Language of document : ECLI:EU:C:2016:849

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Novembru 2016 (*)

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Trade mark tridimensjonali fil-forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità”

Fil-Kawża C‑30/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2015,

Simba Toys GmbH & Co. KG, stabbilita fi Fürth (il-Ġermanja), irrappreżentata minn O. Ruhl, avukat,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Botis u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Seven Towns Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn K. Szamosi u M. Borbás, ügyvédek,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Marzu 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Simba Toys GmbH & Co. KG titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Novembru 2014, Simba Toys vs UASI – Seven Towns (Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja) (T‑450/09, EU:T:2014:983, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”), tal-1 ta’ Settembru 2009 (Każ R 1526/2008‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn l-appellanti u Seven Towns Ltd (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), li daħal fis‑seħħ fit‑13 ta’ April 2009.

3        Madankollu, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha seħħew il-fatti, din il-kawża tibqa’ rregolata mir-Regolament Nru 40/94, tal-inqas f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet li huma ta’ natura mhux strettament proċedurali.

4        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, jipprovdi:

“1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[...]

(b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

(ċ)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

[...]

(e)      sinjalili jikkonsistu esklussivament f’dawn li ġejjin:

(i)      forma li tirriżulta min-natura tal-prodotti nfushom;

jew

(ii)      forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sa biex jinkiseb riżultat tekniku;

jew

(iii) forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodotti;

[...]”

5        Skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94:

“Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif spjegati fil-punti 1 sa 12 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

7        Fl-1 ta’ April 1996, Seven Towns ippreżentat quddiem l-EUIPO applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li tikkonċerna s-sinjal tridimensjonali riprodott kif ġej:

Image not found

8        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 28 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali”.

9        Fis-6 ta’ April 1999, it-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata bħala trade mark Komunitarja, bin-numru 162784. Hija ġiet imġedda fl-10 ta’ Novembru 2006.

10      Fil-15 ta’ Novembru 2006, Simba Toys ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dik it-trade mark skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) u (e) ta’ dan ir-regolament.

11      B’deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-Uffiċċju ċaħdet din it-talba fl-intier tagħha.

12      Fit-23 ta’ Ottubru 2008, l-appellanti ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-EUIPO skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009). Insostenn tal-appell tagħha, hija invokat ksur tal-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) u (e) tar-Regolament Nru 40/94.

13      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-14 ta’ Ottubru 2008 u ċaħad l-appell.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

14      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Novembru 2009, Simba Toys ressqet azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

15      Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat tmien motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll tal-Artikolu 7(1)(b), tal-Artikolu 7(1)(ċ), tal-Artikolu 7(1)(e)(i) sa (iii), u tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

16      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Simba Toys titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lil Seven Towns u lill-EUIPO għall-ispejjeż.

18      Seven Towns u l-EUIPO jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lil Simba Toys għall-ispejjeż.

 Fuq it-talba intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

19      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2016, Seven Towns talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

20      Din il-kumpannija essenzjalment issostni li, fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali invoka elementi fattwali u qajjem argumenti li la kienu ġew indirizzati mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, id-definizzjoni tal-funzjoni tal-prodotti inkwistjoni, l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal kif ukoll l-evalwazzjoni tal-funzjonalità tal-forma ta’ kubu.

21      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet interessati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Marchon Germany, C‑315/14, EU:C:2016:211, punt 19).

22      Dan ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha jew fid-dawl ta’ argument li ma ġiex indirizzat quddiemha.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li t-talba ta’ Seven Towns, intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, tintlaqa’.

 Fuq l-appell

 L-argumenti tal-partijiet

24      Insostenn tal-appell tagħha, Simba Toys tinvoka sitt aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Simba Toys issostni li fil-punti 50 sa 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, li jgħid li għandha tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni tas-sinjali li jikkonsistu esklużivament mill-forma tal-prodott li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

25      F’dan ir-rigward, Simba Toys issostni, l-ewwel nett li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, b’mod żbaljat issuġġettat l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 għall-kundizzjoni li riżultat tekniku jkun tal-inqas jista’ “jiġi dedott b’mod suffiċjentement ċert” mir-rappreżentazzjoni tat-trade mark ikkonċernata. Tali “rekwiżit ta’ komprensjoni preċiża” allegatament la jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas mill-ġurisprudenza u, barra minn hekk, imur kontra l-għan tagħha.

26      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali allegatament interpretat il-kunċett ta’ “funzjoni teknika” b’mod ristrett wisq meta, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, hija kkunsidrat li l-istruttura ta’ gradilja fuq l-uċuħ tal-kubu ma tissodisfax tali funzjoni. Il-Qorti Ġenerali allegatament injorat li l-imsemmija struttura u l-forma ġenerali tal-kubu ma humiex arbitrarji u għaldaqstant huma neċessarjament tekniċi.

27      Fit-tielet lok, l-appellanti tinvoka żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, issuġġettat ir-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal għar-raġuni msemmija fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 għall-kundizzjoni li l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark inkwistjoni jkunu jissodisfaw huma stess il-funzjoni teknika tal-prodott li hija tkopri, u mhux li dawn ikunu r-riżultat tagħha.

28      Fir-raba’ lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ forom alternattivi għar-rappreżentazzjoni tal-imsemmija trade mark li jistgħu jissodisfaw l-istess funzjoni teknika bħalma din tista’ tissodisfa. Fi kwalunkwe każ, id-disponibbiltà ta’ forom alternattivi allegatament ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 7(1)(e)(ii). Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-linji suwed li joħolqu forma ta’ gradilja fuq l-uċuħ tal-kubu, anki li kieku kien possibbli li jiġi manifatturat kubu maġiku li ma jinkludix dawn l-elementi, tali kubu jibqa’ protett, minħabba l-livell ta’ xebh tiegħu, mit-trade mark ikkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali allegatament kisret l-interess pubbliku li fuqu hija bbażata din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti fil-preklużjoni li jiġi stabbilit monopolju permanenti fuq soluzzjonijiet tekniċi.

29      Fil-ħames lok, fl-evalwazzjoni tat-tekniċità tal-karatteristiċi essenzjali tal-prodott inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali allegatament naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ prodotti diġà kkummerċjalizzati qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, u b’mod partikolari tar-“Rubik’s cube” immanifatturata mill-intervenjenti, li għandhom il-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, fosthom kapaċità ta’ rotazzjoni magħrufa sew mill-konsumaturi.

30      Fis-sitt lok, Simba Toys tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli fil-punt 55 tas-sentenza appellata kkunsidrat, wara li kkonkludiet li t-trade mark inkwistjoni kienet irreġistrata għal-“logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali” b’mod ġenerali, mingħajr ma kienet limitata għal dawk li għandhom kapaċità ta’ rotazzjoni, li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tista’ tiġi rrifjutata biss jekk ir-raġuni prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 tapplika għall-prodotti kollha li hija tkopri jew tal-inqas għal numru kbir mill-prodotti li hija tkopri.

31      Skont Seven Towns u l-EUIPO, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala li huwa, tal-inqas parzjalment, inammissibbli minħabba l-fatt li dan huwa intiż li jikkontesta konstatazzjonijiet fattwali.

32      Fi kwalunkwe każ, skont dawn il-partijiet, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. Essenzjalment huma jitolbu li jiġu kkonfermati l-motivi tas-sentenza appellata li huma koperti minn dan l-aggravju. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, lil hinn milli introduċiet rekwiżiti ġodda, kulma għamlet kien li applikat il-ġurisprudenza eżistenti, liema ġurisprudenza b’mod partikolari timponi li tiġi ddeterminata l-funzjoni teknika eventwali abbażi tar-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark ikkonċernata. Seven Towns u l-EUIPO barra minn hekk jenfasizzaw li l-prodotti inkwistjoni jinkludu l-logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali kollu kemm hu, li tagħhom il-kubi maġiċi ma jikkostitwixxux sottokategorija awtonoma.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Simba Toys issostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat applikat l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fil-punti 56 sa 77 tas-sentenza appellata, fuq interpretazzjoni restrittiva wisq ta’ din id-dispożizzjoni f’dak li jikkonċerna n-natura funzjonali tal-forma inkwistjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-karatteristiċi essenzjali ta’ din il-forma ma jissodisfawx funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni.

34      F’dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu li l-evalwazzjoni tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal, sa fejn din tinkludi konstatazzjonijiet ta’ natura fattwali, ma tistax, bħala tali, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament, tkun mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 74, u tas-17 ta’ Marzu 2016, Naazneen Investments vs UASI, C‑252/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:178, punt 59), is-sitwazzjoni hija differenti għall-kwistjonijiet ta’ liġi li jitqajmu mill-eżami tar-rilevanza tal-kriterji ġuridiċi applikati waqt din l-evalwazzjoni kif ukoll, b’mod partikolari, għall-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni għan dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 84 u 85, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi‑Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 61).

35      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju huma ammissibbli, għaliex huwa intiż li jikkontesta l-applikazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, tal-kriterji u tal-fatturi, hekk kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi evalwata n-natura funzjonali tas-sinjal inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

36      F’dak li jikkonċerna l-fondatezza ta’ dan l-aggravju, preliminarjament għandu jitfakkar li l-liġi tat-trade mark tikkostitwixxi element essenzjali mis-sistema ta’ kompetizzjoni fl-Unjoni. F’din is-sistema, sabiex tattira u żżomm il-klijentela permezz tal-kwalità tal-prodotti tagħha jew tas-servizzi tagħha, kull impriża għandha tkun kapaċi tirreġistra bħala trade marks sinjali li jippermettu lill-konsumatur jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi minn dawk li għandhom oriġini differenti (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, sinjal li jirrappreżenta l-forma ta’ prodott jinsab fost is-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark bil-kundizzjoni li dan ikun jista’, minn naħa, jiġi rrappreżentat b’mod grafiku u, min-naħa l-oħra, xieraq sabiex jiddistingwi l-prodott jew is-servizz ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punti 30 u 31, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 39).

38      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-interess ġenerali li fuqu hija bbażata (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 45, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 43).

39      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 huwa intiż li jiġi prekluż li d-dritt tat-trade marks iwassal sabiex impriża tingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 43).

40      Barra minn hekk, qabelxejn għandu jitfakkar li applikazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni jiġu debitament identifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 68, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi‑Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 46).

41      F’dan il-każ, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni jikkonsistu f’kubu u struttura ta’ gradilja li tidher fuq kull wieħed mill-uċuħ ta’ dan il-kubu. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata fil-kuntest tal-appell preżenti.

42      F’dak li jikkonċerna, sussegwentement, il-kwistjoni ta’ jekk tali karatteristiċi essenzjali jissodisfawx funzjoni teknika tal-prodott, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għaliha fin-negattiv, billi ċaħdet, b’mod partikolari fil-punti 56 sa 61 tas-sentenza appellata, l-argument tar-rikorrenti li tgħid li l-linji suwed u, b’mod iktar globali, l-istruttura ta’ gradilja li tidher fuq kull wieħed mill-uċuħ tal-kubu inkwistjoni jissodisfaw funzjoni teknika.

43      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kapaċità ta’ rotazzjoni tal-elementi individwali tal-kubu inkwistjoni espressi permezz tal-imsemmija linji suwed, u dan billi uriet, b’mod partikolari fil-punti 58 u 59 tas-sentenza appellata, li dawn l-argumenti kienu jibbażaw ruħhom essenzjalment fuq l-għarfien tal-kapaċità ta’ rotazzjoni tar-ringieli vertikali u orizzontali tar-“Rubik’s cube” u li din il-kapaċità ma tistax tirriżulta mill-karatteristiċi tal-forma ppreżentata iżda l-iktar l-iktar minn mekkaniżmu intern, inviżibbli, tal-kubu. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li ma inkludiex dan l-element inviżibbli fl-analiżi tiegħu tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-fatt li l-eżistenza ta’ mekkaniżmu intern ta’ rotazzjoni tiġi dedotta mir-rappreżentazzjonijiet grafiċi ta’ din it-trade mark allegatament ma kienx konformi mar-rekwiżiti li skonthom kull deduzzjoni għandha titwettaq bil-mod l-iktar oġġettiv possibbli abbażi tal-forma kkonċernata, kif irrappreżentata grafikament, u għandha tkun suffiċjentement ċerta.

44      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, bħall-Bord tal-Appell, fil-punt 60 tas-sentenza appellata kkunsidrat li l-istruttura ta’ gradilja li tidher fuq kull wieħed mill-uċuħ tal-kubu inkwistjoni ma tissodisfa ebda funzjoni teknika, peress li l-fatt li din l-istruttura għandha l-effett li viżwalment taqsam kull wiċċ ta’ dan il-kubu f’disa’ elementi kwadri tal-istess daqs ma jistax jikkostitwixxi tali funzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti.

45      Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-raġunament huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi.

46      Fil-fatt, sabiex tiġi analizzata l-funzjonalità ta’ sinjal fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, li tikkonċerna biss is-sinjali kkostitwiti mill-forma tal-prodott konkret, il-karatteristiċi essenzjali ta’ forma għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-funzjoni teknika tal-prodott konkret ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 72).

47      Għaldaqstant, u peress li ma huwiex ikkontestat li s-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit mill-forma ta’ prodott konkret u mhux minn forma astratta, il-Qorti Ġenerali messha ddefinixxiet il-funzjoni teknika tal-prodott konkret inkwistjoni, jiġifieri logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali, u messha ħaditha inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali ta’ dan is-sinjal.

48      Minkejja li kien neċessarju, hekk kif il-Qorti Ġenerali barra minn hekk irrilevat fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li wieħed jitlaq mill-forma inkwistjoni, kif irrappreżentata b’mod grafiku, l-imsemmija analiżi ma setgħetx titwettaq mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, l-elementi addizzjonali li jirrigwardaw il-funzjoni tal-prodott konkret inkwistjoni.

49      Fil-fatt, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-eżami tal-karatteristiċi funzjonali ta’ sinjal, l-awtorità kompetenti tista’ twettaq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra r-rappreżentazzjoni grafika u d-deskrizzjonijiet possibbli ppreżentati waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, elementi utli għall-identifikazzjoni xierqa ta’ karatteristiċi essenzjali tal-imsemmi sinjal (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 54).

50      Min-naħa l-oħra, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 86 u 91 sa 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’kull waħda mill-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, EU:C:2002:377), tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516), u tas‑6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry (C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129), il-korpi kompetenti allegatament ma kinux f’pożizzjoni li janalizzaw il-forma kkonċernata sempliċement mir-rappreżentazzjoni grafika tagħha, mingħajr ma jagħmlu użu minn informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-prodott konkret.

51      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, sa fejn ikkunsidrat, b’mod partikolari fil-punti 57 sa 59 tas-sentenza appellata, li, sabiex tiġi eżaminata l-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikkonċernat, b’mod partikolari l-istruttura ta’ gradilja li tidher fuq kull wieħed mill-uċuħ tal-kubu, kemm hemm lok li wieħed jitlaq mill-forma inkwistjoni, kif irrappreżentata b’mod grafiku, mingħajr ma jkun neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi addizzjonali li osservatur oġġettiv ma jkunx f’pożizzjoni li “jifhem b’mod preċiż” abbażi tar-rappreżentazzjonijiet grafiċi tat-trade mark ikkontestata, bħall-kapaċità ta’ rotazzjoni ta’ elementi individwali ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ tat-tip “Rubik’s Cube”.

52      Barra minn hekk, il-fatt, imsemmi fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata għal “logħob ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali” b’mod ġenerali, jiġifieri mingħajr ma tkun limitata għal dawk li għandhom kapaċità ta’ rotazzjoni, u li l-proprjetarju ta’ dik it-trade mark ma hemiżx mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu deskrizzjoni fejn ġie ppreċiżat li l-forma inkwistjoni kienet tinkludi tali kapaċità, ma jistax ixekkel li, għall-finijiet tal-eżami tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal inkwistjoni, tittieħed inkunsiderazzjoni tali funzjoni teknika tal-prodott konkret irrappreżentat minn dan is-sinjal, ħlief sabiex il-proprjetarju tal-imsemmija trade mark jiġi permess jestendi l-protezzjoni mogħtija mir-reġistrazzjoni tagħha għal kull tip ta’ logħba ta’ taħbil il-moħħ tridimensjonali li l-elementi tagħha jirrappreżentaw il-forma ta’ kubu, indipendentement mill-modalitajiet ta’ funzjonament tagħha.

53      Issa, din l-aħħar possibbiltà allegatament tmur kontra l-għan imfittex mill-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, li huwa, hekk kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li jiġi evitat li impriża tingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott.

54      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra ta’ dan l-aggravju u lanqas l-aggravji l-oħra tal-imsemmi appell.

 Fuq il-kawża fl-ewwel istanza

55      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

56      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tagħti deċiżjoni b’mod definittiv fuq it-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

57      Fil-fatt, mill-punti 42 sa 53 tas-sentenza preżenti jirriżulta li dan il-motiv huwa fondat.

58      Konsegwentement, id-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ispejjeż

59      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża b’mod definittiv hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

60      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

61      Peress li l-appellanti talbet il-kundanna tal-EUIPO u ta’ Seven Towns għall-ispejjeż, u dawn tilfu, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż relattivi kemm għall-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑450/09 kif ukoll għal dik tal-appell.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑25 ta’ Novembru 2014, Simba Toys vs UASI – Seven Towns (Forma ta’ kubu b’uċuħ li għandhom struttura ta’ gradilja) (T‑450/09, EU:T:2014:983), hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal-1 ta’ Settembru 2009 (Każ R 1526/2008‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Simba Toys GmbH & Co. KG u Seven Towns Ltd, hija annullata.

3)      Seven Towns Ltd u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti minn Simba Toys GmbH & Co. KG relattivi kemm għall-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T‑450/09 kif ukoll għal dik tal-appell.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.