Language of document : ECLI:EU:C:2013:812

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali — Uffiċċju tal-qorti — Motiv imqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni — Relazzjoni bejn armonizzazzjoni fiskali u eżami tal-għajnuna mill-Istat — Kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑272/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, G. Conte, D. Grespan u N. Khan, kif ukoll minn K. Walkerová, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Irlanda, irrappreżentata minn E. Creedon, bħala aġent, assistita minn P. McGarry, SC, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u, inizjalment, minn J. Gstalter, sussegwentement minn N. Rouam, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Eurallumina SpA, stabbilita fi Portoscuso (l-Italja), irrappreżentata minn R. Denton u A. Stratakis, kif ukoll minn L. Martin Alegi u L. Philippou, solicitors,

Aughinish Alumina Ltd, stabbilita fi Askeaton (l-Irlanda), irrappreżentata minn C. Waterson kif ukoll minn C. Little u J. Handoll, solicitors,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta u T. von Danwitz, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, J. Malenovský, E. Levits, A. Arabadjiev, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ April 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-21 ta’ Marzu 2012, L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni (T‑50/06 RENV, T‑56/06 RENV, T‑60/06 RENV, T‑62/06 RENV u T‑69/06 RENV, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta’ allumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardinja, implementata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja, rispettivament (ĠU 2006, L 119, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonstata, jew tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni, li l-eżenzjonijiet minn dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta’ allumina mogħtija mir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda u r-Repubblika Taljana sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u sa fejn din tordna lir-Repubblika Franċiża, lill-Irlanda, u lir-Repubblika Taljana sabiex tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupraw l-imsemmija eżenzjonijiet mingħand il-benefiċjarji tagħhom sa fejn dawn tal-aħħar ma ħallsux dazju tas-sisa ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal kull 1 000 kg ta’ żejt minerali tqil.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali kienu s-suġġett ta’ bosta direttivi, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi għad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12), id-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 19), u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità ta’ tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku (ĠU L 283, p. 51), li ħassret id-Direttivi 92/81 u 92/82 b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2003.

3        L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 kien jipprovdi:

“Il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqis addizzjonali għal raġunijiet politiċi speċifiċi.

Stat Membru li jixtieq jintroduċi din il-miżura għandu jinforma lill-Kummissjoni u għandu ukoll jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha relevanti jew neċessarja. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bil-miżura proposta fi żmien xahar.

Il-Kunsill għandu jitqies li jkun awtorizza l-eżenzjoni jew ir-riduzzjoni proposta jekk, fi żmien xahrejn mid-data meta l-Istati Membri l-oħra ġew informati skont it-tieni paragrafu, la l-Kummissjoni u lanqas kwalunkwe Stat Membru ma jkun talab li l-kwistjoni tiġi eżaminata mill-Kunsill.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Skont l-Artikolu 8(5) ta’ din id-direttiva:

“Jekk il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis imsemmija fil-paragrafu (4) ma jkunux jistgħu jinżammu fis-seħħ, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ kompetizzjoni żleali jew distorsjoni fil-funzjonament tas-suq intern jew għal raġunijiet marbuta mal-politika Komunitarja tal-ħarsien tal-ambjent, hija għandha tippreżenta lill-Kunsill proposti xierqa. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’mod unanimu fuq dawn il-proposti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/82 iffissa r-rata minima tas-sisa fuq iż-żejt tqil, sa mill-1 ta’ Jannar 1993, għal EUR 13 kull 1 000 kg.

6        Id-Direttiva 2003/96 pprovdiet, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tagħha, li hija ma kinitx tapplika għall-prodotti ta’ enerġija ta’ użu doppju, jiġifieri dawk li huma intiżi sabiex jintużaw kemm bħala karburant li jsaħħan kif ukoll għal skopijiet oħra barra minn karburant tal-karozzi jew karburant li jsaħħan. L-użu ta’ prodotti ta’ enerġija għat-tnaqqis ta’ kimiki u fi trattamenti elettrolitiċi kif ukoll fil-prodotti metallurġiċi għandu jitqies li huwa użu doppju. B’hekk, sa mill-1 ta’ Jannar 2004, id-data li fiha daħlet fis-seħħ din id-direttiva, ma għadx hemm iktar rata minima ta’ sisa fuq iż-żejt tqil użat fil-produzzjoni ta’ allumina. Barra minn hekk, fl-Artikolu 18(1) tagħha, l-imsemmija direttiva awtorizzat lill-Istati Membri sabiex jibqgħu japplikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2006, ir-rati mnaqqsa jew l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Anness II tagħha, li jsemmi l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żejt tqil użat bħala karburant għall-produzzjoni ta’ allumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardinja.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        L-Irlanda, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Franċiża eżentaw mid-dazji tas-sisa ż-żjut minerali użati għall-produzzjoni ta’ allumina, rispettivament fir-reġjun ta’ Shannon sa mill-1983, f’Sardinja sa mill-1993 u fir-reġjun ta’ Gardanne sa mill-1997.

8        Dawn l-eżenzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“eżenzjonijiet ikkontestati”) kienu ġew awtorizzati, rispettivament, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/510/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, li tawtorizza lill-Istati Membri jibqgħu japplikaw, għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi, tnaqqis fid-dazji tas-sisa jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 316, p. 16), bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/697/KE, tat-13 ta’ Diċembru 1993, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri sabiex japplikaw jew jibqgħu japplikaw, għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi, tnaqqis fid-dazji tas-sisa jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 321, p. 29), u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/425/KE, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li tawtorizza lill-Istati Membri sabiex japplikaw jew jibqgħu japplikaw, għal ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi, tnaqqis fid-dazji tas-sisa jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura prevista fid-Direttiva 92/81 [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 182, p. 22). Dawn l-eżenzjonijiet ġew sussegwentement estiżi diversi drabi mill-Kunsill u l-aħħar estensjoni saret bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa u l-eżenzjonijiet minn din it-taxxa fuq ċerti żjut minerali meta jintużaw għal skopijiet speċifiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 342), sal-31 ta’ Diċembru 2006.

9        Fil-premessa 5 tagħha, din l-aħħar deċiżjoni kienet tispeċifika li hija ma kinitx ta’ ħsara “għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċeduri li għandhom x’jaqsmu ma’ tagħwiġ [distorsjoni] li jista’ jsir fit-tħaddim [fil-funzjonament] tas-suq uniku, b’mod partikolari skond l-Artikoli [87 KE] u [88 KE]”, u li hija ma kinitx teżenta lill-“Istati Membri [milli] jinnotifikaw każijiet potenzali ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat lill-Kummissjoni skond l-Artikolu [88 KE]”.

10      Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tat-30 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta’ kull waħda mill-eżenzjonijiet kontenzjużi. Fit-tmiem ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li:

–        l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali tqal għall-produzzjoni ta’ allumina, mogħtija mill-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana, sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE;

–        l-għajnuna mogħtija bejn is-17 ta’ Lulju 1990 u t-2 ta’ Frar 2002, sa fejn hija inkompatibbli mas-suq komuni, ma hijiex suġġetta għal irkupru għaliex l-irkupru tagħha jkun imur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju;

–        l-għajnuna mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 hija inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE, sa fejn il-benefiċjarji ma ħallsux dazju ta’ mill-inqas EUR 13.01 għal kull 1 000 kilogramma ta’ żejt minerali tqil; u

–        din l-għajnuna tal-aħħar għandha tiġi rkuprata.

11      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-eżenzjonijiet kontenzjużi kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Hija bbażat din l-evalwazzjoni fuq il-fatt, b’mod partikolari, li l-eżenzjonijiet kontenzjużi ma kinux jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fl-Istati Membri kkonċernati, li huma qatt ma kienu ġew analizzati u lanqas awtorizzati abbażi tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, u li huma qatt ma kienu ġew innotifikati.

12      Wara li sostniet sa fejn l-għajnuna inkwistjoni kienet inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw l-eżenzjonijiet kontenzjużi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni”) u fid-dawl tal-fatt li dawn kienu ġew adottati fuq il-proposta tagħha, l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mogħtija qabel it-2 ta’ Frar 2002, li hija d-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tad-deċiżjonijiet tal-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, imur kontra l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

 Il-proċedura u s-sentenza appellata

13      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16, fis-17 u fit-23 ta’ Frar 2006 rispettivament, ir-Repubblika Taljana, l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, Eurallumina SpA (iktar ’il quddiem “Eurallumina”) u Aughinish Alumina Ltd (iktar ’il quddiem “AAL”) ippreżentaw rikorsi għall-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

14      Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (T‑50/06, T‑56/06, T‑60/06, T‑62/06 u T‑69/06), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, Ġabra p. I‑11245), li għamlet riferiment għaliha għal espożizzjoni iktar dettaljata tal-proċedura preċedenti, annullat din is-sentenza sa fejn din annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba li, fiha, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

15      Wara r-rinviju tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, il-proċedura orali u s-sentenza.

16      Sabiex tannulla mill-ġdid id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, laqgħet il-motivi jew l-ilmenti mressqa mill-partijiet jew uħud minnhom, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni Ewropea, li permezz tagħhom ir-rikorrenti kkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni li, permezz tal-imsemmija deċiżjoni, annullat l-effetti legali prodotti mid-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni. Filwaqt li eżaminat dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari li dawn id-deċiżjonijiet kienu jxekklu milli l-Kummissjoni tkun tista’ timputa fuq l-Istati Membri kkonċernati l-eżenzjonijiet kontenzjużi u, għaldaqstant, milli din tkun tista’ tikkwalifikahom bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Barra minn hekk, fil-kawża T‑62/06 RENV, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tirrinvija l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

18      L-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, Eurallumina u AAL jitolbu ċ-ċaħda tal-appell u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

19      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem ħames aggravji. L-ewwel tnejn huma proċedurali filwaqt li t-tlieta l-oħra huma bbażati fuq il-ksur sostantiv tad-dritt tal-Unjoni.

20      L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, fuq irregolaritajiet proċedurali kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju li s-suġġett ta’ kawża huwa delimitat mill-partijiet (il-“principe dispositif”), tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 44(1) u 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u, sussidjarjament, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

21      Il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali qajmet ex officio motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE jew li kklassifikat mill-ġdid is-suġġett stess tar-rikors. Fil-fatt, hija tqis li r-raġuni vera li wasslet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata hija li, skont il-Qorti Ġenerali, l-eżenzjonijiet kontenzjużi ma kinux suġġetti għar-regoli dwar l-eżami tal-għajnuna mill-Istat, peress li dawn kienu imputabbli mhux lill-Istati Membri kkonċernati iżda lill-Unjoni. Issa, ħadd mir-rikorrenti fl-ewwel istanza ma ressaq dan il-motiv, liema motiv ġie introdott fid-dibattitu permezz ta’ domanda tal-Qorti Ġenerali mibgħuta lill-partijiet fl-20 ta’ Lulju 2011, filwaqt li tali motiv ma setax jitqajjem ex officio. Il-Qorti Ġenerali sussegwentement ipprovat, fis-sentenza appellata, tagħmel lil dan il-motiv jikkorrispondi għal dawk, invokati mill-partijiet, ibbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni.

22      L-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, Eurallumina u AAL jopponu dan l-ewwel aggravju.

23      L-ewwel nett, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana josservaw li r-raġunament żviluppat fis-sentenza appellata ma huwiex biss ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-eżenzjonijiet kontenzjużi lill-Istati Membri, iżda jistrieħ fuq eżami kemm tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat, li huma żewġ kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. Issa, skont ir-Repubblika Taljana, minkejja li l-Qorti Ġenerali hija marbuta tiddeċiedi fil-limiti ddefiniti mill-motivi tar-rikors, hija tista’ madankollu tivverifika, ex officio, jekk waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat hijiex nieqsa u dan filwaqt li tibqa’ fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet invokati insostenn ta’ dawn il-motivi.

24      L-Irlanda u r-Repubblika Taljana jżidu li l-Qorti Ġenerali setgħet tirrileva, ex officio, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Issa, f’dan il-każ, billi naqset milli fid-deċiżjoni kkontestata tesponi r-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-eżenzjonijiet kontenzjużi kienu imputabbli lill-Istati Membri, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

25      It-tieni nett, ir-Repubblika Franċiża, Eurallumina u AAL essenzjalment jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali amplifikat il-motivi li huma kienu ressqu, minħabba skambji li kienu seħħew bejn il-partijiet matul il-proċedura. Ir-Repubblika Franċiża tfakkar li l-ewwel motiv tagħha għall-annullament kien ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, filwaqt li Eurallumina tirrileva li hija, mingħajr ma użat il-kelma “imputabbiltà”, kienet qajmet il-kwistjoni ta’ jekk l-eżenzjoni li tikkonċernaha setgħetx tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mir-Repubblika Taljana. Hija l-Kummissjoni stess li introduċiet il-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-eżenzjonijiet kontenzjużi fid-dibattitu, b’difiża għall-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Skont Eurallumina, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant eżaminat din il-kwistjoni sabiex tiċħad l-argumenti tal-Kummissjoni u sabiex issaħħaħ l-evalwazzjoni tagħha dwar jekk l-effetti ta’ awtorizzazzjoni mogħtija minn istituzzjoni Ewropea u li ma tħalli ebda flessibbiltà għall-implementazzjoni tagħha mill-Istat Membru jistgħux jiġu kkontestati u annullati kif kien sarilhom minn istituzzjoni oħra tal-Unjoni. Skont AAL, kulma għamlet il-Qorti Ġenerali kien li eżaminat, u mbagħad ċaħdet, argument tal-Kummissjoni.

26      It-tielet nett, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana u Eurallumina jqisu li, fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-eżenzjonijiet kontenzjużi għandha importanza relattiva fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata li, li kieku l-ewwel aggravju kellu jintlaqa’, tibqa’ fondata fuq aggravji oħra.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27      Mir-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-kawża hija, fil-prinċipju, iddeterminata u limitata mill-partijiet u li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita.

28      Minkejja li ċerti motivi jistgħu, u saħansitra għandhom, jitqajmu ex officio, bħal nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, li jaqgħu taħt il-forom proċedurali sostanzjali, motiv li jirrigwarda l-legalità sostantiva tal-imsemmija deċiżjoni, li jaqa’ taħt il-ksur tat-trattati jew ta’ kull regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, ma jistax, għall-kuntrarju, jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni ħlief jekk dan jiġi invokat mir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67; tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et, C‑265/97 P, Ġabra p. I‑2061, punt 114; kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

29      Għaldaqstant, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE minħabba n-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-miżura inkwistjoni lill-Istat, ma jistax jitqajjem ex officio.

30      F’dan il-każ, wara li fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata fakkret li, sabiex xi vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, huma għandhom, b’mod partikolari, jiġu imputati lill-Istat, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 98 u 99 ta’ dik is-sentenza, ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ma setgħux ikollhom, fi kwalunkwe każ, l-effett li jilliberaw lill-Irlanda, lir-Repubblika Franċiża u lir-Repubblika Taljana mill-obbligu tagħhom li josservaw il-proċeduri u r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li skonthom il-Kunsill ma setax, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-armonizzazzjoni fiskali, jidħol fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Hija kkunsidrat li l-vantaġġi li l-eżenzjonijiet kontenzjużi setgħu taw lill-benefiċjarji tagħhom kienu ngħataw skont id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, b’mod li huma kienu imputabbli mhux lill-Istati Membri, iżda lill-Unjoni, u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx, fl-eżerċizzju stess tas-setgħat kważi esklużivi li hija kienet tislet mill-Artikoli 87 KE u 88 KE, tikklassifika lil dawn bħala għajnuna mill-Istat.

31      Fil-punt 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ma jippermettux li l-Kummissjoni tkun tista’ timputa kontra l-Istati Membri kkonċernati l-eżenzjonijiet kontenzjużi u, għalhekk, li hija tkun tista’ tikklassifikahom bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u li tordna l-irkupru parzjali tagħhom, inkwantu hija kienet tqishom inkompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE.

32      Għaldaqstant, fil-punt 110 u fid-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata “sa fejn din tikkonstata, jew hija bbażata fuq il-fatt ikkonstatat, li l-eżenzjonijiet [kontenzjużi] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE” u sa fejn din tordna l-irkupru tal-imsemmija eżenzjonijiet mingħand il-benefiċjarji tagħhom.

33      Billi qieset li l-eżenzjonijiet kontenzjużi kienu imputabbli lill-Unjoni, il-Qorti Ġenerali ma rrilevatx motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, kif jagħtu x’jifhem l-Irlanda u r-Repubblika Taljana, iżda motiv dwar il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni kkontestata, li jaqa’ taħt il-ksur tat-Trattat KE.

34      Issa, hekk kif issostni l-Kummissjoni u kif jikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda waħda mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali ma sostniet tali motiv. Fil-fatt, mill-proċess tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-eżenzjonijiet kontenzjużi, sempliċement invokata mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha fil-Kawża T-56/06, kif ukoll minn Eurallumina fir-replika tagħha fil-Kawża T‑62/06, fejn madankollu kienet tindika “[l]i madankollu ma huwiex neċessarju li din il-problema tiġi ttrattata”, ġiet introdotta fid-dibattitu mill-Qorti Ġenerali billi għamlet domanda bil-miktub lill-partijiet, hekk kif wara kollox jirriżulta wkoll mill-punt 98 tas-sentenza appellata.

35      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-Repubblika Franċiża, Eurallumina u AAL, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali amplifikat il-motivi mqajma mill-partijiet. Fil-fatt, minkejja li l-Qorti Ġenerali rabtet il-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-eżenzjonijiet kontenzjużi mal-motivi invokati mill-partijiet, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni u ta’ ċertezza legali, xorta waħda jibqa’ l-fatt, minn naħa, li din il-kwistjoni tirriżulta minn motiv separat u ta’ natura differenti, u li jirrigwarda mhux biss ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, iżda ksur tat-Trattat KE, u, min-naħa l-oħra, li l-partijiet, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-espożizzjoni tal-motivi tal-partijiet magħmula fil-punti 53 sa 56 tas-sentenza appellata, ma invokawx dawn il-prinċipji sabiex jitqies li l-eżenzjonijiet kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

36      Minn dan isegwi li, billi qajmet ex officio l-motiv li jgħid li l-eżenzjonijiet kontenzjużi huma imputabbli mhux lill-Istati Membri, iżda lill-Unjoni, u li, għal din ir-raġuni, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi.

37      Madankollu, il-motivi dwar l-imputabbiltà tal-eżenzjonijiet kontenzjużi, imsemmija biss fil-punti 73, 74, 98, 99 u 104 tas-sentenza appellata, jikkostitwixxu biss parti mill-motivazzjoni ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, għandu jitfittex jekk din is-sentenza tibqax fondata fuq raġunijiet oħra esposti hemmhekk.

38      Il-Qorti Ġenerali, minbarra l-kunsiderazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ imputabbiltà tal-eżenzjonijiet kontenzjużi lill-Istati Membri, ibbażat is-sentenza appellata fuq ir-raġunijiet li ġejjin.

39      Fil-punti 63 sa 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qabelxejn qieset li, fid-dawl tal-għan komuni tar-regoli fil-qasam ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet fiskali nazzjonali u tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jiġu miġġielda, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, l-implementazzjoni koerenti ta’ dawn ir-regoli kienet timponi li wieħed iqis li l-kunċett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni għandu l-istess portata u l-istess sens f’dawn iż-żewġ oqsma. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li l-Artikolu 8(4) u (5) tad-Direttiva 92/81 jagħti b’mod partikolari lill-Kummissjoni, li tipproponi, u lill-Kunsill, li jiddisponi, ir-responsabbiltà li jevalwaw l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni possibbli, u dan bl-għan li jawtorizzaw jew le Stat Membru sabiex japplika jew sabiex ikompli japplika eżenzjoni tas-sisa armonizzata u li, fil-każ ta’ evalwazzjonijiet diverġenti, il-kummissjoni għandha l-possibbiltà li tippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill.

40      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 76 sa 97 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, ma kienx ikkontestat li l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana bbażaw ruħhom, sabiex japplikaw jew ikomplu japplikaw l-eżenzjonijiet kontenzjużi sal-31 ta’ Diċembru 2003, fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni u li huma kienu kkonformaw b’mod sħiħ mal-imsemmija deċiżjonijiet li, sa fejn kienu jinkludu kundizzjonijiet restrittivi ta’ tip ġeografiku u temporali, kellhom effett vinkolanti fir-rigward tagħhom.

41      F’dan il-kuntest, fil-punti 79 sa 96 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali warrbet l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, minn naħa, kienu kundizzjoni neċessarja, iżda mhux suffiċjenti, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu l-eżenzjonijiet kontenzjużi u, min-naħa l-oħra, dawn ma kinux jippreġudikaw il-fatt li, li kieku l-imsemmija eżenzjonijiet kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, dawn kien ikollhom jiġu nnotifikati lilha u jiġu awtorizzati minnha, b’mod konformi mal-Artikolu 88 KE, hekk kif kienet tindika l-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224. F’dan ir-rigward hija osservat li d-deċiżjonijiet preċedenti għad-Deċiżjoni 2001/224 ma kienx fihom tali riżerva u qieset li l-imsemmija premessa 5 ma setgħetx tkun analizzata bħala manifestazzjoni tar-rieda tal-Kunsill li jissuġġetta l-effetti tal-awtorizzazzjoni tiegħu għall-osservanza ta’ eventwali proċeduri u deċiżjonijiet sussegwenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

42      Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224 hija kkontestata mir-risposta tal-Kunsill għad-domandi tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, hija ma setgħetx tintlaqa’ sa fejn din twassal, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, għal implementazzjoni inkoerenti tar-regoli fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet fiskali u tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat peress li, l-ewwel nett, id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, adottati b’unanimità fuq proposta tal-Kummissjoni, kienu jibbażaw ruħhom fuq evalwazzjoni komuni ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet li tgħid li l-eżenzjonijiet kontenzjużi ma kinux iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma kinux ixekklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, it-tieni nett, is-selettività fuq il-pjan reġjonali tal-imsemmija eżenzjonijiet kienet tirriżulta direttament minn dawn id-deċiżjonijiet u, it-tielet nett, dawn tal-aħħar kienu jawtorizzaw eżenzjonijiet totali tad-dazji tas-sisa.

43      Fl-aħħar nett, wara li kkonstatat, fil-punti 100 sa 103 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni qatt ma kienet għamlet użu mis-setgħat li hija kellha, skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew l-Artikoli 230 KE u 241 KE, sabiex tikseb it-tneħħija jew emenda tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, annullament ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet jew dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din id-direttiva, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 104 u 105 ta’ din is-sentenza, li, fil-mument li fih id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, id-Deċiżjoni 2001/224 baqgħet valida u li din, kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ qabilha u l-imsemmija direttiva, kienu jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni u kienu jipproduċu l-effetti legali kollha tagħhom. Hija qieset li, konsegwentement, l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana kienu awtorizzati jibbażaw ruħhom fuq dawn id-deċiżjonijiet sabiex ikomplu japplikaw l-eżenzjonijiet kontenzjużi. Minn dan hija kkonkludiet li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet iddaħħal direttament inkwistjoni l-validità tal-eżenzjonijiet kontenzjużi u wkoll, indirettament, iżda neċessarjament, dik tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni u tal-effetti marbuta magħhom, u b’hekk kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni.

44      Barra minn hekk, fil-punti 107 sa 109 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, imqajjem minn Eurallumina fil-Kawża T‑62/06 RENV, billi kkunsidrat li tali ksur kien jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni d-drittijiet speċifiċi li r-Repubblika Taljana kienet tat lil din il-kumpannija b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2001/224, li l-effetti tagħha kienu ġuridikament protetti mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni.

45      Billi ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali madankollu ma osservatx il-kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet relattivi għad-dazji tas-sisa, minn naħa, u fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, min-naħa l-oħra.

46      Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-Direttiva 92/81 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 99 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 99 tat-Trattat KE, li min-naħa tiegħu dan sar l-Artikolu 93 KE) li kien jagħti lill-Kunsill il-kompetenza li jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-liġijiet dwar it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, id-dazji tas-sisa u taxxi indiretti oħra sa fejn din l-armonizzazzjoni kienet neċessarja sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

47      Id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ġew adottati skont l-Artikolu 8(4) ta’ din id-Direttiva li kien jattribwixxi lill-Kunsill, li jiddeċiedi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, is-setgħa li jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi xi eżenzjonijiet jew tnaqqis li ma humiex dawk previsti mill-imsemmija direttiva “għal raġunijiet politiċi speċifiċi”. Il-proċedura prevista f’dan l-artikolu għandha għan u kamp ta’ applikazzjoni differenti minn dawk tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 88 KE.

48      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punti 29 sa 31 tas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑110/02, Ġabra p. I‑6333), it-Trattat, billi permezz tal-Artikolu 88 KE jorganizza l-eżami kostanti u l-verifika tal-għajnuna mill-Kummissjoni, għandu l-intenzjoni li r-rikonoxximent tal-inkompatibbiltà possibbli ta’ għajnuna mas-suq komuni tirriżulta minn proċedura xierqa li l-implementazzjoni tagħha taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ din l-istituzzjoni, suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, l-Artikoli 87 KE u 88 KE jirriżervaw rwol ċentrali lill-Kummissjoni fir-rikonoxximent eventwali ta’ għajnuna bħala inkompatibbli. Min-naħa tagħha, is-setgħa li għandu l-Kunsill fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE hija ta’ natura eċċezzjonali, u dan ifisser li din għandha neċessarjament tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-111/10, punt 39).

49      Għaldaqstant, deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza Stat Membru, b’mod konformi mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, li jintroduċi eżenzjoni minn dazji tas-sisa ma setax ikollha l-effett li xxekkel lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mit-trattat u, konsegwentement, milli timplementa l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex teżamina jekk din l-eżenzjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u sabiex jekk ikun il-każ, fi tmiem din il-proċedura, tieħu deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata.

50      Il-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni kienu jagħtu eżenzjonijiet totali mid-dazji tas-sisa filwaqt li jiffissaw kundizzjonijiet ġeografiċi u temporali preċiżi u li dawn tal-aħħar huma osservati strettament mill-Istati Membri ma kellux effett fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni u għaldaqstant ma setax iċaħħad lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi tagħha.

51      Barra minn hekk huwa b’osservanza ta’ dan it-tqassim tal-kompetenzi li l-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2001/224, li kienet fis-seħħ matul il-perijodu li għalih id-deċiżjoni kkontestata tordna l-irkupru tal-għajnuna, kienet tistipula li l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx tippreġudika r-riżultat ta’ proċeduri eventwali li setgħu jinbdew skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE u ma kinitx teżenta lill-Istati Membri mill-“ħtieġa [tagħhom li] jinnotifikaw każijiet potenzali ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat lill-Kummissjoni”.

52      Ċertament, id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ġew adottati fuq proposta tal-Kummissjoni u din qatt ma użat is-setgħat li hija kellha, skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81 jew tal-Artikoli 230 KE u 241 KE, sabiex tikseb it-tneħħija jew l-emenda tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, annullament ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet jew dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, matul l-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, jirriżulta li dawn tal-aħħar ma kinux iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma kinux ixekklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

53      Madankollu, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jissodisfa sitwazzjoni oġġettiva u ma jistax jiddependi fuq l-aġir jew id-dikjarazzjonijiet tal-istituzzjonijiet (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72). Konsegwentement, il-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ġew adottati fuq proposta tal-Kummissjoni ma setax jostakola li l-imsemmija eżenzjonijiet jiġu klassifikati bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jekk il-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat kienu sodisfatti. Tali fatt, għall-kuntrarju, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dak li jikkonċerna l-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna inkompatibbli, fir-rigward tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, hekk kif għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata meta rrinunzjat li tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija qabel id-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tad-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

54      Minn dan isegwi li l-motivi tas-sentenza appellata esposti fil-punti 39 sa 44 tas-sentenza preżenti ma jistgħux jagħtu bażi legali lill-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tikkontesta l-validità tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill u b’hekk tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preżunzjoni ta’ legalità tal-atti tal-Unjoni. L-istess jgħodd għall-konklużjoni, ibbażata fuq l-istess raġunijiet, li tgħid li, fil-Kawża T‑62/06 RENV, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

55      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti u l-motivi l-oħra tal-partijiet, li s-sentenza appellata tiġi annullata kollha kemm hi.

 Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

56      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

57      Peress li f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali eżaminat biss parti mill-għadd kbir ta’ motivi ppreżentati mill-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, hemm lok li l-kawżi magħquda jiġu rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-kawżi ġew irrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż marbuta mal-appell preżenti għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-21 ta’ Marzu 2012, L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni (T‑50/06 RENV, T‑56/06 RENV, T‑60/06 RENV, T‑62/06 RENV u T‑69/06 RENV), hija annullata.

2)      Il-Kawżi magħquda T‑50/06 RENV, T‑56/06 RENV, T‑60/06 RENV, T‑62/06 RENV u T‑69/06 RENV huma rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwi tal-kawża: il-Franċiż, l-Ingliż u t-Taljan.