Language of document : ECLI:EU:C:2017:377

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Mejju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom – Direttiva 86/653/KEE – Kummissjoni tal-aġent kummerċjali – Artikolu 11 – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt konkluż bejn it-terzi u l-prinċipal – Konsegwenzi fuq id-dritt għall-kummissjoni – Kunċett ta’ ‘raġuni li għaliha l-prinċipal [huwa ħati]’”

Fil-Kawża C-48/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresný súd Dunajská Streda (qorti distrettwali ta’ Dunajská Streda, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura

ERGO Poist’ovňa a.s.

vs

Alžbeta Barlíková,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.-P. Wojcik, A. Tokár u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ERGO Poist’ovňa a.s. (iktar ’il quddiem “ERGO”) u A. Barlíková dwar talba għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 11,421.42, mibgħuta minn ERGO lil A. Barlíková, bħala ħlas lura ta’ kummissjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        It-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva 86/653 jipprovdu li:

“[b]illi d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività [fl-Unjoni Ewropea] u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; billi barra minn hekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti;

[b]illi l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni; billi f’dan ir-rigward ir-regoli li jikkonċernaw konflitti fil-liġijiet fil-fatt ma jneħħux, fil-materja ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-inkonsistenzi msemmija fuq, lanqas ma kienu li kieku saru l-istess, u għalhekk l-armonizzazzjoni proposta hija neċessarja minkejja l-eżistenza ta’ dawk ir-regoli.”

4        L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.”

5        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu, aġent kummerċjali għandu jfittex li jħares l-interessi tal-prinċipal tiegħu u jaġixxi kif suppost u b’intenzjoni tajba.”

6        L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Fir-relazzjonijiet tiegħu mal-aġent kummercjali tiegħu, prinċipal għandu jaġixxi kif suppost u b’intenzjoni tajba.”

7        Il-Kapitolu III tad-Direttiva 86/653 intitolat “Ir-remunerazzjoni”, jinkludi, b’mod partikolari, ir-regoli applikabbli fl-ipoteżi fejn l-aġent kummerċjali jkun irremunerat permezz ta’ Kummissjoni. Skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, hija kkunsidrata li tikkostitwixxi Kummissjoni għall-finijiet tal-imsemmija direttiva “[k]Kull parti mir-remunerazzjoni li tvarja skond in-numru jew il-valur ta’ operazzjonijiet tan-negozju”.

8        L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal kommissjoni fuq operazzjonijiet kummerċjali konklużi tul il-perijodu kopert bil-kuntratt ta’ l-aġenzija:

a)      meta l-operazzjoni tkun ġiet konkluża bħala riżultat ta’ l-azzjoni tieghu;

jew

b)      meta l-operazzjoni tkun konkluża ma’ parti terza li jkun qabel akkwista bħala klijent għall-operazzjonijiet ta’ l-istess tip.”

9        L-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Il-kommissjoni għandha tkun dovuta malli u sal-limitu li waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi sseħħ:

a)      il-prinċipal ikun wettaq l-operazzjoni;

b)      il-prinċipal għandu, skond il-ftehim tiegħu mal-parti terza, jkun wettaq l-operazzjoni;

c)      il-parti terza tkun wettqet l-operazzjoni.”

10      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 86/653 jgħid:

“1.      Id-dritt għal kommissjoni jista’ jitħassar biss jekk u sal-limiti li:

–        ikun ġie stabbilit li l-kuntratt bejn il-parti terzi u l-prinċipal mhux ser jiġi eżegwit,

u

–        il-fatt ikun dovut għal raġuni li għaliha l-prinċipal m’għandux ħtija.

2.      Kull kommissjoni li l-aġent kummerċjali jkun diġà rċieva għandha tingħata lura jekk id-dritt għaliha jitħassar.

3.      M’għandux ikun permess ftehim għal deroga mill-paragrafu 1 għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali.”

 Id-dritt Slovakk

 Il-Kodiċi tal-Kummerċ

11      L-Artikolu 642 tal-Obchodný zákonník (kodiċi tal-kummerċ), dwar il-kuntratt ta’ intermedjazzjoni, jipprovdi:

“Billi jikkonkludi kuntratt ta’ intermedjazzjoni, l-intermedjarju jikkommetti ruħu li jiżviluppa attività li tippermetti lill-persuna kkonċernata tikkonkludi kuntratt ma’ terzi, u l-persuna kkonċernata tikkommetti ruħha li tħallas remunerazzjoni (kummissjoni) lill-intermedjarju.”

12      Id-Direttiva 86/653 ġiet trasposta fid-dritt Slovakk l-Artikoli 652 et seq tal-kodiċi tal-kummerċ. L-Artikolu 652(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Permezz ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, aġent kummerċjali bħala negozjant jikkommetti ruħu li jwettaq attività għall-prinċipal li twassal għall-konklużjoni ta’ ċertu tip ta’ kuntratti (‘tranżazzjonijiet’) jew li jinnegozja u jikkonkludi tranżazzjonijiet f’isem jew għan-nom tal-prinċipal, u l-prinċipal jikkommetti ruħu li jħallas il-kummissjoni lill-aġent kummerċjali.”

13      L-Artikolu 660(1) u (2) tal-istess kodiċi jipprovdi:

“1.      Il-kummissjoni ssir dovuta meta […]

a)      il-prinċipal jkun wettaq il-parti tiegħu li tirriżulta mit-tranżazzjoni jew

b)      il-prinċipal suppost ikun wettaq il-parti tiegħu li tirriżulta mit-tranżazzjoni […] jew

c)      it-terza persuna tkun eżegwiet il-parti tagħha li tirriżulta mit-tranżazzjoni.

2.      Il-kummissjoni ssir dovuta l-iktar tard meta t-terza persuna tkun wettqet il-parti tagħha fl-operazzjoni jew suppost li tkun għamlet hekk jekk il-prinċipal ikun wettaq il-parti tiegħu tal-operazzjoni, kif suppost li jkun għamel. Madankollu, jekk it-terza persuna jkollha twettaq il-parti tagħha biss fit-tmiem ta’ perijodu ta’ iktar minn sitt xhur wara l-konklużjoni tal-kuntratt, l-aġent kummerċjali jkollu dritt għall-kummissjoni wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.”

14      L-Artikolu 662(1) u (3) tal-kodiċi tal-kummerċ jipprovdi:

“1.      Id-dritt għall-kummissjoni jintemm biss jekk jiġi stabbilit li l-kuntratt bejn it-terza persuna u l-prinċipal ma jkunx ser jiġi eżegwit u li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma tkunx dovuta għal ċirkustanzi li l-prinċipal ikun ħati għalihom, sakemm il-kuntratt ma jkunx jistipula mod ieħor.

[…]

3.      It-tmiem tad-dritt għall-kummissjoni, fis-sens tal-paragrafu 1 jista’ wkoll jiġi organizzat b’mod differenti permezz ta’ ftehim konkluż biss favur l-aġent kummerċjali.”

 Il-Kodiċi Ċivili

15      L-Artikolu 801(1) u (2) tal-Občiansky zákonník (kodiċi ċivili) jipprovdi:

“1.      L-assigurazzjoni tintemm meta l-primjum għall-ewwel perijodu tal-assigurazzjoni jew il-primjum ta’ darba ma jkunx tħallas sa tliet xhur minn meta kien dovut.

2.      L-assigurazzjoni tintemm ukoll jekk il-primjums dovuti għall-perijodu ta’ assigurazzjoni ieħor ma jkunux tħallsu sa xahar mid-data tal-preżentata ta’ ittra li permezz tagħha l-impriża ta’ assigurazzjoni tintima lix-xerrej tal-assigurazzjoni iħallas is-somom dovuti, jekk il-primjum ma jkunx tħallas qabel il-preżentata ta’ din l-ittra ta’ intimazzjoni […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Fit-13 ta’ Marzu 2012, ERGO, kumpannija attiva fis-settur tal-assigurazzjoni, u A. Barlíková kkonkludew kuntratt intitolat “kuntratt ta’ intermedjazzjoni ma’ aġent finanzjarju marbut” (iktar ʼil quddiem il-“kuntratt ikkontestat”). Dan il-kuntratt kien jirreferi għall-Artikolu 642 tal-kodiċi tal-kummerċ.

17      Permezz tal-imsemmi kuntratt, A. Barlíková kellha teżerċita attività ta’ “intermedjazzjoni fis-settur tal-assigurazzjoni” għall-benefiċċju ta’ ERGO. Din l-attività kienet tikkonsisti, b’mod partikolari, fit-tiftix ta’ klijenti u f’li tipproponilhom li jikkonkludu l-kuntratti ta’ assigurazzjoni offerti minn din il-kumpannija. A. Barlíková kellha wkoll mandat sabiex tikkonkludi dawn il-kuntratti f’isem u għal ERGO.

18      Bħala kontroparti tal-konklużjoni ta’ kull kuntratt ta’ assigurazzjoni A. Barlíková kellha tirċievi kummissjoni li tikkonsisti f’perċentwali tal-ammont tal-primjum jew tal-primjum annwali ta’ assigurazzjoni. Hija kellha dritt għall-ħlas antiċipat ta’ din il-kummissjoni mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt mal-klijent. Madankollu, id-dritt għall-kummissjoni kien isir dovut definittivament biss jekk il-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma jiġix xolt qabel tliet jew ħames snin.

19      Barra minn hekk, il-kuntratt ikkontestat kien jistipula li n-nuqqas ta’ ħlas tal-primjums mill-klijent kien iwassal għat-tmiem tad-dritt għall-kummissjoni, jekk dan kien iseħħ matul l-ewwel xhur tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, jew għat-tnaqqis proporzjonat tal-ammont tal-kummissjoni, jekk dan kien iseħħ wara l-ewwel tliet xhur tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

20      A. Barlíková ġabet diversi klijenti lil ERGO. Skont il-kuntratt ikkontestat, fil-konklużjoni tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni mal-imsemmija klijenti, hija rċeviet, b’mod antiċipat, il-kummissjonijiet li kinulha dovuti. Madankollu, tlieta sa sitt xhur wara l-iffirmar ta’ dawn il-kuntratti, ċerti klijenti waqfu jħallsu l-primjums relatati mal-imsemmija kuntratti u lanqas ma wieġbu għall-ittra ta’ intimazzjoni, intiża għall-ħlas tas-somom dovuti, mibgħuta minn ERGO. Konsegwentement, dawn tal-aħħar intemmu ipso iure, b’applikazzjoni tal-Artikolu 801 tal-kodiċi ċivili. Ċerti klijenti indikaw lil ERGO li kienu waqfu jħallsu l-imsemmija primjums wara li tilfu l-fiduċja li inizjalment kellhom f’din il-kumpannija minħabba t-trattament mhux xieraq li kienu rċevew.

21      Wara t-tmiem tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni kkonċernati, b’applikazzjoni tal-kuntratt ikkontestat, ERGO talbet lil A. Barlíková tħallas lura l-kummissjonijiet li kienet irċeviet b’mod antiċipat abbażi ta’ dawn il-kuntratti ta’ assigurazzjoni, għall-ammont totali ta’ EUR 11 421.42. Peress li A. Barlíková ma ħallsitx din is-somma, ERGO ressqet quddiem l-Okresný súd Dunajská Streda (qorti distrettwali ta’ Dunajská Streda, is-Slovakkja) talba ta’ kundanna għall-ħlas tal-imsemmija somma.

22      Quddiem din il-qorti, A. Barlíková sostniet li ERGO kienet responsabbli għat-tmiem ta’ dawn il-kuntratti ta’ assigurazzjoni. Fil-fatt, minn ittri indirizzati minn diversi klijenti lil din il-kumpannija kien jirriżulta li din il-kumpannija ma kinitx ittrattathom b’mod xieraq, b’mod partikolari, meta talbithom li jirrispondu għal ħafna domandi, anki meta l-kuntratt ta’ assigurazzjoni kien ġie konkluż, u billi bagħtitilhom ittri ta’ tfakkir sabiex iħallsu primjums li kienu diġà ħallsu.

23      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk l-Artikolu 662 tal-kodiċi tal-kummerċ, li jittrasponi l-Artikolu 11 tad-Direttiva 86/653, jipprekludix il-klawżoli tal-kuntratt ikkontestat, li permezz tagħhom in-nuqqas ta’ ħlas tal-primjums previsti mill-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, skont il-każ, itemm id-dritt għall-kummissjoni jew jagħti lok għal tnaqqis tal-ammont ta’ din il-kummissjoni bi proporzjon tat-tul tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

24      Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi tal-kuntratti għal żmien twil. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija direttiva ma tipprevedix l-ipoteżi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li għandu jiġi kkjarifikat il-kunċett tal-“[ħtija tal-prinċipal]”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tal-istess direttiva. Skont din, tali kjarifika hija importanti f’dan il-każ, minħabba is-sistema partikolari applikabbli għat-tmiem tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 801(2) tal-kodiċi ċivili. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, min jissottoskrivi assigurazzjoni jista’ jtemm il-kuntratti billi jieqaf iħallas il-primjums dovuti, anki jekk jista’ jirrikorri għall-modi klassiċi ta’ tmiem ta’ kuntratt, bħal terminazzjoni jew rexissjoni. Mill-perspettiva legali, ir-raġuni tat-tmiem tal-kuntratt hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ ħlas tal-primjums, li jikkostitwixxi ksur, mill-persuna li tissottoskrivi l-assigurazzjoni, tal-obbligi tagħha. Madankollu, dan in-nuqqas jista’ jkun spjegat minn ċirkustanzi oħra li jkunu wasslu lill-persuna li tissottoskrivi l-assigurazzjoni tipproċedi b’dan il-mod.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresný súd Dunajská Streda (qorti distrettwali ta’ Dunajská Streda, is-Slovakkja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-espressjoni ‘l-kuntratt bejn il-parti terzi u l-prinċipal mhux ser jiġi eżegwit’ fl-Artikolu 11 tad-[Direttiva 86/653] għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi:

a)      in-nuqqas totali ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, u għaldaqstant il-każ fejn la l-prinċipal u lanqas it-terz ma jipprovdu, lanqas parzjalment, is-servizzi previsti fil-kuntratt, jew

b)      anki n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt, u għaldaqstant, pereżempju, jekk ma jintlaħaqx id-dħul mill-bejgħ stabbilit, jew, jekk ikun il-każ, il-kuntratt ma jkunx ġie osservat għall-perijodu ta’ żmien previst?

2)      Jekk l-interpretazzjoni kellha tkun dik imsemmija fil-paragrafu b) tal-ewwel domanda, l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ agenzija kuntrattwali li biha l-aġent ikun obbligat jirritorna kwota proporzjonali tal-provvista [kummissjoni] tiegħu jekk il-kuntratt bejn il-prinċipal u t-terz ma jiġix eżegwit fil-portata prevista, u, b’mod partikolari, fil-portata stabbilita fil-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, ma jikkostitwixxix deroga għad-detriment tal-aġent?

3)      Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi evalwat jekk jeżistix ‘fatt dovut għal raġuni li għaliha l-prinċipal għandu ħtija’ fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653, għandhom jiġu eżaminati:

a)      unikament iċ-ċirkustanzi legali li wasslu direttament għax-xoljiment tal-kuntratt (pereżempju, meta x-xoljiment tal-kuntratt ikun dovut għall-inadempjenza tal-obbligi li jirriżultaw minnu minn naħa tat-terz)

b)      jew għandu jiġi eżaminat ukoll jekk tali ċirkustanzi legali kinux konsegwenza tal-imġieba tal-prinċipal fir-rapporti legali mal-imsemmija terz, li jkun wassal għal telf ta’ fiduċja minn naħa tat-terz lejn il-prinċipal u konsegwentement dan ikun wassal lit-terz jikser l-obbligu li jirriżulta mill-kuntratt mal-prinċipal?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

26      Preliminarjament, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, ERGO ssostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li d-Direttiva 86/653 ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, peress li l-kuntratt ikkontestat, fid-dawl tat-titolu tiegħu u tar-riferiment għall-Artikolu 642 tal-kodiċi tal-kummerċ li jagħmel, jikkostitwixxi mhux kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, iżda kuntratt ta’ intermedjazzjoni.

27      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li l-kuntratt ikkontestat għandu jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali u mhux bħala kuntratt ta’ intermedjazzjoni. Din is-sentenza hija bbażata għalhekk fuq din l-aħħar ipoteżi.

28      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, dan il-kuntratt ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 86/653, li tapplika, skont id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “aġent kummerċjali” li tinsab fl-Artikolu 1(2) tagħha, għall-aġenti kummerċjali biss responsabbli, b’mod permanenti, jew li jinnegozjaw, jew li jinnegozjaw u jikkonkludu, il-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija. Aġent kummerċjali li l-attività tiegħu tikkonsisti, bħal ma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, fl-innegozjar u l-konklużjoni tal-bejgħ ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni ma jaqax għalhekk taħt id-definizzjoni msemmija minn dan l-Artikolu 1(2).

29      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali jkollha l-intenzjoni tikkonforma ruħha, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet purament interni, ma’ sitwazzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, sabiex tevita l-preżenza ta’ diskriminazzjoni kontra ċittadini nazzjonali jew distorsjonijiet eventwali tal-kompetizzjoni, jew ulterjorment sabiex tiżgura proċedura unika f’sitwazzjonijiet paragunabbli, jeżisti interess ċert li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni iktar ’il quddiem, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti derivanti mid-dritt tal-Unjoni jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu liema jkunu ċ-ċirkustanzi li fihom qed tintalab l-applikazzjoni tagħhom (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K., C-338/14, EU:C:2015:795, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju wriet li hija konsapevoli li l-kawża li tinsab quddiemha taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, meta rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C-3/04, EU:C:2006:176), hija indikat li l-preskrizzjonijiet tad-Direttiva 86/653 japplikaw għall-każ inkwistjoni, li jirrigwarda kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali fir-rigward ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni.

31      Kif ġie indikat fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 86/653 ġiet trasposta fid-dritt Slovakk fl-Artikoli 652 et seq tal-kodiċi tal-kummerċ. Kif osserva l-Gvern Slovakk, dawn l-artikoli ma humiex limitati għall-bejgħ jew għax-xiri ta’ merkanzija iżda jikkonċernaw ukoll il-kuntratti ta’ servizzi. Minn dan isegwi li, billi ttraspona b’dan il-mod id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fid-dritt intern, il-leġiżlatur Slovakk ried japplika trattament identiku għall-kuntratti ta’ aġenzija relatati mal-merkanzija u għal dawk relatati ma’ servizzi.

32      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

33      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi mhux biss il-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni totali tal-kuntratt bejn il-prinċipal u t-terza persuna, iżda wkoll il-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali ta’ dan il-kuntratt, bħan-nuqqas ta’ osservanza tal-volum tat-tranżazzjonijiet jew tat-tul previst mill-imsemmi kuntratt.

34      Fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li d-dritt għall-kummissjoni jista’ jintemm “biss jekk u sal-limiti” li jiġi stabbilit li l-kuntratt bejn it-terza persuna u l-prinċipal ma jkunx ser jiġi eżegwit.

35      L-użu tal-espressjoni “sal-limiti li’ jindika li, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt għall-kummissjoni jkunx intemm, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni il-proporzjon tal-parti tal-kuntratt li ma tiġix eżegwita. Għalhekk, mill-użu ta’ din il-frażi jista’ jiġi dedott li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva jinkludi kemm il-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni totali kif ukoll il-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt.

36      Madankollu, il-verżjonijiet lingwistiċi Ċeka, Latvjana u Slovakka tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 ma jinkludux termini li jistgħu jiġu tradotti b’“sal-limiti li”.

37      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C-443/14 u C-444/14, EU:C:2016:127, punt 27).

38      Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-differenza invokata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan ta’ din id-direttiva.

39      Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 86/653, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-aġent kummerċjali għandu dritt għall-kummissjoni b’mod partikolari meta t-tranżazzjoni tkun konkluża grazzi għall-intervent tiegħu. L-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva jippreċiża madankollu li l-kummissjoni ssir dovuta “malli u sal-limitu [li]” t-tranżazzjoni tkun ġiet eżegwita jew kellha tkun ġiet eżegwita. Ċertament, l-ebda konklużjoni ma tista’ tinġibed mill-użu tal-frażi “sal-limitu [li]”, peress li din il-frażi ma hijiex użata fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ din id-dispożizzjoni.

40      Madankollu, mill-qari flimkien tal-Artikoli 7(1) u 10(1) tad-Direttiva 86/653 jirriżulta li, minkejja li l-aġent kummerċjali għandu dritt għall-kummissjoni għat-tranżazzjonijiet li l-prinċipal jikkonkludi mal-klijenti li jkun ġab, dan id-dritt isir konkret biss fil-mument tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni jew fil-mument meta dawn it-tranżazzjonijiet kellhom jiġu eżegwiti. Minn dan jista’ jiġi dedott li l-kummissjoni ssir dovuta bil-mod il-mod mal-eżekuzzjoni, li, fir-rigward ta’ kuntratti b’eżekuzzjoni suċċessiva fuq żmien twil, bħall-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, titqassam fiż-żmien. Issa, għalkemm il-kummissjoni ssir dovuta biss fil-proporzjon tal-eżekuzzjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, id-dritt għall-kummissjoni jintemm jekk dawn it-tranżazzjonijiet ma jiġux eżegwiti. Għalhekk hemm lok li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll il-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna.

41      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-għan tad-Direttiva 86/653, għandu jitfakkar li kif jirriżulta mit-tieni u mit-tielet premessa li din id-direttiva għandha l-għan b’mod partikolari li tipproteġi lill-aġent kummerċjali fir-relazzjoni tiegħu mal-prinċipal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K., C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 23).

42      Madankollu, mill-Artikolu 3(1) u mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-aġent kummerċjali u l-prinċipal għandhom jaġixxu kif suppost u b’intenzjoni tajba fir-rapporti reċiproċi tagħhom. Bl-istess mod, mill-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur ried jissuġġetta l-kisba tal-kummissjoni għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u mhux għall-konklużjoni tiegħu.

43      Issa, interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653, fis-sens li jirrigwarda biss il-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni totali tal-kuntratt, tkun kontra l-għan tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ċċitati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza kif ukoll tal-imsemmija direttiva b’mod ġenerali jekk, għal kuntratti ta’ żmien twil, bħall-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-aġent jiġi ggarantit il-kummissjoni sħiħa tiegħu sa mill-bidu tal-eżekuzzjoni tagħhom, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni possibbli nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali ta’ dawn il-kuntratti.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi mhux biss għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni totali tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, iżda wkoll għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali ta’ dan il-kuntratt, bħan-nuqqas ta’ osservanza tal-volum tat-tranżazzjonijiet jew tat-tul previsti mill-imsemmi kuntratt.

 Fuq it-tieni domanda

45      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 86/653 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, li abbażi tagħha l-aġent għandu jħallas lura, bi prorata, parti mill-kummissjoni tiegħu fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, jikkostitwixxix “deroga […] għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 11(3) ta’ din id-direttiva.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 86/653 jipprojbixxi li jsir ftehim għal deroga mill-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, għad-detriment tal-aġent kummerċjali.

47      Madankollu, il-fatt li l-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali jimponi lill-aġent, ir-rimbors, bi prorata, ta’ parti mill-kummissjoni tiegħu, fil-każ fejn il-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terzi persuni jkun eżegwit parzjalment biss, ma jistax, bħala regola, jiġi kkunsidrat bħala “deroga […] għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 86/653. Għall-kuntrarju, dan l-obbligu huwa konformi għall-preskrizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) u (2) ta’ din id-direttiva.

48      Fil-fatt, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għall-kummissjoni tal-aġent kummerċjali jista’ jintemm ukoll fl-ipoteżi fejn il-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna jiġi eżegwit biss parzjalment. Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva, il-kummissjonijiet li l-aġent kummerċjali jkun diġà rċieva għandhom jitħallsu lura jekk id-dritt relatat jintemm. Minn dan isegwi li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-aġent jista’ jkollu jħallas lura l-kummissjonijiet diġà mħallsa, sa fejn il-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u l-klijent ma jkunx ġie eżegwit.

49      Għaldaqstant, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li l-obbligu ta’ ħlas lura tal-kummissjoni għandu jkun strettament proporzjonat mal-portata tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt. Obbligu ta’ ħlas lura ta’ parti mill-kummissjoni proporzjonalment ikbar minn din il-parti mhux eżegwita jikkostitwixxi, fil-fatt, deroga għad-detriment tal-aġent, ipprojbita mill-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 86/653. Min-naħa l-oħra, deroga favur l-aġent, li tikkonsisti fir-rekwiżit li titħallas lura parti mill-kummissjoni proporzjonalment iżgħar mill-parti mhux eżegwita tal-kuntratt tibqa’ possibbli.

50      Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 86/653 jirriżulta li ma tistax issir deroga, permezz ta’ kuntratt, għat-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, li permezz tagħha id-dritt għall-kummissjoni jintemm biss meta n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ma tkunx dovuta għal raġunijiet li għalihom il-prinċipal huwa ħati. Klawżola kuntrattwali li tipprovdi t-tmiem tad-dritt għall-kummissjoni f’ċirkustanzi fejn in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt hija dovuta għal raġunijiet li huwa ħati għalihom il-prinċipal hija, konsegwentement, kuntrarja għal dan l-Artikolu 11(3).

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, li abbażi tagħha l-aġent għandu jħallas lura, bi prorata, parti mill-kummissjoni tiegħu fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, ma tikkostitwixxix “deroga […] għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11(3), jekk il-parti mill-kummissjoni suġġetta għall-obbligu ta’ ħlas lura hija proporzjonata għall-parti mhux eżegwita tal-imsemmi kuntratt u bil-kundizzjoni li dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma jkunx dovut għal ċirkustanzi li huwa ħati għalihom il-prinċipal.

 Fuq it-tielet domanda

52      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “raġuni li għaliha l-prinċipal [huwa ħati]” huwa relatat biss għar-raġunijiet legali li direttament jikkawżaw it-tmiem tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna jew jekk dan il-kunċett jinkludix iċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi li l-prinċipal huwa ħati għalihom li huma l-oriġini tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jiftaħ id-dritt, skont ERGO, għall-ħlas lura tal-kummissjonijiet riċevuti minn A. Barlíková, jirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas tal-primjums relatati mal-kuntratti minn ċerti klijenti. Abbażi tad-dritt Slovakk, dan il-fatt waħdu jwassal, skont l-Artikolu 801 tal-kodiċi ċivili, għax-xoljiment ipso iure tal-kuntratti kkonċernati. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ ħlas tal-imsemmija primjums mill-klijenti kkonċernati kien immotivat minn telf ta’ fiduċja fil-prinċipal, li naqset mill-professjonalità fil-konfront tal-klijenti.

54      Il-kunċett ta’ “raġuni li għaliha l-prinċipal [huwa ħati]” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 86/653. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fil-verżjoni Franċiża, it-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) ta’ din huwa fformulat f’termini newtrali, fejn sempliċiment jinvoka l-idea li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt konkluż mat-terzi persuni ma tistax tiġi attribwita lill-prinċipal. Min-naħa l-oħra, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fil-verżjoni Slovakka, din id-dispożizzjoni tirreferi għall-idea ta’ ħtija tal-prinċipal.

55      Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, it-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għan ta’ din id-direttiva.

56      Ġie rrilevat, fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija direttiva tfittex, b’mod partikolari, li tipproteġi lill-aġent kummerċjali, u tirreferi, barra minn hekk, għar-rapporti, ibbażati fuq il-lealtà u l-intenzjoni tajba, bejn l-aġent kummerċjali u l-prinċipal. Il-kundizzjoni dwar il-fatt li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex tkun dovuta għal fatti li l-prinċipal ikun ħati għalihom tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, billi jiġi pprojbit li dan il-prinċipal jinħeles mill-obbligu tiegħu li jħallas il-kummissjoni lill-aġent meta huwa jkun l-oriġini tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni.

57      Issa, definizzjoni stretta tal-kunċett ta’ “raġuni li għaliha l-prinċipal [huwa ħati]” relatata biss mar-raġunijiet legali li jkunu direttament wasslu għat-tmiem tal-kuntratt, indipendentement mill-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jwasslu għal dan it-tmiem, ma hijiex konformi mal-imsemmija għanijiet. Fil-fatt, tali definizzjoni stretta ma tippermettix li jiġi evalwat jekk, fil-verità, il-prinċipal wasalx għat-tmiem tal-kuntratt, u lanqas jekk huwiex ħati għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. Għalhekk jeżistu sitwazzjonijiet fejn il-prinċipal jista’ jaħrab mill-ħlas tal-kummissjoni, meta dan it-tmiem ikun konsegwenza tal-aġir tiegħu.

58      Dan huwa b’mod partikolari l-każ fejn teżisti leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li n-nuqqas ta’ ħlas tal-primjums iwassal, skont l-Artikolu 801 tal-kodiċi ċivili, għat-tmiem ipso iure tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni kkonċernati. Fil-fatt, abbażi ta’ tali leġiżlazzjoni, it-tmiem tal-kuntratt huwa dovut għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali tagħhom mit-terzi persuni li jieqfu jħallsu l-primjums relatati ma’ dan il-kuntratt, mingħajr madankollu ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kawża tal-waqfien tal-ħlas.

59      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “raġuni li għaliha l-prinċipal [huwa ħati]” imsemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 ma jistax ikun relatat biss mal-kawżi legali li jkunu direttament wasslu għat-tmiem tal-kuntratt, iżda jirreferi għar-raġunijiet li jwasslu għal dan it-tmiem, li għandhom jiġu evalwati mill-qorti nazzjonali abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt hijiex dovuta għal ċirkustanzi li l-prinċipal huwa ħati għalihom.

60      Konsegwentement, f’dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi deċiż dwar it-talba għall-ħlas lura ta’ kummissjonijiet mressqa mill-ERGO u dwar it-tmiem possibbli tad-dritt għall-kummissjoni ta’ A. Barlíková, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha tal-każ, lil hinn mis-sempliċi nuqqas ta’ twettiq tal-assigurati tal-obbligu tagħhom li jħallsu l-primjums relatati mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi, sabiex jiġi stabbilit jekk in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti hijiex ħtija ta’ din il-kumpannija.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “raġuni li għaliha l-prinċipal [huwa ħati]” ma jirreferix biss għar-raġunijiet legali li jkunu direttament wasslu għat-tmiem tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, iżda jirreferi għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-prinċipal huwa ħati għalihom li jwasslu għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi mhux biss għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni totali tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, iżda wkoll għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali ta’ dan il-kuntratt, bħan-nuqqas ta’ osservanza tal-volum tat-tranżazzjonijiet jew tat-tul previsti mill-imsemmi kuntratt.

2)      L-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, li abbażi tagħha l-aġent għandu jħallas lura, bi prorata, parti mill-kummissjoni tiegħu fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, ma tikkostitwixxix “deroga […] għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11(3), jekk il-parti mill-kummissjoni suġġetta għall-obbligu ta’ ħlas lura hija proporzjonata għall-parti mhux eżegwita tal-imsemmi kuntratt u bil-kundizzjoni li dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma jkunx dovut għal ċirkustanzi li huwa ħati għalihom il-prinċipal.

3)      It-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “raġuni li għaliha l-prinċipal [huwa ħati]” ma jirreferix biss għar-raġunijiet legali li jkunu direttament wasslu għat-tmiem tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, iżda jirreferi għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-prinċipal huwa ħati għalihom li jwasslu għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.