Language of document : ECLI:EU:C:2013:242

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-16 ta’ April 2013 (1)

Kawżi Magħquda C‑105/12 sa C‑107/12

Staat der Nederlanden

vs

Essent NV u Essent Nederland BV (C‑105/12)

Eneco Holding NV (C‑106/12)

Delta NV (C‑107/12)

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (Il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-enerġija – Projbizzjoni assoluta ta’ privatizzazzjoni – Sistema ta’ proprjetà – Projbizzjoni li jinħolqu gruppi li jinkludu kemm operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-enerġija kif ukoll kumpanniji li jinnegozjaw, ifornixxu jew jipproduċu l-enerġija – Projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji imposti fuq l-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-enerġija – Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità – Ġustifikazzjoni msejħa ‘purament ekonomika’ – Kompetizzjoni bla distorsjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikoli 63 TFUE u 345 TFUE fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn l-Istaat der Nederlanden u Essent NV u Essent Nederland BV (Kawża C‑105/12) (iktar ’il quddiem flimkien “Essent”) kif ukoll Eneco Holding NV (Kawża C‑106/12) u Delta NV (Kawża C‑107/12) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji”), jiġifieri diversi kumpanniji attivi fid-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass fil-Pajjiżi l-Baxxi, dwar diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Olandiża applikabbli għal dawn is-setturi.

2.        Fil-kuntest ta’ dawn it-tliet kawżi, li ġew magħquda b’ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Hoge Raad der Nederlanden ressqet tliet domandi preliminari.

–        l-ewwel domanda tirrigwarda l-“projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni” stabbilita bil-leġiżlazzjoni Olandiża, li tipprojbixxi li operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass (2) jaqgħu f’idejn persuni privati, fid-dawl tal-Artikolu 345 TFUE;

–        it-tieni domanda tikkonċerna l-evalwazzjoni, fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital, ta’ żewġ projbizzjonijiet oħra stabbiliti bil-leġiżlazzjoni Olandiża, li jipprojbixxu rispettivament li l-operaturi ta’ tali netwerks ta’ distribuzzjoni jkollhom rabtiet mal-impriżi li jipproduċu, li jfornixxu jew li jinnegozjaw fl-elettriku jew fil-gass fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem l-“impriżi tal-enerġija”) (iktar ’il quddiem il-“projbizzjoni ta’ grupp”) jew li jwettqu attivitajiet oħra estranji għall-operazzjoni ta’ netwerk (iktar ’il quddiem, il-“projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji”), u

–        it-tielet domanda hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali” li jikkostitwixxu ġustifikazzjoni għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital sa fejn il-projbizzjoni ta’ grupp u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji msemmija fit-tieni domanda jikkostitwixxu tali restrizzjoni.

3.        Dawn il-kawżi għalhekk jitlbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi mill-ġdid fuq l-interpretazzjoni tat-Trattat FUR, u b’mod partikolari fuq ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 345 TFUE u 63 TFUE, dwar miżuri ta’ liberalizzazzjoni ta’ settur ekonomiku strateġiku. Madankollu, dawn il-kawżi għandhom ċerti differenzi meta mqabbla ma’ dawk li wasslu għall-ġurisprudenza dwar il-“golden shares”. Minn naħa, dan ma huwiex każ ta’ privatizzazzjoni parzjali, imma ta’ projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni li sseħħ b’separazzjoni netta bejn is-sistema tal-proprjetà tal-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni, li tiffunzjona b’“mod limitat” fost persuni pubbliċi, u dik tal-proprjetà tal-impriżi li jipproduċu, li jfornixxu jew li jikkummerċjalizzaw l-elettriku jew il-gass, li tkun tista’ tiġi ttrasferita lil persuni privati. Min-naħa l-oħra, il-projbizzjonijiet inkwistjoni ma humiex ibbażati fuq mekkaniżmu li jidderoga mid-dritt privat li jagħti privileġġ lil persuni pubbliċi. Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Olandiż inkwistjoni ma jirriżultawx biss minn azzjoni spontanja fuq livell nazzjonali, imma jidħlu wkoll f’politika ta’ liberalizzazzjoni mibdija mill-Unjoni Ewropea, illi twettqet permezz tal-adozzjoni ta’ direttivi li jimponu separazzjoni bejn l-operaturi u l-utenti ta’ netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-enerġija.

4.        F’dan ir-rigward, huwa utili li jiġi speċifikat qabel xejn li ż-żewġ direttivi tat-tieni pakkett tal-enerġija tal-2003, jiġifieri d-Direttivi 2003/54/KE (3) u 3003/55 (4) u tat-tielet pakkett tal-enerġija tal-2009, jiġifieri d-Direttivi 2009/72/KE (5) u 2009/73/KE (6) li ma humiex is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari, xorta waħda huma importanti. Fil-fatt, huma jiddefinixxu l-grad ta’ liberalizzazzjoni mixtieq mil-leġiżlatur Komunitarju bejn l-2003 u l-2009 li l-kumpanniji jargumentaw li l-Istati Membri ma jistgħux jaqbżu mingħajr ma jiksru r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali. Barra minn hekk, fihom definizzjonijiet rilevanti sabiex isolvu dawn il-kawżi.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Trattat FUE

5.        Skont l-Artikolu 63(1) TFUE, kull restrizzjoni għall-moviment ta’ kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi hija pprojbita.

6.        L-Artikolu 345 TFUE jipprovdi li t-Trattati għandhom ikunu bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri.

2.      Id-Direttivi 2003/54 u 2003/55

7.        Id-Direttivi 2003/54/KE dwar l-elettriku u 2003/55/KE dwar il-gass jifformaw parti mit-tieni pakkett tal-enerġija adottat bl-għan tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija. Ir-regoli dwar l-elettriku huma, essenzjalment, identiċi għal dawk dwar il-gass. Sabiex jiġu evitati ripetizzjonijiet, hawnhekk huma riprodotti biss id-dispożizzjonijiet dwar l-elettriku.

8.        Il-premessi 6 sa 8 u 10 tad-Direttiva 2003/54 jipprovdu:

“(6)      Biex il-kompetizzjoni tkun tista’ tiffunzjona sew, l-aċċess għan netwerks għandu jkun wieħed mhux diskriminatorja, trasparenti u prezzat b’mod ġust.

(7)      Biex jitkompla s-suq intern ta’ l-elettriku, l-aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk ta’ l-operatur tat-trasmissjoni jew tas-sistema tad-distribuzzjoni huwa ta’ importanza kbira. Operatur tat-trasmissjoni jew tas-sistema tad-distribuzzjoni jista’ jkun jikkomprendi fih impriża waħda jew aktar minn waħda.

(8)      Biex ikun żgurat aċċess għal netwerk li jkun effiċjenti u mhux diskriminatorju ikun xieraq li s-sistemi tat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni jkunu mħaddma permezz ta’ entitajiet legali separati fejn ikunu jeżistu impriżi integrati vertikalment. […]

Huwa neċessarju li l-awtonomija ta’ l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni (OSD) u dawk tas-sistema tat-trasmissjoni (OST) tkun waħda garantita speċjalment fejn jikkonċerna l-interessi tal-ġenerazzjoni u l-provvista. Strutturi indipendenti ta’ amministrazzjoni għandhom għalhekk jitpoġġew bejn l-OSD u l-OST u kwalunkwe kumpaniji ta’ ġenerazzjoni/provvista.

Madankollu huwa importanti li wieħed jiddistingwi bejn separazzjoni legali bħal din u d-diviżjoni tal-pussess. Separazzjoni legali ma timplikax bdil fil-pussess ta’ l-assi, u xejn ma jħalli kondizzjonijiet ta’ xogħol simili jew identiċi milli jkunu japplikaw matul l-impriżi kollha integrati vertikalment. Madankollu, il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet mhux diskriminatorju għandu jkun żgurat permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni dwar l-awtonomija ta’ dawk li jkunu reponsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet.

[...]

(10)      Waqt li din id-Direttiva mhix tindirizza kwistjonijiet dwar pussess, qed jiġi mfakkar li fil-każ ta’ impriża ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni, u li tkun separata fil-forma legali tagħha minn dawk l-impriżi li jiġġeneraw u/jew jipprovdu, l-operaturi tas-sistema li tkun ġiet nominata tista’ tkun l-istess impriża li jkollha l-infrastruttura.”

9.        Mill-punti 3 u 5 tal-Artikolu 2 tagħha jirriżulta li, bi “trasmissjoni”, id-Direttiva 2003/54 tfisser it-trażmissjoni tal-elettriku fuq is-sistema ta’ vultaġġ qawwi ħafna u ta’ sistema interkonnessa ta’ vultaġġ għoli bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti finali jew lid-distributuri, iżda ma jinkludix il-provvista, filwaqt li, b’“distribuzzjoni”, hija tfisser it-trażmissjoni tal-elettriku fuq sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, vultaġġ medju u vultaġġ baxx bil-ħsieb li dan jitqassam lill-klijenti, iżda ma jinkludix il-provvista.

10.      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/54, imsejjaħ “Id-diviżjoni tal-pussess ta’ l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi:

“Fejn l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni ikun parti minn impriża integrata vertikalment, dan għandu jkun indipendenti[,] ta’ l-anqas f’termini tal-forma legali tiegħu, organizzazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet[,] minn attivitajiet oħra li ma jkunux jikkonċernaw id-distribuzzjoni. Dawn ir-regoli m’għandhomx joħoloqu l-obbligu biex il-pusses ta’ l-assi ta’ l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni jiġi separat minn impriża integrata vertikalment.”

11.      L-Artikolu 15(2) tal-imsemmija direttiva, jipprovdi obbligi supplimentari li jikkonċernaw l-impriżi integrati vertikalment. B’mod partikolari, il-persuni responsabbli mill-ġestjoni tal-operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni għandhom jippreżentaw garanziji ta’ indipendenza fil-konfront ta’ strutturi inkarigati mill-ġestjoni ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ trażmissjoni u ta’ provvista, l-operatur ta’ netwerk għandu jgawdi minn setgħat ta’ deċiżjoni effettivi u jadotta programm ta’ impenji li jirrigwarda l-assenza ta’ prattiċi diskriminatorji.

3.      Id-Direttivi 2009/72 u 2009/73

12.      Filwaqt li jinnota li l-applikazzjoni tad-direttivi preċedenti ma wasslitx għas-separazzjoni effettiva u sabiex ifittex il-liberalizzazzjoni ta’ dan is-settur, fil-kuntest tat-tielet pakkett tal-enerġija, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-Direttivi 2009/72 u 2009/73, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern rispettivament tal-elettriku u tal-gass naturali. Ratione temporis, ma humiex rilevanti f’dawn il-kawżi prinċipali, imma l-partijiet jirreferu għalihom fl-osservazzjonijiet tagħhom.

13.      Skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2009/72, “[t]kun biss it-tneħħija tal-inċentiv għall-impriżi integrati vertikalment li jiddiskriminaw kontra kompetituri fir-rigward tal-aċċess għan-network u l-investiment li tista’ tiżgura s-separazzjoni effettiva. Is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, li timplika l-ħatra tal-proprjetarju tan-network bħala l-operatur tas-sistema u l-indipendenza tiegħu minn kwalunkwe interessi ta’ provvista u produzzjoni, hija b’mod ċar mezz effettiv u stabbli biex jiġi solvut il-konflitt ta’ interess inerenti u biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista. Għal dik ir-raġuni, il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2007 dwar prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku (7) rrifera għas-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà fil-livell tat-trasmissjoni bħala l-aktar għodda effettiva għall-promozzjoni tal-investimenti fl-infrastrutturi b’mod mhux diskriminatorju, l-aċċess ġust għan-network għal parteċipanti ġodda u t-trasparenza fis-suq. Taħt is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, l-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu meħtieġa jiżguraw li l-istess persuna jew persuni ma jkunux intitolati jeżerċitaw kontroll fuq impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista u, fl-istess waqt, jeżerċitaw kontroll jew kwalunkwe dritt fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew sistema ta’ trasmissjoni. Bil-kontra, il-kontroll fuq sistema ta’ trasmissjoni jew operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jipprekludi l-possibbiltà li jiġi eżerċitat kontroll jew kwalunkwe dritt fuq impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista. F’dawn il-limiti, impriża tal-ġenerazzjoni jew tal-provvista għandha tkun tista’ jkollha parteċipazzjoni minoritarja fl-azzjonijiet f’operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew f’sistema ta’ trasmissjoni”.

B –    Id-dritt Olandiż

14.      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali rilevanti fil-kawżi prinċipali jinsabu fil-liġi li tirregola l-produzzjoni, it-trasport u l-kunsinna tal-elettriku (Wet houdende regels met betrekking tot de productie, het transport en de levering van elektriciteit), tat-2 ta’ Lulju 1998 (8) u l-liġi dwar it-trasport u l-kunsinna tal-gass (Wet houdende regels omtrent het transport en de levering van gas) tat-22 ta’ Ġunju 2000 (9), kif emendati b’mod partikolari fl-2004 u fl-2006 (iktar ’il quddiem rispettivament l-“Elektriciteitswet 1998” u l-“Gaswet”).

15.      Dawn il-liġijiet kienu ġew emendati, l-ewwel nett, bil-Liġi ta’ Intervent u ta’ Implementazzjoni (Interventie‑ en Implementatiewet ), tal-1 ta’ Lulju 2004 (10) b’mod partikolari sabiex jiġu trasposti d-direttivi tat-tieni pakkett tal-enerġija.

16.      Imbagħad kienu ġew modifikati bil-Liġi dwar il-Ġestjoni Independenti tan-Netwerks (Wet onafhankelijk netbeheer), tat-23 ta’ Novembru 2006 (11) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Won”. L-imsemmija liġi kienet introduċiet obbligi iktar severi fuq l-operatur ta’ netwerk, fosthom il-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni, il-projbizzjoni ta’ grupp u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji msemmija iktar ’il fuq. Huma b’mod partikolari l-emendi introdotti bl-imsemmija Liġi Won għall-Elektriciteitswet 1998 u l-Gaswet li huma s-suġġett tal-kawża bejn il-partijiet quddiem il-qorti nazzjonali.

17.      Fuq il-bażi ta’ dawn l-atti, il-projbizzjonijiet li ġejjin, rilevanti f’dan il-każ, huma applikabbli għall-Pajjiżi l-Baxxi:

1.      Il-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni

18.      Id-digriet dwar l-azzjonijiet ta’ operaturi ta’ netwerk (Besluit aandelen netbeheerders), tad-9 ta’ Frar 2008 (12), moqrija flimkien mal-Artikolu 93 tal-Elektriciteitswet 1998 u l-Artikolu 85 tal-Gaswet, tiffissa s-sistema tal-proprjetà applikabbli għall-operaturi ta’ netwerk.

19.      L-azzjonijiet fil-kumpanniji maħtura bħala operaturi ta’ netwerks u l-kontroll fuq in-netwerks għandhom ikunu interament f’idejn azzjonisti li jifformaw parti miċ-“ċirku tal-awtoritajiet”. Skont id-digriet dwar l-azzjonijiet fl-operaturi ta’ netwerk, huma biss l-organi pubbliċi, bħalma huma l-muniċipalitajiet, il-provinċji jew l-Istat, jew persuni ġuridiċi li jappartjenu, direttament jew indirettament, interament lill-awtoritajiet, fosthom Essent NV (13), Eneco Holding NV u Delta NV, li jistgħu jkunu, jew isiru, proprjetarji ta’ azzjonijiet ta’ operatur ta’ netwerk.

20.      Għalhekk, skont id-digriet dwar l-azzjonijiet ta’ operaturi ta’ netwerk, l-awtorizzazzjoni dwar kull emenda li taffettwa l-proprjetà ta’ netwerk jew tal-azzjonijiet f’operatur ta’ netwerk għandha tiġi rrifjutata mill-Ministru tal-Affarijiet Ekonomiċi, jekk it-trasferiment jista’ jwassal sabiex l-azzjonijiet jgħaddu f’idejn persuni li ma humiex parti miċ-ċirku tal-awtoritajiet.

2.      Il-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji

21.      Il-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji tirriżulta mill-Artikolu 10b(1) tal-Elektriciteitswet 1998 u tal-Artikolu 2c(1) tal-Gaswet.

22.      Abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-operaturi ta’ netwerk ma jistgħux ikunu parti minn grupp, kif iddefinit fl-Artikolu 2:24b tal-Kodiċi Ċivili Olandiż (Burgerlijk Wetboek), li fosthom hemm ukoll kumpannija tal-enerġija, jiġifieri persuna ġuridika li tipproduċi, tipprovdi jew tinnegozja l-elettriku jew il-gass fil-Pajjiżi l-Baxxi. Bħala estensjoni tagħha, il-projbizzjoni ta’ grupp topponi wkoll li operatur ta’ netwerk iżomm azzjoni jew parteċipazzjoni f’kumpannija tal-enerġija jew f’kwalunkwe entità ta’ grupp li tappartjeni għalih kumpannija tal-enerġija. Reċiprokament, kumpannija tal-enerġija ma tista’ żżomm l-ebda azzjoni jew parteċipazzjoni f’operatur ta’ netwerk jew f’entità membru ta’ grupp li fih jappartjeni operatur ta’ netwerk.

23.      Minħabba l-imsemmija projbizzjoni, l-impriżi integrati vertikalment attivi fis-settur tal-enerġija għandhom jinqasmu sabiex parti tkun responsabbli għall-ġestjoni tan-netwerk u parti responsabbli għall-produzzjoni, l-provvista u n-negozjar tal-enerġija, fi kliem ieħor f’operatur wieħed jew iktar ta’ netwerk u kumpanniji tal-enerġija. Operatur ta’ netwerk u l-kumpanniji tal-grupp li huma assoċjati miegħu ma jistgħux, fil-fatt, jappartjenu lil grupp li jinkludi wkoll parti mill-impriżi tal-enerġija. L-obbligu li jinqasmu huwa deskritt mill-qorti tar-rinviju bħala “l-obbligu ta’ diviżjoni”.

3.      Il-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji

24.      Il-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji hija stabbilita bl-Artikolu 17(2) sa (4) tal-Elektriciteitswet 1998 u bl-Artikolu 10b(2) sa (4) tal-Gaswet (14). Hija tikkonsisti minn tliet komponenti.

25.      L-ewwel nett, ma huwiex permess lil operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni u lill-kumpanniji ta’ grupp assoċjati miegħu li jinvolvu ruħhom f’operazzjonijiet jew f’attivitajiet li jistgħu jmorru kontra l-interess tal-ġestjoni ta’ netwerk. Imbagħad, taħt dik il-projbizzjoni, ma huwiex permess lil impriża tal-grupp li twettaq attivitajiet li ma humiex marbuta mill-qrib mal-kompiti bażiċi ta’ infrastruttura. Fl-aħħar nett, il-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji tipprojbixxi wkoll li operatur ta’ netwerk jipprovdi, għall-benefiċċju ta’ attivitajiet tal-impriża ta’ netwerk, garanziji finanzjarji jew jidħol garanti għad-djun ta’ komponenti oħra tal-operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni.

III – Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –    Il-kuntest fattwali

26.      Mill-osservazzjonijiet tal-gvern Olandiż jirriżulta li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Won fl-2006, tliet tipi ta’ impriżi kienu attivi fis-suq tal-enerġija Olandiż. L-ewwel tip jirrigwarda l-impriżi li kienu attivi biss fil-produzzjoni, fil-provvista jew fil-kummerċ tal-elettriku jew tal-gass. It-tieni tip jirrigwarda l-impriżi integrati vertikalment li kienu attivi kemm fil-produzzjoni, fil-provvista jew fil-kummerċ tal-elettriku jew tal-gass kif ukoll fil-ġestjoni u fl-operat ta’ netwerks tal-elettriku u tal-gass għad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass. It-tielet tip ta’ impriżi kienu prinċipalment attivi fil-ġestjoni u l-operat tan-netwerks tal-elettriku u tal-gass u ma kienu jwettqu l-ebda attività fil-qasam ta’ produzzjoni, ta’ provvista jew ta’ negozju tal-elettriku jew tal-gass. Il-kumpanniji rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu l-ikbar impriżi tal-enerġija integrati vertikalment fis-suq Olandiż. B’hekk huma jappartjenu lit-tieni tip ta’ impriżi.

27.      Essent hija attiva fis-swieq tal-enerġija Olandiż, Belġjan u ta’ Stati oħra. Għal Essent, il-projbizzjoni ta’ grupp tfisser li Essent NV ġiet diviża fi tnejn sabiex ġew ifformati, minn naħa, l-impriża ta’ netwerk Enexis Holding NV, li, skont il-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni, tappartjeni 100 % lil azzjonisti pubbliċi, u, min-naħa l-oħra, l-impriża ta’ negozju, ta’ provvista u ta’ produzzjoni tal-elettriku u ta’ gass, Essent NV. L-obbligu ta’ diviżjoni wassal għal spejjeż konsiderevoli għal Essent, għalkemm il-qorti nazzjonali kkunsidrat li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hija kellha interess fit-talba għal deċiżjoni. Wara li ġiet akkwistata mill-grupp Ġermaniż li jispeċjalizza fl-enerġija RWE, Essent NV tappartjeni 100 % lil RWE Benelux Holding BV, sussidjarja tal-grupp RWE AG.

28.      Eneco Holdin NV hija impriża li l-attività tagħha, permezz tas-sussidjarji tagħha, tikkonsisti fil-produzzjoni, xiri, bejgħ, trażmissjoni u provvista tal-elettriku u tal-gass b’mod partikolari lil utenti tal-enerġija. Il-kapital ta’ Eneco Holding NV jappartjeni lil 60 muniċipalità. L-attività ta’ provvista tagħha tkopri l-pajjiż kollu filwaqt li l-impriża ta’ netwerk tagħha tkopri żona li tinkludi sitt provinċji Olandiżi.

29.      Delta NV hija wkoll attiva fis-swieq tal-produzzjoni, tat-trażmissjoni, tal-kummerċ u tal-provvista tal-elettriku. Hija tiddistribwixxi u tipprovdi wkoll il-gass. Barra minn hekk Delta NV hija attiva fi swieq oħrajn. In-netwerks tal-enerġija għandhom rwol importanti fil-kuntest tal-istrateġija pluriutilitarja tagħha li tinkludi parteċipazzjoni maġġoritarja f’impriża Belġjana speċjalizzata fit-trattament tal-iskart. Il-valur irrappreżentat minn dawn in-netwerks isaħħaħ il-bażi kapitali ta’ Delta NV. Il-provinċja ta’ Zélande hija l-azzjonist prinċipali, bil-bqija tal-azzjonijiet jappartjenu lil muniċipalitajiet Olandiżi.

30.      Il-kumpanniji kellhom — minħabba l-preżenza tan-netwerk tal-elettriku jew tal-gass — jappartjenu, direttament jew indirettament, sa 100 % lil azzjonisti (pubbliċi) li jifformaw parti miċ-ċirku tal-awtoritajiet. Kien ipprojbit li dawn l-impriżi u l-azzjonisti tagħhom li jbiegħu n-netwerk jew l-operatur ta’ netwerk, kollu jew parti minnu, lil investituri privati. Kif diġà nnutajt, Essent NV kienet sussegwentement ġiet maqsuma f’operatur ta’ netwerk u kumpannija tal-enerġija, filwaqt li ż-żewġ kumpanniji l-oħra baqgħu kumpanniji integrati vertikalment.

B –    Il-proċedura nazzjonali

31.      Il-kumpanniji kienu ppreżentaw tliet kawżi separati quddiem ir-Rechtbank Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex jiġi deċiż li l-projbizzjoni ta’ grupp u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji jmorru kontra l-libertajiet fundamentali stabbiliti bl-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE u, għalhekk, mingħajr effett. Ir-Rechtbank Den Haag kien ċaħad dawk il-kawżi.

32.      Il-kumpanniji kienu ppreżentaw appell kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Gerechtshof Den Haag. Il-Gerechtshof Den Haag kien annulla d-deċiżjonijiet tar-Rechtbank Den Haag għar-raġuni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati kienu jmorru kontra l-Artikolu 63 TFUE u, għalhekk, kienu ineffettivi.

33.      L-Istaat den Nederlanden kien, sussegwentement, ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenzi tal-Gerechtshof Den Haag billi sostna li d-dritt tal-Unjoni ma kienx jostakola d-dispożizzjonijiet ikkontestati.

34.      Huwa fil-kuntest ta’ din il-proċedura li l-Hoge Raad der Nederlanden kienet, bi tliet deċiżjonijiet tal-24 ta’ Frar 2012, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tliet kawżi kkonċernati, id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 345 TFUE għandu jiġi interprestat fis-sens li taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ ‘sistema tal-proprjetà fl-Istati Membri’ is-sistema tal-projbizzjoni assoluta ta’ privatizzazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, hekk kif stabbilita fid-digriet dwar l-azzjonijet ta’ operaturi ta’ netwerk, moqri flimkien mal-Artikolu 93 ta[l-Elektriciteitswet 1998] u l-Artikolu 85 tal-[Gaswet], li timplika li l-azzjonijiet f’operatur ta’ netwerk jistgħu jiġu ttrasferiti biss fl-ambitu tal-awtoritajiet pubbliċi?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, għandu dan bħala konsegwenza li r-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital ma humiex applikabbli għall-projbizzjoni ta’ [attivitajiet estranji](15), jew tal-inqas li ma hemmx bżonn tiġi eżaminata l-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji u l-projbizzjoni tal-[attivitajiet estranji] fid-dawl tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital?

3)      L-għanijiet, li huma wkoll dawk tal-Won, intiżi, permezz tal-ġlieda kontra s-sussidji trażversali fis-sens wiesa’ (inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika), sabiex jiżguraw it-trasparenza fis-suq tal-enerġija u sabiex jipprevjenu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, huma interessi ekonomiċi puri, jew jistgħu jitqiesu wkoll bħala interessi ta’ natura mhux ekonomika, fis-sens li, f’ċerti ċirkustanzi, huma jistgħu jikkostitwixxu, inkwantu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ġustifikazzjoni għal restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital?”

C –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35.      Permezz tad-digriet tas-26 ta’ Marzu 2012, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li jingħaqdu l-Kawżi C‑105/12, C‑106/12 u C‑107/12.

36.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-kumpanniji kkonċernati, il-Gvern Olandiż dak Ċek, u dak Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, li, ħlief għar-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Polonja, kienu wkoll irrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fl-14 ta’ Jannar 2013.

IV – Analiżi

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari li tirrigwarda l-“projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni” fid-dawl tal-Artikolu 345 TFUE

37.      Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 345 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “sistema tal-proprjetà fl-Istati Membri” wkoll is-sistema tal-projbizzjoni assoluta ta’ privatizzazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża li timplika li l-azzjonijiet f’operatur ta’ netwerk jistgħu jiġu ttrasferiti biss fl-ambitu taċ-ċirku tal-awtoritajiet.

38.      Nirrileva qabel xejn li l-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni prevista bil-leġiżlazzjoni Olandiża tfisser, f’dak li jikkonċerna n-netwerks, li huma biss l-“awtoritajiet” fis-sens tad-digriet dwar l-azzjonijiet ta’ operaturi ta’ netwerk imsemmija iktar ’il fuq (16) li jistgħu jkunu proprjetarji, kemm jekk b’mod dirett jew indirett.

39.      Madankollu, il-beni assoċjati mal-operat tan-netwerk, l-istess bħall-azzjonijiet jew il-parteċipazzjonijiet diretti jew indiretti fin-netwerks, ma humiex “res extra commercium”, għaliex dawn huma drittijiet ta’ proprjetà li jaqgħu taħt id-dritt privat strettament ordinarji li jistgħu jinbiegħu, jinxtraw u jiġu utilizzati b’mod partikolari bħala garanzija ta’ debitu. Minkejja dan, it-trasferiment ta’ parteċipazzjonijiet jista’ jseħħ biss fi ħdan kategorija partikolari ta’ proprjetarji, jiġifieri l-imsemmija “awtoritajiet”.

40.      Il-Hoge Raad der Nederlanden tqis, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ratione temporis, li dan huwa każ ta’ projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni assoluta. Jiena naqbel ma’ din l-opinjoni. Il-fatt li l-kontenut ta’ din il-limitazzjoni jikkonkretizza ruħu f’att ta’ natura leġiżlattiva ma jaffettwax din il-konklużjoni, kuntrarjament għal dak li jargumentaw il-kumpanniji.

41.      Kif fakkar l-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer, l-Artikolu 345 TFUE huwa l-unika dispożizzjoni tat-Trattat li hija ispirata direttament mid-dikjarazzjoni Schuman tad-9 ta’ Mejju 1950 u kienet oriġinarjament prevista fl-Artikolu 83 tat-Trattat KEFA (17). L-għan oriġinali tagħha kien li jiġi żgurat li t-twaqqif ta’ Komunità ġdida ma jaffettwax kwistjoni politika delikata dak iż-żmien dwar in-natura ġuridika u soċjali tal-proprjetà tal-minjieri Ġermaniżi u tal-impriżi attivi fis-settur tal-azzar “maħruġa barra mill-kartell” (18). B’hekk, l-Artikolu 345 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tal-proprjetà, pubblika jew privata, tal-“mezzi ta’ produzzjoni” u tal-impriżi (19).

42.      Fil-fehma tiegħi, dan ifisser, minn naħa, li, sa fejn din is-sistema ma hijiex diskriminatorja jew sproporzjonata, konsegwenza inerenti għas-sistema ta’ proprjetà adottata ma tistax titqies bħala ksur li jaqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet prevista mit-Tattat. Min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi restrittivi barra dawk li jitnisslu direttament u b’manjiera inevitabbli mis-sistema ta’ proprjetà pubblika jew privata, huma, għall-kuntrarju, suġġetti għal-libertajiet fundamentali tat-Trattat (20).

43.      Pereżempju, mill-fatt li s-settur tal-industrija tal-azzar huwa nazzjonalizzat fi Stat Membru jirriżulta li l-istabbilimenti, jiġifieri l-investimenti diretti mill-investituri ta’ Stati Membri oħra, huma esklużi minnu. Kif tinnota l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-kompatibbiltà tan-nazzjonalizzazzjoni mad-dritt tal-Unjoni fis-sentenza Costa vs E.N.E.L. (21).

44.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, għandu jsir riferiment għas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) (22) fil-kawża bejn l-awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) u r-Renju tan-Norveġja dwar il-konċessjonijiet għall-akkwist ta’ kaskati għall-produzzjoni tal-enerġija. Il-Qorti tal-EFTA interpretat l-Artikolu 125 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (23) tat-2 ta’ Mejju 1992, li jikkorrispondi għall-Artikolu 345 TFUE, fis-sens li d-dritt ta’ Stat taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li jiddeċiedi jekk il-proprjetà tar-riżorsi idroelettriċi u tal-istallazzjonijiet marbuta magħhom tinsabx f’idejn l-awtoritajiet pubbliċi jew ta’ persuni privati ma huwiex, fih innifsu, affettwat bil-ftehim ŻEE. Minn dan jirriżulta skont din il-qorti li n-Norveġja setgħet leġittimament tilħaq l-għan li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ sistema tal-proprjetà pubblika għal dawn il-beni, bil-kundizzjoni li dan tagħmlu b’mod proporzjonat u mhux diskriminatorju.

45.      Skont din il-loġika, il-fatt li ebda investitur privat ma jista’ jixtri azzjonijiet jew jipparteċipa f’kumpannija rriżervata għal azzjonisti pubbliċi ma jistax jitqies bħala restrizzjoni pprojbita mit-Trattat sa fejn dan huwa speċifikament element tas-sistema ta’ proprjetà li t-Trattat ma huwiex intiż li jbiddel.

46.      Għall-kuntrarju, kif turi l-ġurisprudenza fuq il-“golden shares”, it-trattament preferenzjali tal-interessi pubbliċi fi ħdan sistema ta’ proprjetà fil-prinċipju privata, bħal dik tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitat taħt il-liġi tal-kumpanniji, ma jiskartax id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali (24).

47.      Is-sistema Olandiża inkwistjoni tistrieħ fuq għażla fundamentali li bis-saħħa tagħha l-proprjetà tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-enerġija hija rriżervata għal azzjonisti pubbliċi (res publica), imma mhux għal proprjetarju wieħed. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, id-drittijiet ta’ proprjetà fuq in-netwerk jinżammu minn suġġetti differenti li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ awtorità skont is-sentenza dwar l-azzjonijiet ta’ operaturi ta’ netwerk. Minn dan issegwi inevitabbilment il-ħtieġa li tiġi pprojbita d-detenzjoni privata indiretta.

48.      Għalhekk, huma neċessarji restrizzjonijiet fuq it-trasferiment ta’ azzjonijiet f’din il-kumpannija sabiex il-parteċipazzjonijiet fl-assi jkunu jistgħu jinxtraw u jinbiegħu bejn id-diversi suġġetti li huma awtorizzati, mingħajr ma dawn l-assi jitilfu n-natura pubblika tagħhom. Il-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni hija għalhekk konsegwenza inevitabbli tal-għażla tal-proprjetà pubblika u tal-idea li l-proprjetà tinżamm f’idejn l-awtoritajiet pubbliċi. Nikkonkludi li, fil-kawżi prinċipali, hemm tabilħaqq sistema ta’ proprjetà kif imsemmi fl-Artikolu 345 TFUE.

49.      Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li sistema ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-azzjonijiet f’operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jistgħu jiġu ttrasferiti biss lil aġenziji pubbliċi u lil ċerti kumpanniji 100 % proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi (projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni), tikkostitwixxi sistema tal-proprjetà fis-sens tal-Artikolu 345 TFUE u hija, bħala tali, kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari li tirrigwarda “l-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji” u “l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji” fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital

50.      It-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-moviment liberu tal-kapital. Il-Hoge Raad der Nederlanden tistaqsi jekk risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda għandhiex twassal sabiex ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital ma jkunux applikabbli għall-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji u għall-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji (25) jew, jekk, tal-inqas, li ma hemmx bżonn jiġu eżaminati dawn il-projbizzjonijiet fid-dawl tar-regoli dwar din il-libertà.

51.      Qabel xejn jeħtieġ, skont id-distinzjoni li jiena pproponejt iktar ’il fuq (26), li jiġi deċiż jekk dawn iż-żewġ projbizzjonijiet humiex konsegwenzi inerenti għall-għażla ta’ prinċipju li saret mill-Istaat der Nederlanden, diskussa fil-kuntest tal-ewwel domanda, li jirriżerva l-proprjetà tal-operaturi ta’ netwerks għall-awtoritajiet pubbliċi, li jfisser li ma jistgħux iservu ta’ ostakoli. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta hija fin-negattiv.

52.      Il-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji ma humiex konsegwenzi diretti u inevitabbli tal-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni, li, min-naħa tagħha, taqa’ taħt is-sistema ta’ proprjetà fis-sens tal-Artikolu 345 TFUE, imma huma pjuttost miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex jipprojbixxu li l-ġestjoni tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tintuża sabiex tippromwovi interessi iddisassoċjati mill-bżonnijiet ta’ dawn in-netwerks, b’mod partikolari l-interessi marbuta mal-provvista jew mal-produzzjoni tal-enerġija. Fir-realtà, dan huwa każ li tiġi pprojbita l-evażjoni tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà tan-netwerks, minn naħa, u tas-servizzi ta’ provvista u ta’ produzzjoni li jużawhom, min-naħa l-oħra, irrispettivament min-natura pubblika jew privata ta’ waħda jew tal-oħra minn dawn l-istrutturi. Barra minn hekk, il-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji hija ta’ natura li tiżola l-ġestjoni tan-netwerks mir-riskji marbuta mal-attivitajiet li ma humiex konnessi u, reċiprokament, li jiġi evitat li l-ġestjoni tan-netwerks tintuża bħala sors ta’ finanzjament ta’ attivitajiet li ma humiex konnessi.

53.      Fi kliem ieħor, dan ma huwiex każ ta’ miżuri intiżi, permezz tal-kontroll tal-ktajjen ta’ proprjetà intermedjarji, sabiex jirriżervaw il-proprjetà tan-netwerks għall-awtoritajiet pubbliċi imma pjuttost ta’ miżuri intiżi sabiex iżommu “pura” s-sistema mmirata lejn disassoċjazzjoni ta’ strutturi ta’ proprjetà, b’mod li l-interessi tan-netwerk u dawk tal-bejgħ tal-enerġija ma jitħalltux. Fil-fehma tiegħi, regolament simili għandu jkun meħtieġ ukoll fil-każ li s-separazzjoni ta’ proprjetà tiġi implementata mingħajr projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni. Anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tawtorizza li operatur ta’ netwerk ikun jappartjeni lil persuni privati, huwa ugwalment meħtieġ li jiġu introdotti projbizzjonijiet simili sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tas-separazzjoni ta’ proprjetà (27) bl-għan li jiġu evitati kunflitti ta’ interessi.

54.      Billi l-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji jistgħu jiġu ddisassoċjati mill-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk dawn jikkostitwixxux restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

55.      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ movimenti ta’ kapital fit-Trattati, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet valur indikattiv fin-nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 88/361/KEE(28), b’mod partikolari fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (29). Skont dik in-nomenklatura, jikkostitwixxu b’mod partikolari movimenti ta’ kapital l-investimenti msejħa “diretti” f’forma ta’ azzjonijiet f’impriża permezz ta’ azzjonijiet li jagħtu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fil-ġestjoni tagħha u fil-kontroll tagħha u l-investimenti msejħa “portafoll”, imwettqa bl-għan biss li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jiġu influwenzati l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-impriża (30). L-imsemmija nomenklatura tinkludi wkoll l-assigurazzjonijiet, il-garanziji l-oħra u d-drittijiet ta’ pleġġ.

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandhom jiġu kkwalifikati bħala “restrizzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, dawk il-miżuri nazzjonali li jistgħu jimpedixxu jew jillimitaw l-akkwist ta’ azzjonijiet fil-kumpanniji kkonċernati jew li jistgħu jiskoraġġixxu l-investituri ta’ Stati Membri oħrajn milli jinvestu fil-kapital tal-istess kumpanniji (31).

57.      Jidhirli li l-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji jaqgħu b’mod ċar fil-movimenti ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE u li huma jikkostitwixxu restrizzjonijiet. Barra minn hekk, peress li huma projbizzjonijiet li assolutament jimpedixxu, ipotetikament, it-tranżazzjonijiet kollha li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tagħhom, ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita separatament in-natura tagħhom ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital.

58.      Billi jipprevjenu kwalunkwe strateġija ta’ diversifikazzjoni finanzjarja jew operazzjonali fl-entitajiet ikkonċernati, ibbażata fuq il-kumplimentarjetà taż-żewġ setturi, il-projbizzjonijiet inkwistjoni jipprevjenu kemm l-investimenti diretti kif ukoll l-investimenti ta’ portafoll. Fil-fatt, huma jillimitaw l-investimenti mill-kumpanniji barranin fl-operaturi attivi fis-settur tal-enerġija fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll l-investimenti minn dawn tal-aħħar fl-operaturi barranin li għandhom parteċipazzjoni fil-gruppi l-oħra ta’ kumpanniji tal-enerġija fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji tista’ wkoll tibdel it-termini ta’ finanzjament tal-kumpanniji kkonċernati. Għalhekk, il-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji jikkostitwixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE, ipprojbiti ħlief jekk ikun hemm ġustifikazzjoni.

59.      Huwa utili li jiġi ppreċiżat li ż-żewġ projbizzjonijiet jistgħu jiġu analizzati wkoll mill-perspettiva tal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji tostakola t-teħid ta’ parteċipazzjonijiet kemm minoritarji kif ukoll maġġoritarji fl-operaturi ta’ netwerk u l-impriżi tal-enerġija kif ukoll fl-entitajiet membri ta’ gruppi ta’ kumpanniji li lilhom jappartjenu tali kumpanniji. Il-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji min-naħa tagħha tillimita l-kamp ta’ attività tal-operaturi ta’ netwerks u tal-kumpanniji li jkunu assoċjati magħhom fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji u dan jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment mill-perspettiva tal-impriża kkonċernata. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, sa fejn il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jinkludu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, tali restrizzjonijiet huma l-konsegwenza diretta tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital eżaminati iktar ’il fuq, li ma tistax tkun separata minnhom. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-miżuri inkwistjoni fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment (32).

60.      Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tieni domanda preliminari fis-sens li, għalkemm il-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni tal-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi sistema ta’ proprjetà fis-sens tal-Artikolu 345 TFUE kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sistemi nazzjonali oħra, bħalma huma l-projbizzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji li jinkludu kemm l-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni tal-enerġija kif ukoll persuni ġuridiċi li jikkumerċjalizzaw, li jfornixxu jew li jipproduċu l-elettriku jew il-gass fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji applikabbli għall-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni, jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital u għandha tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tagħhom miegħu.

C –    Fuq it-tielet domanda preliminari rigward l-eżistenza ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali” li jikkostitwixxu ġustifikazzjoni għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

61.      Bit-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għanijiet tal-Liġi Won, jiġifieri li tiġi żgurata t-trasparenza fis-suq tal-enerġija u li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, permezz tal-ġlieda kontra s-sussidji trażversali fis-sens wiesa’ (inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika) humiex interessi ekonomiċi puri, jew jistgħux jitqiesu wkoll bħala interessi ta’ natura mhux ekonomika, fis-sens li, f’ċerti ċirkustanzi, huma jistgħu jikkostitwixxu, inkwantu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ġustifikazzjoni għal restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital.

1.      Fuq il-karatteristiċi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass

62.      Qabel ma nanalizza l-eżistenza ta’ possibbli ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tagħha, jidhirli li huwa neċessarju li nfakkar il-karatteristiċi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass fuq il-livelli kompetittiv u strateġiku.

63.      Dawn in-netwerks jagħqdu n-netwerk ta’ trażmissjoni nazzjonali mal-konsumatur fuq il-livell reġjonali jew lokali. Huma jikkostitwixxu monopolji msejħa “naturali” għaliex ma jistgħux raġonevolment jiġu dduplikati fid-dawl tal-ispejjeż kbar ferm marbutin magħhom. Mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, għalhekk il-proprjetarju tan-netwerk ta’ distribuzzjoni jikkontrolla infrastruttura essenzjali (“essential facility”) bejn il-provvista u l-konsum li tagħtih saħħa fis-suq kemm ’il fuq kif ukoll ’l isfel.

64.      In-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass huma importanti għal konsumaturi f’żewġ modi. L-ewwel nett, huwa indispensabbli li l-proprjetarju tan-netwerk ma jużax il-pożizzjoni monopolistika tiegħu sabiex jitlob prezz sproporzjonat għas-servizz tiegħu, jiġifieri għall-aċċess għall-provvista tal-enerġija permezz tan-netwerk ta’ distribuzzjoni. Dan għaliex it-tariffa għad-distribuzzjoni tal-enerġija tista’ tkun ikkontrollata mill-awtoritajiet nazzjonali, li jidhirli huwa l-każ fil-Pajjiżi l-Baxxi (33). Fit-tieni lok, huwa neċessarju li l-kwalità għall-ġestjoni tan-netwerk tkun sodisfaċenti f’termini, b’mod partikolari, ta’ tiswija tad-difetti li jaffettwaw ir-riċezzjoni tal-enerġija u l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-konsum.

65.      Mill-perspettiva tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, in-netwerks ta’ distribuzzjoni huma essenzjali għaliex huwa inutili li jkun hemm provvista suffiċjenti tal-enerġija jekk din ma tkunx tista’ tiġi distribwita lill-konsumaturi. Għalhekk l-operaturi ta’ netwerks għandhom importanza wkoll mill-perspettiva tas-sigurtà nazzjonali, għaliex min jikkontrolla d-distribuzzjoni tal-elettriku jikkontrolla wkoll is-soċjetà moderna fl-aspetti kollha tagħha. L-istess raġunament jgħodd għall-gass fl-Istati Membri fejn dan jikkostitwixxi sors importanti tal-enerġija.

66.      Fid-dawl tan-natura speċifika tas-setturi li jużaw netwerks li ma jistgħux jiġu “dduplikati” għall-provvista ta’ servizzi jew tal-enerġija, l-importanza li tiġi żgurata struttura kompetittiva adatta tidher iktar ċara. Minn din il-perspettiva, huwa neċessarju li jiġi żgurat aċċess mhux diskriminatorju minn terzi għal dawn in-netwerks sabiex jitwettaq il-proċess ta’ liberalizzazzjoni, jiġifieri l-implementazzjoni ta’ suq kompetittiv li fih hija żgurata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fl-operat ta’ netwerks bħal ma huma, b’mod partikolari, in-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, ta’ gass, jew it-trasport ferrovjarju. Għal dan l-għan il-leġiżlatur tal-Unjoni, bħal dak ta’ bosta Stati Membri, adotta l-istrateġija tas-separazzjoni, jiġifieri ta’ separazzjoni tal-ġestjoni tan-netwerk u tal-użu tiegħu għall-provvista tas-servizzi. Il-grad ta’ separazzjoni intiża jew imfittxija tvarja skont is-setturi u l-Istati Membri kkonċernati, mis-separazzjoni tal-kontabbiltà jew funzjonali sas-separazzjoni ġuridika u saħansitra s-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà.

2.      L-effett tad-dritt sussidjarju tal-Unjoni fuq l-evalwazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-libertajiet ta’ moviment

67.      Il-kawżi prinċipali jqajmu l-problema tal-effett ta’ miżuri tad-dritt sussidjarju tal-Unjoni fuq l-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni li tikkostitwixxi restrizzjoni fuq waħda mil-libertajiet ta’ moviment u li tmur lil hinn mill-eżiġenzi tad-Direttiva li tkun qed tiġi trasposta.

68.      Effettivament jidher importanti fid-dawl tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jiġi ddeterminat jekk l-istħarriġ tal-miżura ta’ traspożizzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jimplikax l-istħarriġ tal-kompatibbiltà mad-dritt primarju tal-Unjoni tad-Direttiva trasposta.

69.      Fil-kawżi prinċipali, il-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji li tirriżulta mill-Liġi Won, adottata b’mod partikolari sabiex jiġu trasposti d-Direttivi 2003/54 u 2003/55 tat-tieni pakkett tal-enerġija, li ma jeżiġux is-separazzjoni tal-proprjetà tal-azzjonijiet tal-operatur ta’ netwerk ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni u dik ta’ operaturi oħra u ma jistabbilixxux il-modalità espliċita ta’ traspożizzjoni (34). L-istess bħal leġiżlaturi nazzjonali oħra li għażlu s-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà bejn operaturi ta’ netwerks ta’ trażmissjoni, minn naħa, u impriżi ta’ produzzjoni u provvista tal-enerġija, min-naħa l-oħra (35), jidhirli li bil-Liġi Won, fl-2006, il-leġiżlatur Olandiż minn jeddu mar lil hinn mill-eżiġenzi tad-dritt sussidjarju tal-Unjoni fis-seħħ billi għażel is-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà ta’ operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni, minn naħa, u l-impriżi ta’ produzzjoni u ta’ provvista tal-enerġija, min-naħa l-oħra. Nenfasizza li d-direttivi inkwistjoni huma d-dispożizzjonijiet minimi ta’ armonizzazzjoni.

70.      Fil-kuntest ġuridiku applikabbli ratione temporis għal dawn il-kawżi prinċipali, il-Liġi Won, għalkemm kienet ġiet adottata għat-traspożizzjoni tagħhom, tidher għalhekk bħala miżura nazzjonali distinta mid-direttivi tal-2003. Għaldaqstant hija tista’ tistħarreġ b’mod awtonomu fid-dawl tal-libertajiet ta’ moviment.

71.      Madankollu, għalkemm ma humiex applikabbli ratione temporis għall-kawżi prinċipali, jidhirli li ma tistax tiġi injorata l-adozzjoni sussegwenti tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, li, min-naħa tagħhom, jagħmlu s-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà waħda mill-modalitajiet espliċiti ta’ traspożizzjoni. Infakkar fil-fatt li l-premessa 11 tad-Direttiva 2009/72 tikkwalifika tali separazzjoni bħala mezz stabbli u effikaċi ta’ soluzzjoni tal-kunflitt ta’ interessi intrinsiku u li l-premessa 21 tagħha tistabilixxi dritt ta’ għażla tas-separazzjoni sħiħa tal-istrutturi ta’ proprjetà (36).

72.      Ċertament, interpretazzjoni litterali u restrittiva tal-imsemmija premessi tista’ tissuġġerixxi li dawn ma japplikawx għall-operaturi ta’ netwerks ta’ trażmissjoni tal-enerġija. Minkejja dan, l-istess bħall-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, naħseb li dawn il-premessi huma rilevanti wkoll fir-rigward ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, li jiena diġà ddeskrivejt, u tan-neċessità li jiġu eliminati l-kunflitti ta’ interessi bejn operaturi u utenti tan-netwerks li jidhirli li hija dejjem akuta fil-qasam ta’ distribuzzjoni kif ukoll ta’ trażmissjoni anki jekk dawn in-netwerks huma deċiżivi mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fuq il-livell transkonfinali.

73.      Għalhekk, fil-kuntest ġuridiku attwali, jidhirli li l-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji ma tistax iktar tiġi kkontestata, tal-inqas fil-prinċipju tagħhom, mingħajr ma jinvolvu direttament stħarriġ tal-kompatibbiltà tad-Direttivi tal-2009 mal-moviment liberu tal-kapital. Ninnota madankollu li s-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà msemmija fil-premessa 11 ta’ dawn id-direttivi ma hijiex estiża daqs dik li tirriżulta mill-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji fid-dritt Olandiż, billi din il-premessa tirriżerva espressament il-possibbiltà ta’ investimenti minoratorji reċiproċi bejn l-operatur ta’ netwerk u impriża ta’ produzzjoni jew ta’ provvista.

74.      Il-Kummissjoni targumenta fl-osservazzjonijiet tagħha li l-kompatibbiltà tal-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji mal-moviment liberu tal-kapital għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt sussidjarju tal-Unjoni u hija tidher li ssostni li l-kompatibbiltà tal-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji mal-għanijiet tad-direttivi biss tista’ sservi ta’ ġustifikazzjoni għal dik il-miżura.

75.      Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni proprja hija pjuttost is-segwenti jiġifieri s-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà sussegwentement stabbilita bid-direttivi tal-2009 hija kompatibbli mat-Trattat u b’mod partikolari mal-libertajiet ta’ moviment li hija tista’ ttellef?

76.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa, fil-prinċipju, obbligat jirrispetta l-libertajiet ta’ moviment stabbiliti mit-Trattat, l-istess bħal-leġiżlatur nazzjonali (37). Żviluppa dibattitu fid-duttrina (38) sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni sussidjarja hijiex suġġetta għal stħarriġ tal-istess natura u tal-istess intensità fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-konformità tagħha mad-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-libertajiet ta’ moviment (39), jew jekk l-imsemmi stħarriġ għandux jiġi adattat għall-ispeċifiċitajiet u għanijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni.

77.      Fil-kawża Bauhuis, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżuri maħruġa mill-Kunsill fl-interess ġenerali tal-Komunità u mhux unilateralment mill-Istati Membri bl-għan tal-protezzjoni tal-interessi partikolari tagħhom, ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala miżuri li jostakolaw il-kummerċ (40). Fi kliem ieħor, jidher li l-leġiżlazzjoni sussidjarja tal-Unjoni tgawdi minn preżunzjoni ta’ konformità mal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti bit-Trattat. Eżempju iktar riċenti tal-ispeċifiċità tal-istħarriġ tal-miżuri ta’ dritt sussidjarju fil-konfront tal-libertajiet ta’ moviment jirriżulta mis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (41) li fiha ġie deċiż li l-għan tal-ġlieda kontra kull distorsjoni tas-suq tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mid-Direttiva dwar id-Depożiti (42). Tali għan jista’ indubjament jiġġustifika miżura nazzjonali simili li għandha titqies ta’ natura purament ekonomika.

78.      Hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-għanijiet ekonomiċi tat-Trattat jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali li jitnisslu mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi prinċipali, huwa għaldaqstant neċessarju li tistħarreġ il-kwistjoni jekk, u sa fejn, l-għanijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali huma l-istess bħall-għanijiet tat-Trattat. Din il-problema tista’ tqum f’termini identiċi barra mil-liberalizzazzjoni tas-setturi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass, b’mod partikolari fil-kuntest tal-analiżi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ kompetizzjoni li, fil-kamp tal-applikazzjoni partikolari tagħha, tirriżulta li hija iktar stretta minn dik tal-Unjoni u tista’ għalhekk tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment.

3.      Fuq il-ġustifikazzjonijiet imsejħa “purament ekonomiċi”

79.      Fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari, stabbilejt li kemm il-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji kif ukoll il-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji applikabbli għall-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital li tiegħu huma jikkostitwixxu restrizzjonijiet.

80.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-moviment liberu tal-kapital jista’ jiġi limitat b’liġi nazzjonali biss jekk dan ikun iġġustifikat minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, tali restrizzjonijiet għandhom ikunu xierqa għall-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż (43).

81.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-għanijiet ta’ trasparenza fuq is-suq tal-enerġija u ta’ prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bl-għan tal-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni xierqa (“level playing field”), invokati mill-Istat sabiex jiġġustifika l-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji, kienu ntużaw ukoll mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill bħala bażi għad-Direttivi 2009/72 u 2009/73. Skont il-premessi tagħhom, dawn id-direttivi huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiżguraw aċċess xieraq għan-netwerk u t-trasparenza fuq is-suq bl-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi trasparenti u mhux diskriminatorji (44). Għalkemm dawn id-direttivi ma jimponux is-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà tal-operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni u ta’ attivitajiet kummerċjali, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-miżuri preskritti, b’mod partikolari ta’ separazzjoni u ta’ separazzjoni operattiva, saru sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għadhom kif issemmew.

82.      Għall-kuntrarju, il-kumpanniji jikkunsidraw li t-trasparenza u l-ġlieda kontra s-sussidji trażversali huma intiżi prinċiparjament sabiex isaħħu l-istruttura tal-kompetizzjoni tas-suq Olandiż tal-enerġija. Filwaqt li jirreferu għal ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma jargumentaw li tali għanijiet huma ta’ natura purament ekonomika u ma jistgħux, bħala tali, jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (45).

83.      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, temmen li, ċertament, il-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji jwasslu għal separazzjoni tal-operaturi ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni li tmur lil hinn minn dik preskritta mid-Direttivi 2003/54 u 2003/55, imma li hija konformi mal-istruttura u mal-għanijiet ta’ dawn id-direttivi.

84.      Fil-fehma tiegħi, kemm mill-premessi tad-Direttivi tal-2009 kif ukoll mid-dibattiti Parlamentari fil-Pajjiżi l-Baxxi jirriżulta b’mod ċar li l-għanijiet prinċipali tas-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà u tal-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji huma rispettivament, fl-Unjoni, iż-żieda fl-investimenti u fil-kompetizzjoni fuq is-suq tal-enerġija u r-roħs fil-prezzijiet fuq il-livell Ewropew (46) u, fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-ġlieda kontra l-imġiba anti-kompetittiva permezz ta’ trasparenza aħjar (47). Biżżejjed jiġi nnutat li dawn l-għanijiet jikkostitwixxu prima facie motivi ta’ natura ekonomika fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

85.      Speċifikament, minkejja l-motivi ekonomiċi kkritikati f’dan il-każ, il-projbizzjonijiet ta’ grupp ta’ kumpanniji u ta’ attivitajiet estranji jidhirli li jistgħu jiġu ġġustifikati fi tliet modi. L-ewwel nett, billi jitqies li l-għanijiet ekonomiċi ma humiex “puri”, imma pjuttost mezzi għas-servizz ta’ għanijiet mhux ekonomiċi. It-tieni nett, billi jiġi speċifikat il-kunċett ta’ għan ekonomiku sabiex jinkludi fattur rigward l-għan protezzjonist, jew “egoist”, tal-miżura mistħarrġa. Jew, it-tielet nett, billi, irrispettivament min-natura ekonomika jew le tal-motiv miġjub ’il quddiem, il-projbizzjonijiet inkwistjoni jiġu ġġustifikati b’riferiment għal wieħed mill-għanijiet tat-Trattat.

86.      L-ewwel raġunament għandu jkun konformi mal-iżviluppi, diġà aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar il-projbizzjoni minħabba motivi ekonomiċi (48). B’mod partikolari, il-Gvern Olandiż jistrieħ fuq linja ta’ każijiet li tammetti l-leġittimità ta’ miżuri li, filwaqt li għandhom motiv ekonomiku, ifittxu finalità oħra ta’ natura mhux ekonomika (49).

87.      Minkejja dan, jekk jiġi segwit dan ir-raġunament ser iqumu żewġ diffikultajiet f’dawn il-kawżi prinċipali. L-ewwel hija li l-formulazzjoni tat-tielet domanda preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden li tikkonċerna biss l-għanijiet ta’ trasparenza fuq is-suq tal-enerġija u d-distorsjoni ta’ kompetizzjoni, u ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet mhux ekonomiċi sostnuti mill-Gvern Olandiż, jiġifieri b’mod partikolari l-protezzjoni tal-klijenti, il-garanzija tas-sigurtà tal-provvista, u l-interess li l-operaturi ta’ netwerks li jiffokaw fuq dan il-kompitu.

88.      L-oħra hija li l-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpannija u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji u s-sigurtà pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur ma tidhirx ċara la f’termini tal-adegwatezza ta’ dawn il-miżuri u lanqas tal-proporzjonalità tagħhom ma’ dawn l-għanijiet (50), kif isostnu korrettement il-kumpanniji. Fil-fatt, jidhirli li l-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni diġà tissodisfa biżżejjed l-eżiġenzi bbażati fuq ix-xewqa ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika għaliex hija teskludi, b’mod partikolari, il-ġestjoni tan-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku minn kumpanniji kkontrollati minn Stati terzi. Għall-kuntrarju, l-eżiġenzi li jitnisslu mix-xewqa ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jimmeritaw kunsiderazzjoni partikolari anki kieku l-leġiżlatur ikun aċċetta l-eżistenza ta’ kumpanniji integrati vertikalment.

89.      It-tieni raġunament jistrieħ fuq l-idea li r-raġuni li għaliha l-miżuri riżultanti mid-dritt tal-Unjoni ma humiex suġġetti għal stħarriġ daqstant strett fil-konfront tal-libertajiet ta’ moviment daqs dak li għalih huma suġġetti miżuri purament nazzjonali, kif issemmi l-Qorti tal-Ġustizzja meta tiddistingwi l-motivi li jistgħu jiġġustifikaw miżura restrittiva minn motivi oħra, ma hijiex daqstant in-natura ekonomika fiha nnifisha tal-għan imfittex daqs il-finalità protezzjonista impliċita ta’ dik il-ġustifikazzjoni espliċita (51). Għalhekk, il-klassifikazzjoni statika tal-espressjoni leġiżlattiva ta’ politika pubblika hija inqas importanti mill-finalità dinamika tagħha, fid-dawl tas-sistema u l-għanijiet tat-Trattat.

90.      Din l-analiżi hija kkonfermata bl-eżami tal-miżuri inkwistjoni f’ċerti kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment jew il-moviment liberu tal-kapital bħala waħda ta’ natura purament ekonomika.

91.      Pereżempju, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑367/98) (52), iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ammettietx li s-sistema nazzjonali inkwistjoni, li tillimita n-numru ta’ investituri ċittadini ta’ Stat ieħor u tissuġġetta għall-approvazzjoni minn qabel tar-Repubblika tal-Portugall l-akkwist ta’ azzjonijiet iktar minn ċertu livell, hija ġġustifikata bit-tisħiħ tal-istruttura kompetittiva tas-suq inkwistjoni kif ukoll bil-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-effikaċja tal-mezzi ta’ produzzjoni fuq il-bażi tan-natura ekonomika tagħhom. Jidhirli li l-motivazzjoni impliċita ta’ din is-sentenza tikkonsisti fis-suspett dwar il-motivi protezzjonisti fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali rriżervata lill-awtorità nazzjonali responsabbli għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.

92.      Barra minn hekk, ir-riskju kbir ta’ distorsjoni protezzjonista fuq in-natura tal-motiv hija riflessa a fortiori fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma tikkonċernax il-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi. Hekk, fil-kawża riċenti Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (53), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-ġustifikazzjoni ta’ miżura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-akkwist ta’ azzjonijiet fil-kumpanniji strateġiċi minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali fl-eżerċizzju ta’ dak il-poter, minkejja l-eżistenza ta’ raġuni ta’ sigurtà pubblika, li tista’ tiġġustifika tali dispożittiv, relattiv għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Fi kliem ieħor, l-għan ta’ dispożittiv nazzjonali mistħarreġ jirbaħ fuq il-klassifikazzjoni ekonomika tiegħu.

93.      Il-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (54) wkoll tikkonċerna liġi ta’ privatizzazzjoni li, taħt miżura tranżitorja bl-għan tal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-settur tal-enerġija, iċċaħħad mid-dritt tal-vot l-azzjonijiet kollha ’l fuq minn livell konsolidat ta’ 2 %. Ir-Repubblika Taljana ppruvat tiġġustifika din il-miżura bis-salvagwardja ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’saħħithom u xierqa fuq is-swieq tal-enerġija, għan miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja. Anki hemmhekk, jidhirli li kienet inqas in-natura ekonomika tal-miżura li kienet ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tammettiha milli l-fatt li din il-miżura tikkontribwixxi sabiex iżżomm l-istatus quo, jiġifieri, f’dak il-każ, il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani fuq il-kumpanniji li kienu qegħdin jiġu privatizzati, għan essenzjalment protezzjonist.

94.      Hekk ukoll fir-rigward tal-ġurisprudenza dwar il-“golden shares”, ma hijiex daqstant in-natura ekonomika tal-ġustifikazzjoni magħmula daqs in-natura eżorbitanti tad-dritt li tali gvern jirriżerva għalih innifsu, li twassal hemmhekk ukoll għal protezzjoniżmu pubbliku, li jidhirli li wassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja qieset sistematikament li tali dispożizzjonijiet huma inkompatibbli mal-libertà ta’ moviment tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment (55).

95.      Għan inkompatibbli mal-ġurisprudenza klassika tal-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ għall-kuntrarju titqies kompatibbli mat-Trattat wara test tal-għan fil-kuntest ta’ approċċ innovattiv tal-motiv ekonomiku. Dan jippresupponi, b’mod partikolari, il-ħolqien ta’ distinzjoni bejn, minn naħa, il-motivi ekonomiċi li għandhom l-effett li jipproteġu, b’mod jew ieħor, l-interessi ekonomiċi tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, dawk li għandhom l-effett li jorganizzaw settur skont l-għanijiet ekonomiċi tat-Trattat.

96.      F’dan il-każ, fil-kuntest tas-sitwazzjoni tat-tluq fil-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri li l-operaturi ta’ netwerks bħall-impriżi tal-enerġija integrati vertikalment jappartjenu lil entitajiet pubbliċi, ma jidhirlix li l-projbizzjoni ta’ grupp jew il-projbizzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ attivitajiet estranji jiffavorixxu direttament jew indirettament l-operaturi nazzjonali. Għall-kuntrarju, billi Essent NV kienet obbligata li tiġi diviża qabel ma tkun tista’ tiġi privatizzata, hija tqis li billi kienet imġiegħla ċċedi parteċipazzjonijiet fl-operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni Enexis Holding NV, hija tqiegħdet f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv fil-konfront ta’ kompetituri ta’ Stati Membri oħrajn fejn il-mudell vertikalment integrat għadu approvat. Għalhekk, jidher li l-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji ma tfittixx għan protezzjonist, kuntrarjament għall-miżuri meqjusa inkompatibbli mal-libertajiet ta’ moviment fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq.

97.      Barra minn hekk, il-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji jew il-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji ma jistgħux iwasslu għal għan protezzjonist favur l-awtoritajiet pubbliċi li, ċertament, jistgħu jirriżervaw il-proprjetà tal-operaturi ta’ netwerks, iżda huma wkoll esklużi minn dik tal-impriżi tal-enerġija, peress li huma operaturi ta’ netwerks.

98.      It-tielet raġunament jikkonsisti fir-rikonoxximent ta’ bażi ġdida għall-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni fuq il-libertajiet ta’ moviment, ibbażata fuq id-dispożizzjoni tat-Trattat li s-suq intern fih dejjem sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta. Din id-dispożizzjoni, li diġà tinsab fl-Artikolu 3(f) tat-Trattat KEE oriġinali, illum tinsab fil-Protokoll 27 tat-Trattat TFUE (56).

99.      Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li taħseb sabiex tissostitwixxi fuq il-livell reġjonali, jew lokali, il-monopolji storiċi tal-impriżi tal-enerġija integrati vertikalment bi struttura li, filwaqt li tissepara l-proprjetà mill-ġestjoni tan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ dawn is-servizzi li jużawha, tippermetti l-istabbiliment ta’ suq kompetittiv tal-kummerċ, il-provvista u l-produzzjoni tal-enerġija hija tabilħaqq miżura xierqa biex tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta.

100. Fil-fehma tiegħi, il-limitazzjonijiet għal-libertà ta’ azzjoni kemm tal-operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni kif ukoll tal-impriżi tal-enerġija, jistgħu jiżguraw aċċess nondiskriminatorju għas-suq tal-enerġija u jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta fir-rigward tal-kummerċ, il-provvista u l-produzzjoni tal-enerġija. Fil-fehma tiegħi, dan l-għan għandu jitqies bħala ġustifikazzjoni sinjifikattiva ta’ interess ġenerali għar-restrizzjonijiet nazzjonali nondiskriminatorji li jsiru neċessarji sabiex ikun jista’ jiġi liberalizzat suq milqut b’monopolju naturali. Huwa irrilevanti jekk din il-ġustifikazzjoni tkunx ikklassifikata bħala ġustifikazzjoni mhux purament ekonomika jew mhux protezzjonista.

101. B’mod iktar speċifiku, il-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji ssaħħaħ is-separazzjoni bejn, minn naħa, il-provvista u l-produzzjoni u, min-naħa l-oħra, id-distribuzzjoni tal-enerġija li, skont il-premessa 11 tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73, hija l-iktar mezz effikaċi ta’ promozzjoni nondiskriminatorja tal-investiment fl-infrastrutturi, aċċess ekwu għan-netwerk għall-parteċipanti ġodda u t-trasparenza tas-suq.

102. Il-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji, min-naħa tagħha, fl-istess ħin tiżola s-setturi l-oħra, bħal pereżempju l-ġestjoni tal-iskart “spill over”, mir-riżorsi akkwistati fil-kuntest ta’ attività li jkollha n-natura ta’ monopolju naturali filwaqt li tipproteġi l-ġestjoni tan-netwerks kontra r-riskji marbuta mal-attivitajiet li ma humiex konnessi. Konsegwentement tali projbizzjoni tista’ tiżgura li l-profitti ġġenerati mill-użu fil-kuntest tal-ġestjoni tan-netwerks ikunu investiti fil-manutenzjoni u fit-titjib tan-netwerk u mhux f’attivitajiet estranji.

103. Fir-rigward tal-proporzjonalità, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar prinċipju adottata mil-leġiżlatur nazzjonali, jiġifieri s-separazzjoni strutturali bejn il-ġestjoni tan-netwerks ta’ distribuzzjoni u l-kummerċ, il-provvista u l-produzzjoni tal-elettriku u tal-gass, din il-projbizzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ trasparenza fuq is-suq tal-enerġija u l-prevenzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

104. Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tielet domanda preliminari fis-sens li s-sistemi nazzjonali inkwistjoni, bħalma huma l-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji li jinkludu kemm l-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-enerġija kif ukoll persuni ġuridiċi li jikkummerċjalizzaw, li jfornixxu jew li jipproduċu l-elettriku jew il-gass fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji applikabbli għall-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet iġġustifikati fuq il-moviment liberu tal-kapital għaliex jistgħu jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta bl-operat ta’ pożizzjoni monopolistika ta’ operatur ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni fil-kummerċ, il-provvista jew il-produzzjoni jew f’setturi oħra separati mill-ġestjoni ta’ netwerk.

V –    Konklużjoni

105. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domanda preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden:

1)      Sistema ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li timplika li l-azzjonijiet f’operatur ta’ netwerk jistgħu jiġu ttrasferiti biss fl-ambitu tal-awtoritajiet pubbliċi u lil ċerti kumpanniji li jappartjentu 100 % lil awtoritajiet pubbliċi (projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni), tikkostitwixxi “sistema tal-proprjetà” fis-sens tal-Artikolu 345 TFUE u hija, f’dan ir-rigward, kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

2)      Għalkemm il-projbizzjoni ta’ privatizzazzjoni tal-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi sistema ta’ proprjetà fis-sens tal-Artikolu 345 TFUE kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sistemi nazzjonali oħra, bħall-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji li jinkludu kemm l-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-enerġija kif ukoll persuni ġuridiċi li jikkumerċjalizzaw, li jfornixxu jew li jipproduċu l-elettriku jew il-gass fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji applikabbli għall-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni, jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital fir-rigward ta’ liema għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tagħhom.

3)      Is-sistemi nazzjonali inkwistjoni, bħall-projbizzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji li jinkludu kemm l-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni tal-enerġija kif ukoll il-persuni ġuridiċi li jikkumerċjalizzaw, li jfornixxu jew li jipproduċu l-elettriku jew il-gass fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji applikabbli għall-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni, jistgħu jitqiesu bħala restrizzjonijiet iġġustifikati fuq il-moviment liberu tal-kapital għaliex jistgħu jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta bl-operat ta’ pożizzjoni monopolistika ta’ operatur ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni fil-kummerċ, il-provvista jew il-produzzjoni jew f’setturi oħra separati mill-ġestjoni ta’ netwerk.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – F’dawn il-konklużjonijiet, il-frażijiet “netwerk” u “operatur ta’ netwerk” jirreferu dejjem għan-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew ta’ gass fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fejn ikun il-każ ta’ netwerks ta’ trażmissjoni, dan jissemma espressament.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211, p. 230).


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, p. 55).


6      Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, p. 94).


7 –      ĠU 2008, C 175 E, p. 206.


8 – Stb. 1998, Nru 427.


9 –      Stb. 2000, Nru 305.


10 – Stb. 2004 Nru 328.


11 – Stb. 2006 Nru 614.


12 – Stb. 2008, Nru°62.


13 – Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14 – F’dawn il-konklużjonijiet, il-frażi “projbizzjoni ta’ attivitajiet estranji” ġiet issostitwita bi “projbizzjoni tal-attivitajiet anċillari”, użata fil-verżjoni Franċiża tad-digrieti tar-rinviju, bl-għan li tiġi evitata kull konfużjoni mal-kunċett ta’ “servizzi anċillari” fis-sens tal-Artikoli 2, punt 17 tad-Direttiva 2003/54/KE, u 2, punt 14, tad-Direttiva 2003/55/KE, filwaqt li jiġi speċifikat li d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett hija differenti f’kull waħda mid-direttivi msemmija.


15 –      Il-frażi użata f’dawn il-konklużjonijiet għall-analiżi tat-tieni u t-tielet domandi tirreferi għall-argument spjegat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet (“attivitajiet estranji”).


16 –      Għandu jiġi ppreċiżat li d-definizzjoni tal-awtorità tinkludi wkoll il-persuni ġuridiċi li huma kumpannija sussidjarja 100 % ta’ kumpannija tal-enerġija msemmija fid-digriet dwar l-azzjonijiet ta’ operaturi ta’ netwerk, inkluż Essent NV (qabel id-diviżjoni tagħha), Eneco Holding NV u Delta NV. Dawn il-kumpanniji sussidjarji jistgħu jkunu persuni ġuridiċi barranin.


17 –      Ara l-punt 45 tal-konklużjonijiet magħquda tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer ippreżentati fit-3 ta’ Lulju 2001, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑367/98, Ġabra p. I‑4731); Il-Kummissjoni vs Franza (C‑483/99, Ġabra p. I‑4781), u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑503/99, Ġabra p. I‑4809), punt 45.


18 –      Fl-osservazzjonijiet tagħha Delta NV tirreferi għad-deskrizzjoni tal-oriġini tal-imsemmija dispożizzjoni li saret mill-Professur P. Reuter fil-ktieb tiegħu La Communauté européenne du charbon etde l’Acier (Paris 1953).


19 –      Skont l-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer, l-Artikolu 345 TFUE ma jikkonċernax is-sistemi ta’ proprjetà fis-sens tal-ordni ċivili tar-relazzjonijiet patrimonjali (ara l-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu magħquda mal-Kawżi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Portugall [C-367/98]; Il-Kummissjoni vs Franza [C-483/99” u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju [C-503/99]).


20 –      Riċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑244/11, punti 15 u 16) li “[…] l-Artikolu [295 KE] ma għandux l-effett li s-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri jevitaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat […]. B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm l-Artikolu 295 KE ma jaffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu sistema għall-akkwist ta’ proprjetà immobbli, tali sistema ma tevitax ir-regoli fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk ta’ nondiskriminazzjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital (is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg, C‑452/01, Ġabra p. I‑9743, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)”.


21 – Is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra p. 1141).


22 – Is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas-26 ta’ Ġunju 2007, ESA vs In-Norveġja (kawża msejħa “kaskati għall-produzzjoni tal-enerġija fin-Norveġja”) (E‑2/06, EFTA Court Report, p. 163, punt 72).


23 –      ĠU 1994, L 1, p.3.


24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑367/98), Il-Kummissjoni vs Franza (C‑483/99), u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑503/99).


25 –      Ara supra, punti 21 sa 25 ta’dawn il-konklużjonijiet.


26 – Fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27 –      Skont il-Kummissjoni, fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dawn iż-żewġ projbizzjonijiet, il-Gvern Olandiż kien għadu ma eskludiex il-possibbiltà ta’ privatizzazzjoni tal-operaturi ta’ netwerk. Infakkar li, fil-fatt, is-sistemi li jillimitaw il-formazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji u/jew l-eżerċizzju ta’ attivitajiet estranji huma pjuttost komuni fil-leġiżlazzjoni applikabbli għas-setturi suġġetti għal kontroll statali addizzjonali, bħal dawk applikabbli għas-settur finanzjarju jew tas-saħħa.


28 –      Direttiva tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10).


29 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010 (C-171/08, Ġabra p. I-6817, punt 49). Ara, wkoll, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, Ġabra p. I‑11753, punt 179).


30 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (C‑567/07, Ġabra p. I‑9021, punt 19), u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑171/08, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 sa 50).


31 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, (C‑171/08) iċċitata iktar ’il fuq (punt 50).


32 – Sentenzi tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑282/04 u C‑283/04, Ġabra p. I‑9141, punt 43), kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, (C‑171/08) iċċitata iktar ’il fuq (punt 80).


33 – Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Olandiż waqt is-seduta.


34 – Ara l-premessa 8 u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/54 imsemmija iktar ’il fuq.


35 –      Qabel l-adozzjoni tat-tielet pakkett tal-enerġija, tlettax-il Stat Membru kienu għażlu d-disassoċjazzjoni tal-proprjetà tal-operaturi ta’ netwerks ta’ trażmissjoni tal-elettriku, sitta t-trażmissjoni tal-gass, skont M. Hunt, “Ownership Unbundling: The Main Legal Issues in a Controversial Debate”, EU Energy Law and Policy Issues, Edizzjoni B. Delvaux et, Rixensart: Euroconfidentiel, 2008.


36 – Madankollu, dan ma huwiex każ ta’ obbligu. F’dan ir-rigwad, l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2009/72, imsejjaħ “Is-separazzjoni tal-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni”, jipprovdi, l-istess bħall-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/54, li “dawn ir-regoli ma għandhomx joħolqu obbligu ta’ separazzjoni tal-proprjetà tal-assi tal-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni mill-impriża integrata vertikalment”.


37 –      Ara, fil-qasam tal-moviment liberu tal-oġġetti, is-sentenza tal-20 ta’ April 1978, Les Commissionnaires Réunis u Les Fils de Henri Ramel (80/77 u 81/77, Ġabra p. 927) fejn huwa indikat li “Il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi kif ukoll tal-miżuri li jkollhom effett ekwivalenti, tgħodd, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ripetutament, mhux biss għall-miżuri nazzjonali, imma wkoll għall-miżuri provenjenti minn istituzzjonijiet Komunitarji”. Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland (15/83, Ġabra p. 2171, punt 15). Jidhirli li ma għandux jiġi adottat raġunament differenti fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital.


38 –      Fuq dan il-punt, K. Mortelmans, “The relationship between the Treaty rules and Community measures for the establishment and functioning of the internal market”, Common Market Law Review, Vol. 39 (2002), p. 1303


39 –      Favur dan l-argument, E.-U. Petersmann, Constitutional Functions and Constitutional Problems of International Economic Law, Fribourg 1991.


40 –      Sentenza tal-25 ta’ Jannar 1977, Bauhuis (46/76, Ġabra p. 5, punti 27 sa 30)


41      Sentneza tat-13 ta’ Mejju 1997, (C-233/94, ĠAbra p. I-2405, punt 57).


42 –      Sentenza tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑233/94, Ġabra p. I‑2405, punt 57).


43 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑271/09, Ġabra p. I‑13613, punti 55 u 58).


44 – Ara, b’mod partikolari, il-premessi 4, 7, 26 u 32 tad-Direttiva 2009/72 u l-premessi 4, 5, 25 u 31 tad-Direttiva 2009/73.


45 – Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, Ġabra p. 2727, punti 35 u 36), tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann (C‑109/04, Ġabra p. I‑2421, punt 34) kif ukoll tal-15 ta’ April 2010, CIBA (C‑96/08, Ġabra p. I‑2911, punt 48).


46 – Ara fuq dan il-punt l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva COM(2007)528 finali, p. 5.


47 – L-osservazzjonijiet ta’ Essent NV u Essent Nederland BV jirrepetu r-raġunijiet mogħtija mil-leġiżlatur Olandiż f’diversi stadji tal-proċess.


48 – Għal eżempju ta’ dawn l-iżviluppi, ara J. Snell, “Economic Aims as Justification for Restrictions on Free Movement”, fir-Rule of reason: rethinking another classic of European legal doctrine, Edizzjoni A. Schrauwen, Groningen: Europa Law Publishing, 2005.


49 – Sentenza Campus Oil et, iċċitata iktar ’il fuq.


50 – Dwar kemm il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-eċċezzjoni ta’ sigurtà pubblika tal-Artikolu 65(1) TFUE illum eżistenti għandha tiftiehem b’mod strett u tista’ tkopri biss il-każ li fih l-interess pubbliku huwa mhedded realment u serjament biżżejjed, ara s-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑463/00, Ġabra p. I‑4581, punt 72), u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑171/08, iċċitata iktar ’il fuq (punt 73).


51 – Kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta.


52 – Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑367/98, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52).


53 – Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 79).


54 – Is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑174/04, Ġabra p. I‑4933, punt 37).


55 –      Ara, b’mod partikolari s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑171/08, iċċitata iktar ’il fuq), fejn il-kwistjoni kienet dwar azzjonijiet mogħtija drittijiet speċjali (dritt ta’ veto) li kellhom neċessarjament u f’livell ta’ maġġoranza jappartjenu lill-Istat jew azzjonisti pubbliċi oħra.


56 – Dwar il-ġurisprudenza rigward l-Artikolu 3(f) tat-Trattat KEE, ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 1985, Association des Centres distributeurs Leclerc u Thouars Distribuzzjoni (229/83, Ġabra p. 1, punti 20 et seq).