Language of document : ECLI:EU:C:2007:809

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 96/71/KE – Kollokament ta’ ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa l-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjieg li jikkonċernaw is-suġġetti msemmija fis-subparagrafi (a) sa (g) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1), bl-eċċezzjoni tar-rati ta’ paga minima – Ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni li l-klawżoli tiegħu jiffissaw kundizzjonijiet iktar favorevoli jew li huma relatati ma’ suġġetti oħra – Possibbiltà għall-organizzazzjonijiet sindakali li jippruvaw iġiegħlu, permezz ta’ azzjonijiet kollettivi lil impriżi fi Stati Membri oħra, jinnegozjaw każ b’każ sabiex jiddeterminaw ir-rati ta’ paga minima li għandhom jitħallsu lill-ħaddiema u sabiex jaderixxu ma’ ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni”

Fil-kawża C‑341/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Arbetsdomstolen (l-Iżvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-19 ta’ Settembru 2005, fil-proċedura

Laval un Partneri Ltd

vs

Svenska Byggnadsarbetareförbundet,

Svenska Byggnadsarbetareförbundets avdelning 1, Byggettan,

Svenska Elektrikerförbundet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, A. Rosas, K. Lenaerts, U. Lõhmus (Relatur) u L. Bay Larsen, Presidenti ta’ Awla, R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Kūris, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Jannar 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Laval un Partneri Ltd, minn A. Elmér u M. Agell, advokater,

–        għal Svenska Byggnadsarbetareförbundet, Svenska Byggnadsarbetareförbundets avd. 1, Byggettan u Svenska Elektrikerförbundet, minn D. Holke, konsulent ġuridiku, kif ukoll minn P. Kindblom u U. Öberg, advokater,

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Wimmer u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Molde u J. Bering Liisberg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u O. Christmann, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan u C. Loughlin, bħala aġenti, assistiti minn B. O’Moore, SC u N. Travers, BL,

–        għall-Gvern Latvjan, minn E. Balode-Buraka u K. Bārdiņa, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u G. Hesse, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn J. Pietras, u M. Korolec, kif ukoll minn M. Szymańska, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin u J. Himmanen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill u D. Anderson, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Iżlandiż, minn F. Birgisson, bħala aġent,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn K. Waage u E. Jarbo, kif ukoll minn F. Sejersted, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Enegren, E. Traversa u K. Simonsson, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, minn A. T. Andersen, N. Fenger u B. Alterskjær, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Mejju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tiirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 12 KE u 49 KE kif ukoll tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi (ĠU L 18, 1997, p. 1).

2        Din id-domanda tressqet fil-kuntest ta’ kontroversja bejn Laval un Partneri Ltd (iktar ’il quddiem “Laval”), kumpannija rreġistrata fil-Latvija bl-uffiċċju prinċipali tagħha f’Riga (il-Latvja), u l-iSvenska Byggnadsarbetareförbundet (sindakat Żvediż tal-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni u tax-xogħlijiet pubbliċi, iktar ’il quddiem “Byggnads”), l-iSvenska Byggnadsarbetareförbundet avdelning 1, Byggettan (sezzjoni sindakali nru 1 ta’ l-imsemmi sindakat, iktar ’il quddiem “Byggettan”) kif ukoll l-iSvenska Elektrikerförbundet (sindakat Żvediż tal-ħaddiema elettriċisti, iktar ’il quddiem “Elektrikerna”) fir-rigward ta’ proċediment li nbeda’ minn din il-kumpannija sabiex tikseb, fl-ewwel lok, dikjarazzjoni ta’ illegalità kemm ta’ l-azzjoni kollettiva ta’ Byggnads u ta’ Byggettan li jolqtu s-siti ta’ kostruzzjoni li taħdem fuqhom l-imsemmija kumpannija kif ukoll ta’ l-azzjoni ta’ solidarjetà ta’ Elektrikerna li tikkonsisti fil-waqfien tax-xogħlijiet kollha ta’ l-elettriku li kienu qed isiru u, fit-tieni lok, li jiġi ordnat li jintemmu dawn l-azzjonijiet u, fit-tielet lok, li l-imsemmija organizzazzjonijiet sindakali jiġu kkundannati għall-ħlas tad-dannu subit minnha.

 Il-kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Is-sitta, it-tlettax, is-sbatax u t-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 96/71 jgħidu:

“Billi t-transnazzjonalizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ l-impjieg tista’ taqla’ problemi dwar il-leġislazzjoni applikabbli għar-relazzjoni ta’ l-impjieg; billi huwa fl-interess tal-partijiet li jistabilixxu l-klawżoli u l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjoni ta’ l-impjieg maħsuba;

Billi l-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu koordinati sabiex jistabbilixxu nukleu ta’ regoli obbligatorji għall-protezzjoni minima li jkunu osservati, fil-pajjiz li jilqa’ [ospitanti], għandu minn min jħaddem li jibgħat ħaddiema biex jagħmlu xogħol temporanju fit territorju ta’ Stat Membru fejn is-servizzi huma pprovduti; billi din il-koordinazzjoni tista’ tintlaħaq biss permezz tal-liġi Komunitarja;

Billi r-regoli obbligatorji għall-protezzjoni minima fis-seħħ fil-pajjiz li jilqa’ [ospitanti] m’għandhomx jimpedixxu l-applikazzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet ta’ impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema;

Billi din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi ta’ l-Istati Membri dwar azzjoni kollettiva biex tiddefendi l-interessi ta’ snajja’ u professjonijiet”.

4        Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71:

“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

[…]

3. Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

(a)      […]

jew

(b)      jibgħat ħaddiema fi stabbiliment jew f'impriża fil-proprjetà ta’ grupp fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel il-kollokament u l-ħaddiema tul il-perjodu tal-kollokament;

[…]”

5        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“It-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru l-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

-      skond liġi, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi;

u/jew

-      bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness:

(a)      il-perjodi massimi ta’ xogħol u l-perjodi minimi ta’ mistrieħ;

(b)      it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa;

(ċ)      ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mix-xogħol;

(d)      il-kundizzjonijiet ta’ prestazzjoni ta’ ħaddiema, b’mod partikolari l-fornitura ta’ ħaddiema minn impriżi ta’ impjieg temporanju;

(e)      is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol;

(f)      miżuri protettivi dwar termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ nisa tqal jew nisa li għadhom kif weldu reċentement, ta’ tfal u ta’ żgħażagħ;

(g)      it-trattament ugwali bejn irġiel u nisa u dispożizzjonijiet oħra dwar non-diskriminazzjoni.

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) huwa definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem huwa mibgħut.

[…]

7. Il-Paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx iżommu l-applikazzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet ta’ impjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

Il-ħlas addizzjonali minħabba l-kollokament għandu jingħadd bħala parti mis-salarju minimu, barra minn dak li jitħallas bħala rimbors ta’ spejjeż minħabba l-kollokament, bħalma huma l-ispejjeż tal-vjaġġ, ta’ l-alloġġ jew ta’ l-ikel.

8. ‛Ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ iddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali’ ifisser ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ li għandhom ikunu osservati mill-impriżi kollha fis-settur u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernata.

Fl-assenza ta’ sistema biex tiddikjara ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ bħala ta’ applikazjoni universali fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw irwieħhom fuq:

-      ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitragg li huma ġeneralment applikabbli għall-impriżi simili kollha fil-qasam ġeografiku u fil-professjoni jew fl-industrija ikkonċernata,

u/jew

-      ftehim kollettiv li kienu konklużi mill-organizzazzjonijiet l-iktar rappreżentattivi ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fuq pjan nazzjonali u li huma applikati fuq it-territorju nazzjonali kollu,

sakemm l-applikazzjoni tagħhom għall-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) tiżgura ugwaljanza ta’ trattament dwar kwistjonijiet elenkati fl-ewwl subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bejn dawk l-impriżi u l-impriżi l-oħra msemmija f’dan is-subparagrafu li huma f’pożizzjoni simili.

L-ugwaljanza ta’ trattament, fis-sens ta’ dan l- Artikolu, għandha titqies li teżisti meta impriżi nazzjonali f’pożizzjoni simili:

-      huma suġġetti, fil-post inkwistjoni jew fis-settur ikkonċernat, għall-istess obbligi bħala impriżi ta’ kollokament dwar il-materji indikati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1,

u

-      huma meħtieġa jissodisfaw dawn l-obbligi bl-istess effetti.

[…]

10.      Din id-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni mill-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat, għall-impriżi nazzjonali u għall-impriżi ta’ Stati oħra, fuq bażi ta’ ugwaljanza ta’ trattament ta’ :

-      it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg dwar kwistjonijiet barra dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 sa fejn għandhom x’jaqsmu dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku,

-      it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg imniżżla fil-ftehim kolletiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ fis-sens tal-paragrafu 8 u dwar attivitajiet barra dawk imsemmija fl-Anness.”

6        Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71:

“Il-kooperazzjoni dwar l-informazzjoni

1.      Għall-iskopijiet ta’ implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, jinnominaw uffiċċju wieħed jew aktar jew korp nazzjonali wieħed jew aktar li jagħmlu liaison.

2.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjoni għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi li, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma responsabbli għall-monituraġġ tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg imsemmija fl-Artikolu 3. Kooperazzjoni simili għandha b’mod partikulari tikkonsisti fi tweġiba għal talbiet raġjonevoli minn dawk l-awtoritajiet għal informazzjoni dwar il-prestazzjoni transnazzjonali ta’ ħaddiema, inklużi abbużi manifesti jew każijiet possibbli ta’ attivitajiet transnazzjonali illegali.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet pubbliċi imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jeżaminaw kull diffikultà li tista’ tinqala’ fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(10).

L-assistenza amministrattiva reċiproka għandha tingħata bla ħlas.

3.      Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri xierqa biex jagħmel l-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg msemmija fl-Artikolu 3 ġeneralment disponibbli.

4.      Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni ta’ l-uffiċji ta’ liaison [kollegament] u/jew korpi kompetenti imsemmija fil-paragrafu 1.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 It-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/71

7        Jirriżulta mill-inkartament li r-Renju ta’ l-Iżvezja m’għandux sistema ta’ dikjarazzjoni ta’ l-applikazzjoni ġenerali tal-ftehim kollettivi u li, bil-għan li ma tinħoloqx sitwazzjoni diskriminatorja, il-liġi ma timponix fuq l-impriżi barranin li japplikaw il-ftehim kollettivi Żvediżi, minħabba li min iħaddem fl-Iżvezja mhuwiex marbut minn ftehim kollettiv.

8        Id-Direttiva 96/71 ġiet trasposta fid-dritt Żvediż permezz tal-liġi (1999:678) fuq il-kollokament tal-ħaddiema [lag (1999:678) om utstationering av arbetsagare], tad-9 ta’ Diċembru 1999 (iktar ’il quddiem il-“liġi fuq il-kollokament tal-ħaddiema”). Jirriżulta mid-dokumenti proċedurali li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg applikabbli għall-ħaddiema kkollokati li jikkonċernaw is-suġġetti msemmija fis-subparagrafi (a) u (b) u (d) sa (g) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 huma ffissati mid-dispożizzjonijet leġiżlattivi skond l-ewwel inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ din ta’ l-aħħar. Il-leġiżlazzjoni Żvediża madankollu ma tipprovdi l-ebda paga minima, liema suġġett jissemma fis-subparagrafu (ċ) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ l-imsemmija direttiva.

9         Jirriżulta mid-dokumenti ta’ l-inkartament li l-uffiċċju ta’ kollegament (Arbetsmiljöverket, iktar ’il quddiem l-“uffiċċju ta’ kollegament”), maħluq skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 96/71 (Arbetsmiljöverket) huwa b’mod partikolari inkarigat li jindika lill-persuni interessati l-eżistenza ta’ ftehim kollettivi li jistgħu jkunu applikabbli fil-każ ta’ kollokament ta’ ħaddiema fl-Iżvezja u tistieden lil kull min huwa interessat jikkonsulta mal-partijiet tal-ftehim kollettiv ikkonċernat sabiex jikseb informazzjoni iktar dettaljata.

 Id-dritt li jsiru azzjonijiet kollettivi

10      Il-Kapitolu 2 tal-Kostituzzjoni Żvediża (Regeringsformen) jelenka l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini. Skond l-Artikolu 17 tagħha, l-assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema, kif ukoll min iħaddem u l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem għandhom id-dritt li jniedu azzjonijiet kollettivi, sakemm ma jmorrux kontra dispożizzjonijiet li tipprovdi liġi jew ftehim.

11      Il-liġi (1976:580) fuq il-parteċipazzjoni ta’ l-impjegati għad-deċiżjonijiet mifthema [lag (1976:580) om medbestämmande i arbetslivet], ta’ l-10 ta’ Ġunju 1976 (iktar ’il quddiem l-“MBL”) tipprovdi r-regoli applikabbli fil-qasam tad-dritt ta’ l-assoċjazzjoni u ta’ nnegozjar, ta’ ftehim kollettivi, ta’ medjazzjoni tal-kunflitti kollettivi fuq ix-xogħol u ta’ l-obbligu ta’ paċi soċjali, u tinkludi dispożizzjonijiet li jillimitaw id-dritt ta’ l-organizzazzjonijiet sindakali li jniedu azzjonijiet kollettivi.

12      Jirriżulta mill-Artikolu 41 ta’ l-MBL li t-tregwa soċjali obbligatorja tistabbilixxi ruħha bejn l-imsieħba marbuta minn ftehim kollettiv u huwa b’mod partikolari pprojbit li jitnedew azzjonijiet kollettivi biex jiġi emendat il-ftehim. Jekk azzjoni kollettiva tkun illegali, l-azzjonijiet ta’ solidarjetà lanqas ma jkunu awtorizzati. Azzjonijiet kollettivi huma madankollu awtorizzati jekk l-imsieħba soċjali ma jkunux ikkonkludew ftehim kollettiv bejniethom.

13      L-Artikolu 42 ta’ l-MBL jipprovdi li:

“L-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem jew tal-ħaddiema m’għandhomx id-dritt jorganizzaw jew iħeġġu b’kull mezz ieħor, azzjoni kollettiva illegali. Lanqas m’għandhom id-dritt jipparteċipaw f’azzjoni kollettiva illegali, bis-sostenn tagħhom jew mod ieħor. Organizzazzjoni li tkun innifisha marbuta minn ftehim kollettiv għandha wkoll l-obbligu, fil-każ fejn il-membri tagħha jlestu rwieħhom sabiex imexxu jew qed imexxu azzjoni kollettiva illegali, li tieħu miżuri intiżi sabiex tipprekludi din l-azzjoni jew li taġixxi għall-waqfien tagħha.

Fil-każ fejn persuni tniedi azzjoni kollettiva illegali, kull persuna oħra hija pprojbita milli tieħu sehem f’din l-azzjoni.

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel żewġ sentenzi ta’ l-ewwel paragrafu japplikaw biss jekk assoċjazzjoni tniedi azzjonijiet kollettivi minħabba relazzjonijiet tax-xogħol li jaqgħu direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi.”

14      Skond l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza fuq l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 42 tal-MBL, huwa pprojbit li ssir azzjoni kollettiva sabiex jitħassar jew jiġi emendat ftehim kollettiv konkluż minn terzi persuni. F’sentenza msejħa “Britannia” (1989, Nru 120), l-Arbetsdomstolen iddeċidiet li din il-projbizzjoni testendi għall-azzjonijiet kollettivi mnedija fl-Iżvezja sabiex jiġi mħassar jew emendat ftehim kollettiv konkluż bejn partijiet barranin, fuq post tax-xogħol li jinsab barra, jekk din l-azzjoni kollettiva hija pprojbita mid-dritt barrani applikabbli għall-partijiet firmatarji ta’ dan il-ftehim kollettiv.

15      Permezz tal-liġi msejħa “lex Britannia”, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1991, il-leġiżlatur ried inaqqas il-portata tal-prinċipju stabbilit mis-sentenza Britannia. Il-lex Britania tinkludi tliet dispożizzjonijiet inklużi fil-MBL, jiġifieri l-Artikoli 25a, 31a, u t-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 42 ta’ din ta’ l-aħħar.

16      Jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju li, sa minn meta ġiet introdotta t-tielet sentenza fl-Artikolu 42 ta’ l-MBL, l-azzjonijiet kollettivi mmexxija kontra min iħaddem li hu barrani li jeżerċita b’mod temporanju negozju fl-Iżvezja mhumiex iktar ipprojbiti jekk evalwazzjoni sħiħa tas-sitwazzjoni turi li l-konnessjoni ma’ dan l-Istat Membru hija wisq b’saħħitha biex l-MBL titqies li hija direttament applikabbli għall-kundizzjonijiet tax-xogħol in kwistjoni.

 Il-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni

17      Byggnads hija organizzazzjoni sindakali li tiġbor fi ħdanha, fl-Iżvezja, il-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni. Jirriżulta mill-osservazzjonijet ippreżentati mingħandha li, fl-2006, hija kienet komposta minn 31 sezzjoni lokali, fosthom Byggettan, li kellha 128 000 membru, li minnhom 95 000 kienu f’età għadha attiva, u li kienet tiġbor fi ħdanha, b’mod partikolari, ħaddiema fis-setturi ta’ l-injam u tal-konkrit, bennejja, ħaddiema li jwaħħlu l-parquet, ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni u tat-toroq, kif ukoll ħaddiema li jinstallaw l-aċċessorji idrawliċi. Madwar 87 % tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni kienu jagħmlu parti minn din l-organizzazzjoni.

18      Ftehim kollettiv ġie konkluż bejn, minn naħa, Byggnads, fil-kapaċità tagħha ta’ organizzazzjoni ċentrali li tirrappreżenta l-ħaddiema fil-kostruzzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-iSveriges Byggindustrier (organizzazzjoni ċentrali ta’ min iħaddem fis-settur tal-kostruzzjoni) (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni”).

19      Il-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni jinkludi regoli speċifiċi relatati mal-ħin tax-xogħol u mal-leave annwali, suġġetti li dwaru l-ftehim kollettivi jistgħu jeskludu l-liġi. Barra minn hekk, l-imsemmi ftehim jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-qagħad temporanju u ż-żmien ta’ stennija għal xogħol ġdid, dwar il-ħlas lura ta’ l-ispejjeż ta’ trasferiment minn post għal ieħor u l-ispejjeż professjonali, dwar il-protezzjoni kontra t-tkeċċija, għal leave relatat ma’ taħriġ kif ukoll it-taħriġ professjonali.

20      L-adeżjoni għall-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni tfisser ukoll li l-impriżi kkonċernati jaċċettaw numru ta’ obbligi ta’ natura pekunjarja. B’hekk, dawn l-impriżi għandhom iħallsu lil Byggettan ammont daqs 1,5 % tal-paga bħala kontroll eżerċitat minn din is-sezzjoni sindakali fuq ir-remunerazzjonijiet, u lill-kumpannija ta’ l-assigurazzjonijiet FORA ammonti li jirrappreżentaw, minn naħa, 0,8 % tal-paga bħala ħlas imsejjaħ “ħlasijiet addizzjonali” jew “ħlas speċjali tal-kostruzzjoni” u, min-naħa l-oħra, 5,9 % ta’ din il-paga bħala numru ta’ premji ta’ assigurazzjoni.

21      Il-ħlas imsejjaħ “ħlasijiet addizzjonali jew “ħlas speċjali tal-kostruzzjoni” huwa intiż sabiex jiffinanzja kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ grupp fuq il-ħajja, ta’ previdenza u ta’ assigurazzjoni li tkopri l-inċidenti li jsiru barra mill-ħin tax-xogħol, il-fondi ta’ riċerka ta’ l-impriżi Żvediżi tal-kostruzzjoni (Svenska Byggbranschens Utvecklingsfond), l-organizzazzjoni Galaxen, amministrata min min iħaddem u li għandha bħala għan l-adattazzjoni tal-postijiet tax-xogħol għall-persuni b’mobbiltà ridotta u l-edukazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-persuni, il-promozzjoni ta’ l-iżvilupp u tat-taħriġ fis-snajja tal-kostruzzjoni kif ukoll spejjeż ta’ amministrazzjoni u ta’ tmexxija.

22      Il-kuntratti differenti proposti minn FORA jiggarantixxu lill-ħaddiema assigurazzjoni addizzjonali għall-irtirar kif ukoll il-ħlas ta’ assistenza fil-każ ta’ mard, assistenza għall-qagħad, kumpens fil-każ ta’ inċident fuq ix-xogħol u għajnuna finanzjarja lis-sopravvissuti fil-każ ta’ mewt tal-ħaddiem.

23      Fil-każ ta’ adeżjoni għall-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni, min iħaddem, inklużi dawk li li jimpjegaw ħaddiema fl-Iżvezja, huwa, bħala prinċipju, marbut mill-klawżoli kollha ta’ dan il-ftehim, fejn ċertu regoli huma madankollu applikabbli każ b’każ, skond il-funzjoni, essenzjalment, tan-natura tas-sit tal-kostruzzjoni u l-metodu li bih iseħħu x-xogħlijiet.

 Id-determinazzjoni tal-pagi

24      Jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Żvediż li, fl-Iżvezja, id-determinazzjoni tal-pagi tal-ħaddiema impjegati hija kollha kemm hi fdata f’idejn l-imsieħba soċjali permezz tan-negozjar kollettiv. B’mod ġenerali, il-ftehim kollettivi ma jikkomportawx dispożizzjonijiet li jipprovdu paga minima bħala tali. L-iktar paga baxxa li tinsab fil-ħafna ftehim kollettivi tikkomporta l-pagi mingħajr kwalifika u mingħajr esperjenza professjonali, li jimplika li, bħala regola ġenerali, dan jikkonċerna biss numru żgħir ħafna ta’ persuni. Fir-rigward ta’ l-impjegati l-oħra, il-paga tagħhom hija ddeterminata fil-kuntest ta’ negozjati mmexxija fil-post tax-xogħol, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwalifiki ta’ l-impjegat u mal-funzjonijiet li huwa jeżerċita.

25      Skond l-osservazzjonijiet imressqa f’din il-kawża mit-tliet organizzazzjonijiet sindakali konvenuti fil-kawża prinċipali, fil-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni, l-inċentivi jikkorrispondu mal-forma ta’ remunerazzjoni normali fis-settur tal-kostruzzjoni. Is-sistema tal-pagi bl-inċentivi jimplika li ftehim ġodda dwar il-pagi jiġu konklużi għal kull proġett ta’ kostruzzjoni. Min iħaddem u s-sezzjoni lokali ta’ l-organizzazzjoni sindakali jistgħu madankollu jiftehmu dwar l-applikazzjoni ta’ paga skond is-sigħat fir-rigward ta’ sit ta’ kostruzzjoni partikolari. L-ebda sistema ta’ paga mensili ma tapplika għal dan it-tip ta’ ħaddiema kkonċernati mill-kawża prinċipali.

26      Fil-fehma ta’ dawn l-istess organizzazzjonijiet sindakali, in-negozjati dwar il-pagi jiżvolġu fil-kuntest ta’ tregwa soċjali obbligatorja wara l-konklużjoni ta’ ftehim kollettiv. Il-ftehim fuq il-pagi jiġi konkluż, bħala prinċipju, fuq livell lokali bejn is-sindakat u min iħaddem. Jekk l-imsieħba soċjali ma jaslux għal ftehim fuq dan il-livell, in-negozjati dwar il-pagi jkunu suġġetti għal negozjati ċentralizzati li fihom Byggnads tkun il-parti prinċipali li tirrappreżenta l-impjegati. Jekk l-imsieħba soċjali lanqas ma jaslu għal ftehim fil-kuntest ta’ dawn l-aħħar negozjati, il-paga bażika tiġi ddeterminata skond il-“klawżola ta’ ripjieg”. Skond l-imsemmija organizzazzjonijiet sindakali, il-paga “ta’ ripjieg”, li fil-fatt tirrappreżenta sempliċement mekkaniżmu ta’ negozjar ta’ l-aħħar mument u li ma tikkostitwix paga minima, kienet tammonta għat-tieni parti tas-sena 2004 għal SEK 109 (madwar EUR 12) fis-siegħa.

 Il-kawża prinċipali

27      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li Laval hija kumpannija rreġistrata fil-Latvja bl-uffiċċju prinċipali tagħha f’Riga. Bejn ix-xahar ta’ Mejju u x-xahar ta’ Diċembru 2004, hija impjegat fl-Iżvezja madwar 35 ħaddiema biex iwettqu xogħol f’siti ta’ kostruzzjoni f’idejn L&P Baltic Bygg AB (iktar ’il quddiem “Baltic”), kumpannija rreġistrata fl-Iżvezja li minnha Laval kellha 100 % tal-kapital sa l-aħħar tas-sena 2003, b’mod partikolari għall-kostruzzjoni ta’ bini ta’ skola f’Vaxholm.

28      Laval, li, fl-14 ta’ Settembru u fl-20 ta’ Ottubru 2004, iffirmat, fil-Latvja, ftehim kollettivi mas-sindakat Latvjan tal-ħaddiema fil-kostruzzjoni, ma kienet marbuta bl-ebda ftehim kollettiv konkluż ma’ Byggnads, Byggettan jew Elektrikerna, li ma kellhom lil ħadd mill-membri tagħhom fost il-persunal ta’ Laval. Madwar 65 % ta’ l-impjegati Latvjani kkonċernati kienu membri tas-sindakat tal-ħaddiema fil-kostruzzjoni fl-Istat ta’ oriġini tagħhom.

29      Jirriżulta mid-dokumenti ta’ l-inkartament li, matul ix-xahar ta’ Ġunju 2004, ġew stabbiliti relazzjonijiet bejn Byggettan, minn naħa, kif ukoll Baltic u Laval, min-naħa l-oħra, u li nbdew negozjati sabiex Laval taderixxi mal-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni. Laval talbet li l-pagi u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol jiġu ddefiniti parallelament ma’ dawn in-negozjati, sabiex il-livell tal-pagi kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu diġà ffissati fil-mument ta’ l-adeżjoni għal dan il-ftehim. Byggettan aċċettat din it-talba, minkejja li, b’mod ġenerali, in-negozjar ta’ ftehim kollettiv għandu jasal fi tmiemu sabiex, wara, isseħħ diskussjoni fuq il-pagi u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol fil-kuntest tat-tregwa soċjali obbligatorja. Byggettan irrifjutat sistema ta’ paga mensili, iżda aċċettat il-proposta ta’ Laval ibbażata fuq il-prinċipju ta’ paga marbuta mas-sigħat tax-xogħol.

30      Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, matul in-negozjati tal-15 ta’ Settembru 2004, Byggettan kienet teżiġi li Laval, minn naħa, taderixxi mal-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni għas-sit ta’ kostruzzjoni ta’ Vaxholm u, min-naħa l-oħra, tiggarantixxi li l-ħaddiema impjegati jirċievu paga ta’ 145 SEK fis-siegħa (madwar EUR 16). Din il-paga mogħtija skond is-siegħat kienet tibbaża ruħha fuq statistika fuq il-pagi fir-reġjun ta’ Stokkolma (l-Iżvezja) fuq l-ewwel tliet xhur tas-sena 2004 u tikkonċerna ħaddiema fis-setturi tal-konkrit u ta’ l-injam li għandhom kwalifika professjonali. Byggettan iddikjarat li kienet lesta tibda’ azzjoni kollettiva fin-nuqqas ta’ ftehim f’dan is-sens.

31      Skond id-dokumenti li jinsabu fl-inkartament, Laval iddikjarat, matul il-proċediment quddiem l-Arbetsdomstolen li hija kienet tħallas lill-ħaddiema tagħha paga mensili ta’ SEK 13 600 (madwar EUR 1 500), li jingħaddu ma’ benefiċċji fir-rigward ta’ ikliet, ta’ alloġġ u ta’ vvjaġġar li jammontaw għal SEK 6 000 (madwar EUR 660) fix-xahar.

32      Fil-każ ta’ l-adeżjoni għall-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni, Laval kienet marbuta, bħala prinċipju, mill-klawżoli kollha tiegħu, inklużi dawk relatati ma’ l-obbligi pekunjarji fir-rigward ta’ Byggettan u ta’ FORA, elenkati fil-punt 22 ta’ din is-sentenza. Is-sottoskrizzjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni mingħand FORA ġiet proposta lil Laval permezz ta’ formola ta’ dikjarazzjoni li ntbagħtet lilha matul ix-xahar ta’ Diċembru 2004.

33      Peress li l-imsemmija negozjati ma waslux għal ftehim, Byggettan talbet lil Byggnads tadotta miżuri intiżi li tiġi implementata kontra Laval l-azzjoni kollettiva mħabbra fin-negozjati tal-15 ta’ Settemberu 2004. Avviż bil-quddiem ġie ddepożitat fix-xahar ta’ Ottubru ta’ l-2004.

34      Inbeda imblokk tas-sit ta’ kotruzzjoni ta’ Vaxholm fit-2 ta’ Novembru ta’ wara. Dan l-imblokk kien jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jimpedixxi l-provvista ta’ merkanizja fuq is-sit, li jiġu mwaqqfa l-pikketti ta’ l-istrajk u jipprojbixxu lill-ħaddiema Latvjani kif ukoll il-vetturi milli jidħlu fis-sit ta’ kostruzzjoni. Laval talbet l-għajnuna tal-forzi tal-pulizija, li informawhom li, peress li l-azzjoni kollettiva kienet legali skond id-dritt nazzjonali, ma kienx permess li huma jintervjenu u lanqas li jneħħu ostakoli fiżiċi li jostakolaw l-aċċess għas-sit ta’ kostruzzjoni.

35      Fl-aħħar tax-xahar ta’ Novembru 2004, Laval talbet l-għajnuna ta’ l-uffiċċju ta’ kollegament imsemmi fil-punt 9 ta’ din is-sentenza sabiex jingħatawlha indikazzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg li hija kellha tapplika fl-Iżvezja, l-eżistenza jew le ta’ paga minima u n-natura tal-kontribuzzjonijiet li hija kellha toħroġ. Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Diċembru 2004, id-Direttur ta’ l-Affarijiet Legali ta’ din l-organizzazzjoni informaha li hija kellha tapplika d-dispożizzjonijiet li għalihom tirreferi l-liġi fuq l-impjieg ta’ ħaddiema, li huma l-imsieħba soċjali li għandhom jiftehmu fuq il-kwistjonijiet tal-pagi, li l-kundizzjonijiet minimi previsti mill-ftehim kollettivi kienu applikabbli wkoll għall-ħaddiema barranin impjegati, u li, jekk min iħaddem barrani kellu japplika żewġ tipi ta’ kontribuzzjonijiet, il-każ seta jispiċċa quddiem il-qrati. Sabiex taċċerta d-dispożizzjonijiet applikabbli tal-ftehim, Laval kellha tistaqsi l-imsieħba soċjali tal-qasam ta’ attività kkonċernata.

36      Matul il-laqgħa ta’ medjazzjoni li saret fl-1 ta’ Diċembru 2004 u s-seduta ta’ konċiljazzjoni li saret quddiem l-Arbetsdomstolen fl-20 ta’ l-istess xahar, Laval ġiet mistiedna minn Byggettan taderixxi mal-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni qabel ma tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-pagi. Li kieku Laval aċċettat din il-proposta, l-azzjoni kollettiva kienet tieqaf immedjatament u t-tregwa soċjali, li kienet tippermetti li jinbdew negozjati fuq il-pagi, kienet tidħol fis-seħħ. Madankollu Laval irrifjutat li taderixxi ma’ l-imsemmi ftehim in kwantu ma kienx possibbli għaliha li ssir taf, minn qabel, l-obbligi li jiġu imposti fuqha fir-rigward tal-pagi.

37      F’Diċembru 2004, l-azzjonijiet kollettivi diretti kontra Laval żdiedu. Fit-3 ta’ Diċembru 2004, Elektrikerna bdiet azzjoni ta’ solidarjetà. Din il-mizura kellha bħala effett il-preklużjoni ta’ l-impriżi Żvediżi li jappartjenu għall-organizzazzjoni ta’ min iħaddem ta’ l-installaturi ta’ l-elettriku milli jipprovdu servizzi lil Laval. Fil-Milied, il-ħaddiema impjegati minn Laval daħlu lura l-Latvja u ma reġgħux lura fis-sit ta’ kostruzzjoni in kwistjoni.

38      F’Jannar 2005, organizzazzjonijiet sindakali oħra ħabbru azzjonijiet ta’ solidarjetà li jikkonsistu f’bojkott tas-siti ta’ kostruzzjoni kollha fl-Iżvezja li fihom kienet topera Laval, minkejja li din l-impriża ma kinitx iktar fil-pożizzjoni li teżerċità l-attivitajiet tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Fi Frar 2005, il-belt ta’ Vaxholm talbet li jiġi rexiss il-kuntratt li kien jorbotha ma’ Baltic u, fl-24 ta’ Marzu 2005, din ta’ l-aħħar ġiet iddikjarata insolventi.

 Id-domandi preliminari

39      Fis-7 ta’ Diċembru 2004, Laval ressqet rikors kontra Byggnads, Byggettan u Elektrikerna quddiem l-Arbetsdomstolen, sabiex kemm l-imblokk kif ukoll l-azzjoni ta’ solidarjetà li laqtu s-siti ta’ kostruzzjoni kollha tagħha jiġu ddikjarati illegali u jiġi ordnat li jintemmu. Hija talbet ukoll il-kundanna ta’ dawn l-organizazzjonijiet sindakali għall-ħlas tad-dannu subit. B’deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2004, il-qorti tar-rinviju ċaħdet it-talba għal proċedura sommarja ta’ Laval intiża sabiex jintemmu dawn l-azzjonijiet kollettivi.

40      Meta ġiet mistoqsija dwar jekk l-Artikoli 12 KE u 49 KE, kif ukoll id-Direttiva 96/71, imorrux kontra li organizzazzjonijiet sindakali jippruvaw, permezz ta’ azzjoni kollettiva, iġiegħlu impriża barranija li timpjega ħaddiema fl-Iżvezja tapplika ftehim kollettiv Żvediż, l-Arbetsdomstolen iddeċidiet, fid-29 ta’ April 2005, li tissospendi l-kawża quddiemha u li tirreferi talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, adottata minn din il-qorti fil-15 ta’ Settembru 2005, din il-qorti tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-fatt li organizzazzjonijiet sindakali jippruvaw, permezz ta’ azzjoni kollettiva fil-forma ta’ imblokk, iġiegħlu fornitur ta’ servizzi barrani jaderixxi ma’ ftehim kollettiv fl-Istat ospitanti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjieg, bħall-[ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni], huwa kompatibbli mar-regoli tat-Trattat KE fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fuq il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, kif ukoll mad-Direttiva 96/71 [...], jekk is-sitwazzjoni fl-Istat ospitanti tkun tali li l-leġiżlazzjoni li tittrasponi l-imsemmija Direttiva ma jkun fiha l-ebda dispożizzjoni espliċita fuq l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjieg fil-ftehim kollettivi?

2)      L-[MBL] tipprojbixxi lil organizzazjoni sindakali milli tniedi azzjoni kollettiva intiża għall-annullament ta’ ftehim kollettiv konkluż bejn imsieħba soċjali oħrajn. Madankollu din il-projbizzjoni hija valida biss, skond dispożizzjoni speċjali li tikkostitwixxi parti mil-liġi msejħa lex Britannia, jekk organizzazzjoni sindakali tniedi azzjoni kollettiva minħabba kundizzjonijiet tax-xogħol li jaqgħu direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-[MBL] u dan fil-prattika jfisser li din il-projbizzjoni ma tapplikax għal azzjonijiet kollettivi kontra kumpanniji barranin li b’mod temporanju jwettqu attivitajiet fl-Iżvezja bil-persunal tagħhom stess. Għandhom ir-regoli tat-Trattat KE li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, kif ukoll id-Direttiva 96/71, jiġu kkunsidrati bħala li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar regola – li, flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-lex Brittania, jipproduċu l-effett li, fil-prattika, il-ftehim kollettivi Żvediżi jsiru applikabbli u prevalenti fuq ftehim kollettivi barranin diġà konklużi – kontra azzjoni kollettiva fil-forma ta’ imblokk effettwat minn organizzazzjonijiet sindakali Żvediżi kontra fornitur ta’ servizzi li jirrisjedi temporanjament fl-Iżvezja?”

41      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2005, it-talba tal-qorti tar-rinviju, tal-15 ta’ Settembru 2005, sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa taħt l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura ġiet miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà

42      Byggnads, Byggettan u Elektrikerna jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

43      Fl-ewwel lok, huma jinvokaw nuqqas ta’ konnessjoni bejn id-domandi magħmula u ċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u d-Direttiva 96/71, meta Laval tkun stabbilita fl-Iżvezja, skond l-Artikolu 43 KE, permezz ta’ Baltic, is-sussidjarja tagħha, li sa l-aħħar ta’ l-2003 hija kienet tippossjedi 100 % tal-kapital tagħha. Peress li l-kapital tal-kumpannija ta’ Laval u dak ta’ Baltic jaqa’ taħt l-istess persuni, li dawn il-kumpanniji kellhom l-istess rappreżentati u li huma kienu jużaw l-istess trade mark, dawn għandhom jitqiesu li huma entità ekonomika waħda taħt l-aspett tad-dritt Komunitarju minkejja li dawn jikkostitwixxu żewġ persuni ġuridiċi distinti. Laval kellha, għaldaqstant, l-obbligu li teżerċita l-attività tagħha fl-Iżvezja fil-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru għaċ-ċittadini tiegħu stess, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 43 KE.

44      Fit-tieni lok, huma jsostnu li l-kawża prinċipali għandha bħala għan li Laval tiġi suġġetta għal-leġiżlazzjoni Żvediża u li, minħabba f’hekk, it-talba tippreżenta, għall-inqas parzjalment, natura artifiċjali. Laval, li l-attività tagħha hija li timpjega b’mod temporanju persunal li joriġina mil-Latvja ma’ kumpanniji li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-suq Żvediż, tipprova taħrab mill-obbligi kollha li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni u mir-regolamenti Żvediżi dwar il-ftehim kollettivi u tipprova, billi tinvoka d-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mas-servizzi kif ukoll id-Direttiva 96/71, b’mod indebitu, tieħu vantaġġ għaliha nnifisha billi tagħmel użu mill-mezzi offerti mid-dritt Komunitarju.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Bl-istess mod hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, minħabba li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 2003, IKA, C-326/00, Ġabra p. I-1703, punt 27; tat-12 ta’ April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Conseil général de la Vienne, C-419/04, Ġabra p. I-5645, punt 19).

46      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun intalbet mill-qorti nazzjonali tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21). Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali jew tad-dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39; tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 19, u Conseil général de la Vienne, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

47      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li taħtu jaqgħu d-domandi preliminari, hekk kif inhu ddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju, (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 10; tat-2 ta’ Ġunju 2005, Dörr u Ünal, C-136/03, Ġabra p. I-4759, punt 46, u Conseil général de la Vienne, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

48      F’dan il-każ, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju titlob, permezz tad-domandi tagħha, l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 12 KE u 49 KE, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema effettwat fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi. Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ kawża bejn Laval u Byggnads, Byggettan u Elektrikerna, fir-rigward ta’ azzjonijiet kollettivi li dawn ta’ l-aħħar nedew wara li Laval irrifjutat li taderixxi mal-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni, li din il-kawża hija intiża sabiex tirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjieg applikabbli għall-ħaddiema Latvjani li Laval ikkollokat fuq sit ta’ kostruzzjoni li jinsab fl-Iżvezja liema xogħol qed jiġi mwettaq minn impriża tal-grupp Laval, wara azzjonijiet kollettivi kif ukoll li kif ġiet interrotta l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-ħaddiema kkolokati marru lura l-Latvja.

49      Għaldaqstant, jidher li d-domandi magħmula għandhom relazzjoni mas-suġġett tal-kawża prinċipali, kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju, u li l-kuntest fattwali li fih jidħlu dawn id-domandi ma jippermettix li jiġi konkluż li din il-kawża tippreżenta natura artifiċjali.

50      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

51      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li organizzazzjonijiet sindakali jippruvaw, permezz ta’ azzjoni kollettiva fil-forma ta’ imblokk, iġiegħlu fornitur ta’ servizzi barrani jaderixxi ma’ ftehim kollettiv fl-Istat ospitanti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjieg, bħall-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni, huwhiex kumpatibbli mar-regoli tat-Trattat KE fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fuq il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità, kif ukoll mad-Direttiva 96/71, ġaladarba s-sitwazzjoni fl-Istat Membru huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-leġiżlazzjoni li tittrasponi l-imsemmija Direttiva ma jkun fiha l-ebda dispożizzjoni espliċita dwar l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjieg fil-ftehim kollettivi.

52      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-azzjoni kollettiva mnedija minn Byggnads u Byggettan kienet ibbażata kemm fuq ir-rifjut min-naħa ta’ Laval li tiggarantixxi lill-ħaddiema tagħha kkollokati fl-Iżvezja l-paga skond is-sigħat mitluba minn dawn l-organizzazzjonijiet sindakali, inkwantu l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix rata ta’ paga minima, kif ukoll fuq ir-rifjut min-naħa ta’ din l-impriża li taderixxi mal-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni, li l-klawżoli tiegħu jistabbilixxu, għal ċerti suġġetti msemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti, filwaqt li artikoli oħra huma bbażati fuq suġġetti li ma jissemmewx fl-imsemmi artikolu.

53      Għalhekk, wieħed għandu jifhem li, permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 12 KE u 49 KE, kif ukoll id-Direttiva 96/71, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jmorru kontra li, fi Stat Membru li fih il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg li jikkonċernaw suġġetti msemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva li jinsabu taħt dispożizzjonijiet leġiżlattivi, bl-eċċezzjoni tar-rati ta’ paga minima, organizzazzjoni sindakali tistax tipprova ġġiegħel, b’azzjoni kollettiva fil-forma ta’ imblokk ta’ siti ta’ kostruzzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor jibda’ negozjati magħha fuq ir-rati ta’ paga li għandhom jitħallsu lill-ħaddiema kkollokati, kif ukoll jaderixxi għal ftehim kollettiv li l-klawżoli tiegħu jistabbilixxu, għal uħud mill-imsemmija suġġetti, kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti, filwaqt li klawżoli oħra jikkonċernaw suġġetti li ma jissemmewx fl-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija direttiva.

 Id-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli

54      Sabiex jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju applikabbli għal kawża bħal dik prinċipali, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 12 KE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ non diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità, m’għandux jiġi applikat b’mod awtonomu ħlief f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitajru li għalihom it-Trattat ma jipprovdi l-ebda regola speċifika ta’ non diskriminazzjoni (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal, C‑100/01, Ġabra p. I‑10981, punt 25, u tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C‑387/01, Ġabra p. I‑4981, punt 57).

55      Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dan il-prinċipju ġie implementat u mwaqqaf mill-Artikolu 49 KE (sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, Becu et, C‑22/98, Ġabra p. I‑5665, punt 32, u tat-28 ta’ Ottubru 1999, Vestergaard, C‑55/98, Ġabra p. I-7641, punt 17). Għaldaqstant, m’hemmx lok li l-Qorti tesprimi ruħha fir-rigward ta’ l-Artikolu 12 KE.

56      Fir-rigward tal-kollokament temporanju ta’ ħaddiema fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu xogħol ta’ kostruzzjoni jew xogħlijiet pubbliċi fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi mogħtija minn min iħaddem, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikoli 49 KE u 50 KE jipprekludu Stat Membru milli jipprojbixxi lil fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor jikkolloka ruħu liberament fit-territorju tiegħu bil-persunal kollu tiegħu jew li dan l-Istat jissuġġetta l-kollokament tal-persunal in kwistjoni għal kundizzjonijiet iktar restrittivi. Fil-fatt, l-impożizzjoni tat-tali kundizzjonijiet fuq fornitur ta’ servizzi ta’ Stat Membru ieħor jissuġġettah għal diskriminazzjoni meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu stabbiliti fl-Istat ospitanti, li jistgħu jirrikorru liberament għall-persunal tagħhom stess, u jaffettwa barra minn hekk il-kapaċità tiegħu li jipprovdi s-servizz (sentenza tas-27 ta’ Marzu 1990, Rush Portuguesa, C‑113/89, Ġabra p. I‑1417, punt 12).

57      Min-naħa l-oħra, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li l-Istati Membri jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom jew il-ftehim kollettivi tax-xogħol konklużi mill-imsieħba soċjali, relatati mal-pagi minimi, għal kull persuna li twettaq xogħol imħallas, anki ta’ natura temporanja, fuq it-territorju tagħhom, ikun liema jkun l-Istat fejn huwa stabbilit min iħaddem (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1982, Seco u Desquenne & Giral, 62/81 u 63/81, Ġabra p. 223, punt 14, u ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções, C-164/99, Ġabra p. I-787, punt 21). L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għandha, madankollu, tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan imfittex minnhom, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema kkollokati, u li ma teċċedix dak li hu neċessarju sabiex dan jinkiseb (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et, C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, punt 35, u ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑341/02, Ġabra p. I‑2733, punt 24).

58      F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur Komunitarju adotta d-Direttiva 96/71, bil-għan, kif jirriżulta mis-sitt premessa ta’ l-istess direttiva, li jipprovdi, fl-interess ta’ min iħaddem u l-persunal tagħhom, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg meta impriża stabbilita fi Stat Membru partikolari tikkolloka ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, temporanjament, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi.

59      Jirriżulta mit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 96/71 li l-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jiġu armonizzati b’mod li jipprovdi nukleu ta’ regoli obbligatorji ta’ protezzjoni minima li min iħaddem li jikkolloka ħaddiema għandu josserva fl-Istat ospitanti.

60      Madankollu, id-Direttiva 96/71 ma armonizzatx il-kontenut materjali ta’ dawn ir-regoli nazzjonali ta’ protezzjoni minima. Dan il-kontenut jista’ għaldaqstant jiġi liberament iddefinit mill-Istati Membri, fir-rispett tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑490/04, Ġabra p. I‑6095, punt 19).

61      Għaldaqstant, ġaladarba l-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk kif deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, żvolġew matul is-sena 2004, jiġifieri f’data sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jittrasponu d-Direttiva 96/71, liema data ġiet iffissata għas-16 ta’ Diċembru 1999, u li dawn il-fatti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-ewwel domanda fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija direttiva interpretati fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wolff & Müller, C‑60/03, Ġabra p. I-9553, punti 25 sa 27 u 45), kif ukoll, jekk ikun il-każ, fid-dawl ta’ din l-aħħar dispożizzjoni nnifisha.

 Il-possibbiltajiet li għandhom l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg applikabbli għall-ħaddiema kkollokati, inkluża r-rata ta’ paga minima

62      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, istitwita mill-Artikolu 234 KE bil-għan li l-qorti nazzjonali tingħata risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Krüger, C-334/95, Ġabra p. I-4517, punt 22; tat-28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C-88/99, Ġabra p. I-10465, punt 18, kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C 393/04 u C-41/05, Ġabra p. I 5293, punt 23), jeħtieġ li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet li għandhom l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 96/71 inkluża r-rata ta’ paga minima, li l-impriżi għandhom jiggarantixxu lill-ħaddiema li huma jikkollokaw fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali.

63      Fil-fatt, jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura li, minn naħa, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kkollokati relattivi għall-imsemmija kwistjonijiet, ir-rata ta’ paga minima tikkostitwixxi l-unika kundizzjoni ta’ impjieg li l-iffissar tagħha, fl-Iżvezja, ma ssegwix waħda mit-termini li tipprovdi d-Direttiva 96/71 u li, min-naħa l-oħra, l-obbligu impost fuq Laval li tinnegozja ma’ l-organizzazzjonijiet sindakali bil-għan li taċċerta ruħha dwar il-pagi li għandhom jingħataw lill-ħaddiema tagħhom kif ukoll li din taderixxi mal-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni huma l-bażi tal-kawża prinċipali.

64      Skond l-ewwel u t-tieni inċiżi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjieg li jikkonċernaw il-kwistjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (g) ta’ din id-dispożizzjoni huma ffissati, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi nazzjonali fil-qasam tal-kostruzzjoni, jew permezz ta’ leġiżlazzjonijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, jew permezz ta’ ftehim kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ li jiġu ddikjarati li japplikaw b’mod ġenerali. Il-ftehim kollettivi u s-sentenzi ta’ arbitraġġ taħt din id-dispożizzjoni huma dawk li għandhom jiġu rrispettati mill-impriżi kollha li jappartjenu għas-settur ikkonċernat minn din il-professjoni u li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

65      It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71 jagħti barra minn hekk il-possibbiltà lill-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ sistema ta’ dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali tal-ftehim kollettivi jew tas-sentenzi ta’ arbitraġġ, li jieħdu bħala bażi dawk li jkollhom effett ġenerali fuq l-impriżi simili kollha li jappartjenu għas-settur ikkonċernat jew dawk konklużi mill-organizzazzjonijiet ta’ l-imsieħba soċjali l-iktar rappreżentattivi fuq l-aspett nazzjonali u li għandhom japplikaw għat-territorju nazzjonali kollu.

66      Mill-intestatura ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-użu ta’ din l-aħħar possibbiltà jeżiġi, minn naħa, li l-Istat Membru jiddeċiedi f’dan is-sens u, min-naħa l-oħra li l-applikazzjoni tal-ftehim kollettivi fir-rigward ta’ l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema tiggarantixxi lil dawn ta’ l-aħħar, fir-rigward tal-kwistjonijiet elenkati fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 96/71, trattament ugwali fil-konfront ta’ impriżi nazzjonali li jappartjenu għas-settur fejn il-professjoni kkonċernata tinsab f’sitwazzjoni simili. Jeżisti trattament ugwali fis-sens ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ l-imsemmija direttiva meta dawn l-aħħar impriżi jkunu suġġetti għall-istess obbligi, fir-rigward ta’ l-imsemmija kwistjonijiet, bħall-impriżi kkonċernati mill-kollokamenti u li dawn iż-żewġ tipi ta’ impriżi jaqgħu taħt l-istess obbligi bl-istess effetti.

67      Huwa paċifiku li, fl-Iżvezja, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg li jikkonċernaw il-kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, ħlief għar-rati ta’ paga minima, ġew iffissati permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi. Bl-istess mod huwa paċifiku li l-ftehim kollettivi mhumiex iddikjarati bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, u li dan l-Istat Membru ma użax il-possibbiltà li jipprovdi t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3(8) ta’ din id-direttiva.

68      Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li, peress li d-Direttiva 96/71 ma tikkomportax l-armonizzazzjoni tas-sistemi ta’ ffissar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg fl-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom id-diskrezzjoni, fuq livell nazzjonali, li jagħżlu sistema li ma tissemmiex b’mod espliċitu fost dawk li tipprovdi l-imsemmija direttiva, sakemm dan ma jipprekludix il-provvista tas-servizzi bejn l-Istati Membri.

69      Jirriżulta minn partijiet ta’ l-inkartament li, fl-Iżvezja, l-awtoritajiet nazzjonali ħallew lill-imsieħba soċjali l-ħsieb li jiffissaw, permezz tan-negozjar kollettiv, ir-rata ta’ paga li l-impriżi nazzjonali għandhom iħallsu lill-ħaddiema tagħhom u li, fir-rigward ta’ l-impriżi tal-kostruzzjoni, din is-sistema timplika negozjar każ b’każ, fuq il-post tax-xogħol, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kwalifiki u l-kompetenzi ta’ l-impjegati kkonċernati.

70      Fir-rigward ta’ l-obbligi relatati mal-pagi li jistgħu jiġu imposti fuq min jipprovdi servizz li huwa stabbilit fi Stati Membri oħra, għandu jiġi mfakkar li l-ewwel paragrafu (ċ) ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 jikkonċerna biss ir-rata ta’ paga minima. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika obbligu għal dawn il-persuni li jipprovdu servizz li jirrispettaw ir-rati ta’ paga bħal dawk li għandhom l-intenzjoni jimponu l-organizzazzjonijiet sindakali konvenuti fil-kawża prinċipali fil-kuntest tas-sistema Żvediża, li ma jikkostitwixxux pagi minimi u li mill-bqija ma jiġux iffissati skond il-metodi previsti, f’dan ir-rigward, fl-Arikolu 3(1) u (8) ta’ l-imsemmija direttiva.

71      F’dan l-istadju hemm għaldaqstant lok li jiġi konkluż li Stat Membru li fih ir-rati ta’ paga minima ma jiġux determinati permezz ta’ waħda mill-possibbiltajiet li jipprovdi l-Artikolu 3(1) u (8) tad-Direttiva 96/71, m’għandux id-dritt li jimponi, bis-saħħa ta’ din id-direttiva, fuq l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, negozjati każ b’każ, fuq il-post tax-xogħol, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kwalifiki u l-kompetenzi ta’ l-impjegati, sabiex jaċċertaw ruħhom dwar il-paga li huma għandhom iħallsu lill-impjegati kkollokati tagħhom.

72      Jeħtieġ li jiġu evalwati, iktar ’il quddiem f’din is-sentenza, l-obbligi li jirriżultaw għall-impriżi ta’ Stat Membru ieħor ta’ din is-sistema ta’ ffissar tal-pagi fid-dawl ta’ l-Artkolu 49 KE.

 Il-materji li fuqhom jistgħu jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg applikabbli għall-ħaddiema kkollokati

73      Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tan-nukleu ta’ regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(1) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun liema tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni tax-xogħol, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, l-impriżi jiggarantixxu lill-ħaddiema kkollokati fit-territorju tagħhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg li jikkonċernaw il-kwistjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri, il-perijodi massimi ta’ xogħol u l-perijodi minimi ta’ mistrieħ; it-tul minimu ta’ leave annwali mħallas; ir-rata ta’ paga minima, inkluża r-rata ta’ sahra; il-kundizzjonijiet ta’ disponibbiltà tal-ħaddiema, b’mod partikolari minn impriżi ta’ impjieg temporanju; is-sigurtà, is-saħħa u l-iġjene fuq ix-xogħol, il-miżuri protettivi applikabbli għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg tan-nisa tqal u nisa li għadhom kif weldu reċentement, ta’ tfal u ta’ żgħażagħ, u t-trattament ugwali bejn irġiel u nisa kif ukoll dispożizzjonijiet oħra fil-qasam tan-non diskriminazzjoni.

74      Din id-dispożizzjoni twassal, minn naħa, li tiżgura kompetizzjoni leali bejn l-impriżi nazzjonali u l-impriżi li jipprovdu servizz transnazzjonali safejn timponi fuq dawn ta’ l-aħħar li jirrikonoxxu fil-konfronti tal-ħaddiema tagħhom, fir-rigward ta’ lista eżawrjenti ta’ suġġetti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg iffissati, fl-Istat Membru ospitanti, permezz ta’ leġiżlazzjonijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettivi jew ta’ sentenzi ta’ arbitraġġ fis-sens ta’ l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71, li jikkostitwixxu regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima.

75      L-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi għaldaqstant li, b’applikazzjoni fil-konfronti tal-ħaddiema tagħhom, fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra jkunu jistgħu jadottaw kompetizzjoni żleali fil-konfronti ta’ l-impriżi ta’ l-Istat Membru ospitanti, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, jekk il-livell ta’ protezzjoni soċjali tkun ogħla f’dan ta’ l-aħħar.

76      Min-naħa l-oħra, din l-istess dispożizzjoni tipprova tiżgura lill-ħaddiema kkollokati l-applikazzjoni tar-regoli ta’ protezzjoni minima ta’ l-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg relattivi għall-imsemmija kwistjonijiet sakemm huma jwettqu xogħol temporanju fit-territorju ta’ l-imsemmi Stat Membru.

77      Ir-rinkonoxximent ta’ din il-protezzjoni minima għandu bħala konsegwenza, jekk il-livell ta’ protezzjoni li tirriżulta mill-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg mogħti lill-ħaddiema kkollokati fl-Istat Membru ta’ oriġini, fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, ikun inferjuri għal-livell minimu ta’ protezzjoni rrikonoxxut fl-Istat Membru ospitanti, li l-ħaddiema jibbenefikaw mill-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg f’dan l-aħħar Stat.

78      Madankollu, jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza li, fil-kawża prinċipali, ċerti klawżoli tal-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni jeskludu, għal uħud mill-kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħin tax-xogħol u tal-leave annwali, dispożizzjonijiet leġiżlattivi Żvediżi li jiffissaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg applikabbli għall-ħaddiema kkollokati, billi jistabbilixxu kundizzjonijiet iktar favorevoli.

79      Huwa minnu li l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71 jipprovdi li s-subartikoli 1 sa 6 ta’ dan l-istess artikolu ma jipprekludux applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg iktar favorevoli għall-ħaddiema. Jirriżulta, barra minn hekk mis-sbatax-il premessa ta’ l-imsemmija direttiva, li r-regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima fis-seħħ fil-pajjiżi ospitanti m’għandhomx jimpedixxu l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet bħal dawn.

80      Xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istat Membru ospitanti jissuġġetta t-twettiq ta’ provvista ta’ servizzi fit-territorju tiegħu għall-osservanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg lil hinn mir-regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima. Fil-fatt, fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1), id-Direttiva 96/71 tipprovdi espliċitament il-livell ta’ protezzjoni li fir-rigward tiegħu l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt jimponi r-rispett fuq l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra favur il-ħaddiema tagħhom ikkollokati fit-territorju tiegħu. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tneħħi kull effett utli ta’ l-imsemmija direttiva.

81      Għalhekk, u bla ħsara għall-possibbiltà għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jaderixxu volontarjament fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ impenn meħud lejn il-persunal tagħhom stess ikkollokat, għal ftehim kollettiv ta’ xogħol eventwalment iktar favorevoli, il-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi ggarantit lill-ħaddiema kkollokati fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti huwa limitat, bħala prinċipju, għal dak previst taħt l-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, sakemm l-imsemmija ħaddiema ma jgawdux diġà, b’applikazzjoni tal-liġi jew tal-ftehim kollettivi fl-Istat Membru ta’ oriġini, minn kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg iktar favorevoli fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

82      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, bis-saħħa ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, l-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg li jikkonċernaw kwistjonijiet li mhumiex dawk imsemmija speċifikament fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) tas-subartikolu 1 ta’ l-imsemmi Artikolu 3 tad-direttiva, fir-rispett għat-Trattat u safejn dan jirrigwarda dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku li japplikaw, bl-istess mod, kemm għall-impriżi nazzjonali kif ukoll għal dawk ta’ L-Istati Membri oħra.

83      Fil-kawża prinċipali, uħud mill-klawżoli tal-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni jikkonċernaw kwistjonijiet mhux speċifikament imsemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 96/71. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-punt 20 ta’ din is-sentenza li l-adeżjoni għal dan il-ftehim kollettiv ifisser, għal ċerti impriżi, li jiġu aċċettati obbligi ta’ natura pekunjarja bħal dawk dawk li jimponu fuqhom li jħallsu lil Byggettan daqs 1,5 % ta’ l-ammont tal-pagi tal-ħaddiema minħabba l-kontroll eżerċitat minn din l-organizzazzjoni sindakali fuq il-pagi, u lill-kumpannija ta’ l-assigurazzjoni FORA, minn naħa 0,8 % ta’ l-ammont tal-pagi tal-ħaddiema minħabba “ħlas speċjali fuq il-kostruzzjoni” u, min-naħa l-oħra 5,9 % ta’ dawn il-pagi minħabba diversi premji ta’ assigurazzjoni.

84      Huwa paċifiku, madankollu, li dawn l-obbligi ġew imposti mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali rrikorrew għall-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71. Il-klawżoli kontenzjużi tal-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni, fil-fatt, ġew stabbiliti permezz ta’ negozjati bejn l-imsieħba soċjali, li ma jikkostitwixxux entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku u ma jistgħux jużaw din id-dispożizzjoni biex jinvokaw raġunijiet ta’ ordni pubbliku biex tiġi stabbilita l-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ azzjoni kollettiva bħal dik fil-kawża prinċipali.

85      Jeħtieġ li tiġi evalwata, fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE, l-azzjoni kollettiva mmexxija mill-organizzazzjonijiet sindakali konvenuti fil-kawża prinċipali, kemm safejn tipprova ġġiegħel fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor jibda’ negozjati fuq il-pagi li għandhom jitħallsu lill-ħaddiema kkollokati kif ukoll safejn tipprova ġġiegħel lil dan il-fornitur jaderixxi għal ftehim kollettiv li l-klawżoli tiegħu jistabbilixxu, għal uħud mill-kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 96/71, kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti, filwaqt li klawżoli oħra jikkonċernaw kwistjonijiet li mhux imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-azzjoni kollettiva fil-kawża prinċipali fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE

86      Fir-rigward ta’ l-implementazzjoni tal-mezzi ta’ pressjoni li l-organizzazzjonijiet sindakali għandhom sabiex jimponu l-adeżjoni għal ftehim kollettiv kif ukoll għal negozjar fuq il-pagi, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern Daniż u Żvediż, isostnu li d-dritt li jitnedew azzjonijiet kollettivi fil-kuntest tan-negozjati ma min iħaddem ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE, peress li, skond l-Artikolu 137(5) KE, kif emendat bit-Trattat ta’ Nizza, il-Komunità mhijiex kompetenti li tirregola dan id-dritt.

87      F’dan ir-rigward, jeħtieġ biss li jiġi mfakkar li, jekk huwa minnu li, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Komunità, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, fil-libertà li jiffissaw il-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-imsemmija Stati għandhom madankollu jirrispettaw id-dritt Komunitarju (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-qasam tas-sigurtà soċjali, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Decker, C‑120/95, Ġabra p. I‑1831, punti 22 u 23, kif ukoll Kohll, C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punti 18 u 19; fir-rigward tat-tassazzjoni diretta, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑334/02, Ġabra p. I‑2229, punt 21, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punt 29).

88      B’hekk, iċ-ċirkustanza li l-Artikolu 137 KE ma japplikax la għad-dritt ta’ strajk u lanqas għad-dritt ta’ imblokk mhijiex tali li tissuġġetta azzjoni kollettiva bħal dik fil-kawża prinċipali fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

89      Skond l-osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż u Żvediż, id-dritt li titmexxa azzjoni kollettiva jikkostitwixxi dritt fundamentali li, fih inniffsu, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE kif ukoll tad-Direttiva 96/71.

90      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dritt li titmexxa azzjoni kollettiva huwa rrikonoxxut kemm mid-diversi strumenti internazzjonali li għalihom l-Istati Membri kkooperaw jew aderew, bħall-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961, wara kollox espliċitament imsemmija fl-Artikolu 136 KE, u l-Konvenzjoni Nru 87 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, tat-9 ta’ Lulju 1948, li tirrigwarda l-libertà sindakali u l-protezzjoni tad-dritt sindakali, kif ukoll l-istrumenti elaborati mill-imsemmija Stati Membri fuq livell Komunitarju jew fil-kuntest ta’ l-Unjoni Ewropea, bħall-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata matul il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li nżammet fi Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989, imsemmija wkoll fl-Artikolu 136 KE, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1).

91      Jekk id-dritt li titmexxa azzjoni kollettiva kien għaldaqstant irrikonoxxut bħala dritt fundamentali li jifforma parti sħiħa mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jista’ jkun suġġett għal ċerti restrizzjonijiet. Fil-fatt, kif isostni mill-ġdid l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, dan id-dritt huwa protett skond id-dritt Komunitarju kif ukoll skond il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

92      Jekk huwa minnu li, kif ifakkar il-Gvern Żvediż, id-dritt li jitmexxew azzjonijiet kollettivi jgawdi fl-Iżvezja, bħal fl-Istati Membri oħra, protezzjoni kostituzzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, skond il-Kostituzzjoni Żvediża, dan id-dritt, li jinkludi f’dan l-Istat Membru l-imblokk tas-siti ta’ kostruzzjoni, jista’ jiġi eżerċitat ħlief jekk dispożizzjonijiet previsti minn liġi jew minn ftehim jipprovdu mod ieħor.

93      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tikkostitwixxi interess leġittimu ta’ natura li tiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni ta’ l-obbligi imposti mid-dritt Komunitarju, anki fid-dawl ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, bħall-moviment liberu tal-merkanzija (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 74) jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punt 35).

94      Bħal ma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schmidberger u Omega, l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali in kwistjoni, jiġifieri rispettivament il-libertà ta’ espressjoni u ta’ assemblea kif ukoll ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, ma jaħrabx mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Dan l-eżerċizzju għandu jsir fid-dawl tal-bżonnijiet relatati mad-drittijiet protetti mill-imsemmi Trattat u għandu jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schmidberger, punt 77, u Omega, punt 36).

95      Jirriżulta minn dak li ntqal li n-natura fundamentali li tintrabat mad-dritt li titmexxa azzjoni kollettiva mhijiex tali li teskludi azzjoni ta’ dan it-tip, immexxija kontra impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tikkolloka ħaddiema fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

96      Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi eżaminat jekk il-fatt li organizzazzjonijiet sindakali ta’ Stat Membru jistgħu jmexxu azzjoni kollettiva fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, jekk iva, jekk jistax ikun suġġett għal ġustifikazzjoni.

97      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, safejn jikkomporta t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi dovuti għaċ-ċirkustanza li l-fornitur huwa stabbilit fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih ingħata s-servizz, l-Artikolu 49 KE sar applikabbli direttament fis-sistemi legali ta’ l-Istati Membri fl-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u jagħti drittijiet lill-individwi li jistgħu jinvokawhom fil-qrati, liema drittijiet għandhom jiġu ssalvagwardati mill-qrati nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen, 33/74, Ġabra p. 1299, punt 26; ta’ l-14 ta’ Lulju 1976, Donà, 13/76, Ġabra p. 1333, punt 20; ta’ l-4 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, 206/84, Ġabra p. 3817, punt 16, u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, Ġabra p. I‑181, punt 67).

98      Għandu jiġi mfakkar, ukoll, li r-rispett ta’ l-Artikolu 49 KE huwa applikabbli wkoll għar-regolamenti li mhumiex ta’ natura mhux pubblika intiżi li jirregolaw, b’mod kollettiv, il-provvista ta’ servizzi. Fil-fatt, l-abolizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tiġi kompromessa jekk l-abolizzjoni tal-barrieri li joriġinaw mill-Istati kellhom jiġu nnewtralizzati minn ostakoli li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ l-awtonomija ġuridika tagħhom minn assoċjazzjonijiet jew korpi li mhumiex irregolati mid-dritt pubbliku (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, Ġabra p. 1405, punti 17 u 18; tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I-4921, punti 83 u 84, kif ukoll tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 120).

99      Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt ta’ l-organizzazzjonijiet sindakali ta’ Stat Membru li jmexxu azzjonijiet kollettivi, li bihom l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra jistgħu jiġu mġiegħla jaderixxu ma’ ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni li fih ċerti klawżoli jeskludu dispożizzjonijiet leġiżlattivi billi jistabbilixxu kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg iktar favorevoli fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 u oħrajn li jikkonċernaw kwistjonijiet li ma jissemmewx mill-imsemmija dispożizzjoni, jista’ jagħmel inqas attraenti, jew saħansitra iktar diffiċli, fil-konfronti ta’ dawn l-impriżi, l-eżekuzzjoni ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni fit-territorju Żvediż u jikkostitwixxi, minħabba f’hekk, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skond l-Artikolu 49 KE.

100    L-istess jgħodd a fortiori għaċ-ċirkustanza li, sabiex jaċċertaw ir-rata minima ta’ paga li għandha titħallas lill-ħaddiema tagħhom ikkollokati, l-imsemmija impriżi jistgħu jkunu mġiegħla, bl-użu ta’ azzjonijiet kollettivi, f’negozjati ta’ tul indeterminat ma’ l-organizzazzjonijiet sindakali fil-post li fih jiġi pprovdut dan is-servizz.

101    Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, peress li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tikkostitwixxi waħda mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 220/83, Ġabra p. 3663, punt 17, u Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, 252/83, Ġabra p. 3713, punt 17), restrizzjoni ta’ din il-libertà tista’ tiġi ammessa biss jekk l-għan imfittex minnha jkun leġittimu u kompattibbli mat-Trattat u jkun ġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, safejn, fl-istess każ, hija tkun kapaċi tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan imfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex dan jinkiseb (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG, C‑398/95, Ġabra p. I‑3091, punt 21; tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 37, u tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla, C‑94/04, Ġabra p. I‑11421, punt 61).

102    L-organizzazzjonijiet sindakali konvenuti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Żvediż isostnu li r-restrizzjonijiet in kwistjoni huma ġġustifikati ladarba huma neċessarji sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ dritt fundamentali rrikonoxxut mid-dritt Komunitarju u li dawn għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-ħaddiema, li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dritt li titmexxa azzjoni kollettiva li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ħaddiema ta’ l-Istat ospitanti kontra prattika eventwali ta’ dumping soċjali tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ natura li tiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Arblade et, iċċitati iktar ’il fuq, punt 36; tal-15 ta’ Marzu 2001, Mazzoleni u ISA, C-165/98, Ġabra p. I-2189, punt 27; tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et, C-49/98, C­50/98, C‑52/98 sa C-54/98 u C-68/98 sa C-71/98, Ġabra p. I-7831, punt 33, u tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C-438/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 77).

104    Barra min hekk, skond l-Artikolu 3(1)(ċ) u (j) KE, l-azzjoni tal-Komunità tikkomporta mhux biss “suq intern karatterizzat bit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapitali” iżda wkoll “politika fil-qasam soċjali”. L-Artikolu 2 KE jgħid, fil-fatt, li l-Komunità għandha jkollha bħala inkarigu tagħha, b’mod partikolari, li tippromwovi “żvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli ta’ l-attivitajiet ekonomiċi” u “livell għoli ta’ impjieg u ta’ ħarsien soċjali”

105    Peress li l-Komunità għandha mhux biss għan ekonomiku iżda wkoll għan soċjali, id-drittijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapitali għandhom jiġu bbilanċjati ma’ l-għanijiet imfittxija mill-politika soċjali, fosthom, kif jirriżulta fl-Artikolu 136 KE, b’mod partikolari, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, li jippermettu l-ugwaljanza tagħhom fil-progress, protezzjoni soċjali xierqa u djalogu soċjali.

106    Fil-kawża prinċipali, Byggnads u Byggettan isostnu li l-għan imfittex mill-imblokk imniedi kontra Laval kien il-protezzjoni tal-ħaddiema.

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bħala prinċipju, imblokk imniedi minn organizzazzjoni sindakali ta’ l-Istat Membru ospitanti intiż li jiggarantixxi, lill-ħaddiema kkollokati fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg iffissati għal ċertu livell jaqa’ taħt l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema.

108    Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward ta’ l-obbligi speċifiċi, marbuta ma’ l-adeżjoni għall-ftehim kollettiv dwar il-kostruzzjoni, li l-organizzazzjonijiet sindakali jippruvaw jimponu fuq l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra permezz ta’ azzjoni kollettiva bħal dik fil-kawża prinċipali, l-ostakolu li din ta’ l-aħħar tikkomporta ma tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tat-tali għan. Fil-fatt, minbarra dak li jirriżulta mill-punti 81 sa 83 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-ħaddiema kkollokati fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, min iħaddem dawn ta’ l-aħħar huwa, bl-effett tal-koordinazzjoni mwettqa mid-Direttiva 96/71, marbut li josserva nukleu ta’ regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima fl-Istat Membru ospitanti.

109    Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-negozjati fuq il-pagi li l-organizzazzjonijiet sindakali jippretendu li jimponu, permezz ta’ azzjoni kollettiva bħal dik fil-kawża prinċipali, fuq l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jikkollokaw temporanjament ħaddiema fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti, għandu jiġi enfasizzat li, ċertament, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li l-Istati Membri jimponu fuq dawn l-impriżi r-rispett tar-regoli tagħhom fir-rigward tal-paga minima bil-mezzi approprjati (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Seco u Desquenne & Giral, punt 14; Rush Portuguesa, punt 18, kif ukoll Arblade et, punt 41).

110    Madankollu, azzjonijiet kollettivi bħal dawk fil-kawża prinċipali ma jistgħux ikunu ġġustifikati fid-dawl ta’ l-għan ta’ interess ġenerali msemmi fil-punt 102 ta’ din is-sentenza, ladarba n-negozjati fuq il-pagi li huma għandhom l-intenzjoni li jimponu fuq impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor jidħol f’kuntest nazzjonali kkaratterizzat min-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet, ikun ta’ liema natura jkun, li jkunu suffiċjentement preċiżi u aċċessibbli biex, fil-prattika, ma jirrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli d-determinazzjoni, mit-tali impriża, ta’ l-obbligi li hija għandha tirrispetta fir-rigward tal-paga minima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

111    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 49 KE u 3 tad-Direttiva 96/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, fi Stat Membru li fih il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg li jikkonċernaw il-kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jinsabu taħt dispożizzjonijiet legali, ħlief għar-rati ta’ paga minima, organizzazzjoni sindakali tista’ tipprova ġġiegħel, permezz ta’ azzjoni kollettiva li tieħu l-forma ta’ imblokk ta’ siti tal-kostruzzjoni bħal dak fil-kawża prinċipali, lil fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor jibda’ jinnegozja magħha fuq ir-rati ta’ paga li għandhom jitħallsu lill-ħaddiema kkollokati kif ukoll jaderixxi ma’ ftehim kollettiv li l-klawżoli tiegħu jistabbilixxu, għal uħud minn dawn il-kwistjonijiet, kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti, filwaqt li klawżoli oħra jikkonċernaw kwistjonijiet mhux imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

112    Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 KE u 50 KE jipprekludux li, fi Stat Membru, il-projbizzjoni magħmula lill-organizzazzjonijiet sindakali milli jniedu azzjoni kollettiva bil-għan li jħassru jew jemendaw ftehim kollettiv konkluż minn terzi persuni, tkunx suġġetta għall-fatt li l-azzjoni tirrigwarda kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg li għalihom il-liġi nazzjonali tkun applikabbli direttament, li jfisser, għal impriża li tikkolloka ħaddiema f’dan l-Istat Membru fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi u li hija tkun marbuta ma’ ftehim kollettiv suġġett għad-dritt ta’ Stat Membru ieħor, l-impossibbiltà li tinvoka din il-projbizzjoni kontra l-imsemmija organizzazzjonijiet.

113    Din id-domanda tirrigwarda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-MBL li ħolqu sistema ta’ ġlieda kontra d-dumping soċjali li permezz ttiegħu l-fornitur ta’ servizzi m’għandux id-dritt jistenna, fl-Istat Membru li fih huwa jipprovdi s-servizz tiegħu, xi tip ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim kollettivi li għalihom huwa diġà ikun suġġett fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit. Jirriżulta minn din is-sistema li l-azzjonijiet kollettivi kontra impriżi marbuta minn ftehim kollettiv suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru ieħor huma awtorizzati bl-istess mod bħal dawk li mhumiex marbuta ma’ ebda ftehim kollettiv.

114    Skond ġurisprudenza stabbilita, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi timplika, b’mod partikolari, l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni eżerċitata kontra l-fornitur minħabba n-nazzjonalità tiegħu jew minħabba ċ-ċirkustanza li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor barra dak fejn il-provvista għandha tiġi eżegwita (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Franza, C-154/89, Ġabra p. I-659, punt 12; Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-180/89, Ġabra p. I-709, punt 15; Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑198/89, Ġabra p. I-727, punt 16, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

115    Skond ġurisprudenza ugwalment stabbilita, diskriminazzjoni tista’ tikkonsisti biss fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet kumparabbli jew fl-applikazzjoni ta’ l-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 30; tat-22 ta’ Marzu 2007, Talotta, C‑383/05, Ġabra p. I-2555, punt 18, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, Lakebrink u Peters-Lakebrink, C‑182/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).

116    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li ma tiħux in kunsiderazzjoni, ikun liema jkun il-kontenut, il-ftehim kollettivi li magħhom l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fl-Iżvezja huma diġà marbuta fl-Istat Membru li fih huma stabbiliti, joħloq diskriminazzjoni kontra dawn l-impriżi, safejn din tapplika fil-konfronti tagħhom l-istess trattament bħal dak riżervat għall-impriżi nazzjonali li ma kkonkludewx ftehim kollettiv.

117    Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 46 KE, li għandu jiġi interpretat restrittivament, li regoli diskriminatorji jistgħu jiġi ġġustifikati biss minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

118    F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li huma marbutin ma’ ftehim kollettivi li għalihom il-liġi Żvediża ma tapplikax direttament hija intiża, minn naħa, li tippermetti lill-organizzazzjonijiet sindakali jaġixxu bil-għan li kull min iħaddem li hu preżenti fis-suq tax-xogħol Żvediż japplika l-pagi u kundizzjonijiet oħra tax-xogħol li jikkorrispondu ma’ dawk normalment mogħtija fl-Iżvezja, u, min-naħa l-oħra, sabiex toħloq il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni leali, bl-istess kundizzjonijiet, bejn min iħaddem li huwa Żvediż u imprendituri li jiġu minn Stati Membri oħra.

119    Peress li l-ebda waħda mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ma jikkonċernaw raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, fis-sens ta’ l-Artikolu 46 KE applikat flimkien ma’ l-Artikolu 55 KE, għandu jiġi kkonstatat li diskriminazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma tistax tkun ġustifikata.

120    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 49 KE u 50 KE jipprekludu li, fi Stat Membru, il-projbizzjoni magħmula lill-organizzazzjonijiet sindakali milli jniedu azzjoni kollettiva bil-għan li jħassru jew jemendaw ftehim kollettiv konkluż minn terzi persuni jkun suġġett għall-fatt li l-azzjoni tkun tirrigwarda kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg li għalihom il-liġi nazzjonali tkun applikabbli direttament.

 Fuq l-ispejjeż

121    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 49 KE u 3 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, fi Stat Membru li fih il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg li jikkonċernaw il-kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jinsabu taħt dispożizzjonijiet leġiżlattivi, ħlief għar-rati ta’ paga minima, organizzazzjoni sindakali tista’ tipprova ġġiegħel, permezz ta’ azzjoni kollettiva li tieħu l-forma ta’ imblokk ta’ siti tal-kostruzzjoni bħal dak fil-kawża prinċipali, lil fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor jibda’ jinnegozja magħha fuq ir-rati ta’ paga li għandhom jitħallsu lill-ħaddiema kkollokati kif ukoll li jaderixxi ma’ ftehim kollettiv li l-klawżoli tiegħu jistabbilixxu, għal uħud minn dawn il-kwistjonijiet, kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti, filwaqt li klawżoli oħra jikkonċernaw kwistjonijiet mhux imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija direttiva.

2)      L-Artikoli 49 KE u 50 KE jipprekludu li, fi Stat Membru, il-projbizzjoni magħmula lill-organizzazzjonijiet sindakali milli jniedu azzjoni kollettiva bil-għan li jħassru jew jemendaw ftehim kollettiv konkluż minn terzi persuni jkun suġġett għall-fatt li l-azzjoni tirrigwarda kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg li għalihom il-liġi nazzjonali tkun applikabbli direttament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.