Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Novembru 2010 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka

(Kawża C-545/10)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Šimerdová, u H. Støvlbæk, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ċeka

Talbiet

tiddikjara li r-Repubblika Ċeka naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(1), 6(2), 7(3), 11 u 30(5) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà 1,

tiddikjara li r-Repubblika Ċeka naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta' Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità 2,

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14/KE meta stipulat rata massima tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura, liema rata ma tistax tinqabeż mill-amministratur tal-infrastruttura. Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess Direttiva, huwa l-amministratur tal-infrastruttura li għandu jiddetermina l-piżijiet dovuti għall-użu tal-infrastruttura u li għandu jiġbor tali piżijiet. L-Istati Membri jistgħu jistabilixxu qafas għall-impożizzjoni ta' piżijiet għall-użu tal-infrastruttura.

Ir-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14/KE meta ma adottatx il-miżuri li fuq il-bażi tagħhom għandhom jingħataw inċentivi lill-amministraturi sabiex inaqqsu l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tal-piżijiet għall-aċċess.

Ir-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14/KE peress li ma żguratx li l-piżijiet għall-pakkett minimu ta' aċċess u għall-aċċess għas-servizzi tal-binarju jiġu stabbiliti skont l-ispiża marbuta direttament mal-provvista tas-servizz ferrovjarju.

Ir-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE peress li ma stabbilietx sistema li tinkoraġġixxi lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministratur tal-infrastruttura sabiex inaqqsu kemm jista' jkun it-tfixkil u sabiex itejbu l-prestazzjoni tan-netwerk ferrovjarju.

Ir-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14/KE peress li din ma ġietx trasposta b'mod korrett fis-sistema legali tagħha.

Ir-Repubblika Ċeka kisret l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440/KEE peress li ma żguratx li fir-Repubblika Ċeka jiġi stabbilit korp li jista' jiġi kkunsidrat bħala korp skont l-imsemmi artikolu u li jaqdi funzjonijiet kif previsti f'tali dispożizzjoni.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404,

2 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341.