Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Lulju 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-427/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Mifsud-Bonnici, E. Manhaeve, aġenti)

Konvenuta: L-Irlanda

Talbiet

tikkonstata li, billi ma żguratx li l-ilmijiet miġbura f’sistema kkombinata ta’ ġbir ta’ ilma mormi urban u ta’ ilma tax-xita f’14-il agglomerazzjoni jiġu miżmuma u mwassla għal trattament konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi 1 , l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(2), l-Anness 1A u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE;

tikkonstata li, billi ma stabbilixxietx trattament sekondarju jew ekwivalenti jew billi ma pprovdietx provi suffiċjenti sabiex turi li f’dan ir-rigward hija kkonformat ruħha mad-Direttiva 91/271/KEE fir-rigward ta’ 25 agglomerazzjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(3) moqrija flimkien mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10 u tal-Anness 1B tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE;

tikkonstata li, billi ma żguratx li ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir minn 21 agglomerazzjoni, jiġi, qabel l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, suġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4 u skont r-rekwiżiti tal-Anness IB tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 5(3) moqrija flimkien mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10 u tal-Anness 1B tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE;

tikkonstata li, billi ma żguratx li d-disponiment ta’ ilma mormi minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi fl-agglomerazzjonijiet ta’ Arklow (IEAG_547) u Castlebridge (IEAG_515) ikun suġġett minn qabel għal regolamenti u/jew awtorizzazzjonijiet speċifiċi, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE.

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE jeżiġi mill-Istati Membri li jiżguraw li agglomerazzjonijiet li jkunu ikbar minn ċertu daqs ikunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir ta’ ilma mormi urban. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jħaddem sistema kkombinata ta’ ġbir ta’ ilma mormi urban u ta’ ilma tax-xita, din is-sistema għandha tkun imfassla sabiex tiżgura li l-ilmijiet miġbura jinżammu u jitwasslu għal trattament, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet klimatiċi kif ukoll il-varjazzjonijiet staġjonali. Fuq il-bażi tad-data rċevuta matul is-seba’ u t-tmien eżerċizzji ta’ rappurtar skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva kif ukoll tad-diskussjonijiet mal-Irlanda waqt il-fażi prekontenzjuża, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Irlanda ma hijiex konformi ma’ dan l-obbligu għal 14-il agglomerazzjoni minħabba l-assenza ta’ sistema ta’ ġbir fis-seħħ jew minħabba tixrid eċċessiv.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/271/KEE teżiġi mill-Istati Membri li jiżguraw li l-ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet li jkunu ikbar minn ċertu daqs għandu jkun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti qabel ma jiġi skarikat. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva jeżiġi mill-Istati Membri li jiżguraw li l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban jsiru konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IB tad-Direttiva. Wara li evalwat id-data pprovduta mill-Irlanda, il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 fir-rigward ta’ 25 agglomerazzjoni minħabba l-assenza ta’ impjant ta’ trattament, l-inabbiltà tal-impjant ta’ trattament fis-seħħ sabiex jittratta l-ammont kollu ġġenerat mill-agglomerazzjonijiet li jservi, in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-Anness IB jew minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 3 tad-Direttiva.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271/KEE jeżiġi mill-Istati Membri li jidentifikaw żoni sensittivi u li jissuġġettaw lill-agglomerazzjonijiet li jkunu ikbar minn ċertu daqs u li jiskarikaw f’dawn iż-żoni, għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4 u skont ir-rekwiżiti tal-Anness IB. Wara li evalwat id-data pprovduta mill-Irlanda, il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda naqset milli tapplika sewwa l-Artikolu 5 fir-rigward ta’ 21 agglomerazzjoni.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 91/271/KEE jeżiġi mill-awtoritajiet kompetenti li jiżguraw li l-iskarikar ta’ ilma mormi minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban ikun suġġett minn qabel għal regolamenti u/jew awtorizzazzjonijiet speċifiċi. Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda, il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda ma osservatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 12 fir-rigward ta’ żewġ agglomerazzjonijiet fejn l-impjanti ta’ trattament joperaw mingħajr liċenzja valida.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26.