Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta' Settembru 2010 minn AstraZeneca AB, AstraZeneca plc mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tal-1 ta' Lulju 2010 fil-Kawża T-321/05: AstraZeneca AB, AstraZeneca plc vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-457/10 P)

Lingwa tal-kawża: l-ingliż

Partijiet

Appellanti: AstraZeneca AB, AstraZeneca plc (rappreżentanti M. Brealey QC, M. Hoskins QC, D. Jowell, Barristers, F. Murphy, Solicitor)

Appellati: European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA), Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta' Lulju 2010 fil-Kawża T-321/05;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2005) 1757 finali, tal-15 ta' Ġunju 2005, (Każ COMP A.37.507/F3 - AstraZeneca);

sussidjarjament, tnaqqas, skont id-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-multa imposta fuq l-appellanti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jinvokaw diversi żbalji ta' liġi fis-sentenza. L-iżbalji huma msemmija taħt it-titoli segweni:

Definizzjoni tas-suq tal-prodott inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali wetqet żball ta' liġi meta laqgħet id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-suq tal-prodott inkwistjoni, fejn din qalet li għall-perijodu bejn l-1993 u l-2000 il-proton pump inhibitors (PPIs) kienu jinsabu f'suq għalihom. Hemm żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju jinqasam f'żewġ partijiet prinċipali. L-ewwel, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta naqset milli twettaq evalwazzjoni fiż-żmien tal-provi, u b'hekk din iddeċidiet dwar is-suq tal-prodott inkwistjoni fl-1993 abbażi tal-istat tal-kompetizzjoni bejn PPIs u H2 blockers fl-2000. It-tieni, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta injorat il-fatt li ż-żieda fl-użu tal-PPIs kienet gradwali, abbażi tal-prattiki tat-tobba li jippreskrivu, ikkaratterizzati minn 'inerzja', kienet irrilevanti għall-eżerċizzju ta' definizzjoni tas-suq.

It-tieni aggravju huwa li l-kwistjoni dwar in-nefqa totali tat-trattament permezz tal-H2 blockers ipparagunata mal-PPIs hija fundamentali għal kwalunkwe dipendenza allegata fuq differenzi fil-prezzijiet fl-eżerċizzju tad-definizzjoni tas-suq u l-Qorti Ġenerali żbaljat billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-nefqa totali tat-trattament.

L-ewwel abbuż minn pożizzjoni dominanti, relatat ma' ċertifikati ta' protezzjoni supplimentari. L-aggravji dwar l-ewwel abbuż jinqasmu f'żewġ partijiet prinċipali. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wetqet żball ta' liġi fl-evalwazzjoni tagħha ta' dak li tikkostitwixxi kompetizzjoni fuq il-merti. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta evalwat jekk ir-rappreżentazzjonijiet tal-appellanti lill-uffiċċji tal-privattivi kinux oġġettivament qarrieqa u meta ċaħdet bħala irrilevanti l-raġonevolezza u l-bona fede tal-appellanti fir-rigward tad-drittijiet legali tagħha għal ċertifikati ta' protezzjoni supplimentari. Nuqqas ta' trasparenza huwa insuffiċjenti għal konstatazzjoni ta' abbuż ta' liġi, għandu jkun hemm rekwiżit ta' frodi deliberata jew ingann. It-tieni, il-Qorti Ġenerali wetqet żball ta' liġi fl-evalwazzjoni tagħha ta' dak li jikkostitwixxi kondotta li tirrestrinġi l-kometizzjoni. Il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkunsidrat li s-sempliċi att ta' applikazzjoni għal dritt ta' proprjetà intellettwali li jista' jidħol fis-seħħ xi 5 sa 6 snin iktar tard kien aġir li jista' jirrestrinġi l-kompetizzjoni irrispettivament minn jekk id-dritt huwiex finalment mogħti u/jew infurzat. Dan għaliex l-imġiba hija wisq maqtugħa u mbegħda mis-suq li ntqal li ġie affettwat.

It-tieni abbuż minn pożizzjoni dominanti: L-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni. L-aggravji dwar it-tieni abbuż jinqasmu f'żewġ partijiet prinċipali. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali wetqet żball ta' liġi fl-evalwazzjoni tagħha ta' dak li tikkostitwixxi kompetizzjoni fuq il-merti. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-eżerċizzju ta' dritt sħiħ taħt il-liġi Komunitarja huwa nuqqas li ssir kompetizzjoni fuq il-merti.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi fl-evalwazzjoni tagħha ta' x'jikkostitwixxi imġiba li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li s-sempliċi eżerċizzju ta' dritt legali taħt il-liġi Komunitarja għandu tendenza li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Alternattivament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-eżerċizzju ta' dritt mogħti mil-liġi Komunitarja jista' bħala prinċipju jammonta għal abbuż, allura għandu jkun hemm xi ħaġa iktar minn sempliċi tendenza ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni sabiex ikun hemm konstatazzjoni ta' abbuż. L-appellanti jsostnu li l-Kummissjoni għandha tkun obbligata li tipprova li l-eżerċizzju tad-dritt validu kellu tendenza li jelimina kull kompetizzjoni effettiva. Dan ikun simili għall-kundizzjonijiet f'każijiet dwar il-liċenzjar obbligatorju, li effettivament huwa relatat miegħu it-tieni abbuż.

Finalment. Il-Qorti Ġenerali applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 171 meta naqset milli toġġezzjona għall-kalkolu tal-multa mill-Kummissjoni u meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni b'mod xieraq il-karattru ġdid tal-allegati abbużi, tan-nuqqas ta' kwalunkwe effett materjali fuq il-kompetizzjoni, u ċirkustanzi attenwanti oħra.

____________

1 - Kunsill KEE: Ir-Regolament Nru 17 L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-TrattatĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3