Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Mejju 2017 minn George Haswani mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’Awla) fit-22 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-231/15, Haswani vs Il-Kunsill

(Kawża C-313/17 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: George Haswani (rappreżentant: G. Karouni, avocat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2017 (Kawża T-231/15), fil-punti 39 sa 47 tagħha, li jiddikjaraw bħala inammissibbli t-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850, tas-27 ta’ Mejju 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja 1 u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2016/840, tas-27 ta’ Mejju 2016, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja 2 , u fid-dispożittivi tagħha Nru 1, 3, 4, 5 ;

konsegwentement, tordna li isem George Haswani jitneħħa mill-annessi marbuta mal-atti msemmija iktar ’il fuq;

filwaqt li taqta’ l-kawża, tannulla d-Deċiżjoni 2015/1836 3 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni 2015/1828 4 ;

filwaqt li taqta’ l-kawża, tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas ta’ EUR 700 000 bħala kumpens għal kull tip ta’ dannu mġarrab;

tannulla d-dispożittivi 4 u 5 u l-punti 91 sa 93 tas-sentenza appellata, sa fejn jikkundannaw lil George Haswani għal żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kunsill, kif ukoll għall-ispejjeż relatati mat-talbiet tiegħu stess;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn, fil-punti 39 sa 47 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tiddikjara inammissibbli, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 86(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, it-talbiet intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni 2016/850 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni 2016/840, ippreżentati minn G. Haswani fit-tieni nota emendatorja tiegħu. Dan l-iżball ta’ liġi huwa partikolarment notevoli fil-punt 45 tas-sentenza appellata.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn, fil-punti 39 sa 47, u partikolarment fil-punt 47, tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li fil-każ ta’ omissjoni tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 86(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, hija setgħet tiċħad bħala inammissibbli t-talbiet fin-nota emendatorja, mingħajr ma teżamina jekk ir-rikorrent kienx irċieva talba għal rettifika min-naħa tar-Reġistratur.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn, fil-punti 39 sa 47, u partikolarment fil-punt 46, tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li kien hemm lok, għal G. Haswani, li jippreżenta fin-nota emendatorja tiegħu, minbarra t-talbiet emendati, preżentazzjoni ġdida tal-motivi emendati.

Ir-raba’ nett, fil-kuntest tas-setgħa mogħtija lilha li taqta’ l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata l-illegalità tad-Deċiżjoni u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-2015 (2015/1836 u 2015/1828), li permezz tagħhom huma ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lin-nisa u lill-irġiel influwenti ta’ kummerċ li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom is-Sirja.

____________

1 ĠU 2016, L 141, p. 125.

2 ĠU 2016, L 141, p. 30.

3 ĠU 2015, L 266, p. 75

4 ĠU 2015, L 266, p. 1