Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta’ Settembru 2017 minn Mykola Yanovych Azarov mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-7 ta’ Lulju 2017 fil-Kawża T-215/15, M. Y. Azarov vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-530/17 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Mykola Yanovych Azarov (rappreżentanti: A. Egger u G. Lansky, Rechtsanwälte)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

1)    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 2017 fil-Kawża T-215/15;

2)    tiddeċiedi hija nnifisha t-tilwima b’mod definittiv u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna 1 kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal-5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna 2 sa fejn jikkonċernaw lill-appellant u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali;

3)    sussidjarjament għat-tieni kap tat-talba, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi, b’rabta mal-evalwazzjoni legali li tinsab fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant jinvoka l-aggravji li ġejjin insostenn tal-appell tiegħu:

1) Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea meta kkonstatat li l-Kunsill immotiva l-miżuri restrittivi mingħajr ma wettaq żball ta’ liġi. Il-Kunsill ma semmiex il-motivi b’mod suffiċjentement speċifiku u konkret.

(2) Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li l-Kunsill ma kisirx id-drittijiet fundamentali. Il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat il-ksur tad-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-miżuri huma xierqa u proporzjonati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji proċedurali u kisret drittijiet proċedurali.

(3) Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li l-Kunsill ma għamilx użu ħażin ta’ poter. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda eżami konkret f’dak li jirrigwarda lill-appellant. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tibda, b’mod żbaljat, mill-prinċipju li l-assenza ta’ provi konkreti hija irrilevanti.

(4) Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li l-Kunsill ma kisirx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. L-ewwel nett, il-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali rigward l-obbligu ta’ imparzjalità tal-Kunsill huma żbaljati. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-portata tal-obbligu li l-fatti jiġu stabbiliti bir-reqqa. F’dan ir-rigward, ksur tad-drittijiet proċedurali tal-appellant għandu wkoll jiġi kkonstatat.

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li l-Kunsill ma wettaq l-ebda “żball manifest ta’ evalwazzjoni”. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ stħarriġ f’dak li jirrigwarda l-att ikkontestat billi naqset milli teżamina l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tiegħu. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu biss fuq ittra tal-Ukraina. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-obbligu tal-Kunsill li jwettaq investigazzjonijiet addizzjonali. Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-portata tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-miżuri restrittivi. Barra minn hekk, l-argumenti tal-Qorti Ġenerali huma fil-parti l-kbira tagħhom purament politiċi u hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-importanza tad-drittijiet fundamentali fi Stat terz.

____________

1 ĠU 2015, L 62, p. 25.

2 ĠU 2015, L 62, p. 1.