Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Lulju 2010 - Repubblika tal-Ungerija vs Ir-Repubblika Slovakka

(Kawża C-364/10)

Lingwa tal-kawża: l-Islovakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Ungerija (rappreżentanti: M. Fehér u E. Orgován, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Slovakka

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara illi, peress li r-Repubblika Slovakka ma ppermettitx, fil-21 ta' Awwissu 2009, id-dħul tal-President tar-Repubblika tal-Ungerija László Sólyom fit-territorju tagħha, hija kisret id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, (iktar 'il quddiem, id-"Direttiva 2004/38") u l-Artikolu 18(1) TFUE;

tiddikjara, barra minn hekk, li d-dritt tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) TUE u l-Artikolu 21(1) TFUE, jipprekludi l-argument tar-Repubblika Slovakka, sostnut anki fil-mument tal-preżentata ta' dan ir-rikors, li jipprovdi li d-Direttiva 2004/38 tawtorizza l-fatt li rappreżentant tar-Repubblika tal-Ungerija, f'din il-kawża, il-President, jiġi pprojbit milli jidħol fit-territorju Slovakk, u għaldaqstant, ksur simili jista' jerga' jseħħ;

tiddikjara illi r-Repubblika Slovakka applikat il-liġi tal-Unjoni Ewropea b'mod żbaljat peress li ma awtorizzatx id-dħul tal-President tar-Repubblika tal-Ungerija fit-territorju tagħha;

fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġusizzja, kuntrarjament għal dak sostnut mir-Repubblika tal-Ungerija fit-talbiet imsemmija iktar 'il fuq, tiddikjara li dispożizzjoni speċifika tad-dritt internazzjonali tista' tillimita l-kuntest tal-applikazzjoni suġġettiva tad-Direttiva 2004/38, argument li r-Repubblika tal-Ungerija ma taqbilx miegħu, din għandha tiddefinixxi l-portata u l-kuntest tal-applikazzjoni ta' din il-limitazzjoni;

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' nota verbali tal-21 ta' Awwissu 2009, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Slovakka għarraf lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ungerija, b'riferiment għall-vjaġġ li l-President tar-Repubblika tal-Ungerija László Sólyom kellu jwettaq fl-istess jum, li l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Slovakka kienu ddeċidew li jipprojbixxu d-dħul tal-imsemmi president fit-territorju tagħhom.

Il-Gvern Ungeriż isostni li, peress li r-Repubblika Slovakka ma awtorizzatx id-dħul tal-President László Sólyom, hija kisret kemm l-Artikolu 18 TFUE kif ukoll id-Direttiva 2004/38. Skont ir-Repubblika tal-Ungerija, l-aġir tal-President László Sólyom, kemm b'mod ġenerali kif ukoll fil-kuntest tal-vjaġġ inkwistjoni, ma kienx jikkostitwixxi theddida reali, diretta u serja biżżejjed kontra interess fundamentali tas-soċjetà, tali li tkun tista' tiġġustifika l-adozzjoni ta' miżura restrittiva. Il-Gvern Ungeriż isostni li, anki jekk miżura restrittiva tista' tkun iġġustifikata, miżura bħal dik fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-fatt li d-dħul tal-President tar-Repubblika jiġi pprojbit, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-proporzjonalità u tmur lil hinn mill-għan imfittex, għan li r-Repubblika Slovakka tista' tilħqu b'miżuri inqas restrittivi.

Ir-Repubblika Slovakka lanqas ma osservat il-proċeduri tad-Direttiva 2004/38, għaliex il-projbizzjoni tad-dħul tal-President László Sólyom la ġiet adottata fuq il-bażi ta' deċiżjoni skont id-direttiva u lanqas ġiet innotifikata. In-nota verbali kienet tinforma bid-deċiżjoni tal-projbizzjoni tad-dħul, iżda la kienet tinkludi motivazzjoni suffiċjenti u lanqas indikazzjoni dwar quddiem liema korp amministrattiv jew ġudizzjarju u f'liema terminu seta' jiġi ppreżentat rikors.

Il-Gvern Ungeriż jibża' li jerġa' jkun hemm ksur mill-ġdid mir-Repubblika Slovakka, għaliex din għadha tal-fehma li l-projbizzjoni tal-President László Sólyom fit-territorju tagħha hija ġġustifikata.

Skont il-Gvern Ungeriż, l-applikazzjoni tad-dritt użat mill-awtoritajiet Slovakki mhux biss tirrappreżenta ksur tad-Direttiva 2004/38, iżda l-istess riferiment għad-direttiva huwa inġustifikat, peress li l-awtoritajiet Slovakki ma ridux jilħqu l-għan tad-direttiva iżda - billi nħbew warajha - fittxew għanijiet politiċi. Mid-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Slovakk huwa possibbli li jiġi dedott li l-Gvern Slovakk ma pprojbixxix id-dħul tal-President László Sólyom fit-territorju tar-Repubblika Slovakka għal motivi ta' sigurtà jew ta' ordni pubblika, kif tistabbilixxi l-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari d-Direttiva 2004/38, iżda għal raġunijiet purament politiċi, speċjalment ta' politika barranija.

Skont il-Gvern Ungeriż, il-Kummissjoni Ewropea wettqet żball meta matul il-proċeduri sostniet li fil-każ ta' vjaġġi uffiċjali ta' kapijiet ta' Stati tal-Istati Membri għandu jiġi applikat id-dritt nazzjonali u mhux id-dritt tal-Unjoni. Il-Gvern Ungeriż isostni li d-Direttiva 2004/38 tapplika indistintament għal kwalunkwe grupp ta' persuni u għal kwalunkwe tip ta' vjaġġ, kemm uffiċjali kif ukoll privat. L-imsemmija direttiva tirrikonoxxi b'mod ġenerali u għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni d-dritt fundamentali tad-dħul fit-territorju ta' kwalunkwe Stat Membru, dritt li huwa mogħti lil kull ċittadin mid-dritt primarju. Id-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi wkoll b'mod ġenerali u b'mod tassattiv il-każijiet li fihom huwa possibbli li l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jiġi llimitat. Din ma tintroduċiex deroga li tawtorizza li l-kapijiet tal-Istat jew kategorija oħra ta' ċittadini tal-Istati Membri jiġu esklużi mill-kuntest tal-applikazzjoni tar-regola ġenerali. Jekk il-Kunsill u l-Parlament Ewropew riedu jissuġġettaw l-eżerċizzju tal-moviment liberu għal regola tad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju, dawn ċertament kienu jipprovdu f'dan is-sens sa mill-mument tal-adozzjoni tad-direttiva.

Il-Gvern Ungeriż isostni li fil-kuntest tad-dritt internazzjonali, kodifikat jew konswetudinarju, ma teżistix regola ġuridika applikabbli fil-kawża prinċipali u li, anki li kieku teżisti, l-Istati Membri, bid-dħul tagħhom fl-Unjoni Ewropea, irrikonoxxew lil din tal-aħħar il-kompetenza sabiex tirregola l-moviment liberu tal-persuni u aċċettaw li jeżerċitaw is-setgħat meħuda mingħandhom f'dan il-qasam skont id-deċiżjonijiet u d-dritt tal-Unjoni. Jekk, fil-każ tad-dħul ta' ċittadin ta' Stat Membru fi Stati Membru ieħor, dispożizzjoni tad-dritt internazzjonali tista' tillimita l-kamp suġġettiv tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, huwa meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi b'mod ċar il-portata ta' din il-limitazzjoni, filwaqt li tikkunsidra l-fatt li d-Direttiva 2004/38 ma tistabbilixxix eċċezzjonijiet jew derogi f'dan is-sens.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46