmet tal-anqas żewġ oġġezzjonijiet (innotifikati fit-3 ta’ Diċembru 1987 u fit-30 ta’ April 2001), fi Franza, kontra żewġ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark BUD minn Anheuser-Busch għall-birra. F’dan il-kuntest, Anheuser-Busch irtirat l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tagħha fir-rigward tal-birra. Ma jidhirx li dawn l-oġġezzjonijiet, anki jekk saru minn awtoritajiet amministrattivi u anki jekk dawn ma kinux jikkonċernaw speċifikament proċedura sabiex jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark iktar reċenti, huma nieqsa minn rilevanza għall-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali inkwistjoni.

199    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ma kkunsidrax l-elementi fattwali u legali rilevanti kollha sabiex jiddetermina jekk, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat tagħtix id-dritt lil Budvar li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

200    Hemm lok li jingħad ukoll li, għalkemm il-Bord tal-Appell għamel evalwazzjoni tal-liġijiet Awstrijaki u Franċiżi, minkejja li kkunsidra li d-denominazzjonijiet inkwistjoni ma kinux is-suġġett ta’ użu “ġenwin” fl-Awstrija u fi Franza, huwa ma għamilx l-istess fir-rigward tal-Italja u tal-Portugall. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, b’mod kuntrarju għal dak li l-UASI u Anheuser-Busch isostnu fl-atti tagħhom, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li Budvar abbandunat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, għall-finijiet tal-oppożizzjoni, id-drittijiet inizjalment invokati fir-rigward tal-Italja u tal-Portugall. Budvar sempliċement ikkontestat il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li jillimataw ruħhom għal evalwazzjoni tal-liġi Awstrijaka u dik Franċiża.

201    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, hemm lok li tintlaqa’ bħala fondata t-tieni parti tal-motiv uniku u, għaldaqstant, il-motiv uniku u r-rikors fl-intier tiegħu.

202    Għalhekk id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati.

 Fuq l-ispejjeż

203    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont l-istess artikolu, jekk ikun hemm aktar minn parti waħda li titlef, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

204    F’din il-kawża, l-UASI u Anheuser-Busch tilfu l-kawża, peress li hemm lok li jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati, skont it-talbiet ta’ Budvar.

205    Fl-atti tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Budvar ma talbitx li l-UASI jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Madankollu, Budvar indikat, fis-seduta, li hija kienet qed titlob il-kundanna tal-UASI u ta’ Anheuser-Busch għall-ispejjeż kollha.

206    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li parti li tirbaħ kawża tkun għamlet biss talba f’dan is-sens waqt is-seduta ma jipprekludix il-possibbiltà li t-talba tagħha tintlaqa’ [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 1979, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 113/77, Ġabra p. 1185; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑64/89, Ġabra p. II‑367, punt 79; YUKI, iċċitata fil-punt 151 iktar ’il fuq, punt 75, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Consorzio per la tutela del formaggio Grana Padano vs UASI – Biraghi (GRANA BIRAGHI), T‑291/03, Ġabra p, .II-3081, punt 92].

207    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-UASI jiġi kkundannat għal żewġ terzi tal-ispejjeż ta’ Budvar u, minbarra l-ispejjeż tagħha, Anheuser-Busch tiġi kkundannata għal terz tal-ispejjeż ta’ Budvar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑225/06, T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06 huma magħquda għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

2)      Id-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), mogħtija fl-14 ta’ Ġunju (Każ R 234/2005-2), fit-28 ta’ Ġunju (Każijiet R 241/2005-2 u R 802/2004-2) u fl-1 ta’ Settembru 2006 (Każ R 305/2005-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Budějovický Budvar, národní podnik u Anheuser-Busch, Inc., huma annullati.

3)      Minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-UASI huwa kkundannat għal żewġ terzi tal-ispejjeż ta’ Budějovický Budvar, národní podnik.

4)      Minbarra l-ispejjeż tagħha, Anheuser-Busch hija kkundannata għal terz tal-ispejjeż ta’ Budějovický Budvar, národní podnik.

Tiili

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Diċembru 2008.


Reġistratur

 

      President

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

A –  Id-dritt internazzjonali

B –  Id-dritt Komunitarju

Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Applikazzjonijiet għal trade mark Komunitarja ppreżentati minn Anheuser-Busch

B –  Oppożizzjonijiet kontra l-applikazzjonijiet għal trade mark Komunitarja

C –  Deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni

D –  Deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà u l-effettività ta’ ċerti kapi tat-talbiet ta’ Budvar

B –  Fuq il-mertu

1.  Fuq l-ewwel parti dwar il-validità tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” irreġistrata skont il-Ftehim ta’ Liżbona

Fuq id-denominazzjoni “bud” protetta skont il-konvenzjoni bilaterali

2.  Fuq it-tieni parti dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

a)  L-argumenti tal-partijiet

L-argumenti ta’ Budvar

–  Fuq il-kundizzjoni li min jopponi jkun proprjetarju tad-dritt preċedenti invokat

–  Fuq il-kundizzjoni tal-użu fil-kummerċ tad-dritt preċedenti invokat

–  Fuq il-kundizzjoni marbuta mad-dritt li jirriżulta mid-denominazzjoni inkwistjoni

L-argumenti tal-UASI

L-argumenti ta’ Anheuser-Busch

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ewwel ilment, dwar l-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li s-sinjifikat tiegħu ma huwiex biss lokali

–  Fuq il-kundizzjoni marbuta mal-użu tas-sinjal inkwistjoni fil-kummerċ

–  Fuq il-kundizzjoni marbuta mas-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni

Fuq it-tieni ilment, dwar id-dritt li jirriżulta mis-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.