Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (l-Irlanda) fid-9 ta’ Marzu 2017 – David Smith vs Patrick Meade, Philip Meade, FBD Insurance plc, L-Irlanda, Attorney General

(Kawża C-122/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: David Smith

Konvenuti: Patrick Meade, Philip Meade, FBD Insurance plc, L-Irlanda, Attorney General

Domandi preliminari

Meta:

i)    id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli jipprevedu esklużjoni mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-karozzi fir-rigward tal-persuni li għalihom ma kinux ipprovduti siġġijiet fissi f’vettura motorizzata,

ii)    il-polza ta’ assigurazzjoni applikabbli tipprevedi li l-garanzija hija limitata għall-passiġġieri li jivvjaġġaw f’siġġijiet fissi u li din il-polza kienet, fil-fatt, polza ta’ assigurazzjoni approvata skont it-tifsira tad-dritt nazzjonali fil-mument tal-inċident,

iii)    id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli li jipprevedu tali esklużjoni tal-garanzija kienu diġà ġew meqjusa kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni f’deċiżjoni preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ April 2007, Farrell, C-356/2009, EU:C:2007:229) u, għaldaqstant ma għandhomx jiġu applikati, u

iv)    il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ma tippermettix interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni,

b’hekk, fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi u kumpannija ta’ assigurazzjoni privata li tikkonċerna inċident b’karozza fl-1999, li rriżulta fil-korriment serju ta’ passiġġier li ma kienx qed jivvjaġġa f’siġġu fiss, fejn, bil-kunsens tal-partijiet, il-qorti nazzjonali inkludiet lill-kumpannija ta’ assigurazzjoni privata u lill-Istat bħala konvenuti, il-qorti nazzjonali li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali għandha wkoll l-obbligu li ma tapplikax il-klawżola ta’ esklużjoni li tinsab fil-polza ta’ assigurazzjoni tal-karozza jew li b’mod ieħor tipprekludi lill-assiguratur milli jinvoka l-klawżola ta’ esklużjoni li kienet valida f’dak il-waqt, minkejja li l-persuna korruta setgħet tiġi kkumpensata direttament mill-kumpannija ta’ assigurazzjoni fuq il-bażi ta’ din il-polza? Sussidjarjament, tali riżultat jammonta, essenzjalment, għal forma ta’ effett dirett orizzontali ta’ direttiva fir-rigward ta’ individwu li huwa pprojbit mid-dritt tal-Unjoni?

____________